|
14.4.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 128/4 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/597
tat-12 ta’ April 2021
li tistabbilixxi miżuri ta’ emerġenza fir-rigward tal-każijiet ikkonfermati ta’ infestazzjoni bil-ħanfusa żgħira tal-ġabsala fl-Italja
(notifikata bid-dokument C(2021) 2365)
(It-test bit-Taljan biss huwa awtentiku)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali) (1), u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-punt (1)(a) tal-Artikolu 259 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Il-ħanfusa żgħira tal-ġabsala (Aethina tumida) hija insett nattiv tal-Afrika sub-Saħarjana, li nfirex fid-dinja kollha f’dawn l-aħħar deċennji u huwa kapaċi jimmultiplika malajr b’mod partikolari fil-preżenza tad-duqqajs, tal-għabra tad-dakra u tal-għasel fix-xehda. L-eżemplari adulti jistgħu jtiru sa diversi kilometri biex jinvadu postijiet oħra. L-infestazzjoni bil-ħanfusa żgħira tal-ġabsala hija elenkata fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2016/429, kif emendat bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/1629 (2), u fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 (3). |
|
(2) |
Il-ħanfusa żgħira tal-ġabsala hija fil-biċċa l-kbira assenti fl-Unjoni, iżda minn Settembru 2014 seħħew infestazzjonijiet fir-Reġjun tal-Calabria u fir-Reġjun ta’ Sqallija fl-Italja. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/909/UE (4) stabbiliet ċerti miżuri protettivi għall-protezzjoni tas-saħħa tal-annimali fir-rigward tal-infestazzjonijiet ikkonfermati tal-ħanfusa żgħira tal-ġabsala fl-Italja. Bħalissa kemm ir-Reġjun tal-Calabria kif ukoll ir-Reġjun ta’ Sqallija huma elenkati fl-Anness ta’ dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni bħala żoni soġġetti għal dawk il-miżuri protettivi. Dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tapplika sal-21 ta’ April 2021. |
|
(3) |
Dan l-aħħar, l-awtorità kompetenti ċentrali tal-Italja ressqet xi informazzjoni lill-Kummissjoni li turi li l-infestazzjoni bil-ħanfusa żgħira tal-ġabsala għadha sseħħ fir-Reġjun tal-Calabria fl-imġiebaħ, fil-kaxex tan-naħal impoġġija u ġestiti mill-awtorità kompetenti lokali biex tinvestiga is-sitwazzjoni, u fin-naħal tal-għasel selvaġġ. Fil-każijiet ikkonfermati ta’ infestazzjoni, l-imġiebaħ jew il-kaxex tan-naħal affettwati nqerdu. L-awtorità kompetenti lokali stabbiliet żona ta’ protezzjoni f’dak ir-Reġjun u pprojbiet il-moviment tan-naħal tal-għasel u ta’ ċerti komoditajiet oħrajn minn dak ir-Reġjun. Madankollu, l-awtorità kompetenti lokali ma setgħetx teqred il-ħanfusa żgħira tal-ġabsala. It-tixrid tal-ħanfusa żgħira tal-ġabsala miż-żona affettwata fl-Italja jista’ jkun periklu serju għan-naħal tal-għasel u għan-naħal bagħli f’postijiet oħra fl-Unjoni. |
|
(4) |
L-informazzjoni mressqa lill-Kummissjoni mill-awtorità kompetenti ċentrali tal-Italja wriet ukoll li minn Settembru 2014, seħħew biss żewġ każijiet ikkonfermati ta’ infestazzjonijiet bil-ħanfusa żgħira tal-ġabsala fir-Reġjun ta’ Sqallija fl-imġiebaħ u t-tnejn ġew eradikati. B’mod partikolari, dik l-awtorità kompetenti stabbiliet li t-tieni infestazzjoni, f’Ġunju 2019, kienet ir-riżultat ta’ moviment illegali mwettaq minn persuna li trabbi n-naħal ta’ kaxex tan-naħal misruqin mir-Reġjun tal-Calabria, u li dik l-infestazzjoni ġiet identifikata, investigata u eradikata minnufih mill-awtorità kompetenti lokali. Data uffiċjali miġbura mill-awtorità kompetenti ċentrali mingħand l-awtoritajiet kompetenti lokali wara l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ sorveljanza uffiċjali xierqa u rappreżentattivi, inkluż l-użu ta’ kaxex tan-naħal sentinelli tul diversi snin, tikkonferma l-assenza tal-ħanfusa żgħira tal-ġabsala mir-Reġjun ta’ Sqallija minn Settembru 2014, ħlief għall-infestazzjoni ta’ Ġunju 2019. Għalhekk, fi Frar 2020 l-awtorità kompetenti lokali neħħiet iż-żona ta’ protezzjoni li kienet stabbiliet f’dak ir-Reġjun wara l-każ ikkonfermat f’Ġunju 2019. |
|
(5) |
Sabiex jiġi evitat kull xkiel bla bżonn għall-kummerċ fl-Unjoni, biex jiġi evitat li l-pajjiżi terzi jimponu ostakli għall-kummerċ, u biex jiġi evitat it-tixrid tal-ħanfusa żgħira tal-ġabsala lejn partijiet oħra tal-Unjoni, jixraq li jiġu stabbiliti restrizzjonijiet fuq il-moviment ta’ ċerti komoditajiet li kapaċi jxerrdu l-ħanfusa żgħira tal-ġabsala. Dawn ir-restrizzjonijiet jenħtieġ li jkunu simili għal dawk stabbiliti mill-awtoritajiet Taljani u għal dawk li huma stabbiliti bħalissa fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/909/UE. Iż-żoni soġġetti għal dawn il-miżuri ta’ emerġenza jenħtieġ li jkunu limitati għar-Reġjun tal-Calabria. |
|
(6) |
Il-miżuri stabbiliti f’din id-Deċiżjoni jenħtieġ li japplikaw mill-21 ta’ April 2021, li hija d-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/429. Minħabba d-diffikultajiet esperjenzati mill-awtorità kompetenti fis-snin reċenti fl-eradikazzjoni tal-ħanfusa żgħira tal-ġabsala fir-Reġjun tal-Calabria, dawn il-miżuri jenħtieġ li japplikaw għal tliet snin. |
|
(7) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
“kaxxa tan-naħal” tfisser kontenitur fejn jinżamm n-naħal tal-għasel jew in-naħal bagħli; |
|
(b) |
“miġbħa” tfisser stabbiliment li jżomm in-naħal tal-għasel jew in-naħal bagħli; |
|
(c) |
“prodotti sekondarji tal-apikultura mhux ipproċessati” tfisser għasel, xama’ tan-naħal, ħalib tan-naħal, żaftur jew għabra tad-dakra mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem kif definit fil-punt 10 tal-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 (5) li ma jkunx għadda minn xi proċedura ta’ proċessar kif imsemmi fir-ringiela 10 tar-raba’ kolonna tat-Tabella 2 tat-Taqsima 1 tal-Kapitolu II tal-Anness XIV ta’ dak ir-Regolament; |
|
(d) |
“tagħmir għat-trobbija tan-naħal” tfisser il-kaxex tan-naħal użati, il-komponenti tal-kaxex tan-naħal u l-għodod użati f’miġbħa. |
Artikolu 2
1. L-Italja għandha tiżgura li jiġu implimentati l-miżuri ta’ emerġenza li ġejjin fiż-żoni elenkati fl-Anness:
|
(a) |
projbizzjoni fuq id-dispaċċ tal-komoditajiet li ġejjin lejn żoni oħra tal-Unjoni:
|
|
(b) |
it-twettiq ta’ sorveljanza fil-kaxex tan-naħal u fl-imġiebaħ u investigazzjonijiet epidemjoloġiċi, fosthom:
|
2. Abbażi tar-riżultati tas-sorveljanza u tal-investigazzjonijiet epidemjoloġiċi previsti fil-paragrafu 1(b), l-Italja tista’ timplimenta miżuri ta’ emerġenza xierqa addizzjonali skont l-Artikolu 257 tar-Regolament (UE) 2016/429.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-21 ta’ April 2021 sal-21 ta’ April 2024.
Artikolu 4
Destinatarji
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.
Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ April 2021.
Għall-Kummissjoni
Stella KYRIAKIDES
Membru tal-Kummissjoni
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/1629 tal-25 ta’ Lulju 2018 li jemenda l-lista ta’ mard stabbilita fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“il-Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (ĠU L 272, 31.10.2018, p. 11).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 tat-3 ta’ Diċembru 2018 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard għal kategoriji ta’ mard elenkat u li jistabbilixxi lista ta’ speċijiet u gruppi ta’ speċijiet li jippreżentaw riskju konsiderevoli għat-tixrid ta’ dak il-mard elenkat (ĠU L 308, 4.12.2018, p. 21).
(4) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/909/UE tat-12 ta’ Diċembru 2014 dwar ċerti miżuri protettivi fir-rigward tal-okkorrenzi konfermati tal-koleotteru tal-ġabsala fl-Italja (ĠU L 359, 16.12.2014, p. 161).
(5) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 tal-25 ta’ Frar 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi skont dik id-Direttiva (ĠU L 54, 26.2.2011, p. 1)
ANNESS
|
Stat Membru |
Żoni soġġetti għal miżuri ta’ emerġenza |
|
L-Italja |
Ir-Reġjun tal-Calabria: ir-Reġjun kollu |