SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)
4 ta’ Lulju 2007 ( *1 )
“Għajnuna mill-Istat — Telefonija mobbli — Bdil fil-ħlasijiet dovuti minn Orange France u SFR għal-liċenzji UMTS — Deċiżjoni li tikkonstata n-nuqqas ta’ għajnuna mill-Istat”
Fil-kawża T-475/04,
Bouygues SA, stabbilita f’Pariġi (Franza),
Bouygues Télécom SA, stabbilita f’Boulogne-Billancourt (Franza),
irrappreżentati minn L. Vogel, J. Vogel, B. Amory, A. Verheyden, F. Sureau u D. Théophile, avukati,
rikorrenti,
vs
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn J. L. Buendia Sierra u C. Giolito, bħala aġenti,
konvenuta,
sostnuta minn
Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues u S. Ramet, bħala aġenti,
minn
Société française du radiotéléphone — SFR, stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn C. Vajda, QC, u A. Vincent, avukat,
u minn
Orange Franza SA, stabbilita f’Montrouge (Franza), irrappreżentata minn A. Gosset-Grainville u S. Hautbourg, avukati,
partijiet intervenjenti,
li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ l-20 ta’ Lulju 2004 (Għajnuna mill-Istat NN 42/2004 — Franza), dwar bdil fil-ħlasijiet dovuti minn Orange u SFR għal-liċenzji UMTS (Sistema Universali tat-Telekomunikazzjoni bil-Mobbli),
IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn H. Legal, President, I. Wiszniewska-Białecka u E. Moavero Milanesi, Imħallfin,
Reġistratur: E. Coulon,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ l-14 ta’ Marzu 2007,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-kuntest ġuridiku
|
1 |
Skond l-Artikolu 87(1) KE: “Bla ħsara ta’ kull deroga kontemplata f’dan it-Trattat, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq komuni.” |
|
2 |
Id-dritt sekondarju applikabbli fiż-żmien meta seħħew il-fatti kien id-Direttiva 97/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta’ l-10 ta’ April 1997, dwar struttura komuni għall-awtorizzazzjonijiet ġenerali u liċenzji individwali fil-kamp tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet (ĠU L 117, p. 15), u d-Deciżjoni Nru 128/1999/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta’ l-14 ta’ Diċembru 1998, dwar l-introduzzjoni kkoordinata tal-komunikazzjonijiet bil-mobbli tat-tielet ġenerazzjoni u mingħajr fili (UMTS) fil-Komunità (ĠU 1999, L 17, p. 1). |
|
3 |
Id-Direttiva 97/13 kienet tipprovdi, fl-Artikolu 3(3) tagħha: “[…] L-Istati Membri jistgħu joħorġu liċenzja individwali biss fejn il-benefiċjarju jingħata aċċess għal riżorsi fiżiċi jew riżorsi oħra li jkunu skarsi jew li tkun suġġetta għal obbligi partikolari jew tgawdi minn drittijiet partikolari […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
4 |
L-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 97/13 kien jindika: “L-Istati Membri jistgħu jbiddlu l-kudizzjonijiet li hija suġġetta għalihom liċenzja individwali fil-każijiet iġġustifikati b’mod oġġettiv u b’mod proporzjonat. Meta jagħmlu hekk, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw l-intenzjoni tagħhom b’mod xieraq u li jippermetti li l-partijiet interessati jkunu jistgħu jesponu l-opinjoni tagħhom fuq il-bidliet proposti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
5 |
L-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 97/13 kien jipprovdi: “Meta Stat Membru għandu l-intenzjoni li joħroġ liċenzji individwali:
|
|
6 |
L-Artikolu 10(3) u (4) tad-Direttiva 97/13 kien jipprovdi: “3. L-Istati Membri joħorġu dawn il-liċenzji individwali abbażi ta’ kriterji ta’ għażla oġġettivi, mhux diskriminatorji, trasparenti, proporzjonati u ddettaljati. Waqt kull selezzjoni, huma għandhom debitament jikkunsidraw il-bżonn li jiġi ffaċilitat l-iżvilupp tal-kompetizzjoni u li jiġu massimizzati l-benefiċċji għall-utenti. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni fir-rigward ta’ dawn il-kriterji tkun, preċedentement, is-suġġett ta’ miżuri ta’ pubblikazzjoni xierqa b’tali mod li dawn ikun faċilment aċċessibbli. Il-Gazzetta Uffiċjali ta’ l-Istat Membru kkonċernat għandha tirreferi għall-pubblikazzjoni ta’ din l-informazzjoni. 4. Meta Stat Membru jikkonstata, fuq inizjattiva tiegħu jew wara talba magħmula minn impriża, b’effett mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva prezenti jew iktar tard, li n-numru ta’ liċenzji individwali jista’ jiżdied, huwa għandu jieħu l-miżuri ta’ pubblikazzjoni meħtieġa u jagħmel sejħa għal offerti għal ħruġ ta’ liċenzji addizjonali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
7 |
L-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 97/13 kien jipprovdi: “[…] [F]il-każ fejn se jintużaw riżorsi skarsi, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tagħhom sabiex jimponu tariffi li jirriflettu l-bżonn li jiġi żgurat l-aħjar użu ta’ dawn ir-riżorsi. Dawn it-tariffi għandhom ikunu non diskriminatorji u jieħdu in kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-bżonn li jiġi inkoraġġat l-iżvilupp ta’ servizzi innovattivi u tal-kompetizzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
8 |
Id-Deċiżjoni Nru 128/1999, li, skond l-Artikolu 1 tagħha kienet intiża sabiex “[…] tiffaċilita l-introduzzjoni mgħaġġla u kkordinata ta’ netwerks u tas-servizzi UMTS kompatibbli fil-Komunità […]”, kienet tindika, fl-Artikolu 3(1) tagħha: “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżura kollha meħtieġa sabiex jippermettu, skond l-Artikolu 1 tad-Direttiva 97/13, l-introduzzjoni kkordinata u progressiva tas-servizzi UMTS fit-territorju tagħhom, sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 2002 […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
9 |
Fi Franza, l-Artikolu L. 33-1 tal-Kodiċi tal-posta u tat-telekomunikazzjonijiet, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fiż-żmien ta’ meta seħħew il-fatti tal-kawża, kien jipprovdi:
|
Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
10 |
Fi Franza, skond il-liġi Nru 96-659, tas-26 ta’ Lulju 1996, li tirregola t-telekomunikazzjoni (JORF tas-27 ta’ Lulju 1996, p. 11384), fis-seħħ fiż-żmien ta’ meta seħħew il-fatti, l-istabbiliment u l-użu tan-netwerks miftuħa għall-pubbliku kienu jiġu implementati fuq proposta ta’ l-Awtorità Regolatorja tat-telekomunikazzjoni (iktar ’il quddiem l-“ART”) li kienet għadha kif ġiet stabbilita u li kienet tipprepara t-talbiet ta’ awtorizzazzjoni, li kienu wara jinħarġu mill-Ministru għall-Industrija, tal-Posta u tat-Telekomunikazzjoni. |
|
11 |
Peress li l-Gvern Franċiż kien ħabbar, fis-6 ta’ Ġunju 2000, l-intenzjoni tiegħu li joħroġ erba’ liċenzji għall-introduzzjoni ta’ sistemi ta’ komunikazzjoni bil-mobbli u mingħajr fili (UMTS, Sistema Universali tat-Telekomunikazzjoni bil-Mobbli) tat-tielet ġenerazzjoni, il-Ministru għall-Industrija, tal-Posta u tat-Telekomunikazzjoni, skond il-leġiżlazzjoni fis-seħħ dak iż-żmien, kien ippubblika, fil-JORF fit-18 ta’ Awwissu 2000, id-deċiżjoni ta’ l-ART Nru 00-835, tat-28 ta’ Lulju 2000, li kienet tissuġġerilu l-modalitajiet u l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet għall-introduzzjoni fiż-żoni metropolitani ta’ Franza tas-sistemi tal-mobbli tat-tielet ġenerazzjoni, u b’hekk fetaħ is-sejħa għall-offerti. Mill-annessi ta’ din il-pubblikazzjoni jirriżulta li, minn naħa, l-allokazzjoni ta’ awtorizzazzjonijiet, li kienet twassal sabiex numru limitat ta’ operaturi jingħataw vantaġġ permezz ta’ l-okkupazzjoni tas-settur pubbliku bl-antenna, kellha tagħti lok għal ħlas li jammonta għal total ta’ 32.5 biljun Frank Franċiżi (EUR 4.954593 biljun) li għandhom jitħallsu matul it-terminu tal-liċenzja, stabbilit għal ħmistax-il sena. Min-naħa l-oħra, id-data ta’ skadenza għall-ippreżentar ta’ applikazzjoni kienet il-31 ta’ Jannar 2001, u l-kandidati setgħhu jirtiraw il-kandidatura tagħhom sal-31 ta’ Mejju 2001. |
|
12 |
Fil-31 ta’ Jannar 2001, l-ART indikat, fi stqarrija għall-istampa, li kienu ġew iddepożitati biss żewġ fajls, jiġifieri dawk tas-Société française du radiotéléphone — SFR (iktar ’il quddiem “SFR”), u tal-kumpannija France Télécom mobiles (li xi ftit xhur wara saret il-kumpannija Orange France, iktar ’il quddiem “Orange”, u li, fl-opinjoni tagħha, kien meħtieġ li ssir sejħa għall-offerti addizzjonali sabiex tiġi assigurata kompetizzjoni reali. |
|
13 |
Fid-dawl ta’ din l-indikazzjoni, il-President Direttur Ġenerali ta’ France Telecom u dak ta’ Vivendi Universali (li tagħha SFR hija kumpannija sussidjarja) ġibdu l-attenzjoni tal-Ministru ta’ l-Ekonomija u l-Finanzi u tas-Segretarju ta’ l-Istat għall-Industrija, fuq il-ħtieġa li jiġu rrispettati l-prinċipji ta’ l-ugwaljanza quddiem il-piżijiet pubbliċi u tal-kompetizzjoni effettiva bejn l-operaturi meta jkunu qegħdin jiddeċiedu l-kundizzjonijiet ta’ attribuzzjoni ta’ liċenzji futuri. |
|
14 |
Permezz ta’ żewġ ittri tat-22 ta’ Frar 2001, b’termini identiċi, il-Ministru ta’ l-Ekonomija u tal-Finanzi u Segretarju ta’ l-Istat għall-Industrija rrispondew lid-diretturi ta’ l-impriżi in kwistjoni li l-Gvern kien jaqbel ma’ dan l-għan doppju (rispett tal-prinċipji ta’ ugwaljanza quddiem il-piżijiet pubbliċi u tal-kompetizzjoni effettiva bejn l-operaturi) u li “l-modalitajiet tas-sejħa għall-offerti addizzjonali li [għandhom jiġu] proposti mill-ART u mill-Gvern [għandhom] jiggarantixxu trattament ugwali ta’ l-operaturi li finalment [jingħataw] liċenzja”. |
|
15 |
Qabel ma nħarġet is-sejħa għall-offerti addizzjonali, f’Lulju 2001 inħarġu żewġ liċenzji. Permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet, tat-18 ta’ Lulju 2001 (ippubblikati fil-JORF tal-21 ta’ Awwissu 2001), is- Segretarju ta’ l-Istat għall-Industrija [li dak iż-żmien kien ukoll responsabbli għat-telekomunikazzjoni] awtorizza lil Orange u lil SFR sabiex jistabbilixxu u jagħmlu użu minn netwerk ta’ radju bil-fil tat-tielet ġenerazzjoni miftuħ għall-pubbliku taħt l-istandard UMTS u sabiex jipprovdu servizz telefoniku lill-pubbliku, liema awtorizzazzjoni ngħatat għal tul ta’ żmien ta’ ħmistax-il sena. Il-kundizzjonijiet annessi mad-deċiżjonijiet kienu jipprevedu, b’mod partikolari, li l-ħlasijiet għat-tqegħid għad-dispożizzjoni u ta’ l-amministrazzjoni tal-frekwenzi ta’ l-UMTS kellhom jitħallsu, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 36 tal-liġi tal-finanzi ta’ l-2001, għal ammont ta’ EUR 4,954593biljun (32502000000 Franki Franċiżi), (liġi tal-finanzi ppubblikata fil-JORF tal-31 ta’ Diċembru 2000). Mill-Artikolu 36 ta’ din il-liġi jirriżulta li l-ewwel ħlas kien previst fil-31 ta’ Settembru 2001 u l-aħħar fit-30 ta’ Ġunju 2016. |
|
16 |
Is-sejħa għall-offerti addizzjonali, li l-għan tagħha kien li jingħataw iż-żewġ liċenzji li kienu għadhom ma ġewx attribwiti, tnediet permezz tal-pubblikazzjoni, mill-Ministru għat-Telekomunikazzjoni, tad-Deċiżjoni tal-ART, Nru 01-1202, ta’ l-14 ta’ Diċembru 2001, li kienet tissuġġerilu l-modalitajiet u l-kundizzjonijiet għall-attribuzzjoni ta’ l-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni, fiż-żoni metropolitani ta’ Franza, tas-sistemi mobbli tat-tielet ġenerazzjoni. B’mod partikolari, l-ART kienet indikatlu li “il-kundizzjonijiet ta’ [din it-tieni] proċedura [kienu] jagħmlu parti mill-kontinwità ta’ l-ewwel sejħa għall-offerti u [kienu] intiżi sabiex jassiguraw b’mod partikolari r-rispett tal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza bejn l-operaturi”. Hija rrakkomandat ukoll li l-piż finanzjarju tal-proprjetarji tal-liċenzji jiġi mibdul u li t-terminu tagħhom jiġi estiż. |
|
17 |
Għaldaqstant, il-kundizzjonijiet finanzjarji applikabbli għall-awtorizzazzjonijiet ġew emendati mill-Artikolu 33 tal-liġi tal-finanzi ta’ l-2002 (ippubblikata fil-JORF tat-28 ta’ Diċembru 2001), li emenda l-Artikolu 36 tal-liġi tal-finanzi ta’ l-2001, imsemmi fil-punt 15 iktar ’il fuq, sabiex jipprovdu li l-ħlas dovut għall-vantaġġ akkwistat permezz ta’ l-okkupazzjoni tas-settur pubbliku bl-antenna jinqasam f’pagament inizjali ta’ EUR 619209795.27, imħallas fit-30 ta’ Settembru tas-sena li fiha tingħata l-awtorizzazzjoni jew meta ssir din l-għotja jekk din issir wara t-30 ta’ Settembru, u pagament sekondarju mħallas kull sena qabel it-30 ta’ Ġunju tas-sena kurrenti għall-użu tal-frekwenzi ta’ dik is-sena, u kkalkolat bħala perċentwali tal-fatturat li jsir mill-imsemmija frekwenzi. |
|
18 |
Il-Ministru għat-Telekomunikazzjoni ppubblika, fil-JORF tad-29 ta’ Diċembru 2001, avviż fir-rigward tal-ħlas għall-użu tal-frekwenzi allokati lill-proprjetarji tal-liċenzji li fih ġew riprodotti l-kundizzjonijiet finanzjarji ġodda li rriżultaw mill-liġi tal-finanzi. |
|
19 |
Fid-data ta’ skadenza fissata għall-applikazzjonijiet, is-16 ta’ Mejju 2002, kienet ġiet ippreżentata biss applikazzjoni waħda, dik tal-kumpannija Bouygues Télécom (iktar ’il quddiem “Bouygues Télécom”), kumpannija sussidjarja tal-grupp Bouygues. L-ART bdiet il-proċedura ta’ stħarriġ li abbażi tagħha, iktar tard, Bouygues Télécom ingħatat it-tielet liċnezji lil (ara l-punt 21 iktar ’il quddiem). Ir-raba’ liċenzja ma setgħatx tingħata minħabba nuqqas ta’ applikazzjonijiet. |
|
20 |
Fl-istess waqt, fl-4 ta’ Ottubru 2002, Bouygues u Bouygues Télécom ressqu quddiem il-Kummissjoni lment fejn jallegaw numru ta’ miżuri ta’ għajnuna li kienu ttieħdu mill-awtoritajiet Franċiżi għall-benefiċċju ta’ France Télécom, fosthom il-bidla fil-ħlasijiet li kellhom isiru minn Orange u SFR, li kienet ġiet imħabbra mill-Gvern waqt id-diskussjoni tal-liġi tal-finanzi ta’ l-2002. |
|
21 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Diċembru 2002 (ippubblikat fil-JORF tat-12 ta’ Diċembru 2002, p. 20490), il-Ministru Delegat għall-Industrija awtorizza lil Bouygues Télécom sabiex tistabbilixxi u tuża netwerk ta’ radju bil-fil tat-tielet ġenerazzjoni miftuħ għall-pubbliku taħt l-istandard UMTS u sabiex jipprovdi servizz telefoniku lill-pubbliku. L-awtorizzazzjoni, li ngħatat għal perijodu ta’ 20 sena, tirriproduċi l-kundizzjonijiet finanzjarji li jirrigwardaw il-ħlasijiet ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni u l-amministrazzjoni tal-frekwenzi indikati fil-punti 17 u 18 iktar ’il fuq. |
|
22 |
Barra minn hekk, permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet oħra tat-3 ta’ Diċembru 2002 (ukoll pubblikati fil-JORF tat-12 ta’ Diċembru 2002), fir-rigward ta’ rispettivament Orange u SFR, il-Ministru Delegat għall-Industrija emenda d-deċiżjonijiet tat-18 ta’ Lulju 2001 imsemmija fil-punt 15 iktar ’il fuq u l-kundizzjonijiet annessi magħhom, b’mod partikolari, sabiex jestendi t-tul ta’ żmien ta’ l-awtorizzazzjoni għal 20 sena u sabiex ibiddel id-dispożizzjonijiet dwar il-ħlasijiet għat-tqegħid għad-dispożizzjoni u l-amministrazzjoni tal-frekwenzi permezz ta’ dispożizzjonijiet identiċi għal dawk applikabbli għal Bouygues Télécom, jiġifieri l-kundizzjonijiet finanzjarji emendati deskritti fil-punt 17 iktar ’il fuq, li għalhekk dehru kunsiderevolment inferjuri għall-kundizzjonijiet inizjali previsti fid-deċiżjonijiet tat-18 ta’ Lulju 2001 (ara punt 15 iktar ’il fuq). |
|
23 |
Fil-31 ta’ Jannar 2003, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Repubblika Franċiża bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE, dwar żewġ miżuri ta’ għajnuna li jirrigwardaw, rispettivament, is-sistema ta’ taxxa professjonali applikabbli għal France Télécom u għal miżuri finanzjarji implementati mill-Istat in sostenn ta’ din l-impriża (ĠU C 57, p. 5). Dawn il-miżuri kienu jidhru fost dawn indikati fl-ilment tar-rikorrenti msemmi fil-punt 20 iktar ’il fuq. Dawn kienu wkoll is-suġġett, fit-13 ta’ Marzu 2001, ta’ lment ta’ assoċjazzjoni ta’ kollettivi territorjali Franċiżi. |
|
24 |
Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Novembru 2003, ir-rikorrenti ntimaw lill-Kummissjoni, skond l-Artikolu 232 KE, sabiex tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2), KE, fir-rigward ta’ l-ilment dwar il-bidla fil-ħlasijiet dovuti għall-attribuzzjoni tal-liċenzji UMTS, li jidhru wkoll fl-ilment tagħhom. Il-Kummissjoni, fil-11 ta’ Diċembru 2003, bagħtitilhom ittra ta’ stennija. |
|
25 |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-21 ta’ Frar 2004, ir-rikorrenti ppreżentaw rikors ibbażat fuq l-Artikolu 232 KE (kawża T-81/04). |
|
26 |
Fl-20 ta’ Lulju 2004, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni “Għajnuna mill-Istat NN 42/2004 — Franza”, (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), notifikata lir-Repubblika Franċiża, dwar il-bidla fil-ħlasijiet dovuti minn Orange u SFR għal-liċenzji UMTS, li jidhru fost il-miżuri ikkontestati fl-ilment introdott mir-rikorrenti fl-4 ta’ Ottubru 2002. F’din id-deċiżjoni, li hija s-suġġett tar-rikors preżenti, il-Kummissjoni indikat li kienet iddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra l-miżura li kienet is-suġġett ta’ l-ilment, fir-rigward tal-bidla fil-ħlasijiet in kwistjoni, minħabba l-fatt li din il-miżura ma kienx fiha elementi ta’ għajnuna fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) KE. |
|
27 |
Preliminarjament, il-Kummissjoni tikkunsidra li, fid-dawl tan-natura limitata tar-regoli tal-Komunità, il-Gvern Franċiż setgħa jiddefinixxi l-kundizzjonijiet ta’ għoti tal-liċenzji UMTS, sakemm isegwi proċedura miftuħa, mhux diskriminatorja u trasparenti, u jiddetermina l-ħlas għal livell xieraq sabiex jilħaq l-għanijiet definiti minn dawn ir-regoli, peress li l-bidla fil-ħlasijiet in kwistjoni tissodisfa l-għan persegwit li jingħata l-akbar numru ta’ liċenzji possibbli (premessi 20 sa 24 tad-deċiżjoni kkontestata). |
|
28 |
Filwaqt li tanalizza l-miżura kkritikata, il-Kummissjoni tikkunsidra, l-ewwel nett, li l-allinjament tal-kundizzjonijiet tal-liċenzji tat-tlett operaturi kkonċernati (li rriżulta f’reviżjoni l-isfel tal-ħlasijiet għall-benefiċċju ta’ Orange u ta’ SFR) jirriżulta b’mod impliċitu mill-kundizzjonijiet miftiehma inizjalment minħabba li, peress li Orange u SFR setgħu jirtiraw, kien teoretikament possibbli li jiġu imposti kundizzjonijiet iktar stretti (premessa 27 tad-deċiżjoni kkontestata). |
|
29 |
It-tieni nett, il-Kummissjoni tqis li l-awtoritajiet Franċiżi m’għamlu xejn ħlief irrispettaw obbligu ta’ dritt Komunitarju, previst mid-Direttiva 97/13, jiġifieri l-applikazzjoni ta’ kundizzjonijiet mhux diskriminatorji (premessa 28 tad-deċiżjoni kkontestata). |
|
30 |
It-tielet nett, il-Kummissjoni tikkunsidra li d-dritt Komunitarji jeħtieġ biss li l-ħlasijiet dovuti għal liċenzji UMTS jiġu ffissati fuq livell li jikkorrispondi għal valur tas-suq allegat, li l-Istati Membri jaġixxu fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet regolatorji tagħhom u li l-għoti tal-liċenzji ma jkunx assimilabbli għal transazzjoni tas-suq. Filwaqt li eżaminat jekk l-bidla fil-ħlasijiet kelliex n-natura ta’ vantaġġ selettiv, il-Kummissjoni tqis li l-awtoritajiet Franċiżi applikaw l-istess kundizzjonijiet lill-operaturi li kisbu l-istess liċenzja, bl-istess kundizzjonijiet, wara żewġ proċeduri komplementari ta’ xulxin u li ma kienx hemm diskriminazzjoni biss minħabba l-fatt li ċerti operaturi ngħataw il-liċenzja tagħhom sena qabel (premessi 29 sa 33 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, hija tosserva li s-sistema ġdida ta’ tariffi li tissostiwixxi ħlas fiss iktar għoli bi ħlas fiss imnaqqas flimkien ma’ taxxa annwali proporzjonali għall-fatturat tippermetti li tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni differenti ta’ l-operaturi tul iż-żmien (premessa 34 tad-deċiżjoni kkontestata). |
|
31 |
Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-awtoritajiet Franċiżi ma tawx vantaġġ lil Orange u lil SFR, iżda rrispettaw il-ħtiġijiet tad-dritt Komunitarju relattivi għat-trattament oġġettiv u mhux diskriminatorju ta’ l-operaturi (premessa 35 tad-deċiżjoni kkontestata). |
|
32 |
B’Digriet ta’ l-14 ta’ Frar 2005, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il-Kummissjoni (T-81/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra), il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li ma kienx hemm lok li tittieħed deċiżjoni dwar it-talbiet intiżi għal kostatazzjoni ta’ l-astenzjoni tal-Kummissjoni li tiddeċiedi dwar l-ilment tar-rikorrenti, fir-rigward tal-bidla fil-ħlasijiet dovuti għall-attribuzzjoni tal-liċenzji UMTS, u ċaħdet bħala mhux ammissibbli t-talbiet sussidjarji intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni li tidher fl-ittra tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2003, imsemmija fil-punt 24 iktar ’il fuq. |
Proċedura u t-talbiet tal-partijiet
|
33 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-24 ta’ Novembru 2004, ir-rikorrenti ressqu dan ir-rikors skond l-Artikolu 230 KE. |
|
34 |
Permezz ta’ tliet digrieti tad-9 ta’ Ġunju 2005, il-President tar-Raba’ Awla awtorizza lir-Repubblika Franċiża, Orange u SFR sabiex jintervjenu fil-kawża, in sostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. |
|
35 |
Fuq talba tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tat-12 ta’ Frar 2007, il-partijiet ippreżentaw, fl-20 ta’ Frar 2007, kopja ta’ l-ilment tar-rikorrenti ppreżentata quddiem il-Kummissjoni fl-4 ta’ Ottubru 2002. |
|
36 |
It-trattazzjoni u r-risposti tal-partijiet għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu waqt is-seduta ta’ l-14 ta’ Marzu 2007. |
|
37 |
Bouygues u Bouygues Télécom jitolbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:
|
|
38 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:
|
|
39 |
Ir-Repubblika Franċiża titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:
|
|
40 |
Orange titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:
|
|
41 |
SFR titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:
|
Id-dritt
|
42 |
Ir-rikorrenti jiżviluppaw motivi ta’ tliet tipi. L-ewwel nett, huma jsostnu li d-deċiżjoni kkuntestata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni. It-tieni nett, huma jsostnu li l-Kummissjoni interpretat ħażin l-Artikolu 87(1) KE, peress li l-bidla fil-ħlasijiet dovuti minn Orange u SFR tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. It-tielet nett, sussidjarjament huma jallegaw li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta ksur ta’ l-Artikolu 88(2) KE, safejn, peress li l-kwistjoni tqajjem diffikultajiet serji, il-Kummissjoni kellha tiftaħ il-proċedura formali. |
|
43 |
Għandu l-ewwel nett jiġi eżaminat il-motiv proċedurali li jirrigwarda n-nuqqas ta’ motivazzjoni u, wara, fl-istess ħin, il-motivi fuq il-mertu bbażati fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 87(1) KE u ta’ l-Artikolu 88(2) KE. |
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata
L-argumenti tal-partijiet
|
44 |
Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata mhijiex suffiċjentement motivata, l-ewwel nett, peress li ma tippermettilhomx jifhmu l-loġika tar-raġunament tal-Kummissjoni fir-rigward tar-rabta bejn il-possibbiltà li allegatament kellhom Orange u SFR li jirtiraw l-applikazzjoni tagħhom u d-diffikulta għall-awtoritajiet Franċiżi sabiex jimponulhom kundizzjonijiet iktar stretti. It-tieni nett, id-dewmien taż-żewġ operaturi kompetituri ma jistax jikkostitwixxi raġuni valida sabiex jiġi konkluż in-nuqqas ta’ vantaġġ li jista’ jeffettwa l-kompetizzjoni. It-tielet nett, id-deċiżjoni kkontestata ma tirrispondix għall-ilmenti elenkati mir-rikorrenti fl-iment tagħhom, iżda tillimita ruħha li tindika li l-persuni li għamlu l-ilment ibbażaw ruħhom fuq premessa żbaljata, jiġifieri li l-ħlasijiet kellhom jikkorispondu għall-valur tas-suq tal-liċenzja. Ir-raba’ nett, in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni jirriżulta wkoll min-nuqqas ta’ diliġenza min-naħa tal-Kummissjoni fit-trattazzjoni tagħha ta’ l-ilment tar-rikorrenti. |
|
45 |
Il-Kummissjoni ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjentement motivata u li l-ilmenti tar-rikorrenti jirriżultaw minn nuqqas ta’ qbil tagħhom fuq il-mertu, mal-motivi ta’ din id-deċiżjoni. L-ewwel nett, ir-rabta bejn il-possibbiltà għal Orange u SFR, li jirtiraw l-applikazzjoni tagħhom u l-bidla fil-ħlasijiet hija evidenti fid-dawl tar-realtà tas-settur ikkonċernat. It-tieni nett, fir-rigward tan-nuqqas ta’ motivazzjoni allegat fir-rigward tan-nuqqas ta’ effetti fuq il-kompetizzjoni, il-Kummissjoni tosserva li d-deċiżjoni kkontestata mhijiex ibbażata fuq dan il-motiv. It-tielet nett, hija ssostni li rrispondiet b’mod suffiċjentement espliċitu għall-ilmenti tar-rikorrenti. Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni, filwaqt li tenfassizza li l-ilment tar-rikorrenti kien jirrigwarda ħdax-il miżura, issostni li l-akkużi ta’ nuqqas ta’ inizjattiva jew ta’ nuqqas ta’ diliġenza mhumiex fondati u li, barra minn hekk, dawn l-ilmenti jaqgħu taħt it-tielet motiv. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
|
46 |
L-ewwel nett, ir-rikorrenti jikkritikaw essenzjalment li d-deċiżjoni kkontestata ma fihiex motivazzjoni ċara fir-rigward tar-rabta stabbilita mill-Kummissjoni bejn il-fakultà li allegatament kellhom Orange u SFR li jirtiraw l-applikazzjoni tagħhom kieku ma kisbux mingħand l-awtoritajiet nazzjonali, permezz ta’ l-ittri tat-22 ta’ Frar 2001 imsemmija fil-punt 14 iktar ’il fuq, l-garanzija li kellu jingħata trattament ugwali lill-operaturi kollha u l-allegata impossibbiltà li l-awtoritajiet Franċiżi jimponu fuq Orange u SFR kundizzjonijiet finanzjarji iktar stretti. |
|
47 |
Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tinnota li l-ART kienet issuġġeriet, fil-31 ta’ Jannar 2001, il-ħruġ ta’ sejħa għall-offerti addizzjonali, li kellha tikkunsidra l-eżiġenza ta’ kundizzjonijiet ugwali, b’mod partikolari, dawk finanzjarji (premessa 9 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija tosserva (premessi 10 sa 12 tad-deċiżjoni kkontestata) li Orange u SFR setgħu jirtiraw l-applikazzjoni tagħhom sal-31 ta’ Mejju 2001 u li l-Gvern Franċiż kellu quddiemu l-alternattiva li ġejja — kieku ma jassigurax liż-żewġ operaturi li kellu jingħatalhom trattament ugwali fil-każ fejn sejħa ġdida għall-offerti kellha ssemmi prezz rivedut imnaqqas, kien ikun hemm ir-riskju li dawn jirtiraw l-applikazzjoni tagħhom, filwaqt li, jekk jagħtuhom l-assigurazzjoni ta’ trattament ugwali, iż-żewġ operaturi kienu jżommu l-applikazzjonijiet tagħhom. Il-Kummissjoni żżid li, sabiex jiżviluppaw b’iktar ħeffa l-proċedura, skond l-impenji Ewropej tagħhom, l-awtoritajiet Franċiżi għażlu t-tieni soluzzjoni. |
|
48 |
Jirriżulta minn dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-Kummissjoni esponiet b’mod ċar u ċirkustanzjat l-informazzjoni ta’ l-alternattiva li, fl-opinjoni tagħha, kellhom quddiemhom l-awtoritajiet Franċiżi, billi enfasizzat ir-riskji li kien hemm għall-awtoritajiet Franċiżi li jaraw l-uniċi żewġ operaturi applikanti jirtiraw il-kandidatura tagħhom kieku żammew il-kundizzjonijiet finanzjarji iktar stretti minn dawk mogħtija lil applikanti potenzjali. Għaldaqstant, l-ewwel ilment tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud. |
|
49 |
It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li d-dewmien taż-żewġ operaturi kompetituri ma jikkostitwix raġuni valida sabiex jiġi konkluż in-nuqqas ta’ vantaġġ li jista’ jeffettwa l-kompetizzjoni. |
|
50 |
Għandu jiġi kkonstatat li tali kritika ma tirriżultax mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, iżda mill-fondatezza tal-motivi tagħha. L-analiżi tagħha konsegwentement għandha ssir fil-kuntest ta’ l-eżami tal-mertu tad-deċiżjoni kkontestata. |
|
51 |
It-tielet nett, ir-rikorrenti jakkużaw lill-Kummissjoni li ma rrispondietx għall-ilmenti tagħhom, fir-rigward, minn naħa, ir-rinunzja għall-kreditu, li tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, konċessa mill-awtoritajiet nazzjonali u, min-naħa l-oħra, il-vantaġġ temporali li bbenefikaw minnu Orange u SFR. |
|
52 |
Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma tiddeċidix fuq l-ewwel ilment, dwar ir-rinunzja għall-kreditu, u tiċħad it-tieni, li jirrigwardja vantaġġ temporali minħabba, minn naħa, li l-argumenti tal-persuni li għamlu l-ilment huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata li tgħid li l-ħlas kellu jikkorispondi għall-valur tas-suq tal-liċenzja, li kien ogħla minħabba l-vantaġġ temporali in kwistjoni (premessa 29 tad-deċiżjoni kkontestata) u min-naħa l-oħra, li l-eżistenza ta’ tali vantaġġ temporali ma ġiex ipprovat (premessa 34 tad-deċiżjoni kkontestata). |
|
53 |
Għandu jiġi mfakkar li, fir-rigward ta’ deċiżjoni li tikkonkludi li ma kienx hemm għajnuna mill-Istat allegata minn persuna li għamlet ilment, għalkemm il-Kummissjoni għandha tesponi b’mod suffiċjenti lill-persuna li għamlet l-ilment ir-raġunijiet li għalihom l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt invokati fl-ilment ma kienux biżżejjed sabiex juru l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat hija madankollu m’għandhiex l-obbligu li tieħu pożizzjoni fuq elementi li huma manifestament irrilevanti, insinjifikanti jew b’mod ċar sekondarji (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 64). |
|
54 |
Barra minn hekk, skond ġurisprudenza kostanti, mhuwiex meħtieġ li motivazzjoni ta’ att tispeċifika l-element ta’ fatt u ta’ dritt kollha rilevanti, peress li dawn għandhom jiġu evalwati fid-dawl tal-kuntest tagħhom kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Sytraval, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, hija suffiċjentement motivata deċiżjoni li tiċħad ilment fir-rigward ta’ għajnuna mill-Istat minħabba l-fatt li l-miżura kritikata tikkostitwixxi l-implementazzjoni ta’ direttiva u mhux tentattiv li tingħata għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ April 2006, Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni, T-351/02, Ġabra p. II-1047, punt 120). |
|
55 |
L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li l-ilment ibbażat fuq ir-rinunzja għal kreditu mill-Istat, li huwa intiż sabiex juri l-eżistenza ta’ trasferiment ta’ riżorsi ta’ l-Istat fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) KE li dwaru l-Kummissjoni ma ppronunċjatx ruħha fid-deċiżjoni kkontestata, m’għandux effett, peress li l-imsemmija deċiżjoni tikkonkludi li ma kienx hemm għajnuna mill-Istat, minħabba l-fatt li l-miżura kkritikata ma’ tat l-ebda vantaġġ lil Orange u lil SFR. Peress li l-Kummissjoni kkonkludiet in-nuqqas ta’ elementi ta’ għajnuna fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) KE, minħabba n-nuqqas ta’ wieħed mill-elementi, kumulattivi, li jikkaratterizzaw il-kunċett ta’ Għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, hija ma kinitx marbuta li timmotiva ċ-ċaħda tagħha ta’ l-ilment tar-rikorrenti fir-rigward ta’ l-elementi l-oħra li jikkaratterizzaw dan il-kunċett. L-ilment kien f’kull każ sekondarju fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq safejn tressqu motivi predominanti, skond il-Kummissjoni, jiġifieri r-rispett ta’ l-eżiġenzi imposti mid-Direttiva, b’mod partikolari r-rispett tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni, sabiex jiġġustifikaw il-miżura. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-istituzzjoni ma tistax tiġi akkużata li ma rrispondietx għal ilment li huwa mingħajr effett u ta’ natura sekondarja. |
|
56 |
It-tieni nett, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ċaħdet l-argument fir-rigward tal-vantaġġ temporali għal żewġ raġunijiet. Minn naħa, l-istituzzjoni sostniet li kien ibbażat fuq premessa żbaljata tal-persuni li għamlu l-ilment, jiġifieri li l-ħlas kellu jkun tal-valur fuq is-suq tal-liċenzja u li liċenzja miksuba qabel kellha valur ogħla. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-eżami tal-fatti wassal biex jitqiegħed f’perspettiva, u saħansitra li jiġi skartat, dan l-allegat vantaġġ temporali li Orange u SFR ħadu mid-dewmien tat-tħaddim tan-netwerk UMTS tagħhom u li Bouygues Télécom, li setgħat tapprofitta minn tali dewmien, ma kinitx affettwata mill-vantaġġ temporali allegat. Il-Kummissjoni żiedet li s-sistema ġdida ta’ ħlasijiet ippermettiet li tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni differenti ratione temporis ta’ l-operaturi. |
|
57 |
Għaldaqstant ma jistax jiġi sostnut li d-deċiżjoni kkontestata mhijiex motivata f’dak li jirrigwarda l-vantaġġ temporali allegat li tiegħu, bil-kontra ta’ dan, hija tiċħad l-eżistenza għal żewġ raġunijiet, l-ewwel ta’ natura kunċettwali, u t-tieni ta’ natura ċirkonstanzjali. Il-fondatezza ta’ l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ l-eżistenza ta’ vantaġġ temporali ma jaqax taħt l-istħarriġ tal-motivazzjoni ta’ l-att, kif ukoll ġie mfakkar fil-punt 50 iktar ’il fuq, u għaldaqstant ser jiġi eżaminat fil-kuntest ta’ l-istħarriġ tal-mertu tal-legalità tal-bażi tad-deċiżjoni kkontestata, abbażi tal-motivi adottati sabiex jiġi konkluż li l-miżura ma kelliex in-natura ta’ għajnuna mill-Istat. |
|
58 |
Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti jsostnu li n-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi rrelatat man-nuqqas ta’ diliġenza tal-Kummissjoni fit-trattament tagħha ta’ l-ilment tagħhom. |
|
59 |
Peress li d-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjentement motivata, dan l-ilment jista’ biss jiġi miċħud bħala irrilevanti. Safejn in-nuqqas ta’ diliġenza kkritikata tista’ tintrabat mal-ksur ta’ l-Artikolu 88(2) KE, dan ser jiġi eżaminat f’dan il-kuntest. |
|
60 |
Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi miċħud. |
Fuq it-tieni u t-tielet motivi, ibbażati, rispettivament, fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 87(1) KE u ta’ l-Artikolu 88(2) KE
L-argumenti tal-partijiet
|
61 |
Ir-rikorrenti jsostnu li l-bidla fil-ħlasijiet dovuti minn Orange u SFR għal-liċenzji UMTS tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) KE. |
|
62 |
L-ewwel nett, hemm it-trasferiment tar-riżorsi ta’ l-Istat, minħabba li l-awtoritajiet Franċiżi rrinunzjaw li jitolbu l-kreditu dovut. |
|
63 |
It-tieni nett, il-bidla tagħti vantaġġ selettiv lill-kumpanniji kkonċernati. |
|
64 |
L-ewwel nett, din il-bidla ma setgħetx tiġi ġġustifikata permezz tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni, kif tindika d-deċiżjoni kkontestata, peress li d-Direttiva 97/13 ma timponix li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ta’ attribuzzjoni identiċi għal-liċenzji u peress li ġew organizzati żewġ proċeduri distinti ta’ sejħa għall-offerti. |
|
65 |
It-tieni nett, din il-bidla hija, bil-kontra ta’ dan, diskriminatorja għal Bouygues Télécom, li s-sitwazzjoni tagħha kienet differenti minn dik ta’ Orange u ta’ SFR. |
|
66 |
It-tielet nett, dan il-vantaġġ selettiv ingħata mingħajr kumpens. Minn naħa, il-Gvern Franċiż kien irrinunzja għal kreditu dovut filwaqt li ż-żewġ operaturi kellhom il-mezzi sabiex iħallsu l-ammont inizjalment previst tal-ħlasijiet, dawn jikkonsistu għall-operaturi spiża normali u prezz leġittimu li jikkorispondi għall-valur fis-suq tal-liċenzji; l-irtir ta’ l-applikazzjoni tagħhom fil-każ taż-żamma ta’ dan l-ammont kienet purament ipotetika. Min-naħa l-oħra, l-Istat kien ta’ lil Orange u lil SFR vantaġġ temporali, peress li, li kieku l-ħlasijiet kellhom ikunu mill-ewwel dawk li jirriżultaw mill-bidla, kompetituri oħra setgħu japplikaw. Issa, il-ksib tal-liċenzji sena u nofs qabel Bouygues Télécom ippermetta lil Orange u lil SFR li jagħżlu l-blokki ta’ frekwenza l-iktar favorevoli, li jieħdu passi sabiex jiksbu l-aħjar siti, li jibbennifikaw mill-immaġini ta’ operatur innovattiv bi ħsara għal Bouygues Télécom u li jiksbu ishma tas-suq mingħajr ma kellhom kompetizzjoni reali. Iċ-ċirkustanza li l-operaturi kollha kienu ħadu sehem tard għall-introduzzjoni ta’ l-UMTS ma taffetwax din il-konstatazzjoni. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Franċiżi kienu taw garanzija lil Orange u lil SFR, bl-ittri tat-22 ta’ Frar 2001, li kienu se jingħataw liċenzja u li kellhom jibbenifikaw mill-kundizzjonijiet l-iktar favorevoli tas-sejħa għall-offerti addizzjonali mingħajr ma imponew li dawn jerġgħu jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom. |
|
67 |
It-tielet nett, il-bidla fil-ħlasijiet teffettwa l-kompetizzjoni, fejn anke effett potenzjali huwa biżżejjed skond il-ġurisprudenza. Issa, l-effett huwa reali, peress li Orange u SFR kellhom il-possibbiltà li jiddedikaw ċerti ammonti għal investimenti, liema ammonti kellhom jintużaw sabiex jitħallsu l-ħlasijiet. Għalhekk, iż-żewġ operaturi kienu daħlu, b’mod ċert u prekoċi, fis-suq ta’ l-UMTS. |
|
68 |
Fir-replika tagħhom, ir-rikorrenti jikkontestaw b’mod partikolari l-argument li l-Kummissjoni tagħmel fir-risposta tagħha, li jgħid li l-Gvern Franċiż aġixxa fil-kuntest ta’ implementazzjoni ta’ prerogattivi sovrani fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet ta’ interess ġenerali, u dan jeskludi l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv u għaldaqstant ta’ għajnuna mill-Istat. Huma jsostnu, l-ewwel nett, li l-Istat, meta jattribwixxi liċenzji, iwettaq attività ekonomika, fejn jipprova jagħmel qligħ mill-użu tas-settur pubbliku bl-antenna, it-tieni nett, anke fl-eżerċizzju ta’ funzjonijiet sovrani, l-Istat għandu jirrispetta r-regoli tal-kompetizzjoni u, it-tielet nett, li l-bidla fil-ħlasijiet in kwistjoni mhijiex iġġustifikata minn natura u l-ekonomija tas-sistema, fis-sens tal-ġurisprudenza. |
|
69 |
Fl-argument tagħhom fir-rigward tal-ksur tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni u tan-natura ekonomika ta’ l-attività ta’ l-għotja tal-liċenzji UMTS, ir-rikorrenti jsostnu li d-Direttiva 97/13 tistabbilixxi l-prinċipju ta’ l-intanġibbiltà tal-kriterji ta’ selezzjoni jew tal-kundizzjonijiet ta’ attribuzzjoni ddefiniti fil-kuntest ta’ proċedura partikolari u li ma tippermettix li jiġu mibdula l-kundizzjonijiet ta’ sejħa għall-offerti meta l-proċedura għadha ma ntemmietx, bħalma jirriżulta fil-kawża preżenti mill-ittri ta’ l-awtoritajiet Franċiżi tat-22 ta’ Frar 2001. Ir-rikorrenti jibbażaw ruħhom ukoll fuq il-prinċipji u r-regoli applikabbli fir-rigward tal-kuntratti pubbliċi u l-konċessjonijiet, jiġifieri l-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ trattament ugwali, applikabbli għall-proċeduri ta’ ssuġġettar komparattiv, u l-prinċipju ta’ l-intanġibbiltà tal-kriterji ta’ selezzjoni jew tal-kundizzjonijiet ta’ attribuzzjoni f’dawn il-proċeduri. |
|
70 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kienet marbuta li tiftaħ il-proċedura prevista mill-Artikolu 88(2) KE, peress li l-kawza qajmet diffikultajiet serji, kif kienet ammettiet il-Kummissjoni. |
|
71 |
L-ewwel nett, il-Kummissjoni ssostni li, f’dak li jirrigwarda l-kunċetti ta’ vantaġġ selettiv u r-riżorsi ta’ l-Istat, r-rikorrenti għamlu interpretazzjoni ħażina tal-kuntest ġuridiku applikabbli. Dan ta’ l-aħħar jirriżulta minn loġika ta’ regolazzjoni tas-suq li teħtieġ trattament oġġettiv, mhux diskriminatorju u trasparenti matul l-attribuzzjoni ta’ liċenzji billi tiġi kkunsidrata l-ħtieġa li jiġu massimizzati l-benefiċċji għal utenti, li jiġi assigurat l-aħjar użu ta’ riżorsi rari u li jiġi ffaċilitat l-iżvilupp tal-kompetizzjoni. L-awtoritajiet Franċiżi aġixxew fl-eżerċizzju ta’ funzjonijiet sovrani, fejn fittxew mhux li jiġu massimizzati l-benefiċċji iżda li jassiguraw l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni soda u ekwa. |
|
72 |
Il-bidla fil-ħlasijiet ta’ Orange u ta’ SFR hija kompletament konformi mad-Direttiva 97/13 u mad-Deċiżjoni Nru 128/1999, peress li d-Direttiva teżiġi li jiġi applikat trattament ugwali lil impriżi kollha li jiksbu liċenzja. Għaldaqstant, l-awtoritajiet Franċiżi, meta bidlu l-ħlasijiet billi allinejaw il-kundizzjonijiet tal-liċenzji kollha, ma tawx vantaġġ selettiv lil Orange u lil SFR, iżda adottaw miżuri konformi man-natura u l-ekonomija tas-sistema ta’ regolazzjoni. Issa fin-nuqqas ta’ vantaġġ selettiv, telf ta’ riżorsi ta’ l-Istat ma jikkostitwix għajnuna mill-Istat. |
|
73 |
Il-Kummissjoni ssostni li d-Direttiva 97/13 tipprovdi l-possibbiltà li jiġu mibdula l-kundizzjonijiet tal-liċenzji u li jiżdied in-numru tagħhom u li direttivi fuq l-kuntratti pubbliċi, invokati mir-rikorrenti, mhumiex applikabbli fil-kawża preżenti. |
|
74 |
Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-bidla fil-ħlasijiet ikkontestata ma tatx vantaġġ temporali lil Orange u lil SFR. L-ewwel nett, hija tqis li r-realtà tal-vantaġġ allegat bl-ebda mod mhuwa evidenti, billi xejn ma juri li l-blokki ta’ frekwenzi mogħtija lill-ewwel żewġ operaturi kienu aħjar. L-allegata antiċipazzjoni fil-ksib ta’ l-aħjar siti minn Orange u minn SFR kienet, bil-kontra ta’ dan, ippermettiet lil Bouygues Télécom tekonomizza fuq l-istudji ddettaljati fuq din il-kwistjoni. Barra minn hekk, anke jekk kisbu l-liċenzji tagħhom f’Lulju 2001, Orange u SFR kienu introduċew is-servizzi UMTS tagħhom biss wara madwar sentejn minn meta Bouygues Télécom kisbet il-liċenzja tagħha, dewmien li minnu Bouygues Télécom setgħat tieħu vantaġġ. Fl-aħħar, l-allegat effett negattiv fuq l-immaġini tat-trade mark Bouygues Télécom, li jirriżulta min-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tagħha fl-ewwel sejħa għall-offerti, ma jistax jiġi imputat fuq l-awtoritajiet Franċiżi, iżda jirriżulta mill-għażliet strateġiċi tal-parti kkonċernata. |
|
75 |
It-tieni nett, anke jekk jiġi kkunsidrat li kien hemm ċertu vantaġġ evidenti, xorta waħda hemm żewġ fatturi li jagħmlu tajjeb għal dan. Minn naħa t-taxxa annwali proporzjonali għall-fatturat prevista mill-modalitajiet il-ġodda ta’ kalklolu ta’ ħlasijiet tippermetti speċifikament li jiġu kkunsidrati s-sitwazzjonijiet differenti fiż-żmien ta’ l-operaturi. Min-naħa l-oħra, kull vantaġġ eventwali mhuwiex ir-riżultat ta’ deċiżjoni ta’ l-awtoritajiet nazzjonali iżda tar-riskju ċert meħud minn Orange u minn SFR waqt l-ewwel applikazzjoni tagħhom, peress li dak iż-żmien xejn ma kien jippermetti li jiġu previsti, b’mod partikolari, it-tibdiliet ulterjuri fil-ħlasijiet. |
|
76 |
It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li l-ċirkustanza li l-miżura adottata mill-awtoritajiet Franċiżi kellha impatt fuq il-kompetizzjoni ma taffetwa bl-ebda mod l-analiżi tagħha, peress li l-miżuri li jirregolaw is-settur ekonomiku għandhom preċiżament bħala għan iddikjarat li jaġixxu fuq il-kompetizzjoni u peress li l-miżura kkritikata kellha, fil-kawża preżenti, effetti pożittivi f’dan ir-rigward. |
|
77 |
Fir-rigward tad-diffikultajiet serji li ġġustifikaw il-ftuħ tal-proċedura formali, il-Kummissjoni tindika li mhuwiex l-ilment li huwa s-suġġett tal-kawża preżenti li qajjem diffikultajiet, iżda biss ċerti miżuri oħra msemmija minn min għamel l-ilment, li wassluha biex tiftaħ l-proċedura prevista mill-Artikolu 88(2) KE. |
|
78 |
Ir-Repubblika Franċiża tindika li meta l-awtorità kompetenti (ART) toħroġ liċenzja UMTS, hija teżerċità attività ta’ regolazzjoni tas-suq tat-telekomunikazzjoni u ma taġixxix bħala attur ekonomiku, peress li l-ħlasijiet meħtieġ f’dan ir-rigward ma jikkostitwixxux prezz. Hija ssostni li l-bidla fil-ħlasijiet ta’ Orange u ta’ SFR saret skond il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni previst mid-Direttiva 97/13, sabiex jiġi assigurat trattament ugwali bejn l-operaturi kollha, u li din il-bidla kienet iġġustifikat min-natura u l-ekonomija tas-sistema. L-ittri ta’ l-awtoritajiet Franċiżi tat-22 ta’ Frar 2001 kienu llimitaw ruħhom li jippreċiżaw li l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-operaturi ser ikun irrispettat. Iż-żewġ sejħiet għall-offerti sussegwenti, li jikkomplementaw lil xulxin, kellhom bħala għan l-attribuzzjoni ta’ liċenzji ekwivalenti, peress li huwa stabbilit li Orange u SFR setgħu jirtiraw l-offerti tagħom, u jirrinunzjaw għal-liċenzji tagħhom u peress li l-organizzazzjoni ta’ sejħa ġdida għall-offerti, konsegwentement, kellha toħloq dewmien fil-kummerċjalizzazzjoni tas-sevizzi UMTS, bi ħsara għar-rispett tat-termini stabbiliti mid-Direttiva 97/13. |
|
79 |
Ir-Repubblika Franċiża ssostni li l-bidla fil-ħlasijiet ta’ Orange u ta’ SFR ma tatx vantaġġ lil dawn l-operaturi, peress li l-possibbiltà li kellhom li jidħlu b’mod iktar prekoċi fis-suq tas-servizzi UMTS kienet ir-riżultat ta’ l-attribuzzjoni tal-liċenzju tagħhom wara l-ewwel sejħa għall-offerti u mhux minħabba l-imsemmija bidla. Bouygues Télécom, li kienet għażlet li ma tipparteċipax għal din l-ewwel proċedura, kienet barra minn hekk f’pożizzjoni li tikkumpensa għall-allegat vantaġġ tal-kompetituri tagħha. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma stabbilixxewx li l-blokki ta’ frekwenzi attrbwiti ma kienux ekwivalenti, u Bouygues Télécom, li diġa kellha s-siti neċessarji għall-introduzzjoni ta’ l-UMTS, setgħat tieħu vantaġġ mid-dewmin ta’ Orange u SFR, kieku ma kinitx għamlet l-għażla strateġika ta’ soluzzjoni alternattiva għall-UMTS. |
|
80 |
Orange ssostni li l-bidla fil-ħlasijiet ma kinitx ta’ natura selettiva. L-awtoritajiet Franċiżi kienu marbuta, sabiex jirrispettaw il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni previst mid-Direttiva 97/13, li jallinejaw il-kundizzjonijiet ta’ l-ewwel sejħa għall-offerti ma dawk tal-proċedura addizzjonali, peress li Orange, SFR u Bouygues Télécom kienu f’sitwazzjonijiet simili bħala operaturi li jixtiequ jiksbu liċenzji identiċi. Dawn l-awtoritajiet aġixxew bħala regolaturi tas-suq emerġenti ta’ l-UMTS, bil-għan li jippermettu l-iżvilupp ta’ suq kompletament kompettitiv, skond l-għanijiet tad-Direttiva 97/13. |
|
81 |
Il-bidla fil-ħlasijiet ma tatx vantaġġ lil Orange u lil SFR. Orange ssostni li hija setgħat tirtira l-applikazzjoni tagħha sal-31 ta’ Mejju 2001 u li hija astjeniet milli tagħmel dan peress li kellha l-garanzija li l-prinċipju ta’ ugwaljanza kien ser jiġi rrispettat mill-awtoritajiet Franċiżi. Il-vantaġġ temporali allegat mhuwiex stabbilit peress li Orange u SFR introduċew is-servizzi UMTS tagħhom iktar minn sentejn wara li Bouygues Télécom kisbet il-liċenzja tagħha. Barra minn hekk, Bouygues Télécom, li ma tatx wisq importanza lill-UMTS, kienet f’pożizzjoni li tistabilixxi ruħha fuq is-suq kważi fl-istess żmien tal-kompetituri tagħha. |
|
82 |
SFR tqis li s-soluzzjoni adottata mill-awtoritajiet Franċiżi li ma jannullawx l-ewwel sejħa għall-offerti iżda li jorgannizzaw oħra ppermettiet lill-operaturi kkonċernati kollha li japplikaw u lil Bouygues Télécom li tikseb liċenzja permezz ta’ ħlasijiet li jissodisfawha. Barra minn hekk, peress li tliet operaturi biss kienu applikaw għall-erba’ liċenzji offerti, huma kellhom il-garanzija li jiksbu liċenzja. Orange u SFR ma bbenifikaw minn l-ebda vantaġġ. Bil-kontra ta dan, Bouygues Télécom kienet ħadet vantaġġ mill-applikazzjoni sussegwenti tagħha, fid-dawl, b’mod partikolari, ta’ l-iżviluppi teknoloġiċi. |
|
83 |
Barra minn hekk, l-awtoritajiet Franċiżi ma kellhomx dritt irrevokabbli għall-parti tal-kreditu li huma rrinunzjaw għalih. Orange u SFR setgħu jirtiraw l-applikazzjoni tagħhom sal-31 ta’ Mejju 2001 u dejjem setgħu, iktar tard, jirrinunzjaw għall-benefiċċju ta’ l-awtorizzazzjoni ta’ l-okkupazzjoni tad-dominju pubbliku u jiefqu milli jħallsu l-ħlasijiet korrispondenti. Barra minn hekk, li kieku l-awtoritajiet Franċiżi żammew il-ħlasijiet inizjali mitlub mingħand Orange u SFR, li kienu jammontaw għal tmien darbiet iktar minn dawk li Bouygues Télécom ibbenifikat minnhom, dan l-aħħar operatur kien ser igawdi minn vantaġġ selettiv. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
|
84 |
Il-kawża tirrigwarda l-kwistjoni ta’ jekk, billi bidlu l-ħlasijiet dovuti minn Orange u SFR għal-liċenzji UMTS, l-awtoritajiet Franċiżi tawx lil dawn iż-żewġ operaturi vantaġġ li jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) KE. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata kkonkludiet li l-bidla in kwistjoni ma kienet tat l-ebda vantaġġ lil Orange u SFR u li, peress li waħda mill-kundizzjonijiet kumulattivi li jikkaratterizzaw il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) KE kienet nieqsa, il-miżura kkontestata ma kinitx tikkostitwixxi elementi ta’ għajnuna fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
85 |
Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, argumenti ta’ żewġ tipi. Minn naħa huma jsostnu li l-miżura kkritikata tikkostitwixxi vantaġġ selettiv, ta’ tip temporali u b’mod partikolari, mogħti mingħajr ħlas, peress li l-awtoritajiet Franċiżi rrinunzjaw milli jiġbru dik li għal Orange u SFR kienet spiża normali, li tikkorispondi għall-valur tas-suq tal-liċenzji. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jsostnu li l-bidla fil-ħlasijiet ma tistax tkun iġġustifikata mill-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni, peress li, bil-kontra ta’ dan, hija kienet ta’ natura diskriminatorja fil-konfront ta’ Bouygues Télécom. |
|
86 |
Mill-perspettiva proċedurali, ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-ilment li huma ppreżentaw quddiem il-Kummissjoni qajjem diffikultajiet serji u li l-istituzzjoni kellha għaldaqstant tiftaħ, wara eżami preliminari, il-proċedura prevista mill-Artikolu 88(3) KE, li jgħid li, jekk din l-istituzzjoni tqis li proġett ta’ għajnuna mhuwiex kompatibbli mas-suq komuni, skond l-Artikolu 87 KE, hija għandha mingħjar dewmien tiftaħ il-proċedura prevista mill-Artikolu 88(2) KE. |
|
87 |
Fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88 KE, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-fażi preliminari ta’ eżami prevista mill-Artikolu 88(3) KE li għandha biss bħala skop li tippermetti lill-Kummissjoni tifforma opinjoni prima facie fuq il-kompatibbiltà parzjali jew totali ta’ l-għajnuna in kwistjoni u, min-naħa l-oħra, il-fażi ta’ eżami prevista fl-Artikolu 88(2) KE, li hija intiża sabiex tippermetti li l-Kummissjoni jkollha informazzjoni kompleta fuq id-dettalji kollha tal-kawża (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Mejju 1993, Cook vs Il-Kummissjoni, C-198/91, Ġabra p. I-2487, punt 22, tal-15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il-Kummissjoni, C-225/91, Ġabra p. I-3203, punt 16, u Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38). |
|
88 |
Il-fażi preliminari ta’ eżami prevista mill-Artikolu 88(3) KE hija intiża biss sabiex tagħti lill-Kummissjoni terminu ta’ żmien għal riflessjoni u investigazzjoni suffiċjenti sabiex tkun tista’ tasal għal opinjoni prima facie dwar il-proġetti ta’ għajnuna nnotifikati, sabiex tikonkludi, mingħajr ma jkun neċessarju eżami approfondit, jekk humiex kompattibbli mat-Trattat jew, kuntrarjament, sabiex tikonkludi li l-kontenut tagħhom iqajjem dubji f’dan ir-rigward (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Frar 2001, L-Awstrija vs Il-Kummissjoni, C-99/98, Ġabra p. I-1101, punti 53 u 54). |
|
89 |
Il-fażi formali ta’ eżami prevista fl-Artikolu 88(2) KE, li tippermetti li l-Kummissjoni tkun kompletament informata dwar id-dettalji kollha tal-każ qabel ma tieħu d-deċiżjoni tagħha hija indispensabbli meta l-Kummissjoni tiltaqa’ ma’ diffikultajiet serji sabiex tevalwa jekk għajnuna hijiex kompatibbli mas-suq komun (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Matra vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33). |
|
90 |
Għaldaqstant, il-Kummissjoni tista tillimita ruħha għall-fażi preliminari ta’ eżami prevista fl-Artikolu 88(3) KE sabiex tieħu deċiżjoni li ma tifformulax oġġezzjoni fir-rigward ta’ għajnuna biss jekk tkun konvinta, wara dan l-eżami, li l-proġett huwa kompatibbli mat-Trattat. |
|
91 |
Bil-kontra ta’ dan, jekk dan l-ewwel eżami jwassal lill-Kummissjoni għall-konvinzjoni opposta, jew jekk ma jippermettilhiex tegħleb id-diffikulatajiet kollha mqajma mill-evalwazzjoni tal-kumpatibbiltà tal-miżura kkunsidrata mas-suq komuni, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tikkunsidra l-opinjonijiet neċessarji kollha u li tiftaħ, għal dan il-għan, il-proċedura formali ta’ eżami prevista fl-Artikolu 88(2) KE (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-20 ta’ Marzu 1984, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, 84/82, Ġabra p. 1451, punt 13, Cook vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29, Matra vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33, u Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39). |
|
92 |
Peress li d-deċiżjoni kkontestata ttieħdet mingħjar il-ftuħ tal-proċedura formali ta’ eżami, il-Kummissjoni setgħet tadotta legalment biss jekk l-ewwel eżami ta’ l-ilment imressaq minn min għamel l-ilment ma kienx jippreżenta diffikultajiet serji. |
|
93 |
Għaldaqstant, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti żviluppati mir-rikorrenti fil-konfront tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward ta’ l-eżistenza ta’ diffikulta serja. Fil-fatt, jekk jeżistu tali diffikultajiet, id-deċiżjoni tista’ tiġi annullata sempliċement abbażi ta’ dan il-motiv, minħabba l-ommissjoni ta’ l-eżami kontraditorju u fil-fond previst mit-Trattat, anke jekk ma jiġix stabbilit li l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni fuq il-mertu kienu żbaljati fid-dritt jew fil-fatt. |
|
94 |
Wara dan, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni ta’ l-allegata eżistenza ta’ vantaġġ temporali li jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u wara dik tar-rispett tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni. |
— Fuq l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv
|
95 |
Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li “ma [ġiex] ipprovat li l-kisba prekoċi tal-liċenzja UMTS tat xi vantaġġ lil Orange u lil SFR li jista’ jkollu effett fuq il-kompetizzjoni, minħabba li d-dewmien li kull operatur kellu fl-introduzzjoni tan-netwerk UMTS” u li “is-sistema l-ġdida ta’ tariffi tal-liċenzji […] [setgħat] tiġi kkunsidrata bħala iktar adatta sabiex tieħu in kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni differentiratione temporis ta’ l-operaturi fil-kuntest speċifiku ta’ l-għotja tal-liċenzji fi Franza” (premessa 34 tad-deċiżjoni kkontestata). |
|
96 |
Sabiex juru n-natura selettiva tal-bidla fil-ħlasijiet UMTS, ir-rikorrenti jesponu li din ipprovdiet vantaġġ temporali għal Orange u għal SFR minħabba l-fatt li dawn akkwistaw il-liċenzji rispettivi tagħhom qabel Bouygues Télécom, għad-dannu ta’ din ta’ l-aħħar li ħallset prezz identiku għal liċenzja li ħadet effett biss wara dik tal-kompetituri tagħha, u dan jikkostitwixxi diskriminazzjoni fil-konfront ta’ dan l-operatur. |
|
97 |
F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti jikkontestaw li l-bidla kkontestata tista’ tiġi kkunsidrata bħala miżura ġġustifikata minn natura u l-ekonomika tas-sistema, liema aspett jippermetti li ma tiġix ikkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-2 ta’ Lulju 1974, L-Italja vs Il-Kummissjoni, 173/73, Ġabra p. 709, punt 33; tas-26 ta’ Settembru 2002, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-351/98, Ġabra p. I-8031, punt 42, u ta’ l-14 ta’ April 2005, AEM u AEM Torino, C-128/03 u C-129/03, Ġabra p. I-2861, punt 39). Fl-opinjoni tagħhom, l-attribuzzjoni tal-liċenzji ta’ telefonija mobbli ma tikkostitwixxix biss attività regolatorja iżda wkoll attività ekonomika. |
|
98 |
F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jqisu li l-liċenzji UMTS għandhom valur fis-suq, u li l-awtoritajiet nazzjonali, meta jipproċedu għall-attribuzzjoni tagħhom, jaġixxu bħala operatur ekonomiku li jipprova jikseb l-aħjar prezz sabiex jiżviluppa ekonomikament il-ġestjoni tas-settur pubbliku bl-antenna. Huma jżidu li dan il-prezz kien ġie aċċettat minn Orange u minn SFR bħala ħlas għad-dritt ta’ użu permess fuq spazju pubbliku. Konsegwentement, billi naqqsu b’mod sinjifikattiv l-ammont li kellu jitħallas bħala ħlasijiet għall-UMTS, kif kien ġie ffissat inizjalment, l-awtoritajiet nazzjoni, b’dan il-mod, irrinunzjaw għal parti sostanzjali tal-kreditu li kellhom fir-rigward taż-żewġ operaturi kkonċernati u konsegwentement ittrasferew riżorsi ta’ l-Istat għall-benefiċċju ta’ dawn l-operaturi. |
|
99 |
Mill-proċess jirriżulta li l-ħlas inizjali kien ġie stabbilit għas-somma ta’ EUR 4.954593 biljun, liema somma kellha titħallas f’partijiet waqt it-terminu tal-liċenzja, u li l-ħlasijiet, kif irriżultaw mill-bidla kkontestata, kienu jinkludu, minn dak inhar il-quddiem, pagament inizjali li jammonta għal EUR 619209795.27, imħallas fit-30 ta’ Settembru tas-sena li fiha tingħata l-awtorizzazzjoni jew meta ssir din l-għotja jekk din isseħħ wara t-30 ta’ Settembru, u t-tieni pagament imħallas kull sena qabel it-30 ta’ Ġunju tas-sena kurrenti għall-użu tal-frekwenzi ta’ dik is-sena, u kkalkolati bħala perċentwali tal-fatturat li jsir mill-imsemmija frekwenzi (ara l-punti 11 u 17 iktar ’il fuq). Tali bidla ġġib magħha, minn ta’ l-anqas potenzjalment, telfa ta’ riżorsi ta’ l-Istat li, fil-kawża preżenti, l-awtoritajiet nazzjonali awtorizzaw. |
|
100 |
Mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Mejju 2003, Connect Austria (C-462/99, Ġabra p. I-5197, punt 93), fejn kienu in kwistjoni l-ħlasijiet imposti fuq operaturi li joperaw fuq swieq differenti tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni mobbli, jirriżulta li l-liċenzji għandhom valur ekonomiku. |
|
101 |
Bl-istess mod, il-liċenzji UMTS, li jawtorizzaw l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ekonomiċi ta’ provvista ta’ servizzi ta’ telefonija mobbli fl-ispazju bl-antenna u li huma kkunsidrati bħala titoli ta’ okupazzjoni jew ta’ użu tas-settur pubbliku korrispondenti, għandhom valur ekonomiku li l-amministratur ta’ dan il-qasam huwa marbut li jikkunsidra meta jiddetermina l-ammont ta’ ħlas dovut mill-operaturi kkonċernati. |
|
102 |
Fil-kawża li tat lok għas-sentenza Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni (sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2000, T-128/98, Ġabra p. II-3929, punti 120 u 121), li kienet tirrigwarda, u l-ħlasijiet iffisati għal dan il-għan mir-rikorrenti, inkwantu amministratur tal-qasam pubbliku ta’ l-ajruporti, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li l-eżistenza, fid-dritt nazzjonali, ta’ sistema ta’ superviżjoni speċjali tal-qasam pubbliku mhijiex inkompatibbli ma’ l-eżerċizzju fil-qasam pubbliku ta’ attivitajiet ta’ natura ekonomika u li t-tqegħid għad-dispożizzjoni mill-Aéroports de Paris ta’ stallazzjonijiet ta’ l-ajruport hija ekwivalenti għall-eżekuzzjoni, fil-qasam pubbliku, ta’ provvisti ta’ natura ekonomika u tagħmel parti mill-attività ekonomika tagħha. |
|
103 |
Interpellata fl-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ installazzjoni ta’ ajruporti lill-kumpanniji ta’ l-avjazzjoni u lill-fornituri ta’ servizzi, permezz tal-ħlasijiet li l-ammonti tagħhom jiġu ffisati liberament mill-Aéroports de Paris, jikkostitwixxi attività ta’ natura ekonomika (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-24 ta’ Ottubru 2002, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni, C-82/01 P, Ġabra p. I-9297, punt 78). |
|
104 |
L-eżerċizzju ta’ funzjonijiet sovrani għalhekk ma jeskludx it-teħid in kunsiderazzjoni ta’ informazzjoni ta’ natura ekonomika fil-kuntest ta’ l-amministrazzjoni patrimonjali ta’ riżorsi pubbliċi rari bħalma huma l-frekwenzi tar-radju li jikkostitwixxu l-ispazju pubbliku bl-antenna li fir-rigward tagħha jista’ jingħata dritt ta’ aċċess jew dritt ta’ użu. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom fl-istess ħin ir-rwol ta’ regolatur tat-telekomunikazzjoni u r-rwol ta’ amministraturi tal-patrimonju pubbliku li jikkostitwixxi l-ispazju bl-antenna. |
|
105 |
F’dan ir-rigward, l-argumenti li l-Kummissjoni għamlet matul is-seduta, li jgħidu li l-beni in kwistjoni m’għandhomx valur tas-suq peress li mhemmx beni ekwivalenti disponibbli fl-idejn l-amministraturi privati, mhumiex biżżejjed sabiex jeskludu li tali beni jistgħu jikkostitwixxi riżorsi ta’ l-Istat. |
|
106 |
Madankollu, anke jekk, fid-dawl tal-valur ekonomiku tal-liċenzji, għandu jiġi konċess lir-rikorrenti li l-awtoritajiet nazzjonali, fil-kawża preżenti rrinunzjaw għal riżorsi ta’ l-Istat ta’ proporzjoni sinjifikattiva, minn naħa din il-konklużjoni trid tiġi mmoderata fid-dawl tal-kreditu in kwistjoni u min-naħa l-oħra, din it-telfa ta’ riżorsi ma tikkostitwixxix neċessarjament għajnuna mill-Istat minħabba n-natura u l-ekonomija tas-sistema. |
|
107 |
Fir-rigward tal-kreditu li l-Istat kellu fil-konfront ta’ Orange u ta’ SFR u li għalih dan irrinunzja, bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, ma kienx kreditu ċert. Fil-fatt, minn naħa, fil-kuntest tal-proċedura ta’ l-ewwel sejħa għall-offerti, dawn iż-żewġ operaturi setgħu jirtiraw l-applikazzjoni tagħhom sal-31 ta’ Mejju 2001 kieku ma ngħatawx garanziji li kienu ser jkunu s-suġġett ta’ trattament ugwali għal dak li kien ser jinagħta lill-operaturi l-oħra (ara l-ittri tat-22 ta’ Frar 2001 imsemmija fil-punt 14 iktar ’il fuq) u min-naħa l-oħra dawn setgħu, iktar ’il quddiem, jirrinunzjaw għall-benefiċċju tal-liċenzja u konsegwentement jiefqu milli jħallsu, b’mod partikolari kieku qiesu lilhom nfushom vittmi ta’ nuqqas ta’ trattament ugwali fil-konfront ta’ Bouygues Télécom. |
|
108 |
Barra minn hekk, ir-regoli Komunitarji dwar is-servizzi ta’ telekomunikazzjoni, kif organizzati mid-Direttiva 97/13, u mid-Deċiżjoni Nru 128/1999, huma bbażati fuq it-trattament ugwali bejn l-operaturi kemm għall-attribuzzjoni tal-liċenzji kif ukoll fid-determinazzjoni tal-ħlasijiet eventwali u jħallu lill-Istati Membri ħielsa li jagħżlu l-proċedura ta’ l-għotja tal-liċenzji dejjem sakemm jiġu rrispettati l-prinċipji tal-kompetizzjoni ħielsa u tat-trattament ugwali. Għalhekk, għalkemm l-Istati Membri jistgħu jagħmlu użu minn irkant pubbliku, huma jistgħu wjoll, bħal fil-kawża preżenti, jagħżlu proċedura ta’ selezzjoni komparattiva, peress li l-essenzjali huwa li l-operaturi jirċievu l-istess trattament, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħlasijiet. |
|
109 |
F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta ġiet interpellata sabiex tinterpreta l-Artikolu 11(2), tad-Direttiva 97/13, fir-rigward tal-ħlasijiet, enfassizzat, fis-sentenza Connect Austria, iċċitata iktar ’il fuq (punt 90), li l-ħlasijiet imposti fuq operaturi differenti għandhom ikunu ekwivalenti f’termini ekonomiċi. Barra minn hekk, wara li osservat li l-iffissar ta’ l-ammont tal-ħlasijiet jimplika evalwazzjonijiet kumplessi ta’ natura ekonomika u li, għalhekk, f’dan ir-rigward l-awtoritajiet nazzjonali mhumiex marbuta li jirrispettaw kriterji stretti sakemm dawn jillimitaw ruħhom għal-limiti li jirriżultaw mid-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-qorti ta’ rinviju kellha tivverifika l-valur ekonomiku tal-liċenzji kkonċernati billi tikkunsidra, b’mod partikolari, l-importanza tad-differenti faxxex ta’ frekwenzi attribwiti, b’effett mill-aċċess għas-suq ta’ kull operatur ikkonċernat u l-importanza li tkun tista’ tiġi ppreżentata offerta kompleta ta sistemi ta’ telekomunikazzjoni mobbli (punti 92 u 93). |
|
110 |
Għaldaqstant, anke jekk id-dritt ta’ l-użu ta’ l-ispazju bl-antenna mogħti lill-operaturi għandu valur ekonomiku, l-ammont li jrid jitħallas jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat biss jekk, jekk il-kundizzjonijiet l-oħra jibqgħu l-istess, ikun hemm differenza bejn il-prezz imħallas minn kull operatur ikkonċernat, peress li, skond il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa l-mument ta’ l-aċċess għas-suq mill-perspettiva ta’ kull wieħed mill-operaturi li għandu jiġi kkunsidrat (sentenza Connect Austria, iċċitata iktar ’il fuq, punt 93). Bil-kontra ta’ dan, jekk l-awtoritajiet nazzjonali jiddeċiedu, b’mod ġenerali, li l-liċenzji għandhom jingħataw bla ħlas, kemm jekk wara irkant pubbliku jew inkella abbażi ta’ tarriffa uniformi, mhemmx element ta’ għajnuna sakemm il-modalitajiet applikati jkunu identiċi għall-operaturi kollha kkonċernati. |
|
111 |
Konsegwentement, iċ-ċirkustanza li l-Istat setgħa jirrinunzja għal riżorsi u li minn dan setgħa jirriżulta vantaġġ għal benefiċjarji tat-tnaqqis fil-ħlasijiet mhuwiex biżżejjed sabiex jikkaratterizza l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni minħabba d-dispożizzjonijiet speċifiċi tad-dritt Komunitarji tat-telekomunikazzjoni fid-dawl tad-dritt komuni ta’ l-għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, ir-rinunzja għall-kreditu in kwistjoni f’din il-kawża kienet inevitabbli minħabba l-ekonomija tas-sistema, barra mill-fatt, espost fil-punt 107 iktar ’il fuq, li l-imsemmi kreditu ma kienx ċert. |
|
112 |
Għaldaqstant, iċ-ċirkustanza, li fir-rigward tagħha mhuwiex meħtieġ li l-Qorti tal-Prim’Istanza tevalwa l-verità, li Orange u SFR kienu f’pożizzjoni li jħallsu l-ammonti inizjali, jew inkella li dawn ikkunsidraw li dawn il-ħlasijiet kienu jikkorrispondu għall-prezz ġust tal-liċenzji, hija irrelevanti, minħabba n-natura u l-ekonomija tas-sistema tad-Direttiva 97/13 u tad-Deċiżjoni Nru 128/1999. |
|
113 |
Madankollu, għandu jiġi kkonstatat, bi qbil mar-rikorrenti, li oġġettivament teżisti differenza bejn is-sitwazzjoni ta’ Orange u ta’ SFR u dik ta’ Bouygues Télécom fir-rigward tal-mument ta’ meta dawn ingħataw il-liċenzji rispettivi tagħhom. Huwa stabbilit li Orange u SFR ingħataw, kull wieħed, il-liċenzja tagħhom permezz taż-żewġ deċiżjonijiet tat-18 ta’ Lulju 2001 u li Bouygues Télécom kisbet tagħha permezz tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Diċembru 2002. L-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-fatt li l-liċenzji ta’ Orange u ta’ SFR inħarġu sena u nofs qabel setgħa ta’ vantaġġ lil-kompetituri ta’ Bouygues Télécom mhuwiex, prima facie, irrilevanti. |
|
114 |
Fil-fatt, vantaġġ jista’ jirriżulta kemm minn prezz inferjuri ffissat għal beni ta’ valur identiku kif ukoll minn prezz identiku ffissat għal oġġett ta’ valur inferjuri. |
|
115 |
Madankollu, jidher li dan il vantaġġ potenzjali ma kienx, f’dan il-każ, ta’ benefiċċju għall-partijiet ikkonċernati. |
|
116 |
Mill-proċess jirriżulta li Orange u SFR, minħabba problemi marbuta mat-teknoloġija UMTS u f’kuntest ekonomiku li ma tantx kien favorevoli għall-iżvilupp tiegħu, huma kellhom dewmien fl-introduzzjoni s-servizzi tagħhom, li setgħu jeffettwaw biss f’nofs l-2004 għal SFR u fl-aħħar ta’ l-2004 fil-każ ta’ Orange, jiġifieri iktar minn sentejn wara li Bouygues Télécom kisbet il-liċenzja tagħha. Għandu jiġi kkonstatat li l-kompetituri ta’ Bouygues Télécom ma setgħawx, fil-prattika japprofittaw ruħhom mill-vantaġġ temporali li rriżulta mill-ħruġ qabel tal-liċenzji tagħhom sabiex jintroduċu s-servizzi UMTS tagħhom qabel ma’ l-għotja lil Bouygues Télécom tal-liċenzja tagħha setgħet tippermettilha li tintroduċi s-servizzi tagħha. Id-dewmien ta’ Orange u ta’ SFR għalhekk kellu bħala effett li jinnewtralizza l-vantaġġ temporali ta’ dawn iż-żewġ operaturi. |
|
117 |
Barra minn hekk, għalkemm ir-rikorrenti jsostnu li Orange u SFR, minħabba li l-liċenzji tagħhom inħarġu qabel, setgħu jagħżlu l-blokki ta’ frekwenza l-iktar vantaġġjużi u jiddisponu mill-possibbiltà li jibnu netwerks mingħajr qtugħ, li jżidu l-kamp awtorizzat u li jnaqqsu r-riskju ta’ interferenza kif ukoll li jiffaċilitaw ftehim transfruntaljieri ma operaturi oħrajn, huma ma jressqu l-ebda element in sostenn ta’ dawn l-affermazzjonijiet. |
|
118 |
Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li Orange u SFR setgħu jantiċipaw il-ksib ta’ l-aħjar siti, jibbennifikaw mill-immaġini ta’ operatur innovattiv bi ħsara għal Bouygues Télécom u jakwistaw ishma tas-suq mingħajr ma kellhom kompetizzjoni reali. |
|
119 |
L-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda l-allegata antiċipazzjoni fil-ksib tas-siti, ir-rikorrenti jindikaw li, meta Bouygues Télécom kisbet l-awtorizzazzjonijiet għall-emmissjoni, Orange u SFR diġà kienu jiddisponu minn numru kbir ta’ awtorizzazzjonijiet, konċentrati fil-bliet prinċipali Franċiżi. Anki jekk jitqiesu eżatti dawn l-indikazzjonijiet, għandu jiġi osservat li, fid-dawl tad-differenzi notevoli, mill-perspettiva ta’ l-istrateġiji ekonomiċi u kummerċjali u ta’ l-għażliet teknoliġiċi u, għaldaqstant, ta’ l-approċċ għas-suq, bejn dawn l-operaturi u Bouygues Télécom, jidher diffiċli li jiġu dedotti konklużjonijiet utli fir-rigward ta’ l-effett potenzjali fuq il-kompetizzjoni. F’kull każ, ir-rikorrenti la tipprova li, fil-mument ta’ meta Bouygues Télécom kisbet il-liċenzja tagħha, l-aħjar siti kienu ġew antiċipatament miksuba, la li hija ma setgħatx tikseb awtorizzjazzjoni għall-installazzjonijiet u lanqas li hija kienet ġiet suġġettata, għal din ir-raġuni, għal limitazzjonijiet partikolari fir-rigward ta’ l-għażla tas-siti neċessarji għall-iżvilupp tas-servizzi tagħha. |
|
120 |
It-tieni nett, fir-rigward ta’ l-argument li jgħid li l-ksib ta’ liċenzja f’data iktar prekoċi mill-kompetituri ta’ Bouygues Télécom seta jikkawża dannu għall-immaġini tat-trade mark ta’ din ta’ l-aħħar, għandu jiġi kkonstatat li tali effett ma seħħx. Barra minn hekk, il-partijiet intervenjenti jenfassizzaw, mingħajr ma dan ġie kkontestat, li Bouygues Télécom, inizjalment, għażlet li timplementa teknoloġija alternattiva għall-UMTS, u ppostponiet l-introduzzjoni tas-servizzi tagħha UMTS sakemm tistenna l-ħruġ ta’ verżjoni mtejba tas-sistema. Quddiem tali differenzi ta’ għażliet strateġiċi bejn l-operaturi, l-impatt tad-data tal-ħruġ tal-liċenzji fuq l-immaġini tat-trade mark ta’ l-impriżi kkonċernati ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi differenza notevoli bejn is-sitwazzjonijiet rispettivi tagħhom. |
|
121 |
It-tielet nett, għalkemm ir-rikorrenti jsostnu li Orange u SFR setgħu jakwistaw ishma tas-suq mingħajr ma kellhom kompetizzjoni reali, din l-affermazjzoni mhijiex sostnuta. Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti mhuwiex konvinċenti minħabba l-istrateġija speċifika ta’ Bouygues Télécom fis-suq UMTS, fejn mhuwiex ikkontestat li hija differenti minn dik taż-żewġ operaturi l-oħra kkonċernati fil-kawża preżenti. |
|
122 |
Għaldaqstant jidher li, fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet f’pożizzjoni li tikkonstata li Orange u SFR ma kinux effettivament approfittaw ruħhom mill-vantaġġ temporali li rriżulta mill-ħruġ qabel tal-liċenzji tagħhom. Konsegwentement, il-Kummissjoni setgħat tikkunsidra li Orange u SFR ma kienux effettivament jiddisponu minn vantaġġ kompetittiv bi ħsara għal Bouygues Télécom. |
|
123 |
F’kull każ, il-vantaġġ li teoretikament ingħata lil Orange u lil SFR kien l-uniku mezz sabiex tiġi evitata l-adozzjoni, bi ksur tad-Direttiva 97/13, ta’ miżura li, fid-dawl tad-differenza notevoli bejn iż-żewġ sistemi ta’ ħlasijiet sussegwenti kkonċepiti mill-awtoritajiet nazzjonali, kienet tkun diskriminatorja bi ħsara għal dawn iż-żewġ operaturi, filwaqt li, minn naħa, fid-data tal-bidla kkontestata, minħabba d-dewmien ta’ Orange u SFR fl-introduzzjoni tas-servizzi UMTS tagħhom, l-ebda operatur ma kien preżenti fis-suq, kif diġà ġie preċedentement ikkonstatat, u li, min-naħa l-oħra, l-karatteristiċi tal-liċenzji tat-tliet operaturi kompetituri huma identiċi. |
|
124 |
Fuq dan l-aħħar punt, fil-fatt, ir-rikorrenti ma stabbilixxewx li l-liċenzji UMTS mogħtija lit-tliet operaturi kienu differenti mill-perspettiva tal-karatteristiċi intrinsiċi tagħhom u diġà ġie kkonstatat li l-fatt li l-liċenzji ta’ Orange u ta’ SFR ġew attribwiti qabel ma kellux, fil-kawża preżenti, impatt negattiv fuq Bouygues Télécom. |
|
125 |
Fil-fatt, kif tesponi l-Kummissjoni, sostnuta mill-partijiet intervenjenti, il-karatteristiċi tal-pakketti ta’ frekwenzi attribwiti huma ekwivalenti, kif jirriżulta mill-avviż, ippreżentat fil-proċess mir-rikorrenti, li jirrigwarda l-modalitajiet u l-kundizzjonijiet ta’ attribuzzjoni ta’ l-awtorizzazzjonijiet għall-introduzzjoni fiż-żona metropolitana ta’ Franza ta’ l-UMTS anness mad-deċiżjoni ta’ l-ART tat-28 ta’ Lulju 2000. Lanqas mhuwa kontestat li t-tagħmir disponibbli jaħdem f’kull faxxa ta’ frekwenzi. Barra minn hekk, iċ-ċirkustanza msemmija mir-rikorrenti, li Orange u SFR setgħu jikkostitwixxu blokki ta’ frekwenzi komuni mal-kumpanniji sussidjarji barranin tagħhom hija irrilevanti, peress li Bouygues Télécom m’għandiex tali sussidjarji. |
|
126 |
Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-allegat vantaġġ temporali ma ġiex stabbilit u li din l-evalwazzjoni ma tikkostitwix diffikoltà serja li fir-rigward tagħha l-Kummissjoni kellha tiftaħ il-proċedura ta’ stħarriġ formali ta’ l-għajnuna allegata. |
— Fuq il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni
|
127 |
Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li permezz tal-miżura ta’ allinjament tal-ħlasijiet ikkontestati, “l-awtoritajiet Franċiżi llimitaw ruħhom li jsegwu l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 97/13 li jeżiġi li l-ħlasijiet ikunu ta’ natura non-diskriminatorja” u li dawn l-awtoritajiet “illimitaw ruħhom li japplikaw obbligu li jirriżulta mid-dritt Komunitarju” (premessa 28 tad-deċiżjoni kkontestata), jiġifieri r-rispett tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni. |
|
128 |
Ir-rikorrenti jqisu li, sabiex jiġi assigurat trattament non-diskriminatorju ta’ l-operaturi, l-awtoritajiet Franċiżi kellhom iżommu l-kundizzjonijiet, b’mod partikolari dawk tariffarji, li abbażi tagħha Orange u SFR ingħataw il-liċenzji rispettivi tagħhom, peress li ż-żewġ sejħiet għall-offerti suċċessivi kienu jikkostitwixxu proċeduri distinti. F’dan ir-rigward, huma jinvokaw ir-regoli applikabbli fir-rigward tal-kuntratti pubbliċi, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ l-intanġibbiltà tal-kriterji ta’ selezzjoni jew tal-kundizzjonijiet ta’ attribuzzjoni, u jsostnu li l-awtoritajiet nazzjonali kellhom jannullaw l-ewwel proċedura tas-sejħa għall-offerti u jerġaq jibdew is-selezzjoni mill-bidu jekk huma kienu jqisu li kien impossibbli li jinżammu l-kundizzjonijiet diġà miftehma ma’ l-operaturi magħżula fl-ewwel okkażjoni. |
|
129 |
Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li diskriminazzjoni tikkonsisti fl-applikazzjoni ta’ regoli differenti għal sitwazzjonijiet simili jew fl-applikazzjoni ta’ l-istess regola għal sitwazzjonijiet differenti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Frar 1995, Schumacker, C-279/93, Ġabra p. I-225, punt 30, u tat-13 ta’ Frar 1996, Gillespie et, C-342/93, Ġabra p. I-475, punt 16). |
|
130 |
Mill-proċess jirriżulta li, wara ż-żewġ proċeduri tas-sejħiet għall-offerti deskritti fil-punti 11 sa 22 iktar ’il fuq, Orange, SFR u Bouygues Télécom ingħataw il-liċenzji rispettivi tagħhom, l-ewwel tnejn permezz tad-deċiżjonijiet tat-18 ta’ Lulju 2001 u, it-tielet, permezz tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Diċembru 2002. |
|
131 |
B’differenza għall-kompetituri tagħha Orange u SFR, Bouygues Télécom, billi ma applikatx fl-ewwel sejħa għall-offerti, minħabba l-ammont tal-ħlasijiet, ħadet ir-riskju li ma tkunx tista tintroduċi, jew li tintroduċi tard is-servizzi UMTS tagħha, riskju li setgħa jkun ta’ dannu għaliħ mill-perspettiva kompettitiva, meta mqabbel ma’ dawn iż-żewġ operaturi. |
|
132 |
Din id-differenza oġġettiva tas-sitwazzjoni li tirriżulta mill-fatt li Orange u SFR rrispondew għall-ewwel sejħa għall-offerti u Bouygues Télécom għat-tieni għandha tiġi evalwata flimkien mal-kundizzjonijiet identiċi li finalment ġew suġġetti għalihom. Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata tagħti vantaġġ liż-żewġ impriżi li ma ħadux ir-riskju li ħadet Bouygues Télécom billi mill-ewwel ikkandidaw ruħhom għall-kundizzjonijiet iktar favorevoli li ngħataw lil din ta’ l-aħħar fil-kuntest ta’ proċedura li lanqas biss ħadu sehem fiha. |
|
133 |
Għalhekk, l-eventwali diskriminazzjoni li tagħha Bouygues Télécom kienet vittma għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-kuntest proċedurali in kwistjoni sabiex jiġu ddeterminati l-obbligi li kellhom, fil-kawża preżenti, l-awtoritajiet nazzjonali. |
|
134 |
Għandu jiġi osservat li, minkejja l-modalitajiet ta’ l-organizzazzjoni materjali, il-proċedura ta’ attribuzzjoni tal-liċenzji UMTS, mibdija fix-xhar ta’ Lulju 2000 mill-awtoritajiet Franċiżi, kienet fir-realtà tikkostitwixxi proċedura unika intiża għall-attribuzzjoni ta’ erbgħa liċenzji għall-introduzzjoni tas-sistema UMTS fi Franza (ara l-punt 11 iktar ’il fuq). Huwa l-falliment parzjali ta’ l-ewwel sejħa għall-offerti li wassal għall-ftuħ ta’ sejħa addizzjonali anqas minn sitt xhur wara l-għotja ta’ l-ewwel żewġ liċenzji (ara l-punti 15 u 16 iktar ’il fuq) sabiex tiġi assigurata kompetizzjoni effettiva f’suq emerġenti u tippermetti l-ħruġ taż-żewġ liċenzji l-oħra, peress li ż-żewġ sejħiet għall-offerti kienu ġew konċepiti u seħħew b’mod identiku fuq il-pjan formali (riklami, skeda…). |
|
135 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi miċħud bħala irrilevanti l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq ir-regoli ta’ proċedura applikabbli fir-rigward tal-kuntratti pubbliċi u tal-konċessjonijiet, li mhumiex applikabbli fil-kawża preżenti. Fir-rigward tal-prinċipju ta’ l-intanġibbiltà tal-kriterji ta’ selezzjoni jew tal-kriterji ta’ attribuzzjoni, li r-rikorrenti jinvokaw, dawn la huma previsti fid-Direttiva 97/13 u lanqas fl-ebda dispożizzjoni oħra applikabbli tad-dritt Komunitarju. Bil-kontra ta’ dan, id-Direttiva 97/13 tipprovdi, fl-Artikolu 8(4) tagħha, li l-Istati Membri jistgħu jemendaw il-kundizzjonijiet marbuta ma’ liċenzja individwali f’każjiet oġġettivament ġustifikati u b’mod proporzjonat. |
|
136 |
Fil-kuntest ta’ operazzjoni ta’ selezzjoni unika, anke jekk organizzata f’diversi fażijiet, bħal fil-kawża preżenti, il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni għandu għaldaqstant japplika billi ż-żewġ sejħiet għall-offerti jiġu kkunsidrati bħala proċedura waħda. |
|
137 |
F’dan il-kuntest, soluzzjoni differenti minn dik adottata mill-awtoritajiet nazzjonali ma kinitx tippermetti li, b’mod sodisfaċjenti, jkun hemm trattament ugwali bejn iż-żewġ operaturi kkonċernati. |
|
138 |
Fil-fatt, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti, jidher li l-awtoritajiet nazzjonali kellhom, fl-aħħar mill-aħħar, tliet possibbiltajiet wara li kkonstataw li l-ewwel sejħa għall-offerti ma ppermettietx li jintgħażel numru sodisfaċjenti ta’ operaturi sabiex il-kompetizzjoni tkun tista’ tiġi assigurata b’mod effettiv f’dan is-settur. |
|
139 |
Skond l-ewwel għażla, dawn l-awtoritajiet kellhom jiddikjaraw li l-ewwel sejħa għall-offerti ma kinitx tagħat ir-riżultati mixtieqa u jerġgħu jibdew il-proċedura mill-bidu billi jistabbilixxu l-ħlasijiet skond id-dispożizzjonijiet korrispondenti tas-sistema emendata. |
|
140 |
Madankollu jidher li din is-solużżjoni kienet irrilevanti fir-rigward tar-riżultat tal-proċedura peress li, effettivament, l-istess operaturi, jiġifieri Orange, SFR u Bouygues Télécom, kienu jkunu l-uniċi kandidati u finalment kienu jingħataw liċenzji, essenzjalment, identiċi għal dawk li effettivament ingħataw. |
|
141 |
Din l-għażla kienet bil-kontra ta’ dan, tippreżenta minn ta’ l-inqas inkonvenjent fir-rigward tad-dritt Komunitarju tat-telekomunikazzjoni. Fil-fatt, din kienet twassal għal dewmien fl-introduzzjoni tas-servizzi kkonċernati, iffissatta għall-mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 2002 mid-Deċiżjoni Nru 128/1999 (ara punt 8 iktar ’il fuq), dewmien indikat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li kien ikun direttament imputabbli fuq l-awtoritajiet Franċiżi. |
|
142 |
Konsegwentement, għalkemm ir-rispett tat-trattament ugwali seta’ wkoll jiġi sodisfatt permezz ta’ din l-ewwel għażla, ir-Repubblika Franċiża kienet tieħu r-risku li tittardja l-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet Komunitarji in kwistjoni u, għaldaqstant, tonqos milli twettaq l-obbligi li hija għandha f’dan ir-rigward. |
|
143 |
Skond it-tieni għażla, l-awtoritajiet nazzjonali kellhom ikomplu l-proċedura, billi jagħmlu t-tieni sejħa għall-offerti, iżda, b’differenza għas-soluzzjoni li ġiet effettivament adottata f’din il-kawża, ma jallinejawx il-ħlasijiet ta’ Orange u ta’ SFR ma dawk ta’ Bouygues Télécom. |
|
144 |
F’dan il-każ, Orange u SFR kienu jirċevu trattament differenti minn dak ta’ Bouygues Télécom bi ksur tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni, fid-dawl tal-valur ugwali tal-liċenzji u tal-fatt li, fid-data tal-bidla fil-ħlasijiet l-ebda operatur ma kien preżenti fis-suq. Barra minn hekk, tali soluzzjoni ma kinitx tkun tikkorispondi ma’ l-elementi ta’ determinazzjoni tal-ħlasijiet indikati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Connect Austria, iċċitata iktar ’il fuq (ara punt 109 iktar ’il fuq). |
|
145 |
Kieku l-awtoritajiet Franċiżi żammew is-sistema ta’ ħlasijiet inizjali għal Orange u SFR, kien ikun hemm ir-riskju li jiġu miksura l-ħtiġijiet ta’ non-diskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità imposti mid-Direttiva 97/13, u dan minħabba n-nuqqas ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità li, skond indikazzjonijiet mhux ikkontestati ta’ SFR, kienu jiriżultaw fi proporzjon ta’ 1 għal 8 bejn is-sistema inizjali u s-sistema emendata. Tali differenza bejn l-ammont tal-ħlasijiet dovuti keient turi sitwazzjoni diskriminatorja għall-benefiċċju ta’ Bouygues Télécom u bi ħsara għaż-żewġ operaturi l-oħra. |
|
146 |
Barra minn hekk, f’tali każ, iż-żewġ operaturi magħżula inizjalment setgħu jirrinunzjaw għall-benefċċju tal-liċenzja tagħhom, u dan kien jobbliga lill-awtoritajiet Franċiżi li, sabiex jigarantixxu kompetizzjoni effettiva fis-settur in kwistjoni, jagħmlu t-tielet sejħa għall-offerti, u b’dan il-mod jittardjaw iktar fl-introduzzjoni tas-servizzi kkonċernati. |
|
147 |
Skond it-tielet għażla, l-awtoritajiet nazzjonali kellhom jagħmlu t-tieni sejħa għall-offerti filwaqt li jissuġġettawha għal ċerti kundizzjonijiet, b’mod partikolari tnaqqis fit-termini finanzjarji, u tibdel retroattivament l-imsemmija kundizzjonijiet fir-rigward tal-liċenzji mogħtija. |
|
148 |
Din l-għażla, li hija dik adottata fil-kawża preżenti, ippermettiet li jiġi assigurat trattament ugwali bejn it-tliet operaturi li kienu l-uniċi applikanti f’din il-proċedura kollha fil-kuntest, imfakkar iktar ’il fuq, ta’ liċenzji identiċi u ta’ suq emerġenti fejn l-ebda operatur ma kien għadu, fid-data tal-bidla fil-ħlasijiet, aċċeda għalih. L-għażla adottata mill-awtoritajiet nazzjonali ppermettiet ukoll li r-Repubblika Franċiża tevita xi dewmien fl-introduzzjoni tas-servizzi UMTS previsti mid-Direttiva 97/13. |
|
149 |
Għandu wkoll jiġi osservt li allinjament tal-kundizzjonijiet finanzjarji għall-ħruġ tal-liċenzji li ma kienx japplika retroattivament, mid-data tal-ħruġ tagħhom, kif ġie deċiż fil-kawża preżenti, iżda li jkun effettiv biss b’effett mill-bidla fil-ħlasijiet ikkontestata, ma kienx iwassal għal riżultat differenti. |
|
150 |
Fil-fatt, mill-proċess jirriżulta li, fid-data tad-deċiżjonijiet li jemendaw, tat-3 ta’ Diċembru 2002, Orange u SFR kienu ħallsu, skond l-iskeda ta’ ħlasijiet prevista fil-kundizzjonijiet inizjali, ammont li kien jikkorrispondi, skond il-kundizzjonijiet emendati, għall-ewwel parti tal-ħlasijiet li kellhom jitħallsu mal-ħruġ tal-liċenzja. Fir-rigward tat-tieni parti prevista fil-kundizzjonijiet emendati, marbuta mal-fatturat magħmul mill-użu tal-frekwenzi, din kellha titħallas biss wara l-introduzzjoni tas-servizzi UMTS mill-operaturi, introduzzjoni li Orange u SFR kien għadhom ma għamlux fid-data, msemmija iktar ’il fuq, tad-deċiżjonijiet li jemendaw il-liċenzji tagħhom u tad-deċiżjoni li tat il-liċenzja lil Bouygues Télécom. |
|
151 |
Għalhekk jidher li l-emendar tal-kundizzjonijiet applikati lil Orange u SFR kellu, fil-kawża preżenti, effett newtru fuq it-tliet operaturi kompetituri, peress li l-karattru retroattiv jew le ta’ l-imsemmija emendi ma kellu l-ebda impatt f’dan ir-rigward. |
|
152 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni setgħat, minkejja l-attribuzzjoni ta’ kundizzjonijiet identiċi għar-rebbieħa tal-proċeduri ta’ selezzjoni differenti, tikkunsidra, fid-deċiżjoni kkontestata, li s-sistema l-ġdida ta’ ħlasijiet ma kinitx diskriminatorja kontra Bouygues Télécom. |
|
153 |
It-trattament ugwali bejn l-operaturi meħtieġ mid-Direttiva 97/13 jimponi bil-kontra ta’ dan, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti, l-allinjament tal-ħlasijiet dovuti minn Orange u minn SFR ma’ dawk ta’ Bouygues Télécom. |
|
154 |
L-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-bidla hija diskriminatorja minħabba li, bis-saħħa ta’ kapaċità finanzjarja ogħla minn dik tal-kompetituri tagħhom, Orange u SFR setgħu jidħlu għall-ewwel sejħa għall-offerti u jingħataw liċenzja, ma jikkontestax l-evalwazzjonijiet preċedenti peress li, minn naħa, l-attribuzzjoni iktar prekoċi tal-liċenzji effettivament ma tathomx vantaġġ u li, min-naħa l-oħra, it-trattament ugwali ta’ l-operaturi kien jimponi l-allinjament tal-ħlasijiet. |
|
155 |
Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-bidla fil-ħlasijiet ikkontestata ma rriżultatx f’diskriminazzjoni bi ħsara għal Bouygues Télécom u li din l-evalwazzjoni ma tikkostitwix diffikulta serja li teħtieġ il-ftuħ tal-proċedura formali ta’ eżami ta’ l-għajnuna allegata. |
|
156 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni setgħat ġustament tikkonkludi, mingħajr ma tikkunsidra li kien hemm diffikultajiet serji, li l-miżura nazzjonali kkontestata ma kinitx tippreżenta elementi ta’ għajnuna fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) KE. |
|
157 |
Għalkemm, fid-dokumenti li jirrigwardaw il-kawża li tat lok għad-Digriet Bouygues u Bouygues Télécom vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Kummissjoni għamlet referenza għal kumplessità eċċezzjonali, din ir-referenza tikkonċerna, bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, mhux il-miżura in kwistjoni f’din il-kawża, iżda t-totalità tal-miżuri msemmija fl-ilment, li kienu jikkontestaw ħdax-il miżura. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, peress li qieset li uħud minnhom kienu jqajmu diffikultajiet serji, fetħet il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE, fil-31 ta’ Jannar 2003 fir-rigward ta’ uħud minn dawn il-miżuri, liema proċedura ntemmet bl-adozzjoni ta’ żewġ deċiżjonijeit tat-2 ta’ Awwissu 2004, fir-rigward, rispettivament, tas-sistema ta’ taxxa professjonali applikabbli lil France Télécom [C(2004) 3061] u avvanz mill-azzjonisti mogħti mill-Istat lil France Télécom [C(2004) 3060], li attwalment huma s-suġġett ta’ rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza (France vs Il-Kummissjoni, T-425/04, Franza vs Il-Kummissjoni, T-427/04, France Télécom vs Il-Kummissjoni, T-444/04, Bouygues u Bouygues Télécom, T-450/04, AFORS Télécom vs Il-Kummissjoni, T-456/04 u France Télécom vs Il-Kummissjoni, T-17/05). |
|
158 |
Għalkemm ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni tat prova ta’ nuqqas ta’ diliġenza fit-trattament tal-miżura nazzjonali in kwistjoni kkontestata fl-ilment tagħhom, ippreżentat fl-4 ta’ Ottubru 2002, li fir-rigward tagħha l-istituzzjoni ħadet pożizzjoni fid-deċiżjoni kkontestata, fl-20 ta’ Lulju 2004, din l-allegazzjoni, li barra minn hekk hija irrilevanti, lanqas ma ġiet stabbilita. Fil-fatt, il-Kummissjoni għandha d-dritt li tagħti gradi ta’ prijorità differenti lill-ilmenti mressqa quddiemha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-4 ta’ Marzu 1999, Ufex et vs Il-Kummissjoni, C-119/97 P, Ġabra p. I-1341, punt 88). |
|
159 |
Safejn l-ilment imsemmi iktar ’il fuq, li fih madwar 90 paġna bl-annessi mhux inklużi, jirrigwarda total ta’ ħdax-il miżura, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni, li fetħet il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE tliet xhur u nofs wara l-preżentazzjoni ta’ l-imsemmi lment f’dak li jirrigwarda uħud mill-miżuri elenkati fih, u li, konsegwentement, itrattat parzjalment l-ilment billi tat prijorità, speċifikatament, lill-miżuri li qajmu diffikultajiet serji, setgħat, fid-dawl tal-piż ta’ xogħol tagħha u tad-determinazzjoni tal-prijoritajiet ta’ eżami li hija għandha tevalwa, tipposponi t-trattament tal-miżuri li, fl-opinjoni tagħha, ma kinux iqajjmu diffikultajiet serji, u dan mingħajr ma setgħet tiġi akkużata b’nuqqas ta’ diliġenza f’dan ir-rigward. |
|
160 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, iż-żmien, ta’ sena, għaxar xhur u ħmistax-il ġurnata, li għadda bejn il-preżentazzjoni tal l-ilment u d-deċiżjoni kkontestata ma jindikax nuqqas ta’ diliġenza min-naħa tal-Kummissjoni. |
|
161 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-rikors għandu jiġi miċħud mingħajr ma jkun hemm il-bżonn li l-Qorti tal-Prim’Istanza teżamina l-kriterji l-oħra stabbiliti mill-Artikolu 87(1) KE, peress li waħda mill-kundizzjonijiet, kumulattivi, neċessarja għall-kwalifika ta’ għajnuna mill-Istat mhijiex sodisfatta. |
Fuq l-ispejjeż
|
162 |
Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu ordnati jbatu, in solidum, minbarra l-ispejjeż tagħhom, dawk tal-Kummissjoni kif ukoll ta’ Orange u ta’ SFR, partijiet intervenjenti in sostenn tal-Kummissjoni. |
|
163 |
Ir-Repubblika Franċiża għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura. |
|
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Legal Wiszniewska-Białecka Moavero Milanesi Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-4 ta’ Lulju 2007. E. Coulon Reġistratur H. Legal President |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.