19.6.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 160/33


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-16 ta’ Ġunju 2008

li teħles lill-Bulgarija, lis-Slovakkja u lir-Renju Unit minn ċerti obbligi għall-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 66/401/KEE fir-rigward ta’ Galega orientalis Lam.

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 2664)

(It-testi bil-Bulgaru, bis-Slovakk u bl-Ingliż biss huma awtentiċi)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2008/462/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 66/401/KEE ta’ l-14 ta’ Ġunju 1966 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ żerriegħa ta’ pjanti ta’ l-għalf (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 23a tagħha,

Wara li kkunsidrat it-talbiet ippreżentati mill-Bulgarija, mis-Slovakkja u mir-Renju Unit,

Billi:

(1)

Skond id-Direttiva 66/401/KEE l-Kummissjoni tista’, suġġett għal ċerti kundizzjonijiet, teħles Stat Membru mill-obbligi għat-tqegħid fis-suq ta’ żerriegħa ta’ pjanti ta’ l-għalf stabbiliti f’dik id-Direttiva.

(2)

Il-Bulgarija, is-Slovakkja u r-Renju Unit applikaw għal ħelsien mill-obbligi tagħhom fir-rigward ta’ Galega orientalis Lam.

(3)

Iż-żerriegħa ta’ din l-ispeċi mhix normalment prodotta mill-ġdid jew imqiegħda fis-suq fil-Bulgarija, fis-Slovakkja u fir-Renju Unit. Barra minn hekk, it-tkabbir ta’ Galega orientalis Lam huwa ta’ importanza ekonomika minima fil-pajjiżi msemmija hawn fuq.

(4)

Sakemm jibqgħu dawn il-kundizzjonijiet, l-Istati Membri rilevanti għandhom jinħelsu mill-obbligu li japplikaw id-dispożizzjoni tad-Direttiva 66/401/KEE għall-materjal ikkonċernat.

(5)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għaż-Żrieragħ u l-Materjal ta’ Propagazzjoni għall-Agrikoltura, l-Ortikultura u l-Foresterija,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Bulgarija, is-Slovakkja u r-Renju Unit huma meħlusa mill-obbligu li japplikaw id-Direttiva 66/401/KEE, bl-eċċezzjoni ta’ l-Artikolu 14(1), għall-ispeċi Galega orientalis Lam.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika tas-Slovakkja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.

Magħmula fi Brussell, 16 ta’ Ġunju 2008.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU 125, 11.7.1966, p. 2298/66. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/72/KE (ĠU L 329, 14.12.2007, p. 37).