|
2.6.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 218/2 |
OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tal-25 ta’ Marzu 2022
dwar proposta għal regolament li jemenda r-Regolament (UE) Nru 549/2013 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea
(CON/2022/12)
(2022/C 218/02)
Introduzzjoni u bażi legali
Fit-3 u t-28 ta’ Jannar 2022 l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talbiet mingħand il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, rispettivament, għal opinjoni dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 549/2013 u li jħassar 11-il att legali fil-qasam tal-kontijiet nazzjonali (1) (minn hawn ’il quddiem ir-“regolament propost”).
Il-kompetenza tal-BĊE li jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, flimkien mal-Artikolu 127(2) tat-Trattat u l-Artikolu 3 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn ’il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”), peress li r-regolament propost jikkonċerna l-kompetenza tal-BĊE skont l-Artikolu 5 tal-Istatut tas-SEBĊ li jiġbor it-tagħrif statistiku meħtieġ sabiex iwettaq il-kompiti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) u jikkontribwixxi għall-armonizzazzjoni, fejn meħtieġ, tar-regoli u l-prattiki li jirregolaw il-ġbir, il-kumpilazzjoni u d-distribuzzjoni tal-istatistika fl-oqsma ta’ kompetenza tiegħu. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.
1. Osservazzjonijiet Ġenerali
|
1.1. |
Is-SEBĊ u s-Sistema Ewropea tal-Istatistika (ESS) jikkooperaw mill-qrib biex jimminimizzaw il-piż tar-rapportar u jiggarantixxu l-koerenza meħtieġa għall-produzzjoni tal-istatistika Ewropea (2). Il-kooperazzjoni bejn is-SEBĊ u l-ESS hija rregolata ulterjorment minn ftehimiet rilevanti bejn is-SEBĊ u l-ESS, bħall-Memorandum ta’ Ftehim dwar il-Kooperazzjoni bejn il-Membri tas-SEBĊ u l-ESS (3), li jkopri oqsma ta’ responsabbiltà kondiviża jew interess komuni, jiġifieri l-bilanċ tal-pagamenti, l-istatistika finanzjarja, l-istatistika tal-finanzi tal-gvern, l-istatistika makroekonomika u l-kontijiet nazzjonali. Minkejja li l-membri tas-SEBĊ u tal-ESS jissodisfaw ir-responsabbiltajiet statistiċi tagħhom stess skont oqfsa legali separati (4), fid-dawl tal-interdipendenzi tal-qafas statistiku tas-SEBĊ u tal-ESS, l-emendi għar-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) (minn hawn ’il quddiem “ir-Regolament ESA 2010”) huma rilevanti għar-rekwiżiti ta’ rapportar statistiku tas-SEBĊ, speċjalment fl-oqsma tar-responsabbiltà kondiviża jew tal-interess komuni tagħhom (6). Barra minn hekk, ir-Regolament ESA 2010 jintuża bħala referenza f’diversi atti legali tal-qafas legali statistiku tal-BĊE. Għalhekk, emendi għar-Regolament ESA 2010 jista’ jkollhom implikazzjonijiet għall-qafas legali statistiku tal-BĊE. |
|
1.2. |
Bħala produttur u utent tal-istatistika Ewropea, il-BĊE jilqa’ b’mod ġenerali l-emenda tar-regolament propost tar-Regolament ESA 2010 bħala pass lejn it-titjib ulterjuri tal-kwalità tal-kontijiet nazzjonali. Peress li r-Regolament ESA 2010 jifforma l-qalba tal-istatistika makroekonomika Ewropea, dan għandu rwol vitali għal diversi kompiti tal-BĊE u tal-Eurosistema, bħall-analiżi tal-politika monetarja u t-tħejjija ta’ projezzjonijiet ekonomiċi u fiskali (7). |
|
1.3. |
Il-BĊE jilqa’ t-tisħiħ tal-konsistenza tad-data, introdott mir-regolament propost, f’diversi tabelli rrapportati taħt il-programm ta’ trażmissjoni ESA 2010. Fl-istess ħin, data kompluta u f’waqtha tal-kontijiet nazzjonali, b’mod partikolari għall-Istati Membri taż-żona tal-euro, hija essenzjali għall-BĊE. F’dan ir-rigward, il-programm ta’ trażmissjoni propost tal-ESA 2010 jiżgura bilanċ tajjeb bejn it-tempestività, il-kompletezza u l-konsistenza tad-data nazzjonali rrappurtata (8). |
|
1.4. |
Barra minn hekk, il-BĊE jilqa’ l-fatt li r-regolament propost jallinja r-Regolament ESA 2010 mal-Klassifikazzjoni tal-Konsum Individwali skont l-Iskop (9) riveduta, peress li dan jiżgura l-komparabbiltà tad-data bejn il-pajjiżi u jżomm ir-rilevanza tagħha għall-utenti. |
2. Osservazzjonijiet speċifiċi: Anness 2 għar-regolament propost
|
2.1. |
Il-BĊE jaqbel b’mod ġenerali mal-emendi għall-programm ta’ trażmissjoni ESA 2010 li jinsabu fl-Anness 2 għar-regolament propost, soġġett għall-osservazzjonijiet speċifiċi li ġejjin. |
|
2.2. |
Il-BĊE jilqa’ l-inklużjoni tat-trażmissjoni volontarja ta’ stimi rapidi tal-prodott domestiku gross (PDG) u tal-impjiegi trimestrali (Tabella 1F), użati għall-pubblikazzjoni tal-aggregati taż-żona tal-euro wara t-tmiem tat-trimestru ta’ referenza (10). Dawn l-istimi rapidi huma ta’ importanza kbira għall-BĊE fl-analiżi tat-tkabbir ekonomiku taż-żona tal-euro u d-dinamika sottostanti tiegħu. |
|
2.3. |
Fir-rigward tat-trażmissjoni mill-ġdid tal-aggregati ewlenin tal-kontijiet nazzjonali trimestrali (Tabella 1Q) tliet xhur wara t-trimestru ta’ referenza, dan jista’ jippromwovi l-konsistenza fit-tabelli u l-frekwenzi. F’dan ir-rigward, il-BĊE jħeġġeġ lill-Kummissjoni (Eurostat) biex tirrevedi l-impatt ta’ tali trażmissjonijiet mill-ġdid tad-data nazzjonali fuq il-frekwenza u l-kalendarju tal-pubblikazzjoni tal-aggregati ewlenin tal-PDG trimestrali taż-żona tal-euro. B’mod partikolari, id-dispożizzjoni l-ġdida tista’ tippermetti li jittieħdu passi lejn it-titjib tat-tempestività tal-pubblikazzjoni tad-data finali taż-żona tal-euro mhux aktar tard minn 100 jum wara t-tmiem tat-trimestru ta’ referenza. |
|
2.4. |
Il-BĊE jilqa’ t-trażmissjoni ta’ data ġdida dwar tranżazzjonijiet ma’ istituzzjonijiet u korpi tal-Unjoni Ewropea (Tabella 2 dwar l-aggregati ewlenin annwali tal-gvern ġenerali u s-sottosetturi tiegħu) u jinkoraġġixxi l-kompilazzjoni mill-Kummissjoni (Eurostat) tal-kontijiet tal-istituzzjonijiet Ewropej ikklassifikati fis-settur tal-gvern, f’kooperazzjoni sħiħa bejn il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv u l-istatistika tal-kontijiet nazzjonali. It-tnedija ta’ NextGenerationEU titkellem ukoll favur ir-reviżjoni u l-kompilazzjoni tal-kontijiet tal-istituzzjonijiet Ewropej biex jiġi żgurat qafas statistiku u analitiku sod. |
|
2.5. |
L-Anness 2 tar-regolament propost jintroduċi rekwiżit ġdid għall-Istati Membri biex jittrażmettu lill-Kummissjoni (Eurostat) il-kontijiet finanzjarji annwali skont is-settur (Tabella 6) u l-karti tal-bilanċ annwali għall-assi u l-obbligazzjonijiet finanzjarji (Tabella 7) diġà erba’ xhur wara tmiem is-sena. Il-partiti msemmija hawn fuq, li skont ir-regolament propost ser jiġu rrapportati lill-Kummissjoni (Eurostat) bi frekwenza annwali, huma inklużi wkoll fil-Linja Gwida 2014/3/UE tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2013/24) (11), li skontha l-banek ċentrali tal-Eurosistema huma meħtieġa jirrapportaw lill-BĊE dwar il-kontijiet finanzjarji trimestrali. Din id-data trimestrali f’waqtha tiġi trażmessa kull tliet xhur mill-BĊE lill-Kummissjoni (Eurostat), u hija, bi ftit eċċezzjonijiet, konsistenti mad-data annwali meħtieġa skont ir-regolament propost. |
|
2.6. |
Kull tliet xhur il-BĊE u l-Kummissjoni (Eurostat) jikkompilaw u jirrilaxxaw b’mod konġunt il-kontijiet integrati taż-żona tal-euro li jkopru l-kontijiet finanzjarji u mhux finanzjarji għas-setturi istituzzjonali taż-żona tal-euro. Il-programm ta’ trażmissjoni tal-ESA 2010 huwa sors statistiku essenzjali għat-twettiq ta’ dan il-kompitu. Għalhekk, il-BĊE jilqa’ b’mod partikolari l-fatt li r-regolament propost jippreserva d-disponibbiltà ta’ kontijiet mhux finanzjarji trimestrali skont is-settur (Tabella 801) u kontijiet finanzjarji trimestrali u karti tal-bilanċ tal-gvern ġenerali (Tabella 27) għall-Istati Membri taż-żona tal-euro 85 jum wara t-tmiem tat-trimestru ta’ referenza. Il-forniment ta’ din id-data trimestrali f’waqtha u affidabbli huwa prijorità għolja għall-BĊE. |
|
2.7. |
Il-BĊE jirrikonoxxi li huwa importanti li l-istatistika tas-Sistema Ewropea tal-Kontijiet tiġi adattata għall-iżviluppi ekonomiċi u għad-domandi emerġenti tal-utenti. Għalhekk, il-BĊE jinkoraġġixxi, għal skopijiet ta’ analiżi tal-politika, rapportar aktar komplet u obbligatorju għall-istatistika dwar l-investiment u l-assi fissi tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, bi tqassim skont l-attività ekonomika fejn applikabbli. Dan jikkonċerna l-aggregati ewlenin tal-kontijiet nazzjonali annwali (Tabella 1A) u trimestrali (Tabella 1Q), kontroklassifikazzjoni tal-assi fissi skont l-attività ekonomika u skont l-assi (Tabella 20) u kontroklassifikazzjoni tal-formazzjoni tal-kapital gross fiss skont l-attività ekonomika u skont l-assi (Tabella 22). Barra minn hekk, il-BĊE jissuġġerixxi l-inklużjoni ta’ rappurtar obbligatorju ta’ oġġetti u servizzi semi-durabbli u mhux durabbli fit-Tabella 1Q, kif ukoll tal-inqas rappurtar volontarju ta’ art li fuqha jinsabu binjiet u strutturi fil-karti tal-bilanċ għal assi mhux finanzjarji fit-Tabella 26. |
Magħmul fi Frankfurt am Main, il-25 ta’ Marzu 2022.
Il-President tal-BĊE
Christine LAGARDE
(1) COM(2021) 776 final.
(2) Ara l-Artikolu 2a tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar il-ġbir ta’ tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 318, 27.11.1998, p. 8).
(3) Memorandum ta’ Ftehim dwar il-Kooperazzjoni bejn il-Membri tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika u l-Membri tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (Memorandum of Understanding on the Cooperation between the Members of the European Statistical System and the Members of the European System of Central Banks), 24 ta’ April 2013, disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu.
(4) Ara l-paragrafu 3 tal-Opinjoni CON/2011/44 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta’ Mejju 2011 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea (ĠU C 203, 9.7.2011, p.3). L-opinjonijiet kollha tal-BĊE huma ppubblikati fuq EUR-Lex.
(5) Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar is-sistema Ewropea ta’ kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 174, 26.6.2013, p. 1).
(6) Ara l-paragrafu 7 tal-Opinjoni CON/2011/44.
(7) Ara l-paragrafu 1 tal-Opinjoni CON/2011/44.
(8) L-Anness 2 għar-regolament propost li jemenda l-Anness B għar-Regolament ESA 2010.
(9) L-Anness 1 għar-regolament propost li jemenda l-Anness A għar-Regolament ESA 2010.
(10) L-istimi rapidi tal-PDG jiġu ppubblikati 30 u 45 jum wara t-tmiem tat-trimestru ta’ referenza. L-istimi rapidi tal-impjieg jiġu ppubblikati 45 jum wara t-tmiem tat-trimestru ta’ referenza.
(11) Linja Gwida 2014/3/UE tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-25 ta’ Lulju 2013 dwar ir-rekwiżiti ta’ rapportar tal-istatistika tal-Bank Ċentrali Ewropew fil-qasam tal-kontijiet finanzjarji trimestrali (BĊE/2013/24) (ĠU L 2, 7.1.2014, p. 34).