Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja biex tapplika miżuri ta' deroga mill-Artikolu 287 tad-direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud /* KUMM/2009/0435 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 26.8.2009 KUMM(2009) 435 finali Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja biex tapplika miżuri ta' deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. Kuntest tal-proposta Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (minn hawn 'il quddiem 'id-Direttiva dwar il-VAT'), il-Kunsill, li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru biex jintroduċi miżuri speċjali ta' deroga għal din id-Direttiva, sabiex jissimplifika l-ġbir tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) jew sabiex jevita ċerti tipi ta' frodi jew evażjoni tat-taxxa. Permezz tal-ittra rreġistrata fis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni fit-22 ta' Ġunju 2009, ir-Repubblika tal-Polonja (minn hawn 'il quddiem "il-Polonja") talbet l-awtorizzazzjoni biex tapplika miżura speċjali ta' deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva dwar il-VAT, sabiex mill-1 ta' Jannar 2010 tkun tista' tagħti eżenzjoni mit-taxxa, lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex iktar minn EUR 30 000. Skont l-Artikolu 395(2) tad-Direttiva dwar il-VAT, il-Kummissjoni bagħtet it-talba ppreżentata mill-Polonja lill-Istati Membri l-oħra bl-ittra tat-22 ta' Ġunju 2009. Bl-ittra tat-3 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Polonja li kellha l-informazzjoni kollha li kkunsidrat meħtieġa għall-valutazzjoni tat-talba. It-Titolu XII, Kapitolu 1, tad-Direttiva dawr il-VAT jippermetti l-Istati Membri biex japplikaw skemi speċjali għall-impriżi żgħar u, b'mod speċjali, li jagħtu skema fakultattiva ta' eżenzjoni mit-taxxa lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom hu inqas minn ċertu limitu. Dan il-limitu tal-fatturat annwali hu differenti skont l-Istati Membri, b'mod speċjali fir-rigward tad-data tagħhom ta' adeżjoni. L-Istati Membri li ssieħbu qabel l-1 ta' Jannar 1978 u eżerċitaw l-għażla prevista fl-Artikolu 14 tad-Direttiva tal-Kunsill 67/288/KEE tal-11 ta' April 1967 li tippermettilhom li jintroduċu tali skema, jistgħu jżommuha (cf. l-Artikolu 284(1) tad-Direttiva dwar il-VAT). Dawk l-Istati Membri li, fis-17 ta' Mejju 1977, taw eżenzjoni b'limitu ta' fatturat annwali li hu inqas mill-ekwivalenti fil-valuta nazzjonali ta' 5 000 unitajiet tal-kontijiet Ewropej bir-rata tal-konverżjoni f'dik id-data, jistgħu jżiedu l-limitu sa EUR 5 000 (cf. l-Artikolu 284(2) tad-Direttiva dwar il-VAT) filwaqt li dawk li taw eżenzjoni b'limitu ugwali jew iktar minn dak l-ammont jistgħu iżiduh sabiex iżommu l-valur reali tiegħu (cf. L-Artikolu 286 tad-Direttiva dwar il-VAT). L-Istati Membri li ma eżerċitawx din l-għażla jistgħu jagħtu eżenzjoni b'limitu ta' fatturat li mhuwiex iktar minn EUR 5 000 jew l-ekwivalenti tiegħu fil-valuta nazzjonali (cf. l-Artikolu 285 tad-Direttiva dwar il-VAT). L-Istati Membri li ssieħbu wara l-1 ta' Jannar 1978 jistgħu jagħtu eżenzjoni tat-taxxa b'limitu ta' fatturat li l-ammont tiegħu kien stabbilit mas-sħubija tagħhom. Dan il-limitu li jvarja skont l-Istat Membru hu ugwali għall-ekwivalenti fil-valuta nazzjonali bir-rata tal-jum tal-adeżjoni tagħhom tal-ammonti imsemmija, għal kull Stat Membru, fl-Artikolu 287(1) – (16) tad-Direttiva dwar il-VAT. Skont l-Artikolu 287(14) tad-Direttiva dwar il-VAT, il-Polonja tista' tagħti eżenzjoni mit-taxxa lill-persuni taxxabbli li l-fatturat tagħhom mhuwiex iktar mill-ekwivalenti fil-valuta nazzjonali ta' EUR 10 000 bir-rata tal-jum tal-adeżjoni tagħha. B'appoġġ għat-talba tagħha li żżid dan il-limitu għal EUR 30 000, il-Polonja tindika, b'mod speċjali, li din iż-żieda se tippermettilha li tapplika b'mod iktar wiesgħa is-simplifikazzjonijiet maħsuba għall-impriżi ż-żgħar u b'hekk tnaqqas il-piżijiet amministrattivi fuq numru ikbar minn dawn l-impriżi u tikkontribwixxi għall-iżvilupp tagħhom. Hi tindika ukoll, li l-ispejjeż għall-Istat marbuta mal-ġbir tal-VAT fost tali persuni taxxabbli huma kbar b'paragun mad-dħul miġbur. Hi tippreċiża li tali miżura se jkollha biss effett żgħir fuq l-ammont totali tad-dħul tal-VAT miġbur fl-istadju tal-konsum aħħari. Minn 360 000 persuna taxxabbli li għadhom kemm saru eliġibbli għal din l-iskema, il-Polonja stmat li madwar 90 000 minn dawn jistgħu jagħżlu din l-iskema, li jirrappreżenta telf ta' dħul ta' madwar PLN 500 miljun, jew 0,4% tad-dħul fiskali li għandhom jittieħdu mill-VAT fl-2010. Wieħed għandu jinnota li l-Kummissjoni inkludiet fil-proposta tagħha tad-deċiżjoni li l-għan tagħha hu li tissimplifika l-obbligi dwar il-VAT tad-29 ta' Ottubru 2004 (COM(2004 728 finali) dispożizzjonijiet maħsuba biex jippermettu lill-Istati Membri biex jistabbilixxu l-limitu tal-fatturat annwali tal-eżenzjoni mit-taxxa sa ammont massimu ta' EUR 100 000 jew l-ekwivalenti tiegħu fil-valuta nazzjonali bil-possibbiltà li dan l-ammont ikun aġġornat kull sena. B'kunsiderazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 395 tad-Direttiva dwar il-VAT u l-argumenti ppreżentati mill-Polonja, il-Kummissjoni tqis li d-deroga mitluba tissodisfa l-kundizzjonijiet li jinsabu f'dan l-Artikolu u, b'mod partikolari, li tippermetti s-simplifikazzjoni tal-ġbir tat-taxxa. Konsegwentement, b'kunsiderazzjoni taż-żieda tal-elementi tal-kuntest stipulati hawn fuq, il-Kummissjoni m'għandiex oġġezzjoni għal din it-talba u b'hekk tqis li għandha tippreżenta lill-Kunsill il-proposta korrispondenti. Madankollu, il-Kummissjoni tikkunsidra, min-naħa, li jaqbel li tagħti lil din id-deroga tul ta' żmien ta' applikazzjoni limitat sabiex tkun tista' tivvaluta regolarment, fuq il-bażi tal-informazzjoni xierqa pprovduta mill-Polonja, jekk jibqgħux ir-raġunijiet li jiġġustifikawha illum. Min-naħa l-oħra, hi tqis li jaqbel li fi kwalunkwe każ din id-deroga għandha tieqaf tapplika mad-dħul fis-seħħ tar-regoli armonizzati proposti mill-Kummissjoni f'dan il-qasam. 2. konsultazzjoni mal-partijiet interessati u l-valutazzjoni tal-impatt L-għan tal-proposta ta' deċiżjoni hu li jestendi l-applikazzjoni ta' miżura ta' simplifikazzjoni tal-ġbir tal-VAT għal numru ikbar ta' impriżi żgħar. Għalhekk hi se jkollha impatt pożittiv b'mod speċjali għal dawn tal-aħħar u l-Istat Membru kkonċernat. Ma kienx hemm bżonn għal esperti esterni, lanqas konsultazzjoni mal-partijiet interessati u lanqas valutazzjoni tal-impatt ta' tali deċiżjoni. Fi kwalunkwe każ, dan l-impatt se jkun limitat minħabba l-ambitu ta' applikazzjoni ristrett tiegħu u t-tul ta' żmien ta' applikazzjoni limitat. 3. L-elementi legali tal-proposta L-għan tad-deċiżjoni proposta hu li jippermetti lill-Polonja biex tapplika miżura ta' deroga partikolari mill-Artikolu 287 tad-Direttiva dwar il-VAT sabiex mill-1 ta' Jannar 2010 tagħti eżenzjoni mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex iktar minn EUR 30 000 minflok EUR 10 000. Il-bażi legali ta' din id-deċiżjoni tikkonsisti fid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 395 tad-Direttiva dwar il-VAT li kienu adottati skont l-Artikolu 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. F'konformità ma' dawn id-dispożizzjonijiet, l-Istat Membru li jixtieq idaħħal miżuri speċjali ta' deroga mill-imsemmja Direttiva għandu jikseb awtorizzazzjoni mill-Kunsill, li tieħu l-forma ta' Deċiżjoni tal-Kunsill. Peress li hija miżura ta' applikazzjoni li tinvolvi armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet dwar it-taxxi fuq il-fatturat, il-prinċipju tas-sussidjarità hu rispettat. Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità u b'hekk ma tmurx lil hinn minn dak li hu ta' ħtieġa biex jinkiseb l-għan tas-simplifikazzjoni, għaliex hi testendi l-ambitu ta' applikazzjoni tal-iskema tal-eżenzjoni mit-taxxa applikabbli fil-Polonja b'mod ristrett ħafna billi tinvolvi biss numru limitat ta' impriżi żgħar addizzjonali li, barra minn hekk jistgħu jagħżlu jekk jeżerċitawx din l-għażla. Għalhekk, hi tidderoga biss mill-prinċipji tad-Direttiva dwar il-VAT b'mod limitat u xieraq. 4. implikazzjoni baġitarjA Il-proposta m'għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Komunità. 5. Informazzjoni addizzjonali Il-proposta tipprovdi li l-perjodu ta' applikazzjoni tad-Deċiżjoni se jintemm b'mod awtomatiku fil-jum tad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu, għall-iskema tal-eżenzjoni mit-taxxa għall-impriżi żgħar, regoli armonizzati għall-Istati Membri kollha. Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja biex tapplika miżuri ta' deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 93 tiegħu, wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud[1], u b'mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha, wara li kkunsidra il-proposta mill-Kummissjoni[2], Billi: (1) Permezz tal-ittra rreġistrata mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni fit-22 ta' Ġunju 2009, Ir-Repubblika tal-Polonja talbet l-awtorizzazzjoni biex tapplika miżura speċjali ta' deroga skont l-Artikolu 287 tad-Direttiva dwar il-VAT, sabiex mill-1 ta' Jannar 2010 tkun tista' tagħti eżenzjoni mit-taxxa, lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex iktar minn EUR 30 000 bir-rati tal-jum tal-adeżjoni tagħha. (2) Skont l-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni bagħtet it-talba ppreżentata mir-Repubblika tal-Polonja lill-Istati Membri l-oħra bl-ittra tat-22 ta' Ġunju 2009. Bl-ittra tat-3 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Repubblika tal-Polonja li kellha l-informazzjoni kollha li kkunsidrat meħtieġa għall-valutazzjoni tat-talba. (3) It-Titolu XII, Kapitolu 1, tad-Direttiva dawr il-VAT jippermetti l-Istati Membri biex japplikaw skemi speċjali għall-impriżi żgħar u, b'mod speċjali, li jagħtu skema fakultattiva ta' eżenzjoni mit-taxxa lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom hu inqas minn ċertu limitu. (4) Skont l-Artikolu 287(14) tad-Direttiva dwar il-VAT, ir-Repubblika tal-Polonja tista' tagħti eżenzjoni mit-taxxa lill-persuni taxxabbli li l-fatturat tagħhom mhuwiex iktar mill-ekwivalenti fil-valuta nazzjonali ta' EUR 10 000 bir-rata tal-jum tal-adeżjoni tagħha. (5) Iż-żieda ta' dan il-limitu għal EUR 30 000 se jippermetti lir-Repubblika tal-Polonja biex tapplika b'mod iktar wiesgħa s-simplifikazzjonijiet maħsuba għall-impriżi ż-żgħar billi tillimita lilha nnifisha għal dawk l-impriżi bl-inqas fatturat, u b'hekk tikkontribwixxi lejn l-iżvilupp tagħhom. (6) Il-Kummissjoni inkludiet fil-proposta tagħha tad-deċiżjoni maħsuba biex tissimplifika l-obbligi dwar il-VAT fuq il-valur miżjud tad-29 ta' Ottubru 2004 (COM(2004 728 finali)[3] dispożizzjonijiet maħsuba biex jippermettu lill-Istati Membri biex jistabbilixxu l-limitu tal-fatturat annwali tal-eżenzjoni mit-taxxa sa ammont massimu ta' EUR 100 000 jew il-fatturat annwali tiegħu fil-valuta nazzjonali bil-possibbiltà li dan l-ammont ikun aġġornat kull sena. It-talba ppreżentata mir-Repubblika tal-Polonja hi konformi ma' din il-proposta. (7) Id-deroga ppreżentata mhux se jkollha impatt fuq ir-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej li jakkumulaw mit-taxxa fuq il-valur miżjud, ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Permezz ta' deroga mill-Artikolu 287(14) tad-Direttiva 2006/112/KE, ir-Repubblika tal-Polonja tista' tagħti eżenzjoni mit-taxxa lill-persuni taxxabbli li l-fatturat tagħhom hu ugwali għall-ekwivalenti fil-valuta nazzjonali ta' EUR 30 000 bir-rata tal-jum tal-adeżjoni tagħha. Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2010 sal-jum tad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet ta' direttiva li temenda l-ammonti tal-limiti tal-fatturat annwali li taħthom il-persuni taxxabbli jistgħu jibbenefikaw minn eżenzjoni mit-taxxa, u fi kwalunkwe każ, sal-31 ta' Diċembru 2012. Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1. [2] ĠU C , p. . [3] ĠU C 24, 29.1.2005, p.10.