IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 3.6.2024
COM(2024) 229 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
rigward l-eżerċitar tas-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati skont id-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi
1.Introduzzjoni
Id-Direttiva 2009/128/KE tistabbilixxi qafas legali komuni biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi, filwaqt li jitqiesu approċċi prekawzjonarji u preventivi. Ġiet adottata fl-2009 u kellha tiġi trasposta fil-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri sas-26 ta’ Novembru 2011.
Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas biex jitnaqqsu r-riskji u l-impatti tal-użu tal-pestiċidi fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, kif ukoll biex jiġi promoss l-użu ta’ ġestjoni integrata tal-pesti u ta’ approċċi jew tekniki alternattivi.
Id-Direttiva tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati u timponilha obbligu li tirrapporta lill-koleġiżlaturi dwar l-eżerċitar tas-setgħat delegati li fiha.
2.Bażi legali
Dan ir-rapport huwa meħtieġ skont l-Artikolu 20a(2) tad-Direttiva 2009/128/KE. Skont din id-dispożizzjoni, is-setgħa li tadotta atti delegati dwar il-kwistjonijiet elenkati fiha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ 5 snin mis-26 ta’ Lulju 2019 u l-Kummissjoni hija meħtieġa tħejji rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn 9 xhur qabel tmiem il-perjodu ta’ 5 snin.
Kif stabbilit fl-Artikolu 20a(2), il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikoli 5(3), 8(7), 14(4) u 15(1) tad-Direttiva 2009/128/KE.
L-Artikolu 20 a(2) ta’ dik id-Direttiva jistabbilixxi li d-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux tali estensjoni mhux aktar tard minn 3 xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu, filwaqt li l-Artikolu 20a(3) jiddikjara li d-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikoli 5(3), 8(7), 14(4) u 15(1) tad-Direttiva 2009/128/KE tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.
3.Eżerċitar tad-delega
Matul il-perjodu ta’ rapportar, il-Kummissjoni ma eżerċitat l-ebda setgħa skont l-Artikoli 5(3), 8(7), 14(4) u 15(1),imsemmija fl-Artikolu 20a(2) tad-Direttiva 2009/128/KE. Dan il-perjodu jaħbat mat-tħejjija u n-negozjar ta’ proposta għal regolament dwar l-użu sostenibbli tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. Fil-mument li kellu jingħata dan ir-rapport, il-Kummissjoni ma setgħetx tasal għal konklużjonijiet definittivi dwar jekk is-setgħat delegati skont id-Direttiva 2009/128/KE jeħtiġux estensjoni peress li s-setgħat delegati ma kienx ikun hemm bżonn li jiġu estiżi kieku d-Direttiva tħassret.
Fis-27 ta’ Marzu 2024, il-Kummissjoni approvat l-irtirar tal-proposta u dan ġie inkluż fil-lista ta’ proposti rtirati ppubblikata fis-6 ta’ Mejju 2024.
4.KONKLUŻJONI
B’dan ir-rapport, il-Kummissjoni tikkonforma mal-obbligu ta’ rapportar skont l-Artikolu 20a(2) tad-Direttiva 2009/128/KE. L-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/128/KE qed tavvanza u għaddej progress xjentifiku u tekniku li jista’ jiġġustifika l-adozzjoni ta’ aktar atti delegati fil-futur sabiex il-qafas legali jinżamm aġġornat. Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jieħdu nota ta’ dan ir-rapport.