SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)
27 ta’ Novembru 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-ħaddiema – Artikolu 45 TFUE – Regolament (UE) Nru 492/2011 – Artikolu 7(1) – Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78/KE – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Sistema ta’ remunerazzjoni tal-uffiċjali Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi preċedenti ta’ attività ekwivalenti mwettqa fi Stat Membru ieħor – Esklużjoni wara deċiżjoni, li taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni, li tagħti promozzjoni lill-uffiċjal – Promozzjoni suġġetta għat-twettiq ta’ ċertu numru ta’ snin ta’ servizz – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi preċedenti ta’ attività ekwivalenti mwettqa fl-Istat Membru kkonċernat”
Fil-Kawża C‑356/24,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landesverwaltungsgericht Kärnten (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Kärnten, L-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Mejju 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑16 ta’ Mejju 2024, fil-proċedura
A.B.
vs
Kärntner Landesregierung,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),
komposta minn J. Passer, President ta’ Awla, M. L. Arastey Sahún (Relatriċi), Presidenta tal-Ħames Awla, D. Gratsias, Imħallef,
Avukat Ġenerali: R. Norkus,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch u J. Schmoll, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Delaude u B.-R. Killmann, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE, tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU 2011, L 141, p. 1), tal-Artikoli 1, 2 u 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kaptiolu 5, Vol. 4, p. 79), kif ukoll tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Eworpea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn A.B. u l-Kärntner Landesregierung (il-Gvern tal-Land ta’ Kärnten, l-Awstrija) dwar in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċerti perijodi preċedenti ta’ attività professjonali mwettqa minn A.B. kemm fl-Awstrija kif ukoll barra mill-pajjiż, sabiex tiġi ddeterminata l-anzjanità tiegħu fis-sistema ta’ remunerazzjoni tal-uffiċjali. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Id-Direttiva 2000/78
|
3 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Skop”, jipprovdi: “L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.” |
|
4 |
L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-kunċett ta’ diskriminazzjoni”, huwa fformulat kif ġej: “1. Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1. 2. Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:
|
|
5 |
L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1(ċ) tiegħu: “Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda: […]
|
|
6 |
L-Artikolu 6 tal-istess direttiva, intitolat “Il-ġustifikazzjoni għal trattament differenti fuq bażi ta’ età”, jipprovdi: “1. Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji. […] 2. Minkejja l-Artikolu 2(2) l-Istati Membri jistgħu jipprovdu illi l-iffissar fir-rigward ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali professjonali, ta’ età għall-parteċipazzjoni jew intitolament għall-benefiċċji ta’ l-irtirar jew ta’ l-invalidità, inkluża wkoll l-iffissar għal dawn l-iskemi ta’ etajiet differenti għal ħaddiema jew għal gruppi jew kategoriji differenti ta’ ħaddiema jew ta’ kriterji ta’ età fil-kalkoli ta’ l-attwarji fil-qafas ta’ dawn l-iskemi ma jikkostitwix diskriminazzjoni minħabba l-età, sakemm dan ma jirriżultax f’diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ sess.” |
Ir-Regolament Nru 492/2011
|
7 |
L-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 492/2011 jipprovdi: “Ħaddiem ċittadin ta’ xi Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ikun trattat b’mod differenti minn ħaddiema nazzjonali minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe kondizzjoni tal-impjieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta’ paga, tkeċċija u jekk hu jisfa’ mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid.” |
Id-dritt Awstrijak
|
8 |
L-Artikolu 143 tal-Kärntner Dienstrechtsgesetz (il-Liġi tal-Land ta’ Kärnten dwar l-Istatus tal-Uffiċjali), tal-1994 (LGBl. Nru 71/1994), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mil-Liġi Nru 81 tal-Land ta’ Kärnten, tal‑21 ta’ Ottubru 2021 (LGBl. Nru 81/2021) (iktar ’il quddiem il-“K-DRG”), intitolat “Avvanz”, jipprovdi: “(1) Id-data ta’ referenza tal-avvanz hija determinanti għall-avvanz. Bla ħsara għal dispożizzjonijiet kuntrarji iktar ’il quddiem, il-perijodu meħtieġ għall-avvanz għat-tieni skala tal-grad III huwa ta’ ħames snin, jekk mhux ta’ sentejn. (2) L-avvanz iseħħ fl‑1 ta’ Jannar jew fl‑1 ta’ Lulju li jsegwi t-twettiq tal-perijodu ta’ sentejn jew ta’ ħames snin (data tal-avvanz), sakemm ma jiġix pospost jew sospiż għal din id-data. It-terminu ta’ sentejn jew ta’ ħames snin għandu wkoll jitqies li ġie eżegwit fid-data ta’ referenza tal-avvanz jekk dan jintemm qabel l-iskadenza tal‑31 ta’ Marzu jew tat‑30 ta’ Settembru ta’ wara d-data ta’ referenza tal-avvanz. […]” |
|
9 |
Skont l-Artikolu 145 tal-K-DRG, intitolat “Data ta’ referenza tal-avvanz”: “(1) Bla ħsara għar restrizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 4 sa 8, id-data ta’ referenza li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-avvanz fl-iskala għandha tiġi kkalkulata billi wieħed imur lura għall-jum tar-reklutaġġ fir rigward ta’ perijodi sussegwenti għat‑30 ta’ Ġunju tas-sena li matulha jkunu twettqu disa’ snin ta’ skola jew kienu jitwettqu wara ammissjoni fl-ewwel livell ta’ tagħlim:
[…] (11) Il-perijodi msemmija fil-paragrafu 2 u fil-punt 2 tal-paragrafu 1, li matulhom ġew eżerċitati attivitajiet professjonali li, fid-dawl tal-attivitajiet eżerċitati fil-mument tad-dħul fis-servizz, huma ekwivalenti u jagħtu esperjenza professjonali ekwivalenti, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni kollha kemm huma jekk ikunu twettqu, barra mill-Awstrija,
[…]” |
|
10 |
L-Artikolu 181 tal-K-DRG, intitolat “Promozzjoni”, huwa fformulat kif ġej: “(1) Il-promozzjoni hija l-ħatra ta’ uffiċjal tal-amministrazzjoni ġenerali fil-grad immedjatament ogħla tal-kategorija tal-impjieg tiegħu. […] (3) Jekk ir-remunerazzjoni li tikkorrispondi mal-iskala l-iktar baxxa tal-grad il-ġdid previst għall-kategorija ta’ impjieg ta’ uffiċjal tkun inqas mir-remunerazzjoni preċedenti tiegħu, l-uffiċjal għandu jibbenefika mill-iskala li tikkorrispondi għas-salarju preċedenti, iżda jekk tali remunerazzjoni ma tkunx prevista, huwa għandu jibbenefika mill-iskala li tikkorrispondi għar-remunerazzjoni immedjatament ogħla. (4) Wara promozzjoni, l-uffiċjal jantiċipa meta, skont il-paragrafu 3, huwa kien jissodisfa fil-grad preċedenti l-kundizzjoni sabiex jilħaq l-iskala tas-salarju immedjatament ogħla fil-grad il-ġdid, iżda mhux iktar tard minn sentejn. Il-perijodu mgħoddi fl-ogħla skala ta’ salarju ta’ grad għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-limitu ta’ erba’ snin. B’deroga minn dak li ntqal iktar ’il fuq, fil-każ fejn il-promozzjoni għal skala ogħla teħtieġ b’mod obbligatorju t-twettiq ta’ sentejn fl-ogħla skala ta’ remunerazzjoni tal-iktar grad baxx, il-ħin imqatta’ fl-iskala ta’ remunerazzjoni l-iktar għolja ta’ dan il-grad għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-limitu ta’ erba’ snin, sakemm jaqbeż il-ħin li għandu jitwettaq b’mod obbligatorju f’din l-iskala. L-Artikoli 143 u 144 għandhom japplikaw b’analoġija. […]” |
|
11 |
L-Artikolu 305b tal-K-DRG, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet”, jipprevedi: “ […] (2) L-iffissar mill-ġdid tad-data ta’ referenza tal-avvanz u tas-sitwazzjoni fir-rigward tas-sistema ta’ remunerazzjoni li tirriżulta minnu abbażi tal-Artikoli 143 u 145 ta’ din il-liġi, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mil-Liġi [Nru 60 tal-Land ta’ Kärnten, tat‑13 ta’ Ġunju 2019], għandu jsir ex officio, mingħajr dewmien inutli u biss fil-każijiet fejn is-sitwazzjoni eżistenti fir-rigward tas-sistema ta’ remunerazzjoni hija ddeterminata mid-data ta’ referenza tal-avvanz. […] […] (4) […]
[…]” |
|
12 |
L-Artikolu VI(7) tal-Gesetz, mit dem das Kärntner Dienstrechtsgesetz 1994 (20. K-DRG-Novelle), das Kärntner Landesvertragsbedienstetengesetz 1994 (17. Kärntner-Landesvertragsbedienstetengesetz-Novelle), das Kärntner Gemeindebediensteten-gesetz, das Kärntner Stadtbeamtengesetz 1993 und das Kärntner Gemeindevertragsbedienstetengesetz geändert werden (il-Liġi li Temenda l-Liġi tal-Land ta’ Kärnten tal‑1994 dwar ir-Regolamenti tal-Persunal (l‑20 emenda għal-Liġi tal-Land ta’ Kärnten dwar ir-Regolamenti tal-Persunal), il-Liġi tal-Land ta’ Kärnten tal‑1994 dwar il-Membri tal-Persunal bil-Kuntratt (is‑17 emenda għall-Liġi tal-Land ta’ Kärnten dwar ir-Regolamenti tal-Membri tal-Persunal bil-Kuntratt), il-Liġi dwar l-Impjegati Muniċipali ta’ Kärnten, il-Liġi tal‑1993 dwar l-Uffiċjali Muniċipali ta’ Kärnten u l-Liġi dwar l-Impjegati Kuntrattwali Muniċipali ta’ Kärnten), tas‑7 ta’ Lulju 2011 (LGBl. Nru 82/2011, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 82/2011”): “(7) Iffissar ġdid tad-data ta’ referenza tal-avvanz u tas-sitwazzjoni li tirriżulta fil-qasam tar-remunerazzjoni jew tas-salarju, abbażi tal-Artikoli 143 u 145 tal-[K-DRG], kif emendat bl-Artikolu I, jew tal-Artikoli 41 u 42 tal-[Kärntner Landesvertragsbedienstetengesetz] [il-Liġi tal-Land tal-Kärnten dwar ir-Regolamenti tal-Membri tal-Persunal bil-Kuntratt], kif emendat bl-Artikolu II, għandu jsir biss fuq talba u biss fil-każijiet fejn is-sitwazzjoni eżistenti fil-qasam tar-remunerazzjoni hija ddeterminata mid-data ta’ referenza tal-avvanz. […]” |
|
13 |
L-Artikolu VIII(3) tal-Gesetz, mit dem das Kärntner Dienstrechtsgesetz 1994 (39. K-DRG-Novelle), das Kärntner Landesvertragsbedienstetengesetz 1994 (32. K-LVBG-Novelle), das Kärntner Gemeindebedienstetengesetz, das Kärntner Gemeindevertrags-bedienstetengesetz, das Kärntner Stadtbeamtengesetz 1993, das Kärntner Pensionsgesetz 2010 und das Kärntner Landes-Personalvertretungsgesetz geändert werden (il-Liġi li Temenda l-Liġi tal-Land ta’ Kärnten tal‑1994 dwar ir-Regolamenti tal-Persunal (id‑39 emenda għall-K-DRG), il-Liġi tal-Land ta’ Kärnten tal‑1994 dwar il-Membri tal-Persunal bil-Kuntratt (it-32 emenda għall-K-LVBG), il-Liġi dwar l-Impjegati Muniċipali ta’ Kärnten, il-Liġi dwar l-Impjegati Kuntrattwali Muniċipali ta’ Kärnten, il-Liġi tal‑1993 dwar l-Uffiċjali Muniċipali ta’ Kärnten, il-Liġi tal‑2010 dwar il-Pensjonijiet ta’ Kärnten u l-Liġi dwar ir-Rappreżentanza tal-Persunal tal-Istat ta’ Kärnten), tal‑21 ta’ Ottubru 2021 (LGBl. Nru 81/2021, iktar’ il quddiem il-“Liġi Nru 81/2021”), huma fformulati kif ġej: “Jekk membru tal-persunal tal-Land jew membru tal-persunal komunali jiġġustifika perijodi preċedenti ta’ attività fis-sens tal-Artikolu 145(11) u (12) tal-[K-DRG], fil-verżjoni tal-Artikolu I ta’ din il-liġi jew tal-Artikolu 41(12) u (13) tal-[Kärntner Landesvertragsbedienstetengesetz] [il-Liġi tal-Land ta’ Carinthie dwar l-Istatus tal-Membri tal-Persunal bil-Kuntratt], fil-verżjoni tal-Artikolu II ta’ din il-liġi, li għadhom ma ttiħdux kompletament inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tad-data ta’ referenza tal-avvanz skont dispożizzjoni oħra u li issa għandhom jittieħdu kompletament inkunsiderazzjoni skont din il-liġi, id-data ta’ referenza tal-avvanz għandha, fuq talba tiegħu, tittejjeb kif xieraq.” |
|
14 |
Il-Beschluss der Kärntner Landesregierung zur Festlegung von Richtlinien für die Vorrückung, Zeitvorrückung und Beförderung der Beamten des Landes Kärnten (LAD-PW-22/1–98) [Riżoluzzjoni tal-Gvern tal-Land ta’ Kärnten, li tistabbilixxi linji gwida dwar l-avvanz, l-avvanz fl-anzjanità u l-promozzjoni tal-uffiċjali tal-Land ta’ Kärnten (LAD-PW-22/1–98)], tal‑20 ta’ Ottubru 1998, tipprevedi, b’mod partikolari: “Il-promozzjoni tal-uffiċjali tal-Land taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-Gvern tal-Land. Huma biss l-uffiċjali li jissodisfaw il-kundizzjonijiet segwenti u li r-rapporti tas-servizz u l-kapaċitajiet tagħhom kif ukoll l-aġir fis-servizz u barra mis-servizz jiġġustifikaw promozzjonijiet li jistgħu jitolbu dan, fid-dawl tat-tabella tal-persunal u tal-pjan ta’ klassifikazzjoni tal-pożizzjonijiet. Kundizzjonijiet relatati mat-tul ta’ żmien:
Dawn is-snin għandhom jiġu kkalkolati mid-data ta’ referenza tal-avvanz. […]” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
15 |
A.B. huwa ċittadin Awstrijak imwieled fl‑1968 li beda jaħdem mal-Land ta’ Kärnten (iktar ’il quddiem il-“Land”) bħala membru tal-persunal bil-kuntratt fit‑3 ta’ Ottubru 2005. Bejn l‑1 ta’ Ottubru 1987 u l‑4 ta’ April 2003 inkluż, huwa wettaq perijodi ta’ attività ma’ persuni privati li jimpjegaw fl-Awstrija u barra mill-pajjiż qabel ma ġie impjegat mil-Land abbażi ta’ dikjarazzjoni ta’ impjieg (Dienstzettel) għall-perijodu bejn it‑13 ta’ Ottubru 2003 u t‑2 ta’ Ottubru 2005. |
|
16 |
Mad-dħul fis-servizz tiegħu bħala membru tal-persunal bil-kuntratt fi ħdan il-Land, id-data ta’ referenza tal-avvanz ta’ A.B. ġiet stabbilita għat‑8 ta’ Settembru 2001. Skont l-Artikolu 41 tal-Kärntner Landesvertragsbedienstetengesetz (il-Liġi tal-Land ta’ Kärnten dwar ir-Regolamenti tal-Membri tal-Persunal bil-Kuntratt), tal‑1994 (LGBl. Nru 73/1994), fil-verżjoni tagħha applikabbli fid-data ta’ dan id-dħul fis-servizz, ittieħdu inkunsiderazzjoni, għal dan l-għan, perijodu ta’ erba’ snin, 0 xhur u 25 jum, li jikkorrispondi għall-perijodu ta’ twettiq tas-servizz jew tar-riżerva militari minn A.B. kif ukoll għall-perijodu ta’ attività li huwa wettaq fis-servizz tal-Land abbażi tal-imsemmija attestazzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ impjieg, li magħhom ġie miżjud perijodu ta’ sena u sitt xhur. Dan l-aħħar perijodu jikkorrispondi għat-tul massimu li kien permess, skont id-dritt Awstrijak, li jittieħed inkunsiderazzjoni għall-perijodi ta’ attività mwettqa fis-settur privat li ma kellhomx importanza sinjifikattiva għall-assenjazzjoni fis-servizz tal-Land u li t-teħid inkunsiderazzjoni tagħhom ma kienx iġġustifikat mill-interess pubbliku. |
|
17 |
Sussegwentement, A.B. inħatar uffiċjal, b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2010, f’pożizzjoni li taqa’ taħt il-kategorija ta’ impjieg B, bil-grad III u l-iskala ta’ remunerazzjoni 7, u, minn dak iż-żmien, is-sitwazzjoni tiegħu fir-rigward tas-sistema ta’ remunerazzjoni hija ddeterminata mill-K-DRG. Id-data ta’ referenza tal-avvanz li ġiet adottata skont l-Artikolu 145 tal-Liġi tal-Land ta’ Kärnten dwar ir-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fid-data ta’ din il-ħatra, hija wkoll dik tat‑8 ta’ Settembru 2001. |
|
18 |
Fl‑1 ta’ Lulju 2011, A.B. ibbenefika mill-avvanz għall-iskala ta’ remunerazzjoni ogħla, u sussegwentement ibbenefika minn avvanzi fl-iskali suċċessivi għas-snin sussegwenti. Fl‑1 ta’ Jannar 2016, imbagħad fl‑1 ta’ Jannar 2022, A.B. ġie promoss għall-grad immedjatament superjuri, jiġifieri, rispettivament, għall-grad V u sussegwentement għall-grad VI. |
|
19 |
Fl‑14 ta’ Novembru 2022, A.B., abbażi tal-Liġi Nru 81/2021, talab it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodi preċedenti ta’ attività ekwivalenti għal dik li huwa jeżerċita bħala uffiċjal, li huwa kien wettaq fl-Awstrija u barra mill-pajjiż, kif ukoll, konsegwentement, il-ħlas a posteriori tad-differenza fir-remunerazzjoni li huwa jqis li jista’ jitlob. |
|
20 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Settembru 2023, il-Gvern tal-Land ta’ Kärnten ċaħad din it-talba abbażi tal-Artikolu VI(7) tal-Liġi Nru 82/2011, minħabba li, peress li l-ħatra ta’ A.B. fil-grad VI kienet il-konsegwenza ta’ promozzjoni, is-sitwazzjoni tiegħu fir-rigward tas-sistema ta’ remunerazzjoni ma kinitx għadha ddeterminata mid-data ta’ referenza tal-avvanz. |
|
21 |
A.B. ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Landesverwaltungsgericht Kärnten (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Kärnten, l-Awstrija), li hija l-qorti tar-rinviju. |
|
22 |
Din tal-aħħar tindika li, skont l-Artikolu 145(11) tal-K-DRG, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mil-Liġi Nru 81/2021, il-perijodi preċedenti ta’ attività ekwivalenti mwettqa barra mill-pajjiż għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata d-data ta’ referenza tal-avvanz. |
|
23 |
Madankollu, l-Artikolu 305b(2) tal-K-DRG, bħall-Artikolu VI(7) tal-Liġi Nru 82/2011, ma jawtorizzax lill-uffiċjali jitolbu r-reviżjoni tad-data ta’ referenza tal-avvanz tagħhom meta jkunu bbenefikaw minn promozzjoni, peress li din tal-aħħar ikollha bħala konsegwenza li dawn jaqgħu taħt sistema oħra ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz. |
|
24 |
F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tqis, l-ewwel nett, li l-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 492/2011 jipprekludu tali dispożizzjonijiet nazzjonali jekk, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-anzjanità, il-perijodi preċedenti ta’ attività ekwivalenti mwettqa barra mill-pajjiż li ma ttiħdux inkunsiderazzjoni preċedentement ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni iktar fil-każ ta’ promozzjoni u li, minħabba dan il-fatt, l-anzjanità fis-sistema ta’ remunerazzjoni ma tistax tiġi evalwata mill-ġdid, filwaqt li, skont dispożizzjoni oħra tal-K-DRG, ta’ portata ġenerali, tali teħid inkunsiderazzjoni għandu, bħala prinċipju, iseħħ. |
|
25 |
It-tieni nett, peress li l-għoti ta’ promozzjoni huwa suġġett għat-twettiq ta’ ċertu numru ta’ snin ta’ servizz, il-qorti tar-rinviju tiddeduċi minn dan li l-uffiċjali ikbar fl-età huma prinċipalment ikkonċernati minn din il-promozzjoni u, għaldaqstant, bil-konsegwenza marbuta magħha li ma jistgħux jitolbu t-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi preċedenti ta’ attività ekwivalenti għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-data ta’ referenza tal-avvanz. Konsegwentement, hija tqis li l-leġiżlazzjoni Awstrijaka inkwistjoni tista’ tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq l-età. |
|
26 |
It-tielet nett, il-qorti tar-rinviju tesponi li, għalkemm l-Artikolu 145 tal-K-DRG jimponi t-teħid inkunsiderazzjoni sħiħ tal-perijodi preċedenti ta’ attività ekwivalenti mwettqa barra mill-Awstrija, dan ma huwiex il-każ fir-rigward tal-perijodi preċedenti ta’ attività ekwivalenti mwettqa fis-settur privat u fit-territorju nazzjonali. Issa, tali esklużjoni tkun inkompatibbli mal-Artikolu 20 tal-Karta, li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif ukoll mal-Artikolu 45 TFUE u mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 492/2011 li jistabbilixxu l-moviment liberu tal-ħaddiema. |
|
27 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landesverwaltungsgericht Kärnten (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Kärnten) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari u l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
28 |
Il-Gvern Awstrijak jikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari. |
|
29 |
Minn naħa, il-kunsiderazzjonijiet u l-ispjegazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju dwar l-ewwel u t-tieni domanda jirrigwardaw l-Artikolu 305b tal-K-DRG li, madankollu, ma japplikax għaċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali. Għaldaqstant, ir-risposta għal dawn iż-żewġ domandi ma hijiex neċessarja sabiex tingħata deċiżjoni dwar din il-kawża. Min-naħa l-oħra, l-ewwel u t-tielet domanda huma irrilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali sa fejn dawn jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni applikabbli għall-moviment liberu tal-ħaddiema. Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-ewwel domanda, il-Gvern Awstrijak isostni li l-perijodi ta’ attività mwettqa mir-rikorrent fil-kawża prinċipali barra mill-Awstrija saru fil-kuntest ta’ kollokament deċiż mill-persuna Awstrijaka li timpjegah, b’tali mod li dawn il-perijodi ta’ attività jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Fir-rigward tat-tielet domanda, il-Gvern Awstrijak jikkunsidra li din tikkonċerna sitwazzjoni purament interna. |
|
30 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-qafas regolamentari u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li l-eżattezza tiegħu ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiċħad li tagħti risposta għal domanda magħmula minn qorti nazzjonali biss jekk ikun jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, fejn il-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2023, Keolis Agen,C‑271/22 sa C‑275/22, EU:C:2023:834, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
31 |
Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tikkontesta l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li fuqha bbażat ruħha l-qorti tar-rinviju u lanqas il-kuntest fattwali ddefinit taħt ir-responsabbiltà ta’ dik il-qorti, kif essenzjalment jistedinha tagħmel il-Gvern Awstrijak permezz tal-argumenti tiegħu miġbura fil-qosor fil-punt 29 ta’ din is-sentenza. |
|
32 |
Għaldaqstant, l-ewwel u t-tieni domanda huma ammissibbli. |
|
33 |
Fir-rigward tal-argument li d-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema ma humiex applikabbli għas-sitwazzjoni prevista fil-kuntest tat-tielet domanda peress li din hija ta’ natura purament interna, għandu jitfakkar li, għalkemm id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li huma s-suġġett ta’ domanda preliminari ma humiex applikabbli għall-kawża prinċipali, dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex rilevanti għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima u d-deċiżjoni preliminari mitluba ma hijiex neċessarja sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha, b’tali mod li din id-domanda għandha titqies li hija inammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2024, Kolin Inşaat Turizm Sanayi ve Ticaret,C‑652/22, EU:C:2024:910, punt 38). |
|
34 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta sitwazzjoni legali ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tagħha u d-dispożizzjonijiet possibbilment invokati tal-Karta ma jistgħux, fihom infushom, jistabbilixxu dik il-ġurisdizzjoni (sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2025, Gnattai,C‑543/23, EU:C:2025:653, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
35 |
F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 45(1) TFUE, li jipprojbixxi, bħala prinċipju, kull ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema, japplika għas-sitwazzjonijiet transkonfinali fi ħdan l-Unjoni u mhux f’kuntest purament nazzjonali. |
|
36 |
L-istess japplika fir-rigward tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni prevista fl-Artikolu 45(2) TFUE u fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 492/2011. |
|
37 |
Issa, il-każ deskritt mill-qorti tar-rinviju fil-kuntest tat-tielet domanda tagħha, jiġifieri n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni, sabiex tiġi ddeterminata s-sitwazzjoni ta’ uffiċjal fir-rigward tas-sistema ta’ remunerazzjoni, tal-perijodi ta’ attività ekwivalenti mwettqa fis-settur privat fl-Awstrija, jidħol f’kuntest purament nazzjonali. |
|
38 |
Minn dan isegwi li l-Artikolu 45(1) u (2) TFUE u l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 492/2011 ma humiex applikabbli għal każ bħal dan. |
|
39 |
Għaldaqstant, l-eżistenza ta’ rabta skont l-Artikolu 51 tal-Karta, li tiġġustifika evalwazzjoni tas-sitwazzjoni inkwistjoni fid-dawl tal-Artikolu 20 tagħha, hija nieqsa f’dan il-każ. |
|
40 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li, sa fejn it-tielet domanda tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 20 tal-Karta, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi u li, sa fejn tirrigwarda l-Artikolu 45 TFUE, din id-domanda hija inammissibbli. |
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
|
41 |
Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, jekk l-Artikolu 45 TFUE jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, f’ċerti ċirkustanzi, teskludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ attività ekwivalenti mwettqa minn persuna fi Stat ieħor taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) qabel id-dħul fis-servizz ta’ din il-persuna bħala uffiċjal f’dan l-Istat Membru. |
|
42 |
Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi enfasizzat, qabelxejn, li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi preċedenti ta’ attività ekwivalenti mwettqa mill-ħaddiem ta’ Stat Membru fi Stat ieħor taż-ŻEE, bl-għan li tiġi kkumpensata l-esperjenza professjonali li huwa kiseb preċedentement, għandu jseħħ skont modalitajiet li jeskludu, minn naħa, kull diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, konformement mal-Artikolu 45(2) TFUE u mal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 492/2011, kif ukoll, min-naħa l-oħra, kull ostakolu għal-libertà ta’ moviment stabbilit fl-Artikolu 45(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Krah,C‑703/17, EU:C:2019:850, punti 21 u 54). |
|
43 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-ewwel domanda fiha żewġ partijiet. |
Fuq l-ewwel parti tal-ewwel domanda
|
44 |
Għall-finijiet tal-eżami tal-ewwel parti tal-ewwel domanda, għandu jiġi rrilevat li, skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju miġbura fil-qosor fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 145 tal-K-DRG jimponi t-teħid inkunsiderazzjoni sħiħ tal-perijodi preċedenti ta’ attività ekwivalenti mwettqa barra mill-Awstrija, filwaqt li tali teħid inkunsiderazzjoni ma huwiex previst għall-perijodi preċedenti ta’ attività ekwivalenti mwettqa fis-settur privat u fit-territorju nazzjonali. |
|
45 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel parti tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 45(2) TFUE u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 492/2011 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha l-perijodi ta’ attività ekwivalenti mwettqa minn persuna fi Stat ieħor taż-ŻEE qabel id-dħul fis-servizz ta’ din il-persuna bħala uffiċjal fl-ewwel Stat Membru u li ma ttiħdux preċedentement inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-klassifikazzjoni salarjali tagħha, jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod retroattiv meta s-sitwazzjoni ta’ dan l-uffiċjal fir-rigward tas-sistema ta’ remunerazzjoni tirriżulta mill-avvanz skont l-anzjanità u mhux mill-promozzjoni li kien suġġett għaliha bis-saħħa ta’ deċiżjoni li taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni, filwaqt li tali teħid inkunsiderazzjoni ma huwiex previst għall-perijodi preċedenti ta’ attività ekwivalenti mwettqa fis-settur privat u fit-territorju nazzjonali. |
|
46 |
L-Artikolu 45(2) TFUE jipprojbixxi kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità bejn il-ħaddiema tal-Istati Membri, f’dak li jikkonċerna l-impjieg, ir-remunerazzjoni u l-kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol. L-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 492/2011 jikkostitwixxi biss l-espressjoni partikolari tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 45(2) TFUE fil-qasam speċifiku tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg u ta’ xogħol, u li għalhekk, għandu jiġi interpretat bl-istess mod bħal dan l-artikolu tal-aħħar (sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Krah,C‑703/17, EU:C:2019:850, punti 21 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
47 |
Il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi l-modalitajiet ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ attività ekwivalenti mwettqa minn ħaddiem fi Stat taż-ŻEE, qabel id-dħul tiegħu fis-servizz bħala uffiċjal ta’ dan l-Istat Membru, għall-finijiet tal-istabbiliment tal-klassifikazzjoni salarjali tiegħu, bla dubju tagħmel parti mill-qasam tal-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol. Hija taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet iċċitati fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Krah,C‑703/17, EU:C:2019:850, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
48 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ trattament ugwali stabbilit fl-Artikolu 45 TFUE jipprojbixxi mhux biss id-diskriminazzjoni diretta, ibbażata fuq in-nazzjonalità, iżda wkoll il-forom kollha ta’ diskriminazzjoni indiretta li, skont kriterji oħra ta’ distinzjoni, iwasslu fil-fatt għall-istess riżultat (sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2023, Ministero dell’Istruzione, dell’Università e della Ricerca (Klassifikar speċjali), C‑132/22, EU:C:2023:489, punt 28 kif ukoll ġurisprudenza ċċitata). |
|
49 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-eżistenza ta’ diskriminazzjoni bbażata direttament fuq in-nazzjonalità, għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn hija applikabbli mingħajr distinzjoni għall-uffiċjali kollha rreklutati mil-Land, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom, ma tistax titqies li tikkostitwixxi tali diskriminazzjoni. |
|
50 |
Fit-tieni lok, dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, minkejja li tapplika mingħajr distinzjoni għall-ħaddiema kollha, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom, għandha titqies li hija indirettament diskriminatorja meta hija tista’, min-natura tagħha stess, taffettwa iktar lill-ħaddiema ċittadini ta’ Stati Membri oħra milli lill-ħaddiema nazzjonali u li, konsegwentement, tirriskja li tisfavorixxi b’mod iktar partikolari lil tal-ewwel, sakemm ma tkunx oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata għall-għan imfittex (sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Krah,C‑703/17, EU:C:2019:850, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
51 |
F’dan il-każ, huwa minnu li l-esklużjoni ta’ kull teħid inkunsiderazzjoni retroattiv tal-perijodi ta’ attività ekwivalenti mwettqa fi Stat ieħor taż-ŻEE qabel id-dħul fis-servizz u mhux preċedentement meħuda inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-klassifikazzjoni salarjali ta’ uffiċjal promoss bis-saħħa ta’ deċiżjoni li taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni tista’ tisfavorixxi lil dan l-uffiċjal meta mqabbel ma’ uffiċjal li jinsab f’sitwazzjoni ekwivalenti u li ma bbenefikax minn promozzjoni. |
|
52 |
Madankollu, sabiex tali differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema titqies bħala indirettament diskriminatorja, fis-sens tal-Artikolu 45(2) TFUE u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 492/2011, din għandha tkun tista’ madankollu, min-natura tagħha stess, taffettwa iktar lill-ħaddiema ċittadini ta’ Stati Membri oħra milli lill-ħaddiema nazzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Krah,C‑703/17, EU:C:2019:850, punt 31). |
|
53 |
Issa, dan ma huwiex il-każ ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, bħal dik imsemmija fl-ewwel parti tal-ewwel domanda, teskludi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ kull esperjenza professjonali miksuba fis-settur privat ta’ dan l-Istat Membru, filwaqt li tipprevedi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ attività ekwivalenti mwettqa fi Stat ieħor taż-ŻEE, bil-kundizzjoni li l-uffiċjal ikkonċernat ma jkunx ġie promoss bis-saħħa ta’ deċiżjoni li taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni. Fil-fatt, għalkemm iċ-ċittadini ta’ Stati taż-ŻEE li ma humiex l-Istat Membru kkonċernat jistgħu, iktar mill-ħaddiema ċittadini ta’ dan l-Istat Membru, ikunu kisbu esperjenza professjonali fi Stat ieħor taż-ŻEE, dawn tal-aħħar iktar jistgħu jkunu kisbu, qabel id-dħul tagħhom fis-servizz, esperjenza professjonali fis-settur privat f’dan l-Istat Membru, b’tali mod li ma jistax jitqies li tali leġiżlazzjoni tista’, min-natura tagħha stess, tisfavorixxi lill-uffiċjali ċittadini ta’ Stati Membri oħra. |
|
54 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru bħal dik imsemmija fl-ewwel parti tal-ewwel domanda, ma tistax titqies li hija ta’ natura indirettament diskriminatorja fir-rigward tal-ħaddiema li huma ċittadini ta’ Stati taż-ŻEE li ma humiex l-imsemmi Stat Membru u, għaldaqstant, li tmur kontra l-Artikolu 45(2) TFUE u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 492/2011. |
|
55 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel parti tal-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 45(2) TFUE u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 492/2011 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha l-perijodi ta’ attività ekwivalenti mwettqa minn persuna fi Stat ieħor taż-ŻEE qabel id-dħul fis-servizz ta’ din il-persuna bħala uffiċjal fl-ewwel Stat Membru u li ma ttiħdux preċedentement inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-klassifikazzjoni salarjali tagħha, jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod retroattiv meta s-sitwazzjoni ta’ dan l-uffiċjal fir-rigward tas-sistema ta’ remunerazzjoni tirriżulta mill-avvanz skont l-anzjanità u mhux mill-promozzjoni li kien suġġett għaliha bis-saħħa ta’ deċiżjoni li taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni, filwaqt li tali teħid inkunsiderazzjoni ma huwiex previst għall-perijodi preċedenti ta’ attività ekwivalenti mwettqa fis-settur privat u fit-territorju nazzjonali. |
Fuq it-tieni parti tal-ewwel domanda
|
56 |
Permezz tat-tieni parti tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 45(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha l-perijodi ta’ attività ekwivalenti mwettqa minn persuna fi Stat ieħor taż-ŻEE qabel id-dħul fis-servizz ta’ din il-persuna bħala uffiċjal fl-ewwel Stat Membru u li ma ttiħdux preċedentement inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-klassifikazzjoni salarjali tagħha għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni retroattivament meta s-sitwazzjoni ta’ dan l-uffiċjal fid-dawl tas-sistema ta’ remunerazzjoni tirriżulta mill-avvanz skont l-anzjanità u mhux mill-promozzjoni li kien is-suġġett tagħha skont deċiżjoni li taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni. |
|
57 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 45(1) TFUE jipprojbixxi, bħala prinċipju, kull ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni u li d-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-persuni huma intiżi li jiffaċilitaw, għaċ-ċittadini tal-Istati Membri, l-eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali ta’ kwalunkwe natura fit-territorju tal-Unjoni u jipprekludu miżuri li jistgħu jqiegħdu fi żvantaġġ lil dawn iċ-ċittadini meta jkunu jixtiequ jeżerċitaw attività bħala persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Krah,C‑703/17, EU:C:2019:850, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
58 |
Iċ-ċittadini tal-Istati Membri għandhom, b’mod partikolari, id-dritt li huma jiksbu direttament mit-Trattat, li jitilqu mill-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom sabiex imorru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u jirrisjedu fih, bil-għan li jeżerċitaw attività hemmhekk. Konsegwentement, l-Artikolu 45 TFUE jipprekludi kull miżura nazzjonali li tista’ tfixkel jew tagħmel inqas attraenti l-eżerċizzju, miċ-ċittadini tal-Unjoni, tal-libertà fundamentali ggarantita minn dan l-artikolu (sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Krah,C‑703/17, EU:C:2019:850, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
59 |
Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li leġiżlazzjoni nazzjonali li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont ta’ remunerazzjoni ta’ ħaddiem, ma tieħux inkunsiderazzjoni l-perijodi preċedenti kollha ta’ attività ekwivalenti li twettqet fi Stat taż-ŻEE aparti l-Istat ta’ oriġini ta’ dan il-ħaddiem migrant x’aktarx tagħmel il-moviment ħieles tal-ħaddiema inqas attraenti, bi ksur tal-Artikolu 45(1) TFUE (sentenza tat‑23 ta’ April 2020, Land Niedersachsen (Perijodi preċedenti ta’ attività rilevanti), C‑710/18, EU:C:2020:299, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
60 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ jkollha l-effett li teskludi t-teħid inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-istabbiliment tal-klassifikazzjoni salarjali ta’ ħaddiem, ta’ ċerti perijodi preċedenti ta’ attività ekwivalenti skont l-Istat taż-ŻEE li fih inkisbet l-esperjenza professjonali. |
|
61 |
Din il-kunsiderazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li, meta uffiċjal ikun ġie promoss, il-progress tiegħu fl-iskala fil-grad il-ġdid tiegħu huwa marbut, bħala prinċipju, man-numru ta’ snin ta’ servizz imwettqa f’dan il-grad. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li, anki f’tali sitwazzjoni, l-esperjenza professjonali miksuba minn dan l-uffiċjal qabel id-dħul tiegħu fis-servizz jista’ jkollha effett fuq il-klassifikazzjoni salarjali tiegħu. F’dan il-każ, kif sostniet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, mill-Artikolu 181(3) tal-K-DRG jirriżulta li t-teħid inkunsiderazzjoni retroattiv tal-esperjenza professjonali miksuba minn uffiċjal qabel id-dħul tiegħu fis-servizz jista’ jkollu l-effett li jbiddel il-klassifikazzjoni salarjali tiegħu qabel il-promozzjoni tiegħu u, konsegwentement, li jassenja l-klassifikazzjoni fi skala ta’ dan l-uffiċjal fil-grad tiegħu wara din il-promozzjoni. |
|
62 |
Għaldaqstant, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik imsemmija fil-punt 60 ta’ din is-sentenza hija ta’ natura li tiddisswadi lill-ħaddiema milli jitilqu mill-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom sabiex imorru fit-territorju ta’ Stat ieħor taż-ŻEE sabiex hemmhekk jeżerċitaw attività professjonali ekwivalenti għal dik li huma setgħu jeżerċitaw fis-servizz tal-persuna li timpjegahom minħabba l-fatt li, mar-ritorn tagħhom fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, minkejja l-ekwivalenza tal-attività li huma eżerċitaw f’dan l-Istat l-ieħor taż-ŻEE, l-esperjenza professjonali kollha tagħhom miksuba fl-imsemmi Stat taż-ŻEE ma kinitx tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-klassifikazzjoni salarjali tagħhom minn din il-persuna li timpjegahom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ April 2020, Land Niedersachsen (Perijodi preċedenti ta’ attività rilevanti), C‑710/18, EU:C:2020:299, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
63 |
Minn dan isegwi li tali leġiżlazzjoni nazzjonali tirrendi inqas attraenti l-libertà ta’ moviment tal-ħaddiema, bi ksur tal-Artikolu 45(1) TFUE, u tikkostitwixxi, għaldaqstant, ostakolu għal din il-libertà. |
|
64 |
Madankollu, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal din tista’ tiġi aċċettata biss jekk tfittex wieħed mill-għanijiet leġittimi stipulati fit-Trattat FUE u tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. F’każ bħal dan, ikun meħtieġ ukoll li l-applikazzjoni tagħhom tkun adatta sabiex jiġi ggarantit it-twettiq tal-għan inkwistjoni u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan (sentenza tat‑23 ta’ April 2020, Land Niedersachsen (Perijodi preċedenti ta’ attività rilevanti), C‑710/18, EU:C:2020:299, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
65 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, fl-osservazzjonijiet li ppreżenta lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Awstrijak ma sostniex li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ssegwi għan leġittimu stabbilit fit-Trattat FUE jew li hija ġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. |
|
66 |
Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li, minn naħa, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li tiġi kkumpensata l-esperjenza miksuba fil-qasam ikkonċernat, li jpoġġi lill-ħaddiem f’pożizzjoni li jkun jista’ jaqdi d-dmirijiet tiegħu aħjar, jikkostitwixxi għan leġittimu ta’ politika salarjali (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Österreichischer Gewerkschaftsbund,C‑24/17, EU:C:2019:373, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
67 |
Madankollu, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teskludi t-teħid inkunsiderazzjoni, għall-klassifikazzjoni u l-kalkolu ta’ remunerazzjoni ta’ ħaddiem, ta’ ċerti perijodi preċedenti ta’ attivita ekwivalenti mwettqa minnu ma tistax titqies li hija intiża li tapprezza din l-esperjenza b’mod sħiħ u, konsegwentement, ma hijiex adattata sabiex tiggarantixxi t-twettiq ta’ dan l-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Österreichischer Gewerkschaftsbund,C‑24/17, EU:C:2019:373, punt 88). |
|
68 |
Min-naħa l-oħra, anki jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ssegwi effettivament l-għan li l-ħaddiema jkunu leali lejn il-persuni li jimpjegawhom u li tali għan jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Österreichischer Gewerkschaftsbund,C‑24/17, EU:C:2019:373, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata), għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-karatteristiċi tal-imsemmija leġiżlazzjoni, l-ostakolu li din tinvolvi ma jidhirx li huwa xieraq sabiex jiggarantixxi li dan l-għan jintlaħaq. |
|
69 |
Fil-fatt, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-perijodi ta’ attività ekwivalenti mwettqa minn uffiċjal fi Stat taż-ŻEE li ma huwiex ir-Repubblika tal-Awstrija qabel id-dħul fis-servizz ta’ dan l-uffiċjal f’dan l-aħħar Stat Membru, u li ma ttiħdux preċedentement inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-istabbiliment tal-klassifikazzjoni salarjali tiegħu, ma jistgħux jittieħdu iktar inkunsiderazzjoni b’mod retroattiv meta dan l-uffiċjal ikun ġie promoss bis-saħħa ta’ deċiżjoni li taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni, minkejja li dawn għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni meta s-sitwazzjoni tal-uffiċjal fir-rigward tas-sistema ta’ remunerazzjoni tirriżulta esklużivament mill-avvanz skont l-anzjanità. |
|
70 |
F’dawn il-kundizzjonijiet, hemm lok jitqies li din ir-restrizzjoni ma hijiex iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali bħal dawk imfakkra fil-punti 66 u 68 ta’ din is-sentenza. |
|
71 |
Fl-aħħar, ma jistax jiġi aċċettat li għan ta’ simplifikazzjoni amministrattiva li jimmira biss li jnaqqas il-kompiti li għandha l-amministrazzjoni pubblika, b’mod partikolari billi jiffaċilita l-kalkoli li din l-amministrazzjoni għandha tagħmel, jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li jista’ jiġġustifika restrizzjoni għal-libertà daqstant fundamentali bħall-moviment liberu tal-ħaddiema ggarantit mill-Artikolu 45 TFUE (sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2013, Zentralbetriebsrat der gemeinnützigen Salzburger Landeskliniken,C‑514/12, EU:C:2013:799, punt 42). |
|
72 |
Fi kwalunkwe każ, il-kunsiderazzjoni li tipprovdi li tali simplifikazzjoni tippermetti li jitnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi hija ta’ natura purament ekonomika u għaldaqstant, skont ġurisprudenza stabbilita, ma tistax tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2013, Zentralbetriebsrat der gemeinnützigen Salzburger Landeskliniken,C‑514/12, EU:C:2013:799, punt 43). |
|
73 |
Minn dan isegwi li l-Artikolu 45(1) TFUE jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
74 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni parti tal-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 45(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha l-perijodi ta’ attività ekwivalenti mwettqa minn persuna fi Stat ieħor taż-ŻEE qabel id-dħul fis-servizz ta’ din il-persuna bħala uffiċjal fl-ewwel Stat Membru u li ma ttiħdux preċedentement inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-klassifikazzjoni salarjali tagħha, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni retroattivament meta s-sitwazzjoni ta’ dan l-uffiċjal fid-dawl tas-sistema ta’ remunerazzjoni tirriżulta mill-avvanz skont l-anzjanità u mhux mill-promozzjoni li kien is-suġġett tagħha skont deċiżjoni li taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni. |
Fuq it‑tieni domanda
|
75 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 1, 2 u 6 tad-Direttiva 2000/78, moqrija flimkien mal-Artikolu 21 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha, minn naħa, il-perijodi ta’ attività ekwivalenti mwettqa minn persuna fi Stat Membru ieħor qabel id-dħul fis-servizz ta’ din il-persuna bħala uffiċjal f’dan l-ewwel Stat Membru ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-avvanz tagħha meta dan l-uffiċjal ikun ġie promoss bis-saħħa ta’ deċiżjoni li taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni u, min-naħa l-oħra, tali promozzjoni tista’, bħala prinċipju, isseħħ biss wara diversi snin ta’ servizz, ikkalkolati mid-data ta’ referenza tal-avvanz. |
|
76 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-projbizzjoni ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata, b’mod partikolari, fuq l-età hija stabbilita fl-Artikolu 21 tal-Karta u li din il-projbizzjoni ġiet ikkonkretizzata mid-Direttiva 2000/78 fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol (sentenza tal‑20 ta’ April 2023, Landespolizeidirektion Niederösterreich u Finanzamt Österreich, C‑650/21, EU:C:2023:300, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
77 |
Għalhekk, qabel kollox, għandu jiġi vverifikat jekk leġiżlazzjoni bħal dik imsemmija fit-tieni domanda taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78. |
|
78 |
F’dan ir-rigward, mill-punt 47 ta’ din is-sentenza jirriżulta li tali leġiżlazzjoni tagħmel parti inkontestabbilment mill-qasam tal-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol. Konsegwentement, hija taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Krah,C‑703/17, EU:C:2019:850, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
79 |
F’dak li jirrigwarda, sussegwentement, il-kwistjoni dwar jekk l-imsemmija leġiżlazzjoni tistabbilixxix differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78, għandu jitfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, il-“prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament” għandu jinftiehem bħala l-assenza ta’ kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta, ibbażata fuq waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva. |
|
80 |
L-Artikolu 2(2)(a) tagħha jippreċiża li, għall-finijiet tal-ewwel paragrafu tagħha, tirriżulta diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli minn persuna oħra f’sitwazzjoni paragunabbli, abbażi ta’ waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva. Barra minn hekk, mill-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78 jirriżulta li, għall-finijiet tagħha, diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq l-età tirriżulta meta dispożizzjoni, kriterju jew prattika li jidhru newtrali jistgħu jimplikaw żvantaġġ partikolari lil persuni ta’ età partikolari, meta mqabbla ma’ persuni oħra, sakemm din id-dispożizzjoni, dan il-kriterju jew din il-prattika ma jkunux oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu u sakemm il-mezzi sabiex jintlaħaq dan l-iskop jkunu xierqa u neċessarji. |
|
81 |
Issa, it-tieni domanda ma tirrigwardax leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta espliċitament il-promozzjoni ta’ uffiċjal abbażi tal-età tiegħu. Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni retroattiv tal-perijodi preċedenti kollha ta’ attività professjonali ekwivalenti mwettqa minn A.B. jiddependi mill-adozzjoni, mil-Land, ta’ deċiżjoni, li taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali ta’ dan tal-aħħar, li tingħata promozzjoni lil dan l-uffiċjal li ma hijiex marbuta mal-età tal-uffiċjal, iżda mat-tul tal-esperjenza professjonali li huwa kiseb. |
|
82 |
Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma twassalx għal differenza fit-trattament ibbażata direttament fuq l-età (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2012, Tyrolean Airways Tiroler Luftfahrt Gesellschaft,C‑132/11, EU:C:2012:329, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
83 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-punt dwar jekk tali leġiżlazzjoni tikkostitwixxix diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq l-età, għandu jiġi rrilevat li dan jippreżupponi li din il-leġiżlazzjoni, minkejja li hija fformulata b’mod newtrali, tista’ tqiegħed fi żvantaġġ, b’mod partikolari, kategorija ta’ età. Dan huwa l-każ ta’ leġiżlazzjoni li tissuġġetta l-promozzjoni ta’ uffiċjal biss għat-twettiq ta’ numru kbir ta’ snin ta’ servizz, b’tali mod li l-uffiċjali ta’ eta’ iktar avvanzata biss ikunu jistgħu jiksbu promozzjoni. |
|
84 |
F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-uffiċjali li jaqgħu taħt il-kategorija ta’ impjieg A jistgħu jitolbu promozzjoni għall-grad V, l-iktar kmieni, wara 9 sena ta’ attività mid-data ta’ referenza tal-avvanz, filwaqt li, sabiex jaċċedu għall-istess grad, l-uffiċjali li jaqgħu taħt il-kategorija ta’ impjieg C għandhom ikunu wettqu 29 sena ta’ attività. Konsegwentement, fid-dawl tad-differenza kbira li teżisti bejn dawn iż-żewġ perijodi ta’ servizz, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-aċċess ta’ uffiċjal għal promozzjoni jiddependi mill-appartenenza ta’ dan tal-aħħar għal kategorija ta’ età speċifika. |
|
85 |
Barra minn hekk, skont din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-għoti ta’ promozzjoni ma huwiex awtomatiku iżda jaqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-Gvern tal-Land ikkonċernat. Fl-aħħar nett, l-aċċess ta’ uffiċjal għal promozzjoni jiddependi mill-istati ta’ servizz tiegħu, mill-kapaċitajiet tiegħu kif ukoll mill-imġiba tiegħu fis-servizz u barra minnu. |
|
86 |
Issa, dawn il-kriterji huma manifestament estranji għal kull teħid inkunsiderazzjoni tal-età tal-uffiċjali kkonċernati. |
|
87 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li s-sistema stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija bbażata fuq kriterju li la huwa indissoċjabbilment u lanqas indirettament marbut mal-età tal-uffiċjali. Minn dan isegwi li l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li abbażi tagħha l-perijodi ta’ attività ekwivalenti mwettqa minn persuna fi Stat Membru ieħor qabel id-dħul fis-servizz ta’ din il-persuna bħala uffiċjal fl-ewwel Stat Membru ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-avvanz tagħha meta dan l-uffiċjal ikun ġie promoss bis-saħħa ta’ deċiżjoni li taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni, ma twassalx għal differenza fit-trattament indirettament ibbażata fuq l-età. |
|
88 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikoli 1, 2 u 6 tad-Direttiva 2000/78, moqrija flimkien mal-Artikolu 21 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha, minn naħa, il-perijodi ta’ attività ekwivalenti mwettqa minn persuna fi Stat Membru ieħor qabel id-dħul fis-servizz ta’ din il-persuna bħala uffiċjal f’dan l-ewwel Stat Membru ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-avvanz tagħha meta dan l-uffiċjal ikun ġie promoss bis-saħħa ta’ deċiżjoni li taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni u, min-naħa l-oħra, tali promozzjoni tista’, bħala prinċipju, isseħħ biss wara diversi snin ta’ servizz, ikkalkolati mid-data ta’ referenza tal-avvanz, sakemm, minn naħa, in-numru ta’ snin ta’ servizz li għandhom jitwettqu qabel ma jkunu jistgħu jitolbu promozzjoni ma jkunx tant li jkunu kkonċernati biss l-uffiċjali ta’ età avvanzata u, min-naħa l-oħra, l-għoti ta’ promozzjoni jiddependi wkoll minn kriterji oħra, li ma jkunux relatati ma’ kwalunkwe teħid inkunsiderazzjoni tal-età. |
Fuq l‑ispejjeż
|
89 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.