SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

18 ta’ Novembru 2015 ( *1 )

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva HALAL MALAYSIA — Trade mark figurattiva preċedenti mhux irreġistrata HALAL MALAYSIA — Raġuni relattiva għal rifjut — Assenza ta’ drittijiet għas-sinjal preċedenti li kien inkiseb konformement mad-dritt tal-Istat Membru qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja — Artikolu 8(4) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 — Użu tat-trade mark preċedenti bħala marka — Sistema tal-azzjoni tal-‘common law’ kontra l-abbuż tad-denominazzjoni (action for passing off) — Assenza ta’ ‘goodwill’”

Fil-Kawża T‑508/13,

Government of Malaysia, inizjalment irrappreżentat minn R. Volterra, solicitor, R. Miller, barrister, V. von Bomhard u T. Heitmann, avukati, sussegwentement minn Volterra, Miller u von Bomhard,

rikorrent,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn P. Bullock u N. Bambara, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI kienet

Paola Vergamini, residenti f’Castelnuovo di Garfagnana (l-Italja),

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI tas-27 ta’ Ġunju 2013 (Każ R 326/2012-1), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn il-Government of Malaysia u Paola Vergamini,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Prek, President, I. Labucka (Relatur) u V. Kreuschitz, Imħallfin,

Reġistratur: I. Dragan, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Settembru 2013,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Diċembru 2013,

wara li rat ir-replika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ April 2014,

wara s-seduta tas-6 ta’ Frar 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Fil-25 ta’ Mejju 2010, Paola Vergamini, il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, ippreżentat applikazzjoni għal trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).

2

It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv segwenti:

Image

3

Il-prodotti u s-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 5, 18, 25, 29, 30, 31, 32 u 43 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet għad-deskrizzjoni li ġejja:

—

klassi 5: “Prodotti farmaċewtiċi u veterinarji; prodotti sanitarji għall-mediċina; sustanzi dijetetiċi għal użu mediku, ikel għat-trabi; ġibs mediku, materjal għal faxex għal feriti; diżinfettanti; prodotti għall-qerda tal-annimali li jagħmlu ħsara; funguċidi; erbiċidi”;

—

klassi 18: “Ġilda jew imitazzjonijiet tal-ġilda, prodotti magħmula minn dawn il-materjali li ma humiex inklużi fi klassijiet oħra; ġlud tal-annimali; bagolli u bagalji; umbrelel, parasol u bsaten; frosti u oġġetti magħmulin mis-sarràġ”;

—

klassi 25: “Ħwejjeġ, żraben, kpiepel”;

—

klassi 29: “Laħam, ħut, tjur domestiku u selvaġġ; estratti tal-laħam; frott u ħaxix ikkonservat, iffriżat, imnixxef u imsajjar; ġeli, ġammijiet, frott ippreservat jew misjur fix-xiropp, bajd; ħalib u prodotti tal-ħalib; żjut u xaħmijiet li jittieklu”;

—

klassi 30: “Kafè, te, kawkaw, zokkor, ross; tapjoka, sago, kafè artifiċjali; dqiq u preparazzjonijiet magħmulin miċ-ċereali; ħobż, għaġina u ħlewwiet, ġelati; għasel, għasel iswed; ħmira, trab tal-ħami; melħ, mustarda; ħall, zlazi (kondimenti); ħwawar; silġ”;

—

klassi 31: “Prodotti agrikoli, ta’ ortikultura, ta’ foresterija u qamħ, li ma humiex inklużi fil-klassijiet l-oħra; annimali ħajjin; frott u ħaxix frisk; żrieragħ, pjanti u fjuri naturali; għalf għall-annimali; xgħir (malt)”;

—

klassi 32: “Birer; ilma minerali; ilma minerali u effervexxenti u xorb ieħor mhux alkoħoliku; xorb li fih il-frott u meraq magħmul mill-frott; xroppi u preparazzjonijiet oħra għax-xarbiet”;

—

klassi 43: “Servizzi għall-provvista ta’ ikel u xorb; akkomodazzjoni temporanja”.

4

L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil-Bullettin tat-trade marks Komunitarji Nru 127/2010, tat-13 ta’ Lulju 2010.

5

Fit-13 ta’ Ottubru 2010, ir-rikorrent, Government of Malaysia, oppona, skont l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009, ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni fl-intier tagħha.

6

Ir-raġunijiet invokati insostenn tal-oppożizzjoni kienu dawk imsemmija fl-Artikolu 8(1)(a) u (b) u (4) tar-Regolament Nru 207/2009.

7

L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq is-sinjal figurattiv, riprodott iktar ’il quddiem, li, għall-finijiet tal-Artikolu 8(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 207/2009, huwa, skont ir-rikorrent, magħruf fis-sens tal-Artikolu 8(2)(c) tal-imsemmi regolament moqri flimkien mal-Artikolu 6a tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-protezzjoni tal-proprjetà industrijali, tal-20 ta’ Marzu 1883, kif riveduta u emendata, u, għall-finijiet tal-Artikolu 8(4) ta’ dan ir-regolament, huwa trade mark mhux irreġistrata fir-Renju Unit li fir-rigward ta’ din it-trade mark ir-rikorrent jirrivendika l-użu għal varjetà ta’ prodotti u ta’ servizzi, fosthom l-ikel:

Image

8

Fis-16 ta’ Diċembru 2011, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni fl-intier tagħha. Fl-ewwel lok, hija qieset li r-reputazzjoni ta’ sinjal preċedenti fis-sens tal-Artikolu 8(2)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 ma ġiet pruvata f’ebda Stat Membru tal-Unjoni Ewropea. Fit-tieni lok, meta evalwat il-kriterji għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8(4) ta’ dan ir-regolament, hija qieset li l-provi ppreżentati mir-rikorrent ma kinux suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li, fid-data tal-preżentata tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, it-trade mark li ma kinitx irreġistrata tar-rikorrent kienet kisbet il-“goodwill” (il-ħila li tiġbed l-interess tal-klijentela) neċessarja fir-Renju Unit.

9

Fl-14 ta’ Frar 2012, ir-rikorrent ippreżenta appell quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009 kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

10

Permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Ġunju 2013 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni appellata”), l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appell.

11

Fir-rigward tar-raġuni għall-oppożizzjoni msemmija fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, qabel kollox, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li ma kienx ġie stabbilit li r-reat ta’ abbuż tad-denominazzjoni fir-Renju Unit kien japplika għas-sinjali li huma użati bħala marki. Madankollu, huwa indika li, fir-rigward tal-forma “estensiva” tal-azzjoni kontra l-abbuż tad-denominazzjoni, irrikonoxxuta mill-ġurisprudenza nazzjonali u li tippermetti lil bosta operaturi li jkollhom id-drittijiet fuq sinjal li għandu reputazzjoni fis-suq, l-imsemmi reat seta’ jiġi invokat għal dak li jirrigwarda l-“goodwill” miksub dwar sinjal li huwa użat bħala marka. Sussegwentement, huwa qies li l-provi pprovduti mir-rikorrent kienu insuffiċjenti sabiex, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, jiġi konkluż, mingħajr ir-riskju ta’ żball, li l-attivitajiet tal-bejgħ kienu pperikolaw il-“goodwill” miksub mingħand il-pubbliku rilevanti. Fl-aħħar nett, huwa kkonkluda li, fl-assenza tal-prova tal-imsemmija “goodwill”, li huwa wieħed mir-rekwiżiti kumulattivi ta’ dan ir-reat, l-oppożizzjoni li kienet ibbażata fuq l-imsemmija dispożizzjoni ma setgħetx tintlaqa’.

12

Fir-rigward tar-raġunijiet għall-oppożizzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 207/2009, il-Bord tal-Appell qies, essenzjalment, li r-rikorrent ma kienx stabbilixxa r-reputazzjoni tas-sinjal preċedenti fi ħdan l-Unjoni u, b’mod partikolari, li l-ebda waħda mill-provi ppreżentati ma kienu jagħtu evidenza, b’mod suffiċjenti, li l-pubbliku rilevanti kien jirrikonoxxi dan is-sinjal fid-data rilevanti, jiġifieri fil-25 ta’ Mejju 2010.

It-talbiet tal-partijiet

13

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

—

tannulla d-deċiżjoni appellata;

—

tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

14

L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

—

tiċħad ir-rikors;

—

tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

Id-dritt

Fuq l-ammissibbiltà tal-argumenti tal-UASI

15

Fir-replika, ir-rikorrent isostni li l-punti l-ġodda mqajma mill-UASI fir-risposta huma inammissibbli fir-rigward tal-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991 kif ukoll tal-ġurisprudenza. Huwa jsemmi, b’mod partikolari, id-dikjarazzjonijiet li ġejjin:

—

l-użu tas-sinjal preċedenti skontu ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009;

—

il-“goodwill” miksub mid-dritt tar-Renju Unit għal dak li jirrigwarda r-reat ta’ abbuż tad-denominazzjoni jeżisti biss jekk huwa jikkostitwixxi beni tal-impriża u jappartjeni, f’dan il-każ, lill-importaturi, lid-distributuri u lill-bejjiegħa bl-imnut;

—

il-ġurisprudenza tal-1984 ipprevediet limitu minimu ta’ bejgħ sabiex toħloq il-“goodwill” meħtieġ mid-dritt tar-Renju Unit għal dak li jirrigwarda l-azzjoni kontra l-abbuż tad-denominazzjoni.

16

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali huwa intiż għall-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI, fis-sens tal-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 207/2009. Barra dan, l-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991 jipprovdi li n-noti tal-partijiet ma jistgħux ibiddlu s-suġġett tal-kawża quddiem il-Bord tal-Appell.

17

F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell, fid-deċiżjoni appellata, illimita ruħu jikkonstata li s-sinjal preċedenti ma kienx kiseb il-“goodwill” meħtieġ mid-dritt tar-Renju Unit għal dak li jirrigwarda l-azzjoni kontra l-abbuż tad-denominazzjoni qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja u ma eżaminax ir-rekwiżiti l-oħra previsti fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009. Peress li l-kwistjoni dwar jekk is-sinjal preċedenti kienx ġie użat fil-kummerċ fejn il-portata ma kinitx biss lokali ma kinitx ġiet eżaminata fil-fond mill-Bord tal-Appell, ma huwiex l-obbligu tal-Qorti Ġenerali li teżaminaha, għall-ewwel darba, fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha tal-legalità tad-deċiżjoni appellata [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2011, Völkl vs UASI – Marker Völkl (VÖLKL), T‑504/09, Ġabra, EU:T:2011:739, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata]. Minn dan isegwi li dan l-argument huwa inammissibbli.

18

Fir-rigward tal-argumenti l-oħra tal-UASI, dwar ir-rekwiżiti tal-azzjoni kontra l-abbuż tad-denominazzjoni fir-Renju Unit, għandu jiġi kkonstatat li dawn huma intiżi li jikkompletaw id-domandi eżaminati mill-Bord tal-Appell u għandhom, għalhekk, jiġu ddikjarati ammissibbli.

Fuq il-mertu

19

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka raġuni waħda, ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009. Din ir-raġuni hija maqsuma f’żewġ partijiet.

Kunsiderazzjonijiet preliminari

20

Bis-saħħa tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, il-proprjetarju tas-sinjal jista’ jopponi r-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja jekk dan jissodisfa erba’ rekwiżiti. Is-sinjal invokat għandu jiġi użat fil-kummerċ, għandu jkollu portata li ma hijiex biss lokali, id-dritt għal dan is-sinjal irid inkun inkiseb konformement mad-dritt tal-Istat Membru fejn is-sinjal kien użat qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja u, fl-aħħar nett, dan is-sinjal għandu jirrikonoxxi lill-proprjetarju tiegħu l-għażla li jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti. Dawn l-erba’ rekwiżiti jillimitaw in-numru ta’ sinjali minbarra trade marks li jistgħu jiġu invokati sabiex ifixklu r-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja valida fit-territorju kollu tal-Unjoni, konformement mal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 207/2009 [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Marzu 2009, Moreira da Fonseca vs UASI – General Óptica (GENERAL OPTICA), T‑318/06 sa T‑321/06, Ġabra, EU:T:2009:77, punt 32]. Dawn ir-rekwiżiti huma kumulattivi, hekk li, meta sinjal ma jissodisfax waħda minn dawn ir-rekwiżiti, l-oppożizzjoni bbażata fuq l-eżistenza ta’ trade mark mhux irreġistrata jew fuq sinjali oħra użati fil-kummerċ, fis-sens tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, ma tistax tintlaqa’ [sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2009, Danjaq vs UASI – Mission Productions (Dr. No), T‑435/05, Ġabra, EU:T:2009:226, punt 35].

21

L-ewwel tnejn, jiġifieri dawk dwar l-użu u l-portata mhux biss lokali tas-sinjal preċedenti, jirriżultaw mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 u għalhekk għandhom jiġu interpretati fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, ir-Regolament Nru 207/2009 jistabbilixxi standards uniformi, relatati mal-użu tas-sinjali u mal-portata tagħhom, li huma koerenti mal-prinċipji li jispiraw is-sistema stabbilita minn dan ir-regolament (sentenza GENERAL OPTICA, punt 20 iktar ’il fuq, EU:T:2009:77, punt 33).

22

Min-naħa l-oħra, mill-frażi “meta u sal-limitu li, bis-saħħa […] tal-leġiżlazzjoni tal-liġi tal-Istat Membru li jirregola dak is-sinjal” jirriżulta li ż-żewġ rekwiżiti l-oħra, stabbiliti sussegwentement fl-Artikolu 8(4)(a) u (b) tar-Regolament Nru 207/2009, jikkostitwixxu rekwiżiti stabbiliti minn dan ir-regolament li, b’differenza minn dawk preċedenti, jiġu evalwati fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mid-dritt li jirregola s-sinjal invokat. Dan ir-riferiment għad-dritt li jirregola s-sinjal invokat huwa kompletament iġġustifikat, peress li r-Regolament Nru 207/2009 rrikonoxxa lil sinjali li ma humiex parti mis-sistema tat-trade mark Komunitarja l-possibbiltà li jiġu invokati kontra trade mark Komunitarja. Għalhekk, huwa biss id-dritt li jirregola s-sinjal invokat li jippermetti li jiġi stabbilit jekk dan kienx jeżisti qabel it-trade mark Komunitarja u jekk jistax jiġġustifika l-projbizzjoni ta’ użu ta’ trademark iktar reċenti (sentenza GENERAL OPTICA, punt 20 iktar ’il fuq, EU:T:2009:77, punt 34).

23

Min jopponi għandu jipprova li s-sinjal inkwistjoni jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Istat Membru invokat u li huwa jippermetti li jiġi pprojbit l-użu ta’ trade mark iktar reċenti [ara, b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2007, Budějovický Budvar vs UASI – Anheuser-Busch (BUDWEISER), T‑53/04 sa T‑56/04, T‑58/04 u T‑59/04, EU:T:2007:167, punt 74].

Fuq l-ewwel parti tar-raġuni unika, dwar l-interpretazzjoni żbaljata tar-rekwiżiti tar-reat ta’ abbuż tad-denominazzjoni fir-Renju Unit

24

Din l-ewwel parti, tinqasam fi tliet ilmenti.

25

Għal dak li jirrigwarda l-ewwel ilment, skont liema l-Bord tal-Appell interpreta u applika b’mod żbaljat ir-rekwiżiti tar-reat ta’ abbuż tad-denominazzjoni fir-Renju Unit meta ma rrikonoxxiex li t-trade mark preċedenti kienet taqa’ taħt il-forma “klassika” tal-imsemmi reat, ir-rikorrent isostni li, minn naħa, il-Bord tal-Appell ma ammettiex li kien ġie stabbilit li dan ir-reat kien japplika għas-sinjali li kienu użati bħala marki u, min-naħa l-oħra, huwa evalwa l-oppożizzjoni fir-rigward tal-ipoteżi li din kienet ibbażata fuq l-istess reat fil-forma “estensiva” tiegħu, fatt li kellu riperkussjonijiet negattivi fuq l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi f’dan il-każ.

26

Iktar minn hekk, ir-rikorrent jispeċifika li, fil-forma “klassika” tar-reat ta’ abbuż tad-denominazzjoni fir-Renju Unit, ir-reputazzjoni u l-“goodwill” dwar it-trade mark inkwistjoni jappartjenu esklużivament lill-applikant. Min-naħa l-oħra, fil-forma “estensiva” tal-imsemmi reat, ir-reputazzjoni u l-“goodwill” dwar it-trade mark inkwistjoni ma humiex esklużivament tal-applikant, iżda huma maqsuma ma’ bosta operaturi indipendenti f’settur, kull wieħed minnhom iġġustifikat bi sħiħ li jsostni d-drittijiet tiegħu kontra terzi.

27

Ir-rikorrent iżid li l-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq il-forma “klassika” tar-reat ta’ abbuż tad-denominazzjoni fir-Renju Unit, peress li t-tliet elementi li jikkostitwixxu l-imsemmi reat f’din il-forma, jiġifieri, il-“goodwill” miksub, il-preżentazzjoni qarrieqa u d-dannu kkawżat lil “goodwill”, kienu ltaqgħu. Barra minn hekk, ma hemmx dubju li dan ir-reat japplika għall-marki.

28

L-UASI jikkontesta din l-argumentazzjoni.

29

Preliminarjament, għandu jitfakkar li r-rikorrent iddikjara waqt is-seduta li, sadanittant, huwa kien irreġistra u nnotifika l-marka tiegħu skont l-Artikolu 6(b) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-protezzjoni tal-proprjetà industrijali.

30

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, minn naħa, li, peress li l-UASI ma setax jieħu inkunsiderazzjoni fatti li ma kinux tressqu quddiemu mill-partijiet, il-legalità tad-deċiżjonijiet tiegħu ma tistax tiġi kkontestata abbażi ta’ tali fatti. Għaldaqstant, bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni provi intiżi sabiex jippruvaw dawn il-fatti (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2006 Rossi vs UASI, C‑214/05 P, Ġabra, EU:C:2006:494, punt 52). Hemm lok li jiġi osservat, min-naħa l-oħra, li, skont il-formulazzjoni tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, dan l-artikolu jista’ jiġi applikat biss fir-rigward tal-oppożizzjoni tal-proprjetarju ta’ trade mark li ma hijiex irreġistrata jew ta’ sinjal ieħor użat fil-kummerċ li l-portata tiegħu ma hijiex lokali biss.

31

Fil-każ preżenti, il-liġi tal-Istat Membru applikabbli għat-trade mark preċedenti mhux irreġistrata hija t-Trade Marks Act 1994 (liġi tar-Renju Unit fuq it-trade marks), li l-Artikolu 5(4) tagħha, jipprovdi:

“Trade mark ma tistax tiġi rreġistrata jekk, jew sa fejn, l-użu tagħha fir-Renju Unit jista’ jiġi pprojbit:

a)

minħabba kwalunkwe regola tad-dritt [b’mod partikolari taħt id-dritt li jirrigwarda l-abbuż tad-denominazzjoni (law of passing off)] li tipproteġi trade mark mhux irreġistrata jew kull sinjal ieħor użat fil-kummerċ […]”

32

Mill-Artikolu 5(4) tat-Trade Marks Act 1994, kif interpretat mill-qrati nazzjonali, jirriżulta li r-rikorrent irid jipproduċi l-prova li, konformement mas-sistema legali tal-azzjoni kontra l-abbuż tad-denominazzjoni prevista fid-dritt tar-Renju Unit, tliet rekwiżiti huma ssodisfatti, jiġifieri, il-“goodwill” miksub, il-preżentazzjoni qarrieqa u d-dannu kkawżat lil “goodwill” [sentenza tat-18 ta’ Jannar 2012, Tilda Riceland Private vs UASI – Siam Grains (BASmALI), T‑304/09, Ġabra, EU:T:2012:13, punt 19].

33

F’dan il-każ, għalhekk, huwa xieraq li jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk is-sinjal preċedenti, ippreżentat bħala marka mir-rikorrent, li jiddistingwi l-prodotti ċċertifikati minn dawk li ma humiex, jistax iservi bħala bażi għal azzjoni kontra l-abbuż tad-denominazzjoni fir-Renju Unit, Skont il-Bord tal-Appell, ir-rikorrent ma pproduċiex prova li r-reat ta’ abbuż tad-denominazzjoni fir-Renju Unit japplika għas-sinjali li huma użati bħala marki, kif kien l-obbligu tiegħu jagħmel.

34

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali diġà qieset li kien jirriżulta mill-ġurisprudenza nazzjonali li sinjal użat sabiex jindika oġġetti jew servizzi jista’ jkun jikseb reputazzjoni fis-suq, fis-sens tad-dritt applikabbli għall-azzjoni kontra l-abbuż tad-denominazzjoni [sentenzi tal-11 ta’ Ġunju 2009, Last Minute Network vs UASI – Last Minute Tour (LAST MINUTE TOUR), T‑114/07 u T‑115/07, Ġabra, EU:T:2009:196, punt 84, u BASmALI, punt 32 iktar ’il fuq, EU:T:2012:13, punt 28].

35

Barra minn hekk, diġà ġie deċiż li kien jirriżulta mill-ġurisprudenza nazzjonali, b’mod partikolari minn dik li tissemma’ fil-punt 34 iktar ’il fuq, li sinjal użat sabiex jindika oġġetti jew servizzi jista’ jkun jikseb reputazzjoni fis-suq, fis-sens tad-dritt applikabbli għall-azzjoni kontra l-abbuż tad-denominazzjoni, anki jekk kien użat minn diversi operaturi. Minn dan jirriżulta li dawn l-operaturi jistgħu jiddisponu mid-drittijiet tagħhom fuq sinjal li jkun kiseb reputazzjoni fis-suq, skont il-forma “estensiva” ta’ din l-azzjoni rikonoxxuta mill-ġurisprudenza nazzjonali (sentenza BASmALI, punt 32 iktar ’il fuq, EU:T:2012:13, punt 28).

36

Għalhekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat f’dan il-każ li, sa fejn is-sinjal preċedenti huwa użat sabiex jindika oġġetti jew servizzi ċċertifikati minnu, huwa jista’, bħala marka, jikseb il-“goodwill” meħtieġ mid-dritt tar-Renju Unit għal dak li jirrigwarda l-abbuż tad-denominazzjoni.

37

Madankollu, tibqa’ tissussisti l-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrent, bħala amministratur ta’ sistema ta’ ċertifikazzjoni, għandux ikun l-uniku proprjetarju tal-“goodwill” marbut mal-bejgħ tal-prodotti u tas-servizzi b’din il-marka inkwistjoni.

38

Il-Qorti Ġenerali tqis li l-organi pubbliċi jistgħu huma wkoll jiġu protetti permezz tal-azzjoni kontra l-abbuż tad-denominazzjoni sa fejn l-attivitajiet tagħhom jistgħu joħolqu goodwill. Fil-fatt, jekk l-imsemmija organi jużaw ċertu sinjal li jappartjeni lilhom esklużivament, huma jistgħu jinvokaw il-“goodwill” marbut mal-bejgħ tal-prodotti u tas-servizzi b’dan is-sinjal. Bl-istess mod, jekk dawn l-organi jaqsmu l-użu ta’ sinjal kwalunkwe ma’ operaturi oħra, il-“goodwill” jista’ jiġi invokat mill-istess organi pubbliċi u mill-operaturi rilevanti. Fi kwalunkwe każ, f’dan il-każ, “goodwill” kien inħoloq.

39

F’każ fejn sinjal preċedenti huwa użat minn diversi operaturi, il-proprjetà tal-“goodwill” għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ. Konsegwentement, sabiex jiġi stabbilit jekk ir-rikorrent huwiex l-uniku proprjetarju tal-“goodwill”, hemm lok li tiġi evalwata l-ħila li tiġbed l-interess tal-klijentela tal-marka.

40

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikorrent spjega fid-dettall kif tiffunzjona s-sistema ta’ ċertifikazzjoni tiegħu dwar il-konformità tal-prodotti rilevanti max-xarija, il-funzjoni tagħha intiża li teżamina l-proċessi ta’ fabbrikazzjoni żviluppati mill-partijiet li jixtiequ jsiru utenti awtorizzati tat-trade mark tiegħu u l-funzjoni tiegħu ta’ sorveljanza tal-użu tagħha minnhom sabiex jiżgura li r-regoli dwar il-kwalità tas-sistema tiegħu huma osservati. Dawn l-ispjegazzjonijiet għandhom iwasslu, skontu, sabiex jitqies li l-awtorizzazzjoni li huwa jagħti lill-utenti dwar l-użu tat-trade mark tiegħu u tas-sistema ta’ ċertifikazzjoni tiegħu tikkorrispondi, mill-perspettiva legali, għal liċenzja ta’ użu. Huwa jqis li dawn l-utenti huma biss detenturi ta’ din il-liċenzja u ma jiksbux la drittijiet ta’ proprjetà fuq it-trade mark u lanqas drittijiet fuq ir-reputazzjoni jew il-“goodwill” marbuta magħha. Waqt is-seduta, ir-rikorrent insista dwar l-assenza ta’ tqassim kemm tal-“goodwill” kif ukoll tar-reputazzjoni tat-trade mark.

41

Għalhekk, skont ir-rikorrent, il-Bord tal-Appell wettaq żball meta qies li l-“goodwill” tat-trade mark preċedenti kienet diviża bejnu u l-utenti awtorizzati u li l-oppożizzjoni kellha tibbaża ruħha fuq il-forma “estensiva” tar-reat ta’ abbuż tad-denominazzjoni. B’dan il-mod, il-Bord tal-Appell kien żbalja fl-identifikazzjoni tal-attività korretta kkonċernata mill-“goodwill”.

42

Il-Qorti Ġenerali tqis li, f’dan il-każ, fir-rigward tas-sistema ta’ ċertifikazzjoni tar-rikorrent dwar il-konformità tal-prodotti max-xarija, tal-funzjoni tagħha intiża li teżamina l-proċessi ta’ fabbrikazzjoni żviluppati minn terzi li jixtiequ jsiru utenti awtorizzati tal-marka tiegħu u fid-dawl tal-funzjoni tiegħu ta’ sorveljanza tal-użu tal-marka minn dawn l-utenti awtorizzati sabiex jiżgura li r-regoli ta’ kwalità li kien stabbilixxa huma osservati, huwa r-rikorrenti li għandu jitqies li huwa l-proprjetarju tal-“goodwill”.

43

Fil-fatt, il-konsumaturi tal-prodotti u l-utenti tas-servizzi, hekk kif jipperċepixxu l-marka mogħtija mir-rikorrent, huma informati dwar il-konformità tagħhom mad-dieta halal skont is-sistema ta’ verifika ggarantita fil-Malasja. Barra minn hekk, il-marka tista’ tindika profil pubbliku, ta’ provenjenza governattiva, li jinforma lill-konsumaturi, fatt li jsaħħaħ il-pussess esklużiv tagħha mir-rikorrent u mhux pussess diviż ma’ operaturi oħra, anki dawk li huma awtorizzati li jużawha.

44

Madankollu, jirriżulta mill-punt 41 tad-deċiżjoni appellata, kif ukoll mill-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell, li l-eżistenza tal-“goodwill” meħtieġa mid-dritt tar-Renju Unit għal dak li jirrigwarda r-reat ta’ abbuż tad-denominazzjoni, kemm fil-forma “estensiva” kif ukoll fil-forma tiegħu “klassika”, ma ntwerietx.

45

Fir-rigward tas-sistema ta’ ċertifikazzjoni halal invokata mir-rikorrent, barra minn hekk għandu jiġi osservat li l-Bord tal-Appell ma kkontestax l-eżistenza tagħha.

46

Fil-fatt, il-Bord tal-Appell insista dwar il-fatt li l-ebda prova, fiha nnifisha jew flimkien ma’ oħrajn, ma twassal għall-konklużjonijiet ċerti u diretti dwar il-perċezzjoni tal-marka tar-rikorrent tal-konsumatur imsemmi fir-Renju Unit u, konsegwentement dwar il-kisba tal-“goodwill” miksub mill-pubbliku rilevanti li jixtri l-prodott iċċertifikat finali.

47

Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent enfasizza li l-UASI ammetta li l-provi ppreżentati quddiem il-Bord tal-Appell jikkonfermaw użu ċert tas-sinjal, fatt li jikkonferma l-eżistenza ta’ ċertu “goodwill”.

48

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-użu ċert ta’ sinjal, kif osservat mill-Bord tal-Appell fil-punt 41 tad-deċiżjoni appellata, mhux neċessarjament jistabbilixxi l-eżistenza ta’ “goodwill”, jiġifieri li l-użu ċert ta’ sinjal determinat jista’ jkun ekwivalenti għall-użu tiegħu, iżda mhux sal-punt li jeżerċita ħila li jiġbed l-interess tal-klijenti li, f’dan il-każ, jagħmlu l-għażla tagħhom skont ir-reputazzjoni tajba li r-rikorrent ikun eventwalment kiseb. Għalhekk, indipendentement mill-forma “klassika” jew “estensiva” tar-reat ta’ abbuż tad-denominazzjoni f’dan il-każ, ir-rikorrent ma pproduċiex il-prova tal-eżistenza ta’ “goodwill”, jiġifieri ta’ ħila li tiġbed l-interess tal-klijentela, tal-marka tiegħu.

49

Fil-fatt, l-ebda prova li ta r-rikorrent ma turi li l-konsumatur kien verament jaf bil-marka tar-rikorrent sal-punt li jagħmilha tipprevali fuq is-sinjali l-oħra rreġistrati għall-prodotti li fuqhom kienet twaħħlet.

50

Minn dan isegwi li r-rikorrent ma wera l-ebda “goodwill” tal-marka, li jikkostitwixxi wieħed mir-rekwiżiti kumulattivi tar-reat ta’ abbuż tad-denominazzjoni fir-Renju Unit. Għalhekk, żball eventwali mwettaq mill-Bord tal-Appell, li jinsab fl-applikazzjoni tal-forma “estensiva” minflok tal-forma “klassika” tal-imsemmi reat, fi kwalunkwe każ, ma huwiex ta’ natura li jbiddel id-deċiżjoni appellata.

51

Konsegwentement, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

52

Fil-kuntest tat-tieni lment, ir-rikorrent isostni li l-Bord tal-Appell ried, bi żball, “goodwill” minimu “meħtieġ” jew “neċessarju” sabiex jissodisfa r-rekwiżit tar-reat ta’ abbuż tad-denominazzjoni fir-Renju Unit.

53

Għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ “goodwill” tat-trade mark preċedenti mhux irreġistrata u tal-karattru suffiċjenti tagħha, ir-rikorrent jenfasizza li hija l-qorti li għandha tevalwa l-firxa tagħha. Fil-każ li din il-firxa titqies li hija limitata, jista’ jkun iktar diffiċli għal min qed jagħmel it-talba għal reat ta’ abbuż tad-denominazzjoni li jipprovdi l-prova li r-rekwiżiti l-oħra tar-reat ta’ abbuż huma ssodisfatti.

54

Ir-rikorrent iqis, essenzjalment, li l-Bord tal-Appell kellu jevalwa l-firxa tar-reputazzjoni u tal-“goodwill” tat-trade mark preċedenti mhux irreġistrata sabiex jivverifika jekk l-ewwel rekwiżit tar-reat ta’ abbuż tad-denominazzjoni kienx issodisfatt u li, sussegwentement, huwa kellu jevalwa jekk ir-rekwiżiti l-oħra tar-reat ta’ abbuż tad-denominazzjoni fir-Renju Unit kinux issodisfatti.

55

L-UASI jikkontesta din l-argumentazzjoni.

56

Fir-rigward tar-rekwiżit tal-limitu minimu ta’ “goodwill”, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-qrati tar-Renju Unit huma retiċenti ħafna li jiddeċiedu li impriża jista’ jkollha klijenti, iżda mhux “goodwill” [sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2010, Tresplain Investments vs UASI – Hoo Hing (Golden Elephant Brand), T‑303/08, Ġabra, EU:T:2010:505, punti 110 sa 115].

57

Hemm ukoll lok li jiġi kkunsidrat, għal kuntrarju ta’ dak li allega r-rikorrent, li l-Bord tal-Appell ma kienx irrikjeda limitu minimu ta’ “goodwill” tal-marka tiegħu, meta huwa jsostni li d-distribuzzjoni tal-prodotti li għandhom din il-marka kienet limitata u ma kinitx xierqa, indipendentement minn tali limitu minimu.

58

Fil-fatt, il-Bord tal-Appell kien ikkonċentrat fuq il-fatt li l-provi prodotti ma kinux jippermettu li jiġi konkluż, mingħajr riskju ta’ żball, li l-attivitajiet ta’ kummerċ tar-rikorrent kienu ġġeneraw il-“goodwill” miksub mill-pubbliku rilevanti. Iktar minn hekk, għandu jitqies li, meta l-imsemmi Bord għamel riferiment, fil-punt 37 tad-deċiżjoni appellata, għal ċertu grad ta’ “goodwill”, jiġifieri “‘goodwill’ suffiċjenti”, huwa ried biss jirreferi għall-bżonn tal-eżistenza tal-“goodwill” tas-sinjal tar-rikorrent fir-relazzjoni tiegħu mal-klijenti sabiex l-azzjoni ta’ abbuż tad-denominazzjoni tintlaqa’.

59

Barra minn dan, għandu jiġi kkonstatat li, waqt is-seduta, l-UASI ddikjara li ma kienx jaħseb li r-regola de minimis kienet rilevanti, billi jsegwi, l-istess raġunament bħal dak tal-Bord tal-Appell, li kien kiteb, fil-punt 33 tad-deċiżjoni appellata, “indipendentement minn limitu minimu eventwali”. Għalhekk, il-Bord tal-Appell sempliċement ikkunsidra li l-firxa tal-“goodwill” murija kienet pjuttost limitata u ma kinitx xierqa, indipendentement minn limitu minimu eventwali, sabiex tippermetti, fiċ-ċirkustanzi fil-każ ineżami, li jiġi konkluż mingħajr riskju ta’ żball li l-attivitajiet ta’ kummerċ kienu ġġeneraw il-“goodwill” miksub mill-pubbliku rilevanti.

60

Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li, għal kuntrarju ta’ dak li jsostni r-rikorrent, il-Bord tal-Appell qatt ma kien irrikjeda li r-rikorrent juri limitu minimu ta’ “goodwill” tal-marka tiegħu. Fil-fatt, il-Bord tal-Appell kien jeħtieġ biss il-prova tal-eżistenza ta’ “goodwill” bħala l-ewwel rekwiżit tar-reat ta’ abbuż tad-denominazzjoni, peress li l-assenza ta’ dan ir-rekwiżit teżonera, skont il-qrati tar-Renju Unit, l-eżami tar-rekwiżiti l-oħra ta’ dan ir-reat u timplika ċ-ċaħda qabel kollox tat-talba għall-azzjoni kontra l-abbuż tad-denominazzjoni [Każ Assos of Switzerland Roger Maier vs Asos Asos.com (2013) EWHC 2831 (ch)].

61

Għaldaqstant, it-tieni lment għandu jiġi miċħud.

62

Għal dak li jirrigwarda t-tielet ilment, dwar l-allegata definizzjoni żbaljata tal-pubbliku rilevanti, ir-rikorrent josserva li, fil-kuntest tal-azzjoni kontra l-abbuż tad-denominazzjoni, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni r-reputazzjoni u l-“goodwill” miksuba mill-klijenti kollha tiegħu, jiġifieri kemm mill-professjonisti kif ukoll mill-konsumaturi finali. Issa, il-Bord tal-Appell kien injora l-klijenti professjonali rilevanti, li, f’dan il-każ, kienu jinkludu l-bejjiegħa bl-imnut, il-bejjiegħa bl-ingrossa u l-importaturi li jinsabu fir-Renju Unit, peress li huma kienu xtraw il-prodotti bit-trade mark preċedenti mhux irreġistrata.

63

Ir-rikorrent isostni li l-promozzjoni u r-reklamar tal-proċess ta’ ċertifikazzjoni tiegħu u x-xiri tal-prodotti mill-bejjiegħa bl-imnut u mill-bejjiegħa bl-ingrossa kif ukoll l-importazzjonijiet imwettqa mill-impriżi li jinsabu fir-Renju Unit kienu prova tal-eżistenza tal-“goodwill” tal-marka tagħha.

64

L-UASI jikkontesta din l-argumentazzjoni.

65

Hemm lok jitfakkar, għal dak li jirrigwarda l-pubbliku rilevanti, li jirriżulta mill-ġurisprudenza nazzjonali li, fil-każ ta’ reat ta’ abbuż tad-denominazzjoni, in-natura qarrieqa tal-preżentazzjoni tal-prodotti u tas-servizzi tal-konvenut fl-azzjoni kontra l-abbuż tad-denominazzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-klijenti ta’ min qed jagħmel it-talba għall-imsemmija azzjoni, jiġifieri l-klijenti tar-rikorrent (sentenza LAST MINUTE TOUR, punt 34 iktar ’il fuq, EU:T:2009:196, punt 60).

66

Fil-fatt, il-proprjetà protetta mill-azzjoni kontra l-abbuż tad-denominazzjoni ma tirrigwardax kelma jew isem li l-użu tiegħu minn terzi huwa limitat, iżda l-klijentela stess li tiġi ppreġudikata mill-użu kontenzjuż, peress li r-reputazzjoni ta’ trade mark hija l-ħila li tiġbed l-interess tal-klijentela u l-kriterju li jippermetti li ssir distinzjoni bejn impriża stabbilita u impriża ġdida (sentenza LAST MINUTE TOUR, punt 34 iktar ’il fuq, EU:T:2009:196, punt 61).

67

F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell irrefera, fil-punt 33 tad-deċiżjoni appellata, għall-“klijenti tal-persuna li qed topponi li jixtru l-prodott iċċertifikat [bħala li huwa] halal”. Għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell qatt ma ddikjara li l-pubbliku rilevanti kien ikkostitwit unikament minn konsumaturi finali. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-aġenti intermedjarji, jiġifieri l-bejjiegħa bl-imnut, il-bejjiegħa bl-ingrossa u l-importaturi, jixtru l-prodotti bil-marka tar-rikorrent u jikkostitwixxu għalhekk, bl-istess mod bħal konsumaturi finali, il-“klijenti tal-persuna li qed topponi” u li għalhekk ma kinux esklużi mill-kunċett tal-pubbliku rilevanti.

68

Iktar minn hekk, il-Qorti Ġenerali osservat li l-Bord tal-Appell eżamina l-provi ppreżentati mir-rikorrent, jiġifieri lista ta’ esportaturi Malasjani u ta’ importaturi Ewropej, id-dikjarazzjonijiet doganali ta’ merkanzija, kont kummerċjali dwar din tal-aħħar kif ukoll kontijiet indirizzati lill-bejjiegħa bl-imnut. Minn dak li jippreċedi jirriżulta, għal kuntrarju ta’ dak li jsostni r-rikorrent, li l-Bord tal-Appell ħa wkoll inkunsiderazzjoni l-klijenti professjonali.

69

It-tielet ilment għandu, konsegwentement, jiġi miċħud.

Fuq it-tieni parti tar-raġuni unika, dwar l-evalwazzjoni żbaljata tal-provi ppreżentati sabiex juru r-reputazzjoni u l-“goodwill” tat-trade mark preċedenti fir-Renju Unit

70

Ir-rikorrent josserva li, fil-waqt tal-evalwazzjoni tal-provi li huwa ppreżenta lill-Bord tal-Appell, dan tal-aħħar ma ħax inkunsiderazzjoni la tal-importanza li l-konsumaturi professjonali u finali, sew jekk humiex Musulmani sew jekk le, jorbtu mat-trade mark tiegħu, la tal-firxa tagħha fir-Renju Unit, u lanqas tal-attività tiegħu fuq livell globali u internazzjonali.

71

Skont ir-rikorrent, il-Bord tal-Appell injora bi żball il-mira prinċipali tal-konsumaturi tat-trade mark tiegħu u tal-programm ta’ ċertifikazzjoni tiegħu, jiġifieri l-konsumaturi Musulmani, u, għalhekk, id-deċiżjoni appellata fl-ebda ħin ma qieset il-“goodwill” tal-marka tiegħu fost dawn il-konsumaturi li għalihom in-natura halal ta’ prodott hija fattur determinanti u prinċipali fid-deċiżjoni tax-xiri.

72

Iktar minn hekk, il-Bord tal-Appell kien identifika numru ta’ riklami f’gazzetta, li kienu kollha preċedenti għad-data tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, li l-maġġoranza tagħhom tindirizza suq tal-esportazzjoni Malasjan u li kienu ġew ippubblikati u trażmessi fir-Renju Unit. Konsegwentement, ir-riklami f’din il-gazzetta bilfors iġġeneraw xi forma ta’ reputazzjoni u ta’ “goodwill” tal-marka inkwistjoni fost il-pubbliku rilevanti u l-operaturi tar-Renju Unit.

73

L-UASI jikkontesta din l-argumentazzjoni.

74

Hekk lok li jiġi kkonstatat, kif osserva l-Bord tal-Appell fil-punt 29 tad-deċiżjoni appellata, li l-eżistenza ta’ “goodwill” hija prinċipalment stabbilita billi tinġieb il-prova tal-attivitajiet kummerċjali u ta’ riklamar, tal-kontijiet tal-klijenti, eċċ. Il-prova tal-attivitajiet kummerċjali serji li twassal għall-kisba ta’ reputazzjoni u ta’ żvilupp ta’ klijentela tkun ġeneralment suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit “goodwill”.

75

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali tqis xieraq li jiġi eżaminat il-mod kif il-professjonisti u l-konsumaturi finali, Musulmani jew mhux, jipperċepixxu l-marka tar-rikorrent. Fit-tieni lok, huwa xieraq li jsir eżami tal-provi bħal pubblikazzjonijiet, avvenimenti, informazzjoni dwar l-attività tiegħu fuq il-pjan internazzjonali intiż li juri l-firxa tat-trade mark fir-Renju Unit.

76

Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda l-perċezzjoni mill-konsumaturi Musulmani ta’ sinjal, ikun x’ikun, li jidentifika l-osservanza ta’ ċerti prodotti konformi max-xarija, għandu jitqies li dan it-tip ta’ sinjal jista’ jattira partikolarment l-attenzjoni tal-imsemmija konsumaturi. Madankollu, dawn tal-aħħar joqogħdu attenti qabel kollox għall-prodott bħala tali u għat-trade mark distintiva li tidentifikah u huwa biss sussegwentement li huma jiżguraw ruħhom li l-prodott josserva d-dieta halal billi jfittxu s-sinjal li jiddikjara dan, jiġifieri jew it-trade mark preċedenti mhux irreġistrata, jew sinjal ieħor ekwivalenti. B’dan il-mod, l-istess konsumaturi jindunaw bil-marka tar-rikorrent, iżda wara l-perċezzjoni tas-sinjali l-oħra li jkollhom il-prodott jew is-servizz.

77

Għalhekk għandu jiġi osservat, l-istess bħalma josserva l-Bord tal-Appell, li l-provi miġjuba mir-rikorrent ma jurux li l-konsumaturi Musulmani jafu bil-marka inkwistjoni u li dan il-fatt seta’ jinfluwenza d-deċiżjonijiet tagħhom tax-xiri.

78

Waqt is-seduta, l-UASI sostna li, fl-2010, is-suq halal fir-Renju Unit kien jirrappreżenta fatturat importanti ħafna minħabba fil-preżenza ta’ komunità Musulmana sinjifikattiva ħafna. Madankollu, il-prodotti Malasjani li għandhom il-marka tar-rikorrent ma humiex l-uniċi prodotti halal magħmula fid-dinja u lanqas ma huma l-uniċi prodotti halal mibjugħa fir-Renju Unit. Għal din ir-raġuni, l-eżistenza ta’ prova, b’mod partikolari ta’ fatturat, li l-konsumaturi Musulmani fir-Renju Unit jafu bil-marka speċifika tar-rikorrent u jfittxuha b’mod attiv fil-prodotti halal li fuqhom tinsab din il-marka kienet indispensabbli sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ “goodwill” ta’ din il-marka.

79

Fir-rigward tal-perċezzjoni tal-marka tar-rikorrent mill-konsumaturi li ma humiex Musulmani, għandu jiġi osservat li dan iddikjara, waqt is-seduta, li, minħabba l-fatt li r-Renju Unit kien soċjetà multikulturali, id-dinja kollha, inkluż l-imsemmija konsumaturi, kienu jafu perfettament bis-sinjifikat tal-kelma “halal”.

80

Skont ir-rikorrent, il-marka tiegħu hija interpretata mill-konsumaturi li ma humiex Musulmani bħala simbolu ta’ kwalità u mhux biss bħala simbolu ta’ konformità max-xarija. Huwa jirreferi, f’dan ir-rigward, għal riklami fil-gazzetta, bħal “The mark of Quality, Hygiene & Safety”, “Peace of mind for non-Muslims too” u “Besides the Brand, There’s One Symbol You Can Trust”. Waqt is-seduta, huwa speċifika li l-imsemmija gazzetta kienet disponibbli mad-dinja kollha f’verżjoni stampata u f’verżjoni elettronika u li ma kinitx biss aċċessibbli lill-abbonati, kif il-Bord tal-Appell kien bi żball sostna fil-punt 38 tad-deċiżjoni appellata. Konsegwentement, l-imsemmi bord kien bi żball ikkonkluda li t-trade mark preċedenti kienet injorata mill-konsumaturi li ma kinux isegwu dieta halal u li għaldaqstant kien iktar diffiċli li jiġi stabbilit il-“goodwill” tagħha. Ir-rikorrent jirreferi wkoll għal numru ta’ artikoli ppubblikati f’din il-gazzetta kif ukoll fuq bosta siti tal-Internet. Fl-aħħar nett, huwa jindika li kien ipparteċipa f’żewġ avvenimenti, fir-Renju Unit, li matulhom huwa kien ippromwova l-marka tiegħu.

81

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 ma jirreferix għall-użu “ġenwin” tas-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni u li ma hemm xejn fil-formulazzjoni tal-Artikolu 42(2) u (3) ta’ dan ir-regolament li juri li r-rekwiżit tal-prova tal-użu ġenwin japplika għal tali sinjal. Madankollu, sabiex ikun ta’ ostakolu għar-reġistrazzjoni ta’ sinjal ġdid abbażi tal-artikolu msemmi iktar ’il fuq, is-sinjal li huwa invokat insostenn tal-oppożizzjoni għandu jintuża effettivament b’mod suffiċjentement sinjifikanti fil-kummerċ (sentenza tad-29 ta’ Marzu 2011, Anheuser-Busch vs Budějovický Budvar, C‑96/09 P, Ġabra, EU:C:2011:189, punt 159).

82

Għal dak li jirrigwarda l-mument li fih il-“goodwill” għandu jiġi stabbilit, bis-saħħa tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, id-data rilevanti hija dik tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja li kontra tagħha saret l-oppożizzjoni (sentenza Golden Elephant Brand, punt 56 iktar ’il fuq, EU:T:2010:505, punt 99). Għalhekk, id-data rilevanti hija, f’dan il-każ, il-25 ta’ Mejju 2010. Issa, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li bosta provi msemmija mir-rikorrent ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-perijodu rilevanti.

83

F’dan il-każ, fi kwalunkwe każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell qies ġustament li r-rikorrent ma kienx ġab prova ta’ użu sinjifikattiv tal-imsemmija marka. Fil-fatt, il-provi ppreżentati mir-rikorrent ma kinux biżżejjed sabiex juru l-ħila li l-marka tiegħu tiġbed l-interess tal-klijentela u, konsegwentement, il-“goodwill” tal-imsemmija marka. Ir-rikorrent ma jipprovdix provi li jippermettu li l-perċezzjoni ta’ din il-marka tinftiehem mill-pubbliku rilevanti. Huwa jipproduċi prova li kien żgura r-reklamar u d-divulgazzjoni tal-marka tiegħu, iżda ma pproduċiex provi rigward il-perċezzjoni tagħha mill-konsumaturi Musulmani u dawk li ma humiex Musulmani.

84

Fl-aħħar nett, f’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, l-istess bħalma josserva l-UASI, li, mill-organizzazzjonijiet kollha halal li avviċina r-rikorrent sabiex jikkonferma l-għarfien tagħhom dwar il-marka tiegħu, organizzazzjoni waħda biss irrispondiet, fatt li b’mod ċar huwa insuffiċjenti sabiex juri l-“goodwill” tal-imsemmija marka.

85

Fit-tieni lok, għandu jiġi stabbilit jekk il-Bord tal-Appell eżaminax b’mod korrett il-provi intiżi li juru l-firxa tat-trade mark preċedenti mhux irreġistrata fir-Renju Unit.

86

L-ewwel nett, hemm lok li jiġi osservat li, għal dak li jirrigwarda l-fatturat dwar il-“Global Halal food market” (is-suq dinji tal-ikel halal), ir-rikorrent ipprovda ċ-ċifri proprji għas-snin 2004, 2005 u 2009 u dawk previsti għas-sena 2010 dwar b’mod partikolari Franza u r-Renju Unit.

87

Madankollu, kif enfasizza l-Bord tal-Appell fil-punt 34 tad-deċiżjoni appellata, dawn iċ-ċifri jippreżentaw biss valur probatorju dgħajjef, sa fejn huma ma jippermettux li jsir magħruf liema perċentwali ta’ bejgħ tal-prodotti kien twettaq mill-prodotti bis-sinjal preċedenti matul il-perijodu rilevanti. Fil-fatt, id-dokument ikkonċernat jindika li “l-parti l-kbira tal-prodotti” jinkludu t-trade mark preċedenti, li n-numru tal-impriżi ċċertifikati bħala li huma halal fil-Malasja “jibqa’ jikber kull sena (...)” u li l-potenzjal ta’ dawn l-impriżi li jesportaw mad-dinja kollha, b’mod partikolari fl-Ewropea, huwa “enormi”. Minħabba fin-nuqqas ta’ preċiżazzjoni tagħhom, ma huwiex għalhekk possibbli li dawn jittieħdu inkunsiderazzjoni, peress li, fil-kuntest tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, il-prova tal-użu ta’ sinjal preċedenti ma tistax tingħata abbażi ta’ probabbiltajiet u preżunzjonijiet [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2013, Dimian vs UASI – Bayer Design Fritz Bayer (Baby Bambolina), T‑581/11, EU:T:2013:553, punt 29].

88

It-tieni nett, għal dak li jirrigwarda l-lista tal-esportaturi Malasjani u l-importaturi Ewropej, ir-rikorrent semma’, fir-rigward tar-Renju Unit, tliet entitajiet. Huwa ppreżenta wkoll dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni ta’ 1892 pakkett bl-ikel favur importatur bid-data tal-10 ta’ Mejju 2008. Il-marka kienet tidher fuq 1600 pakkett ta’ prodott. Huwa pprovda wkoll fattura kummerċjali favur importatur ieħor, bid-data tal-5 ta’ Mejju 2010, dwar 14-il prodott differenti, fejn wieħed minn 85 pakkett tiegħu kellu l-marka.

89

Qabel kollox, għal dak li jirrigwarda l-fattura kummerċjali maħruġa favur importatur, bid-data tal-5 ta’ Mejju 2010, il-Bord tal-Appell ikkunsidra ġustament, fil-punt 35 tad-deċiżjoni appellata, li din id-data tqajjem il-kwistjoni li jsir magħruf jekk il-prodotti li jsir riferiment għalihom kinux disponibbli għall-konsumaturi fir-Renju Unit qabel il-perijodu rilevanti, jiġifieri qabel id-data tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja. Fi kwalunkwe każ, u anki jekk tittieħed inkunsiderazzjoni din il-fattura kummerċjali, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-85 pakkett tal-prodott li fuqhom kienet tidher il-marka tar-rikorrent. Issa, numru ta’ 85 pakkett jikkorrispondi għal kwantità manifestament insuffiċjenti sabiex ikun prova ta’ għarfien dwar l-imsemmija marka mill-pubbliku rilevanti.

90

L-istess jgħodd għall-1600 pakkett ta’ prodott importat minn kumpannija oħra. Fil-fatt, ir-rikorrent ipproduċa biss il-prova tal-bejgħ fir-Renju Unit ta’ total ta’ 1685 prodott li kien f’pakkett li għandu l-marka tiegħu, matul is-snin 2008 u 2010 — b’inċertezza fuq id-data li tirrigwarda l-bejgħ ta’ 85 prodott fl-2010, kif ġustament semma’ l-Bord tal-Appell, fil-punt 35 tad-deċiżjoni appellata. Tali kwantità hija fil-fatt vera ftit u ma hijiex għalhekk biżżejjed sabiex turi l-għarfien tal-imsemmija marka mill-pubbliku rilevanti.

91

It-tielet nett, għal dak li jirrigwarda l-lista tal-bejjiegħa bl-imnut, hemm lok jiġi osservat li r-rikorrent identifika supermarkets f’Birmingham (ir-Renju Unit), f’Manchester (ir-Renju Unit), f’Londra (ir-Renju Unit), fi Croydon (ir-Renju Unit), f’Romford (ir-Renju Unit), f’Enfield (ir-Renju Unit), f’Surrey (ir-Renju Unit), il-ħwienet il-kbar f’Londra, f’Birmingham u f’Manchester kif ukoll katini ta’ supermarkets f’diversi postijiet fir-Renju Unit.

92

Għal dak li jirrigwarda l-ħwienet il-kbar, ir-rikorrent isemmi l-promozzjoni tal-kċina Malasjana li kienet saret mill-Aġenzija ta’ promozzjoni kummerċjali Malasjana bejn il-11 u d-19 ta’ Settembru 2010. F’dan ir-rigward, huwa jiċċita artikolu intitolat “Our food a hit at Selfridges” (is-suċċess tal-prodotti tagħna għand Selfridges) ippubblikat fil-gazzetta tal-15 ta’ Settembru 2010, li jsemmi espliċitament li l-imsemmija promozzjoni kienet bdiet is-Sibt, jiġifieri fil-11 ta’ Settembru 2010. Issa, hemm lok li jiġi kkonstatat, kif isostni l-Bord tal-Appell fil-punt 36 tad-deċiżjoni appellata, li dan l-artikolu ma jagħtix prova tal-firxa tal-bejgħ eventwali qabel il-perijodu rilevanti f’dan il-każ. Anki fil-każ fejn l-imsemmi artikolu jagħmel riferiment għall-promozzjoni ta’ 22000 prodott tal-ikel minn sittax il-kumpannija, dan il-fatt ma jippermettix li jiġi stabbilit jekk dawn kinux ġew ikkumerċjalizzati qabel jew wara l-perijodu rilevanti.

93

Iktar minn hekk, għal dak li jirrigwarda katina ta’ supermarkets, ir-rikorrent semma’ l-eżistenza ta’ ġimgħa ta’ avvenimenti promozzjonali fl-2007, dwar kampanja pubbliċitarja sabiex wieħed iżur il-Malasja. Issa, hemm lok jiġi kkonstatat, kif enfasizza l-Bord tal-Appell, ġustament, fil-punt 36 tad-deċiżjoni appellata, li r-rikorrent ma pproduċiex provi la fuq il-prodotti rriklamati u lanqas fuq il-fatt li jsir magħruf jekk dawn kinux jirrigwardaw il-marka tiegħu, fatt li ma jippermettix li jiġi stabbilit jekk il-bejgħ tagħhom kienx effettivament sar.

94

Għandu wkoll jiġi osservat li l-lista tal-bejjiegħa bl-imnut u l-immaġni ta’ xi prodotti mibjugħa minnhom bil-marka tar-rikorrent ma jippermettux li tiġi pperċepita l-vera firxa tal-bejgħ tagħha u tal-għarfien tagħha mill-pubbliku rilevanti. Barra minn hekk, din il-lista lanqas ma tippermetti li tiġi pperċepita d-data tal-bejgħ tal-imsemmija prodotti.

95

Ir-raba’ nett, għandu jiġi osservat li, għal dak li jirrigwarda ż-żewġ avvenimenti, imsemmija fil-punt 80 iktar ’il fuq, li pparteċipa fihom ir-rikorrent, dan tal-aħħar ippreżenta biss żewġ immaġni dwar, waħda, il-fuljett intitolat “Malaysia – Your Reliable Trading Partner” (il-Malasja – is-sieħeb kummerċjali affidabbli) u, l-oħra, l-istand tiegħu fl-2007. Kif enfasizza l-Bord tal-Appell fil-punt 37 tad-deċiżjoni appellata, dawn l-immaġni ma jippermettux li jiġi pperċepit l-impatt li l-parteċipazzjoni tar-rikorrent fl-imsemmija avvenimenti kellha fuq il-professjonisti u l-konsumaturi finali fir-Renju Unit.

96

Fil-kuntest tat-tieni parti tar-raġuni unika, ma jistgħux għalhekk jintlaqgħu l-argumenti tar-rikorrent sabiex juri li l-Bord tal-Appell żbalja meta evalwa l-provi ppreżentati biex jagħti evidenza tar-reputazzjoni u tal-“goodwill” tat-trade mark preċedenti mhux irreġistrata fir-Renju Unit.

97

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandu jiġi kkonstatat li ġustament il-Bord tal-Appell qies li l-prova tal-eżistenza ta’ “goodwill” tat-trade mark preċedenti mhux irreġistrata fir-Renju Unit ma kinitx ingħatat f’dan il-każ. Għalhekk, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

98

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż magħmula mill-UASI, skont it-talbiet tiegħu.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Government of Malaysia huwa kkundannat għall-ispejjeż.

 

Prek

Labucka

Kreuschitz

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-18 ta’ Novembru 2015.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.