European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1979

13.11.2026

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/1979

tat-8 ta’ Settembru 2026

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 965/2012 fir-rigward tal-limitazzjonijiet fuq il-ħin tat-titjir u l-ħin tas-servizz u r-rekwiżiti tal-mistrieħ għal taxi tal-ajru, għal servizzi mediċi ta’ emerġenza u għal operazzjonijiet bi bdot wieħed

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 32(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 (2) jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet bl-ajru, inklużi l-limitazzjonijiet fuq il-ħin tat-titjir u l-ħin tas-servizz (FTL) u r-rekwiżiti tal-mistrieħ għall-operaturi tat-trasport kummerċjali bl-ajru (CAT) b’ajruplani użati f’operazzjonijiet skedati u charter.

(2)

Meta ġew żviluppati r-rekwiżiti FTL għall-operaturi tal-Trasport Kummerċjali bl-Ajru (CAT) skont ir-Regolament (UE) Nru 965/2012, ġie deċiż li l-FTL jindirizzaw taxi tal-ajru, servizz mediku ta’ emerġenza u operazzjonijiet bi bdot wieħed fi stadju aktar tard biex tkun tista’ tinġabar evidenza xjentifika dwar il-fatturi li jaffettwaw l-għeja f’dawk l-operazzjonijiet.

(3)

F’konformità mal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 965/2012, l-FTL għall-operaturi tal-CAT ta’ ajruplani użati għal taxi tal-ajru, għal servizz mediku ta’ emerġenza (AEMS) u għal operazzjonijiet bi bdot wieħed, huma soġġetti għar-rekwiżiti stabbiliti fil-liġi nazzjonali msemmija fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (3) u fis-Subparti Q tal-Anness III ta’ dak ir-Regolament. Jenħtieġ li dik id-deroga tibqa’ valida sakemm jibdew japplikaw il-miżuri l-ġodda f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

(4)

Ir-rekwiżiti tas-Subparti Q tal-Anness III tar-Regolament (KEE) Nru 3922/91 ġew żviluppati għall-finijiet ta’ operazzjonijiet skedati u charter b’aktar minn ekwipaġġ wieħed. Madankollu, japplikaw ukoll għal taxi tal-ajru fuq talba, għal AEMS u għal operazzjonijiet bi bdot wieħed, minkejja d-differenzi bejn dawk l-operazzjonijiet u l-operazzjonijiet b’aktar minn ekwipaġġ wieħed, u t-tip ta’ inġenju tal-ajru użat. Bl-istess mod, l-Anness III, is-Subparti Q tar-Regolament (KEE) Nru 3922/91 ma tistabbilix perjodu massimu tax-xogħol tat-titjir ta’ kuljum għal operazzjonijiet bi bdot wieħed u għal AEMS, u ma tipprevedix xogħol ta’ standby, mistrieħ meħud waqt it-titjira u xogħol kondiviż. Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 965/2012 jiġi emendat biex jinkludi FTL adegwati għal operazzjonijiet tat-trasport kummerċjali bl-ajru b’ajruplani għal taxi tal-ajru, għal AEMS u għal operazzjonijiet bi bdot wieħed.

(5)

In-natura tad-dmirijiet ta’ bdot f’operazzjonijiet tal-avjazzjoni, bħat-taxis tal-ajru u l-AEMS, tvarja b’mod sinifikanti minn dik ta’ bdot f’operazzjonijiet skedati jew charter peress li tipikament bdoti tat-taxis tal-ajru u tal-AEMS itiru anqas iżda għandhom vjaġġi itwal. L-operazzjonijiet tat-taxis tal-ajru u tal-AEMS jeħtieġu attività ta’ 24 siegħa li tista’ tinvolvi xogħol bix-xift, operazzjonijiet ta’ billejl, skedi irregolari u imprevedibbli, u bidliet frekwenti fiż-żona tal-ħin. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi stabbilit bilanċ ġust bejn ir-regoli preskrittivi u dawk ibbażati fuq il-prestazzjoni peress li l-applikazzjoni ta’ regoli simili mfassla għal ambjenti operatorji fundamentalment differenti tmur kontra l-objettiv li jiġi żgurat livell għoli u uniformi ta’ sikurezza tal-avjazzjoni ċivili fl-Unjoni.

(6)

Jenħtieġ li jiġu introdotti miżuri speċifiċi ta’ mitigazzjoni f’konformità mal-objettivi tal-protezzjoni tar-riskju stabbiliti fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) 2018/1139 biex jirriflettu r-realtajiet operazzjonali tas-settur inkluż in-natura tat-titjiriet tat-taxi tal-ajru u tal-AEMS, li ma humiex miftuħa għall-pubbliku ġenerali, kif ukoll it-tip u l-iskala tal-operazzjonijiet, li huma anqas kumplessi u jinvolvu ajruplani anqas kumplessi minn servizzi skedati jew charter. Kull waħda minn dawk il-miżuri ta’ mitigazzjoni jenħtieġ li tkun immirata u jenħtieġ li tindirizza r-riskji ta’ għeja identifikati li jirriżultaw minn prattiki partikolari ta’ skedar, perjodi ta’ ħidma jew arranġamenti ta’ mistrieħ.

(7)

Sabiex kunsiderazzjonijiet nazzjonali jew prattiki operazzjonali partikolari jiġu indirizzati aħjar, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jidderogaw minn ċerti dispożizzjonijiet introdotti minn dan ir-Regolament jew jiddevjaw mill-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni relatati billi japplikaw rekwiżiti li l-livell ta’ sikurezza tagħhom ikun mill-anqas ekwivalenti għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament. Kwalunkwe deroga jew devjazzjoni minn dan ir-Regolament jenħtieġ li tiġi nnotifikata u ssegwi r-regoli skont l-Artikolu 71 u l-Artikolu 76(7) tar-Regolament (UE) 2018/1139, li jiżguraw deċiżjonijiet trasparenti u nondiskriminatorji bbażati fuq kriterji oġġettivi.

(8)

Sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel mis-Subparti Q applikabbli bħalissa tal-Anness III tar-Regolament (KEE) Nru 3922/91 u mir-regolamenti nazzjonali tal-Istati Membri, l-operaturi u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jenħtieġ li jingħataw biżżejjed żmien biex jaġġornaw id-dokumenti operazzjonali tagħhom, jimplimentaw għodod tas-software xierqa, u jħarrġu lill-persunal rilevanti biex jikkonforma mal-miżuri l-ġodda. Għaldaqstant, jenħtieġ li d-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament tiġi differita.

(9)

Il-punti ARO.OPS.235 tal-Anness II u ORO.FTL.125 tal-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 965/2012 jenħtieġ li jiġu aġġornati biex jiġu allinjati mar-Regolament (UE) 2018/1139 u biex jitneħħew ir-referenzi obsoleti, mingħajr ma jiġi introdott ebda impatt ekonomiku, soċjali jew amministrattiv negattiv fuq il-membri, l-operaturi jew l-awtoritajiet kompetenti tal-ekwipaġġ tal-ajru. Sabiex jappoġġaw lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fl-aġġornament tal-proċeduri ta’ approvazzjoni tagħhom, jenħtieġ li dawk il-punti japplikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament għal operazzjonijiet skedati u charter.

(10)

Filwaqt li l-qafas regolatorju eżistenti diġà jirrikjedi li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jimmonitorjaw u jsegwu l-okkorrenzi rrapportati tas-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili, jiżguraw l-ogħla livell ta’ sikurezza tal-avjazzjoni u jimmitigaw ir-riskji assoċjati mal-għeja, huwa importanti li l-implimentazzjoni tar-regoli l-ġodda tiġi mmonitorjata b’mod attiv mill-Istati Membri u mill-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (“l-Aġenzija”), li għandha s-setgħa, skont l-Artikolu 85(1) tar-Regolament (UE) 2018/1139, li twettaq spezzjonijiet u attivitajiet oħra ta’ monitoraġġ bil-ħsieb li tiżgura l-applikazzjoni uniformi ta’ dak ir-Regolament u tal-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu.

(11)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma bbażati fuq l-Opinjoni Nru 02/2026 (4) maħruġa mill-Aġenzija f’konformità mal-Artikolu 76(1) tar-Regolament (UE) 2018/1139,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 965/2012 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2, l-ewwel paragrafu, jiżdiedu l-punti (16), (17) u (18) li ġejjin:

“(16)

‘titjira ta’ servizz mediku ta’ emerġenza permezz ta’ ajruplan (AEMS)’ tfisser titjira permezz ta’ ajruplan fejn it-trasport immedjat u rapidu jkun essenzjali, u li jkollha l-karatteristiċi kollha li ġejjin:

(a)

l-għan tagħha huwa li tiffaċilita l-assistenza medika ta’ emerġenza, billi ġġorr wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:

(i)

persunal mediku;

(ii)

provvisti mediċi (tagħmir, demm, organi, mediċini);

(iii)

persuni morda jew imweġġgħin u persuni oħra li jkunu involuti b’mod dirett;

(b)

tinkludi setturi li jittajru biex jippożizzjonaw ajruplan għall-għan li jġorr il-persuni msemmija fil-punti (a)(i) jew (a)(iii), jew provvisti mediċi msemmija fil-punt (a)(ii), jew li jirritornaw l-ajruplan lejn il-bażi operatorja tal-AEMS;

(17)

‘operazzjoni skedata’ tfisser sensiela ta’ titjiriet li għandhom il-karatteristiċi kollha li ġejjin:

(i)

fuq kull titjira, is-sits jew il-kapaċità tat-trasport tal-merkanzija jew tal-posta jkunu disponibbli għax-xiri individwali mill-pubbliku, jew direttament mit-trasportatur tal-ajru jew mill-aġenti awtorizzati tiegħu;

(ii)

tkun operata b’tali mod li taqdi t-traffiku bejn l-istess żewġ ajruporti jew aktar, b’wieħed mill-modi li ġejjin:

—

skont skeda ppubblikata,

—

b’titjiriet tant regolari jew spissi li jikkostitwixxu serje sistematika rikonoxxibbli;

(18)

‘operazzjoni charter’ tfisser CAT fuq talba mhux skedata b’ajruplan b’konfigurazzjoni massima operattiva ta’ sits tal-passiġġieri (MOPSC) ta’ 20 jew aktar.”;

(2)

L-Artikolu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 8

Limitazzjonijiet fuq il-ħin tat-titjir

1.   L-operazzjonijiet tal-CAT b’ajruplani għall-fini ta’ operazzjonijiet skedati u charter għandhom ikunu soġġetti għar-rekwiżiti tas-Subparti FTL (A) tal-Anness III. L-operazzjonijiet tal-CAT b’ajruplani għall-fini ta’ servizz mediku ta’ emerġenza u operazzjonijiet ta’ taxi tal-ajru għandhom ikunu soġġetti għar-rekwiżiti tas-Subparti FTL (B) tal-Anness III.

2.   Fir-rigward tal-limitazzjonijiet fuq il-ħin tat-titjir u r-rekwiżiti tal-mistrieħ, l-operazzjonijiet tal-CAT bil-ħelikopters għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti speċifikati fil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li fih l-operatur ikollu l-post prinċipali tan-negozju tiegħu.

3.   Fir-rigward tal-limitazzjonijiet fuq il-ħin tat-titjir u r-rekwiżiti tal-mistrieħ, l-operazzjonijiet mhux kummerċjali, inkluż operazzjonijiet mhux kummerċjali speċjalizzati, b’ajruplani u b’ħelikopters kumplessi li jaħdmu b’magna, kif ukoll operazzjonijiet kummerċjali speċjalizzati b’ajruplani u b’ħelikopters għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti speċifikati fil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li fih l-operatur ikollu l-post prinċipali tan-negozju tiegħu, jew, fejn l-operatur ma jkollux il-post prinċipali tan-negozju, il-post fejn l-operatur ikun stabbilit jew residenti.

4.   Fir-rigward tal-limitazzjonijiet fuq il-ħin tat-titjir, operatur tal-mobbiltà bl-ajru innovattiva (IAM) għandu jikkonforma mar-rekwiżiti speċifikati fil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li fih l-operatur ikollu l-post prinċipali tan-negozju tiegħu, jew, fejn l-operatur ma jkollu l-ebda post prinċipali tan-negozju, il-post fejn huwa stabbilit jew jirrisjedi l-operatur.”

;

(3)

fl-Artikolu 9b, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Aġenzija u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw l-effettività tal-limitazzjonijiet fuq il-ħin tat-titjir u l-ħin tas-servizz u r-rekwiżiti tal-mistrieħ stabbiliti f’dan ir-Regolament.”

;

(4)

l-Anness II huwa emendat f’konformità mal-Anness I ta’ dan ir-Regolament;

(5)

l-Anness III huwa emendat skont l-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-15 ta’ Ottubru 2028.

Madankollu, l-Anness I u l-punt (4) tal-Anness II għandhom japplikaw mit-3 ta’ Diċembru 2026.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Settembru 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1139/oj.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 tal-5 ta’ Ottubru 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet bl-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 296, 25.10.2012, p. 1, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2012/965/oj).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 tas-16 ta’ Diċembru 1991 dwar l-armonizzazzjoni tal-ħtiġijiet tekniċi u proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili (ĠU L 373, 31.12.1991, p. 4, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/1991/3922/oj).

(4)   https://www.easa.europa.eu/en/document library/opinions/opinion-no-022026.


ANNESS I

Fl-Anness II (il-Parti-ARO) tar-Regolament (UE) Nru 965/2012, il-punt ARO.OPS.235, huwa sostitwit b’dan li ġej:

“ARO.OPS.235 Approvazzjoni ta’ skemi ta’ speċifikazzjoni tal-ħinijiet ta’ titjir individwali (IFTSSs) tal-operaturi CAT tal-ajruplani

(a)

L-awtorità kompetenti għandha tapprova skema ta’ speċifikazzjoni tal-ħinijiet ta’ titjir individwali (IFTSS) ta’ operatur CAT tal-ajruplani jekk tikkonkludi li din l-IFTSS tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(1)

tkun xierqa għat-tip(i) ta’ operazzjoni(jiet) imwettqa;

(2)

tikkonforma mar-rekwiżiti essenzjali rilevanti stabbiliti fl-Anness V tar-Regolament (UE) 2018/1139 u mar-regoli ta’ implimentazzjoni rilevanti ta’ dak ir-Regolament;

(3)

tkun f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni applikabbli;

(4)

tikkonforma ma’ liġi nazzjonali applikabbli oħra li tirriżulta mit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2000/79/KE.

(b)

Kull meta l-awtorità kompetenti jkollha l-ħsieb li tapprova IFTSS li tiddevja mill-ispeċifikazzjonijiet ta’ ċertifikazzjoni applikabbli adottati mill-Aġenzija, hija għandha l-ewwel tfittex l-opinjoni tal-Aġenzija f’konformità mal-Artikolu 76(7) tar-Regolament (UE) 2018/1139. L-Aġenzija għandha tipprovdi l-opinjoni tagħha fi żmien 3 xhur minn meta tirċievi d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa mill-awtorità kompetenti.

(c)

L-awtorità kompetenti u l-operatur ikkonċernat għandhom iqisu l-opinjoni tal-Aġenzija adottata skont l-Artikolu 76(7) tar-Regolament (UE) 2018/1139. Qabel ma tapprova l-IFTSS imsemmija fil-punt (b), l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li l-operatur ikun ivvaluta u jkun taffa r-riskji relatati tal-għeja għal livell aċċettabbli.

(d)

Wara perjodu inizjali ta’ applikazzjoni, IFTSS approvata li tiddevja mill-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni applikabbli adottati mill-Aġenzija jenħtieġ li tkun soġġetta għal valutazzjoni biex jiġi ddeterminat jekk id-devjazzjonijiet għandhomx jiġu kkonfermati jew emendati. L-awtorità kompetenti u l-Aġenzija għandhom iwettqu valutazzjoni indipendenti abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-operatur. Il-valutazzjoni għandha tkun proporzjonata, trasparenti u bbażata fuq prinċipji u għarfien xjentifiċi.”


ANNESS II

L-Anness III (il-Parti-ORO) tar-Regolament (UE) Nru 965/2012 huwa emendat kif ġej:

(1)

it-titolu tas-Subparti FTL huwa sostitwit b’dan li ġej:

“SUBPARTI FTL (A):

LIMITAZZJONIJIET FUQ IL-ĦIN TAT-TITJIR U L-ĦIN TAS-SERVIZZ U R-REKWIŻITI TAL-MISTRIEĦ GĦAL OPERAZZJONIJIET SKEDATI U CHARTER BL-AJRUPLANI”;

(2)

il-punt ORO.FTL.100 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“ORO.FTL.100 Kamp ta’ applikazzjoni

Din is-Subparti tistabbilixxi r-rekwiżiti li jridu jissodisfaw operatur tal-ajru u l-membri tal-ekwipaġġ tat-titjira u tal-kabina (ekwipaġġ tal-ajru) tiegħu fir-rigward tal-limitazzjonijiet fuq il-ħin tat-titjir u l-ħin tas-servizz u r-rekwiżiti tal-mistrieħ għall-ekwipaġġ tal-ajru assenjat għat-trasport kummerċjali bl-ajru (CAT) bl-ajruplani għall-finijiet ta’ operazzjonijiet skedati u charter.”;

(3)

il-punt ORO.FTL.120 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“ORO.FTL.120 Sistema ta’ ġestjoni tar-riskju tal-għeja (FRMS)

(a)

Meta sistema ta’ ġestjoni tar-riskju tal-għeja (FRMS) hija meħtieġa minn din is-Subparti, jew mill-ispeċifikazzjonijiet ta’ ċertifikazzjoni applikabbli, l-operatur għandu jistabbilixxi, jimplimenta u jżomm FRMS bħala parti integrali mis-sistema ta’ ġestjoni tiegħu. L-FRMS għandha tkun deskritta f’manwal dedikat jew fil-manwal tal-operazzjonijiet.

(b)

L-FRMS għandha tipprovdi għal titjib kontinwu fl-effettività globali tal-ġestjoni tar-riskju tal-għeja tal-operatur u għandha tinkludi l-elementi kollha li ġejjin:

(1)

deskrizzjoni ta’ dawn kollha li ġejjin:

(i)

il-filosofija, il-prinċipji u r-responsabbiltajiet tal-operatur fir-rigward tal-FRMS, imsejħa “il-politika tal-FRMS”;

(ii)

l-involviment u r-responsabbiltajiet tal-maniġment, tal-ekwipaġġ tal-ajru u ta’ persunal ieħor fir-rigward tal-FRMS;

(iii)

l-istrutturi ddedikati tal-FRMS, inkluż grupp ta’ azzjoni dwar is-sikurezza kontra l-għeja (FSAG), u r-rwoli tagħhom;

(2)

dokumentazzjoni tal-proċessi kollha tal-FRMS, inkluż proċess biex il-membri tal-ekwipaġġ tal-ajru u persunal ieħor ikunu jafu r-responsabbiltajiet tagħhom u l-proċedura għall-emenda ta’ din id-dokumentazzjoni;

(3)

prinċipji u għarfien xjentifiċi;

(4)

proċess ta’ identifikazzjoni tal-perikli u valutazzjoni tar-riskju li jippermettu l-ġestjoni operattiva fuq bażi kontinwa tar-riskju(i) tal-operatur li jirriżulta(w) minn għeja ta’ membri tal-ekwipaġġ tal-ajru;

(5)

proċess ta’ mitigazzjoni tar-riskju li jipprovdi sabiex l-azzjonijiet ta’ rimedju jiġu implimentati fil-pront, li huma neċessarji sabiex jitnaqqas/jitnaqqsu b’mod effettiv ir-riskju/i tal-operatur li jirriżulta(w) mill-għeja tal-membri tal-ekwipaġġ tal-ajru u għal monitoraġġ kontinwu u valutazzjoni regolari tal-effettività tal-azzjonijiet ta’ mitigazzjoni;

(6)

il-proċessi ta’ assigurazzjoni tas-sikurezza tal-FRMS;

(7)

il-proċessi ta’ promozzjoni tal-FRMS.

(c)

L-FRMS għandha tikkorrispondi mal-iskema ta’ speċifikazzjoni tal-ħinijiet ta’ titjir individwali tal-operatur, id-daqs tal-operatur u n-natura u l-kumplessità tal-attivitajiet tiegħu, u għandha tqis il-perikli u r-riskji assoċjati magħhom inerenti f’dawn l-attivitajiet.

(d)

L-operatur għandu jieħu azzjonijiet ta’ mitigazzjoni meta l-proċess ta’ assigurazzjoni tas-sikurezza tal-FRMS juri li l-prestazzjoni tas-sikurezza meħtieġa ma hijiex qed tinżamm.”;

(4)

il-punt ORO.FTL.125 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“ORO.FTL.125 Skemi ta’ speċifikazzjoni tal-ħin tat-titjir individwali (IFTSSs) ta’ operaturi skedati u charter

(a)

L-operatur għandu jistabbilixxi, jimplimenta u jżomm skema ta’ speċifikazzjoni tal-ħin tat-titjir individwali (IFTSS) li:

(1)

tkun xierqa għat-tip(i) ta’ operazzjoni(ijiet) imwettqa;

(2)

tikkonforma mar-rekwiżiti essenzjali rilevanti stabbiliti fl-Anness V tar-Regolament (UE) 2018/1139 u mar-regoli ta’ implimentazzjoni rilevanti ta’ dak ir-Regolament;

(3)

tikkonforma ma’ leġiżlazzjoni applikabbli oħra, inkluża l-liġi nazzjonali applikabbli li tirriżulta mit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2000/79/KE.

(b)

Biex juri l-konformità mal-punt (a), l-operatur għandu japplika l-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni applikabbli adottati mill-Aġenzija.

(1)

Inkella, jekk l-operatur ikollu l-ħsieb li jiddevja mill-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni applikabbli, huwa għandu jissottometti lill-awtorità kompetenti, flimkien mal-applikazzjoni għal approvazzjoni tal-IFTSS, każ ta’ sikurezza li jinkludi dan kollu li ġej:

(i)

deskrizzjoni dettaljata tad-devjazzjoni proposta;

(ii)

valutazzjoni tar-riskji tal-għeja assoċjati u l-miżuri ta’ mitigazzjoni korrispondenti biex jiġi żgurat li r-riskju jibqa’ f’livell aċċettabbli;

(iii)

kwalunkwe emenda rilevanti għall-manwali jew għall-proċeduri.

Jekk l-operatur ikollu l-ħsieb li jiddevja mill-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni applikabbli, għandu juri wkoll lill-awtorità kompetenti li jkun qies b’mod xieraq l-opinjoni tal-Aġenzija maħruġa f’konformità mal-Artikolu 76(7) tar-Regolament (UE) 2018/1139.

(c)

Qabel l-implimentazzjoni, l-IFTSS — inkluż, fejn meħtieġ, FRMS jew il-ġestjoni xierqa tar-riskju tal-għeja (FRM) — għandhom jiġu approvati mill-awtorità kompetenti f’konformità mal-punt ARO.OPS.235 tal-Anness II (il-Parti-ARO).

(d)

Għall-finijiet tal-valutazzjoni msemmija fil-punt ARO.OPS.235(d) tal-Anness II (il-Parti-ARO), fi żmien sentejn mill-implimentazzjoni ta’ IFTSS li tiddevja mill-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni applikabbli maħruġa mill-Aġenzija, l-operatur għandu jiġbor data relatata mad-devjazzjoni approvata u għandu janalizzaha bl-użu ta’ prinċipji xjentifikament sodi biex jivvaluta l-effetti tagħha fuq l-għeja tal-ekwipaġġ tal-ajru. Ir-riżultati ta’ dik l-analiżi għandhom jiġu ppreżentati lill-awtorità kompetenti fil-forma ta’ rapport.”;

(5)

fil-punt ORO.FTL.205(b), jiddaħħlu l-punti (4) u (5) li ġejjin:

“(4)

Il-Perjodu ta’ Servizz Fuq Titjira (FDP) bażiku massimu ta’ kuljum ta’ membru tal-ekwipaġġ tal-ajru akklimatizzat li jkun qed jopera b’ekwipaġġ tat-titjira bi bdot wieħed għandu jkun wieħed jew l-ieħor minn dawn li ġejjin:

(1)

f’konformità mat-tabella li ġejja, dment li l-ħin tat-titjir għal kull settur ikun limitat għal 4 sigħat b’awtobdot u għal sagħtejn mingħajr awtobdot:

Tabella 5

FDP bażiku massimu ta’ kuljum — ekwipaġġ tal-ajru akklimatizzat — operazzjonijiet bi bdot wieħed

Bidu tal-FDP fil-ħin ta’ referenza

Tul ta’ żmien tal-FDP f’sigħat

Sa 4 setturi

5 setturi

6 setturi

7 setturi

8 setturi

9 setturi

10 setturi jew aktar

0600–0659

10:00

09:15

08:45

08:15

08:00

08:00

08:00

0700–0759

10:30

09:45

09:15

08:45

08:15

08:00

08:00

0800–1259

11:00

10:15

09:45

09:15

08:45

08:15

08:00

1300–1429

10:30

09:45

09:15

08:45

08:15

08:00

08:00

1430–1659

10:00

09:15

08:45

08:15

08:00

08:00

08:00

1700–2159

09:00

08:15

08:00

08:00

08:00

08:00

08:00

2200–0359

08:00

08:00

08:00

08:00

08:00

08:00

08:00

0400–0559

09:00

08:15

08:00

08:00

08:00

08:00

08:00

(2)

10 sigħat, irrispettivament min-numru ta’ setturi, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(A)

l-operazzjoni ssir kompletament fil-medda ta’ bejn is-07:00 u l-21:59;

(B)

l-operazzjoni titwettaq f’kundizzjonijiet ta’ regoli tat-titjir viżwali (VFR);

(C)

l-operazzjonijiet isiru bejn ajrudromi magħżula minn qabel;

(D)

it-tul ta’ żmien ta’ kull settur tkun ta’ siegħa jew inqas.

(5)

L-FDP bażiku massimu ta’ kuljum ta’ membru tal-ekwipaġġ tal-ajru fi stat mhux magħruf ta’ akklimatizzazzjoni li jopera b’ekwipaġġ tat-titjira bi bdot wieħed għandu jkun ta’ 8 sigħat.”;

(6)

fil-punt ORO.FTL.205(e), it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(e)

L-FDP massimu ta’ kuljum bl-użu ta’ estensjonijiet minħabba mistrieħ meħud waqt it-titjira f’operazzjonijiet fejn l-ekwipaġġ tat-titjira jikkonsisti minn minimu ta’ żewġ bdoti”;

(7)

fil-punt ORO.FTL.205(f), it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(f)

Ċirkostanzi mhux mistennija f’operazzjonijiet ta’ titjir fejn l-ekwipaġġi tat-titjiriet jikkonsistu minn minimu ta’ żewġ bdoti — id-diskrezzjoni tal-kmandant”;

(8)

fil-punt ORO.FTL.205, jiddaħħal il-punt (fa) li ġej:

“(fa)

Ċirkostanzi mhux mistennija f’operazzjonijiet ta’ titjir fejn l-ekwipaġġ tat-titjira jikkonsisti minn bdot wieħed — id-diskrezzjoni tal-kmandant

Il-kmandant jista’ jimmodifika l-limiti tad-dmir tat-titjira, il-perjodi ta’ dmir u ta’ mistrieħ fil-każ ta’ ċirkostanzi mhux mistennija, li huwa jew hija jkunu ġew infurmati dwarhom fil-ħin tar-rappurtar jew wara, kif ġej:

(1)

L-FDP bażiku massimu ta’ kuljum ta’ membru tal-ekwipaġġ tal-ajru li jopera ma’ ekwipaġġ tat-titjira bi bdot wieħed, kif speċifikat fil-punti ORO.FTL.205(b)(4) jew (5), jista’ jiġi estiż sa massimu ta’ siegħa.

(2)

Jekk fl-aħħar settur tal-FDP iż-żieda permessa skont il-punt (1) tinqabeż minħabba ċirkostanzi mhux mistennija wara t-tluq, it-titjira tista’ tkompli lejn l-ajrudrom tad-destinazzjoni ppjanat jew lejn ajrudrom alternattiv.

(3)

Il-perjodu ta’ mistrieħ ’il bogħod mill-bażi tas-servizz ta’ qabel FDP jista’ jitnaqqas iżda ma għandux ikun inqas minn 10 sigħat.

(4)

Fil-każ ta’ ċirkostanzi mhux mistennija li jistgħu jwasslu għal għeja gravi, il-kmandant għandu jnaqqas l-FDP reali jew iżid il-perjodu ta’ mistrieħ, jew it-tnejn, biex jelimina kull effett ħażin fuq is-sikurezza tat-titjira.

(5)

Il-kmandant għandu jibgħat rapport lill-operatur kull meta FDP jiżdied jew meta perjodu ta’ mistrieħ jitnaqqas skont id-diskrezzjoni tiegħu. Meta t-tnaqqis tal-perjodu ta’ mistrieħ jaqbeż siegħa, l-operatur għandu jibgħat kopja tar-rapport, inklużi l-kummenti tiegħu, lill-awtorità kompetenti fi żmien 28 jum mill-avveniment.

(6)

L-operatur għandu jimplimenta politika mhux punittiva dwar l-eżerċizzju jew in-nuqqas ta’ eżerċizzju tad-diskrezzjoni tal-kmandant f’ċirkostanzi mhux mistennija.”;

(9)

fil-punt ORO.FTL.240, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

Matul l-FDP għandu jkun hemm l-opportunità għal ikla u xarba biex jiġi evitat tnaqqis fil-prestazzjoni ta’ membru tal-ekwipaġġ, speċjalment meta l-FDP jaqbeż 6 sigħat, jew 5 sigħat għal operazzjonijiet bi bdot wieħed.”;

(10)

tiżdied is-Subparti FTL (B) li ġejja:

“SUBPARTI FTL (B)

LIMITAZZJONIJIET FUQ IL-ĦIN TAT-TITJIR U L-ĦIN TAS-SERVIZZ U R-REKWIŻITI TAL-MISTRIEĦ GĦAL SERVIZZI MEDIĊI TA’ EMERĠENZA U GĦAL OPERAZZJONIJIET TA’ AIR TAXI

ORO.FTL.101 Kamp ta’ applikazzjoni

Din is-Subparti tistabbilixxi r-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfati minn operatur tal-ajru u mill-membri tal-ekwipaġġ tat-titjira u tal-kabina (ekwipaġġ tal-ajru) tiegħu fir-rigward tal-limitazzjonijiet fuq il-ħin tat-titjir u l-ħin tas-servizz u r-rekwiżiti tal-mistrieħ għall-ekwipaġġ tal-ajru assenjat għat-trasport kummerċjali bl-ajru (CAT) bl-ajruplani għall-fini ta’ operazzjonijiet ta’ AEMS u ta’ air taxi, inklużi operazzjonijiet li jibdew u jirritornaw lejn l-istess punt (A–għal–A).

ORO.FTL.106 Definizzjonijiet

(a)

Għal operazzjonijiet ta’ AEMS u ta’ air taxi, għandhom japplikaw it-termini definiti fil-punt ORO.FTL.105, ħlief dawk definiti fil-punti ORO.FTL.105(1), (2), (5) u (18).

(b)

Id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw flimkien mal-punt (a):

(1)

‘akklimatizzat’ tfisser l-istat li fih l-arloġġ bijoloġiku ċirkadjan ta’ membru tal-ekwipaġġ tal-ajru jkun sinkronizzat ma’ żona tal-ħin speċifika — jew iż-żona tal-ħin kurrenti, fejn il-membru tal-ekwipaġġ tal-ajru jkun jinsab fiżikament, jew żona tal-ħin preċedenti, li jibqa’ aġġustat għaliha bijoloġikament minħabba ħin jew mistrieħ insuffiċjenti biex jadatta għal dik kurrenti.

Għall-kalkolu tal-perjodu massimu tad-dmir tat-titjira ta’ kuljum il-membru tal-ekwipaġġ tal-ajru jitqies bħala li jkun akklimatizzat għaż-żona tal-ħin tal-bażi tas-servizz fil-bidu ta’ rotazzjoni u minn dak il-punt ’il quddiem f’konformità mal-valuri fit-Tabella 1a:

Tabella 1a

Id-differenza (h) bejn iż-żona tal-ħin, tal-ħin ta’ referenza (*1) u ż-żona tal-ħin fejn jibda s-servizz li jmiss

Il-ħin (h) li jgħaddi mir-rappurtar għax-xogħol fil-ħin ta’ referenza

 

< 48

48–71:59

72–95:59

96–119:59

120–143:59

≤ 2

D

D

D

D

D

> 2 u < 4

B

D

D

D

D

≥ 4 u ≤ 6

B

X

D

D

D

> 6 u ≤ 9

B

X

X

D

D

> 9 u ≤ 12

B

X

X

X

D

(*1)  Meta, matul rotazzjoni, l-ekwipaġġ tal-ajru jakklimatizza għaż-żona tal-ħin li fiha jibda d-dmir li jmiss tiegħu, dik iż-żona tal-ħin issir iż-żona tal-ħin il-ġdida tal-ħin ta’ referenza. L-istat ta’ akklimatizzazzjoni għal dmirijiet sussegwenti fir-rotazzjoni mbagħad jiġi ddeterminat f’konformità mat-Tabella 1a, billi ż-żona tal-ħin oriġinali tal-ħin ta’ referenza tiġi sostitwita b’dik il-ġdida.

‘B’ tfisser li membru tal-ekwipaġġ tal-ajru jkun akklimatizzat għaż-żona tal-ħin, tal-ħin ta’ referenza.

‘D’ tfisser li membru tal-ekwipaġġ tal-ajru jkun akklimatizzat għaż-żona tal-ħin fejn dan il-membru tal-ekwipaġġ tal-ajru jibda d-dmir li jmiss tiegħu jew tagħha tar-rotazzjoni.

‘X’ tfisser li membru tal-ekwipaġġ tal-ajru jinsab fi stat mhux magħruf ta’ akklimatizzazzjoni.

(2)

‘ħin ta’ referenza’ tfisser jew il-ħin lokali fil-punt ta’ rappurtar fil-bażi tas-servizz fejn membru tal-ekwipaġġ tal-ajru jitqies akklimatizzat fil-bidu tar-rotazzjoni, jew il-ħin lokali fil-punt ta’ rappurtar fl-aħħar post, fejn membru tal-ekwipaġġ tal-ajru jkun sar akklimatizzat waqt ir-rotazzjoni;

(3)

‘ekwipaġġ tat-titjira supplimentari’ tfisser ekwipaġġ ta’ titjira li jinkludi aktar min-numru minimu meħtieġ biex jopera l-inġenju tal-ajru, li jippermetti lil kull membru tal-ekwipaġġ tat-titjira li jħalli l-kariga assenjata, għall-iskop ta’ mistrieħ abbord waqt li l-inġenju tal-ajru jkun fl-ajru, u li jiġi sostitwit minn membru ieħor tal-ekwipaġġ tat-titjira bi kwalifiki xierqa;

(4)

‘tranżizzjoni mil-lvant-punent jew mill-punent-lvant’ tfisser tranżizzjoni miż-żona tal-ħin, tal-ħin ta’ referenza (żona tal-ħin ta’ tranżizzjoni) bejn sekwenza ta’ dmirijiet u ta’ layovers f’mudell lejn il-lvant u sekwenza ta’ dmirijiet u ta’ layovers f’mudell lejn il-punent jew viċi versa, fejn kull sekwenza tinvolvi l-qsim ta’ erba’ żoni tal-ħin jew aktar;

(5)

‘għeja’ tfisser stat psikoloġiku ta’ kapaċità ta’ prestazzjoni mentali jew fiżika mnaqqsa li tirriżulta minn nuqqas ta’ rqad jew ta’ sahra estiża, mill-fażi ċirkadjana jew mill-volum ta’ xogħol (attività mentali jew fiżika, jew it-tnejn), jew minn kombinazzjoni tagħhom, li tista’ tfixkel il-viġilanza u l-kapaċità ta’ membru tal-ekwipaġġ tal-ajru li jwettaq dmirijiet operattivi relatati mas-sikurezza;

(6)

‘mistrieħ abbord’ tfisser, għall-finijiet ta’ estensjonijiet tal-FDP u ta’ standby, waħda minn dawn li ġejjin:

(1)

perjodu tal-ħin tat-titjir fil-fażi tal-cruising tat-titjira, li matulu membru tal-ekwipaġġ tal-ajru li jopera b’ekwipaġġ tat-titjira supplimentari jinħeles temporanjament minn kwalunkwe kompitu u jkun qed jistrieħ f’faċilità ta’ mistrieħ abbord li tissodisfa l-istandard meħtieġ;

(2)

perjodu ta’ żmien waqt li l-ajruplan ikun fuq l-art, li matulu membru tal-ekwipaġġ tal-ajru jinħeles temporanjament minn kwalunkwe kompitu u jkun qed jistrieħ f’faċilità ta’ mistrieħ abbord li tissodisfa l-istandard meħtieġ;

(7)

‘pożizzjonament’ tfisser waħda minn dawn li ġejjin:

(1)

it-trasferiment ta’ membru mhux operattiv tal-ekwipaġġ tal-ajru minn post għal ieħor fuq it-talba tal-operatur, esklużi dawn it-tnejn li ġejjin:

—

il-ħin tal-vjaġġ mill-post ta’ mistrieħ privat għall-post maħsub għar-rappurtar fil-bażi tas-servizz u viċe versa,

—

il-ħin għat-trasferiment lokali mill-post ta’ mistrieħ għall-bidu tad-dmirijiet u viċe versa;

(2)

it-tħaddim ta’ ajruplan minn membru operattiv tal-ekwipaġġ tal-ajru, fuq it-talba tal-operatur, fuq titjira mhux kummerċjali immedjatament qabel l-ewwel settur tal-CAT jew immedjatament wara l-aħħar settur tal-CAT;

(8)

‘dmir kondiviż’ ifisser FDP li jinkludi pawża waħda fuq l-art bejn is-setturi operattivi tat-titjiriet, li tkun ta’ tul ta’ żmien suffiċjenti biex tippermetti estensjoni tal-FDP bażiku massimu ta’ kuljum f’kundizzjonijiet speċifikati;

(9)

‘ċirkostanzi operazzjonali mhux previsti’ tfisser kundizzjonijiet mhux mistennija li ma setgħux jiġu previsti u akkomodati b’mod raġonevoli, bħal temp ħażin, malfunzjonament fit-tagħmir, dewmien fil-kontroll tat-traffiku tal-ajru, li jistgħu jirriżultaw f’aġġustamenti operazzjonali meħtieġa.

ORO.FTL.111 Responsabbiltajiet tal-operatur

L-operatur għandu:

(a)

jippubblika r-rosters tax-xogħol minn qabel biex jipprovdi l-opportunità li l-membri tal-ekwipaġġ tal-ajru jippjanaw mistrieħ xieraq;

(b)

jistabbilixxu proċedura u metodu għall-komunikazzjoni mal-membri tal-ekwipaġġ tal-ajru li permezz tagħhom jiġu nnotifikati bidliet fir-rosters tax-xogħol u fil-perjodi ta’ mistrieħ;

(c)

jiżgura li l-perjodi tad-dmirijiet tat-titjir ikunu ppjanati b’mod li jippermettu li l-membri tal-ekwipaġġ tal-ajru jibqgħu ħielsa mill-għeja biex ikunu jistgħu joperaw f’livell sodisfaċenti ta’ sikurezza fiċ-ċirkostanzi kollha;

(d)

jistabbilixxi u jippubblika l-ħinijiet tar-rappurtar u tar-rilaxx, filwaqt li jqis in-natura u l-kumplessità tal-operazzjoni, biex jiżgura li l-ekwipaġġ tal-ajru jkollu biżżejjed ħin biex ilesti d-dmirijiet kollha meħtieġa ta’ qabel it-titjira u ta’ wara t-titjira u biex jirreġistra l-ħinijiet reali tar-rappurtar u tar-rilaxx;

(e)

jikkunsidra r-relazzjoni bejn il-frekwenza u l-mudell tal-perjodi tad-dmirijiet tat-titjir u l-perjodi ta’ mistrieħ u jikkunsidra l-effetti kumulattivi ta’ sigħat twal ta’ xogħol flimkien ma’ perjodi minimi ta’ mistrieħ;

(f)

jalloka mudelli tax-xogħol li jevitaw prattiki li jikkawżaw tfixkil serju f’mudell stabbilit ta’ rqad/xogħol, bħall-alternazzjoni bejn dmirijiet matul il-ġurnata/il-lejl;

(g)

jikkonforma mad-dispożizzjonijiet dwar skedi ta’ ħinijiet irregolari f’konformità mal-punt ARO.OPS.230 tal-Anness II (il-Parti-ARO);

(h)

jipprovdi perjodi ta’ ħin ta’ mistrieħ suffiċjenti biex il-membri tal-ekwipaġġ tal-ajru jkunu jistgħu jegħlbu l-effetti tad-dmirijiet ta’ qabel u jkunu mistrieħa biżżejjed sal-bidu tal-perjodu tad-dmir tat-titjira li jkun imiss;

(i)

jippjana perjodi ta’ mistrieħ u ta’ rkupru estiżi u rikorrenti u jinnotifika lill-membri tal-ekwipaġġ tal-ajru minn qabel;

(j)

jippjana d-dmirijiet tat-titjira sabiex jintemmu fi żmien il-perjodu tad-dmir tat-titjira permissibbli filwaqt li jikkunsidra l-ħin meħtieġ għad-dmirijiet ta’ qabel it-titjira, is-settur u l-ħinijiet ta’ tibdil bejn il-wasla u tluq (turnaround);

(k)

jimmonitorja r-robustezza operazzjonali tar-rosters u jadatta l-arranġamenti tal-ekwipaġġ tal-ajru kif meħtieġ;

(l)

jimplimenta ġestjoni tar-riskju ta’ għeja, appoġġata jew mis-sistema ta’ ġestjoni f’konformità mal-punt ORO.GEN.200, inkluż FRM xierqa fejn meħtieġ, jew minn FRMS f’konformità mal-punt ORO.FTL.120, fejn meħtieġ.

“ORO.FTL.116 Responsabbiltajiet tal-ekwipaġġ tal-ajru

(a)

L-ekwipaġġ tal-ajru għandu jikkonforma mal-obbligi kollha li ġejjin:

(1)

jikkonforma mal-limitazzjonijiet kollha fuq il-ħin tat-titjir u l-ħin tas-servizz (FTL) u mar-rekwiżiti tal-mistrieħ applikabbli għall-attivitajiet tagħhom;

(2)

meta jwettqu dmirijiet ma’ iktar minn operatur wieħed:

(1)

iżommu r-rekords individwali tagħhom rigward il-ħinijiet tat-titjir u tas-servizz u l-perjodi tal-mistrieħ kif imsemmija fir-rekwiżiti applikabbli tal-FTL;

(2)

jagħtu lil kull operatur id-data meħtieġa sabiex jiskeda l-attivitajiet f’konformità mar-rekwiżiti applikabbli tal-FTL;

(3)

jagħmlu l-aħjar użu mill-opportunitajiet u mill-faċilitajiet ipprovduti għall-mistrieħ, u għandhom jippjanaw u jużaw il-perjodi ta’ mistrieħ tagħhom tajjeb.

(b)

L-ekwipaġġ tal-ajru ma għandux iwettaq dmirijiet fuq inġenju tal-ajru jekk ikun jaf jew jissuspetta li qed ibati minn għeja jew jekk ma jkunx jiflaħ, tant li t-titjira tista’ tiġi pperikolata.

(c)

L-ekwipaġġ tal-ajru għandu jirreġistra fid-dokumentazzjoni uffiċjali tal-operatur il-ħinijiet reali tar-rappurtar u tar-rilaxx tad-dmir tagħhom ta’ kuljum.

ORO.FTL.126 Skemi ta’ speċifikazzjoni tal-ħinijiet ta’ titjir individwali (IFTSSs) ta’ operaturi ta’ AEMS u ta’ air taxi

(a)

L-operatur għandu jistabbilixxi, jimplimenta u jżomm skema ta’ speċifikazzjoni tal-ħin tat-titjir individwali (IFTSS) li:

(1)

tkun xierqa għat-tip(i) ta’ operazzjoni mwettqa;

(2)

tikkonforma mar-rekwiżiti essenzjali rilevanti stabbiliti fl-Anness V tar-Regolament (UE) 2018/1139 u mar-regoli ta’ implimentazzjoni rilevanti ta’ dak ir-Regolament;

(3)

tikkonforma ma’ leġiżlazzjoni applikabbli oħra, inkluża l-liġi nazzjonali applikabbli li tirriżulta mit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2000/79/KE.

(b)

Biex juri l-konformità mal-punt (a), l-operatur għandu japplika l-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni applikabbli adottati mill-Aġenzija.

Inkella, jekk l-operatur ikollu l-ħsieb li jiddevja mill-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni applikabbli, huwa għandu jissottometti lill-awtorità kompetenti, flimkien mal-applikazzjoni għal approvazzjoni tal-IFTSS, każ ta’ sikurezza li jinkludi dan kollu li ġej:

(1)

deskrizzjoni dettaljata tad-devjazzjoni proposta;

(2)

valutazzjoni tar-riskji tal-għeja assoċjati u l-miżuri ta’ mitigazzjoni korrispondenti biex jiġi żgurat li r-riskju jibqa’ f’livell aċċettabbli;

(3)

kwalunkwe emenda rilevanti għall-manwali jew għall-proċeduri.

Jekk l-operatur ikollu l-ħsieb li jiddevja mill-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni applikabbli, għandu juri wkoll lill-awtorità kompetenti li jkun qies b’mod xieraq l-opinjoni tal-Aġenzija maħruġa f’konformità mal-Artikolu 76(7) tar-Regolament (UE) 2018/1139.

(c)

Qabel l-implimentazzjoni, l-IFTSS — inkluż, fejn meħtieġ, FRMS jew FRM xierqa — għandhom jiġu approvati mill-awtorità kompetenti f’konformità mal-punt ARO.OPS.235 tal-Anness II (il-Parti ARO).

(d)

Għall-finijiet tal-valutazzjoni msemmija fil-punt ARO.OPS.235(d) tal-Anness II (il-Parti-ARO), fi żmien sentejn mill-implimentazzjoni ta’ IFTSS li tiddevja mill-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni applikabbli maħruġa mill-Aġenzija, l-operatur għandu jiġbor data relatata mad-devjazzjoni approvata u għandu janalizzaha bl-użu ta’ prinċipji xjentifikament sodi biex jivvaluta l-effetti tagħha fuq l-għeja tal-ekwipaġġ tal-ajru. Ir-riżultati ta’ dik l-analiżi għandhom jiġu ppreżentati lill-awtorità kompetenti fil-forma ta’ rapport.

ORO.FTL.201 Bażi tas-servizz

(a)

L-operatur għandu jassenja bażi tas-servizz lil kull membru tal-ekwipaġġ tal-ajru.

(b)

L-operatur għandu jispeċifika fl-IFTSS tiegħu l-kundizzjonijiet għal bidla fil-bażi tas-servizz f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni applikabbli.

ORO.FTL.206 Perjodu tad-dmir tat-titjira (FDP)

(a)

L-operatur għandu jispeċifika fl-IFTSS tiegħu l-FDP bażiku massimu ta’ kuljum tal-ekwipaġġ tal-ajru akklimatizzat li jopera b’ekwipaġġ tat-titjira bi bdot wieħed jew b’żewġ bdoti, f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni applikabbli. Dak l-FDP bażiku massimu ta’ kuljum għandu, fil-każijiet kollha, iqis il-ħin tar-rappurtar u l-għadd ta’ setturi ta’ titjir u ma għandux jaqbeż it-13-il siegħa. L-operatur jista’ jiddevja mill-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni applikabbli jekk ikollu FRMS li tiffunzjona u effettiva f’konformità mal-punt ORO.FTL.120.

(b)

L-operatur għandu jispeċifika fl-IFTSS tiegħu l-FDP bażiku massimu ta’ kuljum tal-ekwipaġġ tal-ajru fi stat mhux magħruf ta’ akklimatizzazzjoni li jopera ma’ ekwipaġġ tat-titjira bi bdot wieħed jew b’żewġ bdoti, f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni applikabbli. L-FDP bażiku massimu ta’ kuljum ta’ ekwipaġġ tal-ajru b’żewġ bdoti fi stat mhux magħruf ta’ akklimatizzazzjoni jista’ jiġi estiż, f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni applikabbli, dment li l-operatur ikollu FRMS li tiffunzjona u effettiva f’konformità mal-punt ORO.FTL.120.

(c)

Fl-IFTSS tiegħu, l-operatur għandu jispeċifika l-FDP massimu estiż ta’ kuljum, mingħajr mistrieħ abbord, tal-ekwipaġġ tal-ajru akklimatizzat li jopera b’ekwipaġġ tat-titjira b’żewġ bdoti, f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni applikabbli. L-operatur għandu, fil-każijiet kollha, iqis dawn li ġejjin:

(1)

l-estensjonijiet kollha għandhom jiġu ppjanati minn qabel;

(2)

jistgħu jintużaw massimu ta’ żewġ estensjonijiet fi kwalunkwe 7 ijiem konsekuttivi;

(3)

kull estensjoni ma għandhiex tkun itwal minn siegħa;

(4)

il-perjodi minimi ta’ mistrieħ ta’ qabel it-titjira u ta’ wara t-titjira għandhom jiżdiedu b’sagħtejn, jew il-perjodu ta’ mistrieħ ta’ wara t-titjira għandu jiżdied b’4 sigħat; meta l-estensjonijiet jintużaw għal FDPs konsekuttivi, il-mistrieħ miżjud ta’ qabel u ta’ wara t-titjira bejn iż-żewġ FDPs estiżi għandu jingħata b’mod konsekuttiv;

(5)

estensjoni mingħajr mistrieħ abbord ma għandhiex tkun ikkombinata ma’ estensjonijiet mogħtija minħabba mistrieħ abbord jew dmir kondiviż fl-istess perjodu ta’ dmir.

(d)

Fl-IFTSS tiegħu, l-operatur għandu jispeċifika l-FDP massimu ta’ kuljum estiż minħabba mistrieħ abbord fl-ajru u żieda fl-ekwipaġġ minimu tat-titjira ta’ żewġ bdoti, f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni applikabbli. L-operatur għandu, fil-każijiet kollha, iqis dawn li ġejjin:

(1)

il-livell taż-żieda fl-għadd minimu ta’ ekwipaġġ tat-titjira;

(2)

it-tip u l-istandard tal-faċilitajiet ta’ mistrieħ abbord;

(3)

il-mistrieħ minimu abbord allokat lil kull membru tal-ekwipaġġ tal-ajru;

(4)

il-mistrieħ minimu abbord allokat lil kull membru tal-ekwipaġġ tat-titjira li se jkun fil-post tal-kontroll għall-inżul finali;

(5)

il-kundizzjonijiet li fihom tista’ tiġi applikata estensjoni addizzjonali tal-FDP, inkluż meta jopera taħt FRMS effettiva u funzjonanti f’konformità mal-punt ORO.FTL.120.

(e)

Matul missjoni tal-AEMS li tkun għaddejja, il-FDP bażiku massimu ta’ kuljum tal-ekwipaġġ tal-ajru akklimatizzat li jopera b’ekwipaġġ tat-titjira b’żewġ bdoti, kif speċifikat fl-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni applikabbli, jista’ jiġi estiż sa sagħtejn meta jkun meħtieġ għat-tlestija tal-missjoni. L-operatur għandu jinkludi fl-IFTSS tiegħu l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din l-estensjoni, inkluż kif se jiġi mmonitorjat l-użu tagħha u kif se jiġu mmitigati l-effetti assoċjati fuq id-dmirijiet sussegwenti u l-perjodi ta’ mistrieħ.

(f)

Fl-IFTSS tiegħu, l-operatur għandu jispeċifika l-kundizzjonijiet li skonthom, il-kmandant jista’ jimmodifika l-limiti tad-dmir tat-titjira, il-perjodi ta’ dmir u ta’ mistrieħ fil-każ ta’ ċirkostanzi operazzjonali mhux mistennija, f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni applikabbli. F’ċirkostanzi operattivi mhux previsti, l-operatur għandu jimplimenta politika mhux punittiva rigward l-eżerċizzju jew in-nuqqas ta’ eżerċizzju tad-diskrezzjoni tal-kmandant.

(g)

L-operatur għandu jispeċifika fl-IFTSS tiegħu, il-proċedura għar-rappurtar tard, inklużi l-kundizzjonijiet li fihom tiġi attivata, f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni applikabbli.

ORO.FTL.211 Il-ħinijiet tat-titjir u l-perjodi tad-dmir

(a)

Il-perjodi totali ta’ dmirijiet li jistgħu jiġu assenjati lil membru individwali tal-ekwipaġġ tal-ajru ma għandomx jaqbżu:

(1)

60 siegħa ta’ dmir f’7 ijiem konsekuttivi;

(2)

110 sigħat ta’ dmir f’14-il jum konsekuttiv;

(3)

190 siegħa ta’ dmir fi 28 jum konsekuttiv, mifruxa bl-aktar mod indaqs prattikabbli matul dak il-perjodu;

(4)

2 000 siegħa ta’ dmir fi kwalunkwe sena kalendarja.

(b)

B’deroga mill-punt (a)(1), is-sigħat totali ta’ dmirijiet fi kwalunkwe 7 ijiem konsekuttivi jistgħu jinqabżu b’massimu ta’ 10 sigħat, dment li dan il-qbiż tal-limitu jintuża biss għall-fini tal-pożizzjonament ta’ membru mhux operattiv tal-ekwipaġġ tal-ajru lura għall-bażi tas-servizz tiegħu jew tagħha għall-bidu ta’ perjodu ta’ mistrieħ u ta’ rkupru estiż, u l-operatur:

(1)

jwettaq valutazzjoni tar-riskju biex jevalwa l-impatt tal-għeja tal-iskorriment, filwaqt li jqis fost affarijiet oħra l-ħin tal-ġurnata, it-tul u l-kwalità tal-mistrieħ preċedenti, u d-domandi li ġejjin tar-roster tad-dmirijiet;

(2)

jippjana miżuri ta’ mitigazzjoni adegwati, inklużi, iżda mhux limitati għal: limiti fuq il-frekwenza tal-iskorrimenti f’perjodu speċifikat; l-għoti ta’ perjodu minimu ta’ mistrieħ u ta’ rkupru estiż ta’ 72 siegħa, inklużi żewġt iljieli lokali; u l-monitoraġġ kontinwu tal-effettività tal-kontrolli kollha tar-riskju tal-għeja għas-sikurezza u l-konformità;

(3)

iżomm rekords tal-iskorrimenti u l-kundizzjonijiet li jkunu ntużaw fihom;

(4)

jiddeskrivi t-termini tal-iskorriment fl-IFTSS tiegħu.

(c)

B’deroga mill-punt (a)(1), f’operazzjonijiet ta’ AEMS fejn l-ekwipaġġ tat-titjira jkun jikkonsisti minn żewġ bdoti, is-sigħat totali ta’ dmir fi kwalunkwe 7 ijiem konsekuttivi jistgħu jinqabżu b’massimu ta’ 30 siegħa dment li l-operatur:

(1)

iwettaq valutazzjoni tar-riskju biex jevalwa l-impatt tal-iskorriment fuq l-għeja u jqis, fost affarijiet oħra l-ħin tal-ġurnata, l-esponiment għal dmir ta’ billejl, l-istress tal-kompitu mediku jew relatat mal-pazjent, u l-ħtiġijiet tar-roster tad-dmirijiet li jmiss;

(2)

jippjana miżuri ta’ mitigazzjoni adegwati, inklużi, iżda mhux limitati għal: limiti fuq il-frekwenza tal-iskorrimenti f’perjodu speċifikat; l-għoti ta’ perjodu minimu ta’ mistrieħ u ta’ rkupru estiż ta’ 72 siegħa, inklużi żewġt iljieli lokali; u l-monitoraġġ kontinwu tal-effettività tal-kontrolli kollha tar-riskju tal-għeja għas-sikurezza u l-konformità;

(3)

iżomm rekords tal-iskorrimenti u l-kundizzjonijiet li jkunu ntużaw fihom;

(4)

jiddeskrivi t-termini tal-iskorriment fl-IFTSS tiegħu.

(d)

Il-ħin totali tat-titjir tas-setturi li jiġu assenjati lil membru individwali tal-ekwipaġġ tal-ajru bħala membru operattiv tal-ekwipaġġ tal-ajru ma għandux jaqbeż:

(1)

100 siegħa ta’ ħin ta’ titjir fi 28 jum konsekuttiv;

(2)

900 siegħa ta’ ħin ta’ titjir fi kwalunkwe sena kalendarja;

(3)

1 000 siegħa ta’ ħin ta’ titjir fi 12-il xahar konsekuttiv tal-kalendarju.

(e)

Id-dmir ta’ wara t-titjira għandu jgħodd bħala perjodu ta’ dmir.

ORO.FTL.216 Pożizzjonament

(a)

Il-pożizzjonament ta’ membru mhux operattiv tal-ekwipaġġ tal-ajru wara li jirrapporta iżda qabel ma jopera, mingħajr perjodu ta’ mistrieħ fil-frattemp, għandu jingħadd bħala FDP iżda ma għandux jgħodd bħala settur.

(b)

Il-ħin kollu mqatta’ fuq il-pożizzjonament għandu jgħodd bħala perjodu ta’ dmir.

(c)

Il-pożizzjonament ta’ membru tal-ekwipaġġ tal-ajru li jopera fuq titjira mhux kummerċjali qabel jew wara li jopera titjira CAT waħda jew aktar, mingħajr perjodu ta’ mistrieħ fil-frattemp, għandu jgħodd bħala FDP u bħala settur.

(d)

L-operatur għandu jispeċifika fl-IFTSS tiegħu, f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni applikabbli, l-impatt fuq l-FDP massimu ta’ dawn it-tnejn li ġejjin:

(1)

it-tul ta’ żmien tal-pożizzjonament ta’ membru mhux operattiv tal-ekwipaġġ tal-ajru;

(2)

il-mod ta’ trasport ta’ membru mhux operattiv tal-ekwipaġġ tal-ajru.

ORO.FTL.221 Dmir kondiviż

Il-kundizzjonijiet biex jiġi estiż l-FDP bażiku massimu ta’ kuljum għal ekwipaġġ tal-ajru li jopera b’ekwipaġġ tat-titjira b’żewġ bdoti, minħabba pawża waqt dmir kondiviż fuq l-art, għandhom ikunu skont dan li ġej:

(a)

l-operatur għandu jispeċifika fl-IFTSS tiegħu l-elementi li ġejjin għal dmir kondiviż f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni applikabbli:

(1)

it-tul ta’ żmien minimu ta’ pawża waqt dmir kondiviż fuq l-art;

(2)

l-estensjoni tal-FDP skont it-tul ta’ żmien ta’ pawża waqt dmir kondiviż;

(3)

il-faċilitajiet tal-mistrieħ mogħtija lill-ekwipaġġ tal-ajru sabiex jistrieħ u għandu jitqies it-tul ta’ żmien tal-pawża waqt dmir kondiviż u fatturi rilevanti oħra;

(4)

il-possibbiltà ta’ estensjoni għal dmir kondiviż wara l-bidu tal-FDP;

(b)

il-pawża waqt dmir kondiviż fuq l-art għandha tgħodd kollha kemm hi bħala FDP;

(c)

dmir kondiviż ma għandux jiġi assenjat qabel jew wara perjodu ta’ mistrieħ imnaqqas f’konformità mal-punt ORO.FTL.236(c).

ORO.FTL.226 Dmirijiet ta’ standby u dmirijiet fl-ajruport

(a)

Dmirijiet ta’ standby u dmirijiet fl-ajruport għandhom ikunu fir-roster. Il-bidu u t-tmiem tal-ħin ta’ disponibbiltà tal-istandby għandhom jiġu nnotifikati bil-quddiem lill-membri tal-ekwipaġġ tal-ajru kkonċernati sabiex ikollhom l-opportunità li jippjanaw il-mistrieħ xieraq.

(b)

Membru tal-ekwipaġġ tal-ajru għandu jitqies li jkun fuq standby fl-ajruport minn meta jirrapporta fil-punt tar-rappurtar sat-tmiem tal-perjodu nnotifikat tad-disponibbiltà ta’ standby fl-ajruport.

(c)

Id-dmir ta’ standby fl-ajruport għandu jgħodd bis-sħiħ bħala perjodu ta’ dmir għall-iskopijiet tal-punti ORO.FTL.211 u ORO.FTL.236.

(d)

Kull dmir fl-ajruport għandu jgħodd bis-sħiħ bħala perjodu ta’ dmir u l-FDP għandu jgħodd bis-sħiħ mill-ħin tar-rappurtar tad-dmir fl-ajruport.

(e)

L-operatur għandu jipprovdi akkomodazzjoni jew faċilità ta’ mistrieħ tal-Klassi A lil membri tal-ekwipaġġ li jkunu fuq dmir ta’ standby fl-ajruport, dment li l-faċilità ta’ mistrieħ tal-Klassi A tippermetti l-kontroll tad-dawl u tat-temperatura u tiżgura iżolament minn storbju u disturb.

(f)

L-operatur għandu jispeċifika fl-IFTSS tiegħu l-elementi li ġejjin għal standby u dmirijiet fl-ajruport, f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni applikabbli:

(1)

it-tul ta’ żmien massimu ta’ kwalunkwe perjodu ta’ disponibbiltà għal standby;

(2)

l-impatt tal-ħin imqatta’ fuq standby fuq l-FDP massimu ta’ kuljum, filwaqt li jitqiesu l-faċilitajiet tal-mistrieħ disponibbli u fatturi rilevanti oħra, inklużi:

(i)

il-ħtieġa ta’ prontezza immedjata tal-membri tal-ekwipaġġ tal-ajru;

(ii)

il-punt sa fejn l-istandby jinterferixxi mal-irqad;

(iii)

l-għoti ta’ notifka suffiċjenti biex tipproteġi l-opportunità ta’ rqad bejn is-sejħa għad-dmir u l-FDP assenjat;

(3)

il-perjodu minimu ta’ mistrieħ wara perjodu ta’ disponibbiltà għal dmir ta’ standby li ma jirriżultax fl-assenjament ta’ FDP;

(4)

il-metodu ta’ kif jingħadd dmir standby ieħor għall-iskop tal-kalkoli ta’ dmir kumulattiv.

ORO.FTL.231 Riżerva

(a)

Ir-riżerva għandha tkun fir-roster.

(b)

L-operatur għandu jispeċifika fl-IFTSS tiegħu l-elementi ta’ riżerva f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni applikabbli:

(1)

it-tul ta’ żmien massimu ta’ kwalunkwe perjodu ta’ riżerva waħda;

(2)

in-numru ta’ jiem ta’ riżerva konsekuttivi li jista’ jiġi assenjat lil membru tal-ekwipaġġ tal-ajru.

ORO.FTL.236 Perjodi ta’ mistrieħ

(a)

Il-perjodu minimu ta’ mistrieħ fil-bażi tas-servizz

(1)

Il-perjodu minimu ta’ mistrieħ ipprovdut qabel ma jitwettaq FDP li jibda mill-bażi tas-servizz għandu jkun twil tal-inqas daqs il-perjodu ta’ dmir preċedenti jew 12-il siegħa, skont liema minnhom huwa l-itwal.

(2)

B’deroga mill-punt (1), il-mistrieħ minimu stipulat fil-punt (b) għandu japplika jekk l-operatur jipprovdi akkomodazzjoni xierqa lill-membri tal-ekwipaġġ tal-ajru fil-bażi tas-servizz.

(b)

Il-perjodu minimu ta’ mistrieħ ’il bogħod mill-bażi tas-servizz

Il-perjodu minimu ta’ mistrieħ ipprovdut qabel ma jitwettaq FDP li jibda ’l bogħod mill-bażi tas-servizz għandu jkun twil tal-inqas daqs il-perjodu ta’ dmir preċedenti jew 10 sigħat, skont liema minnhom ikun l-itwal. Dan il-perjodu għandu jinkludi opportunità ta’ raqda ta’ 8 sigħat minbarra l-ħin għall-ivvjaġġar u l-ħtiġijiet fiżjoloġiċi.

(c)

Mistrieħ imnaqqas

(1)

B’deroga mill-punti (a) u (b), il-perjodi minimi ta’ mistrieħ fil-bażi tas-servizz jew ’il bogħod mill-bażi tas-servizz jistgħu jitnaqqsu, dment li l-mistrieħ imnaqqas jiġi applikat biss taħt FRMS effettiva u li tiffunzjona f’konformità mal-punt ORO.FTL.120.

(2)

L-operatur għandu jiddefinixxi l-kundizzjonijiet għal mistrieħ imnaqqas fl-IFTSS tiegħu, f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni applikabbli, filwaqt li jqis dan kollu li ġej:

(i)

il-perjodu minimu ta’ mistrieħ imnaqqas;

(ii)

l-istat ta’ akklimatizzazzjoni tal-membru tal-ekwipaġġ tal-ajru;

(iii)

jekk il-perjodu ta’ mistrieħ jinkludix iljieli lokali;

(iv)

qsim taż-żoni tal-ħin;

(v)

il-kombinazzjoni tal-ħin tat-titjir u tal-pożizzjonament immedjatament qabel il-perjodu ta’ mistrieħ imnaqqas;

(vi)

il-ħin tal-ivvjaġġar lejn u mill-post tal-mistrieħ.

(d)

Perjodi ta’ mistrieħ u ta’ rkupru estiżi u rikorrenti

L-operatur għandu jispeċifika l-perjodi ta’ mistrieħ u ta’ rkupru estiżi u rikorrenti biex jikkumpensa għall-għeja kumulattiva fl-IFTSS tiegħu. Il-perjodu minimu ta’ mistrieħ u ta’ rkupru estiż u rikorrenti għandu jkun ta’ 36 siegħa, inklużi żewġt iljieli lokali, u fi kwalunkwe każ, il-ħin bejn it-tmiem ta’ perjodu ta’ mistrieħ u ta’ rkupru estiż u rikorrenti u l-bidu tal-perjodu ta’ mistrieħ u ta’ rkupru estiż li jmiss ma għandhomx ikunu aktar minn 168 siegħa. Il-perjodu ta’ mistrieħ u ta’ rkupru estiż u rikorrenti għandu jiżdied għal jumejn lokali darbtejn kull xahar.

(e)

L-operatur għandu jispeċifika l-perjodi ta’ mistrieħ addizzjonali fl-IFTSS tiegħu, f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni applikabbli, biex jikkumpensaw għal:

(1)

l-effetti tad-differenzi fiż-żoni tal-ħin u l-estensjonijiet tal-FDP;

(2)

l-għeja kumulattiva addizzjonali minħabba skedi ta’ tfixkil;

(3)

il-bidla fil-fażi ċirkadjana matul tranżizzjoni mil-lvant-punent jew mill-punent-lvant.

ORO.FTL.241 Nutrizzjoni

(a)

Matul l-FDP għandu jkun hemm l-opportunità għal ikla u xarba biex jiġi evitat tnaqqis fil-prestazzjoni ta’ membru tal-ekwipaġġ tal-ajru.

(b)

L-operatur għandu jispeċifika fl-IFTSS tiegħu kif tkun żgurata n-nutrizzjoni tal-membri tal-ekwipaġġ tal-ajru matul l-FDP filwaqt li jitqiesu, tal-anqas, it-tul ta’ żmien tal-FDP, ir-ritmu ċirkadjan u l-ħinijiet regolari tal-ikel, kif ukoll meta jkun impossibbli li wieħed jiekol jew jixrob matul l-operazzjonijiet tat-titjir.

ORO.FTL.246 Rekords tal-bażi tas-servizz, il-ħinijiet tat-titjir u l-perjodi ta’ dmir u ta’ mistrieħ

(a)

L-operatur għandu jżomm, għal perjodu ta’ 24 xahar:

(1)

rekords individwali għal kull membru tal-ekwipaġġ tal-ajru inkluż:

(1)

il-ħinijiet tat-titjir;

(2)

il-bidu, it-tul u t-tmiem ta’ kull perjodu ta’ dmir u FDP;

(3)

il-perjodi ta’ mistrieħ u ġranet ħielsa mid-dmirijiet kollha;

(4)

il-bażi tas-servizz assenjata;

(2)

rapporti dwar il-perjodi ta’ dmir tat-titjir estiżi u perjodi ta’ mistrieħ imnaqqsa.

(b)

Fuq talba, l-operatur għandu jipprovdi kopji tar-rekords individwali tal-ħinijiet tat-titjiriet, il-perjodi ta’ dmir u l-perjodi ta’ mistrieħ għal dawk ikkonċernati:

(1)

il-membru tal-ekwipaġġ tal-ajru kkonċernat;

(2)

operatur ieħor, fir-rigward ta’ membru tal-ekwipaġġ tal-ajru li huwa jew li jsir membru tal-ekwipaġġ tal-ajru tal-operatur ikkonċernat;

(3)

l-awtorità kompetenti.

(c)

Ir-rekords imsemmija fil-punt CAT.GEN.MPA.100(b)(5) tal-Anness IV (il-Parti-CAT) fir-rigward ta’ membri tal-ekwipaġġ tal-ajru li jwettqu dmirijiet għal aktar minn operatur wieħed għandhom jinżammu għal perjodu ta’ 24 xahar.

ORO.FTL.251 Taħriġ fil-ġestjoni tal-għeja

(a)

L-operatur għandu jipprovdi taħriġ inizjali u rikorrenti dwar il-ġestjoni tal-għeja għall-membri tal-ekwipaġġ tal-ajru tiegħu, għall-persunal responsabbli għat-tħejjija u l-manutenzjoni tar-rosters tal-ekwipaġġ tal-ajru u għall-persunal tal-ġestjoni kkonċernat.

(b)

It-taħriġ skont il-punt (a) għandu jsegwi programm ta’ taħriġ stabbilit mill-operatur u jkun deskritt fil-manwal tal-operazzjonijiet. Is-sillabu tat-taħriġ għandu jkopri l-kawżi possibbli u l-effetti tal-għeja u l-kontramiżuri għall-għeja, kif ukoll aspetti prattiċi.”.”


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2026/1979/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)