Brussell, 24.5.2023

COM(2023) 613 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2023 ta’ Ċipru u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2023 ta’ Ċipru

{SWD(2023) 613 final}


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2023 ta’ Ċipru u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2023 ta’ Ċipru

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi 2 , u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 3 , li stabbilixxa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti, li jinvolvu impuls fiskali ffinanzjat mill-UE. F’konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew, hija tikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku u soċjali u għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti sostenibbli, b’mod partikolari biex tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-UE u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal kull Stat Membru bil-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ġiet aġġornata fit-30 ta’ Ġunju 2022, f’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2021/241.

(2)Fit-22 ta’ Novembru 2022, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli tal-2023 4 , li ta bidu għas-Semestru Ewropew tal-2023 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-istħarriġ madwar l-erba’ dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva fit-23 ta’ Marzu 2023. Fit-22 ta’ Novembru 2022, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija tal-2023, li fih identifikat lil Ċipru bħala wieħed mill-Istati Membri li jista’ jiġi affettwat jew li jista’ jkun f’riskju li jiġi affettwat mill-iżbilanċi, u li għalih tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll opinjoni dwar l-abbozz ta’ pjan baġitarju tal-2023 ta’ Ċipru. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro, li l-Kunsill adotta fis-16 ta’ Mejju 2023, kif ukoll il-proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2023 li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li l-Kunsill adotta fit-13 ta’ Marzu 2023.

(3)Filwaqt li l-ekonomiji tal-UE qed juru reżiljenza notevoli, il-kuntest ġeopolitiku għad għandu impatt negattiv. Hekk kif l-UE qed tappoġġa b’mod sod lill-Ukrajna, l-aġenda tal-politika ekonomika u soċjali tal-UE hija ffukata fuq it-tnaqqis tal-impatt negattiv tax-xokkijiet tal-enerġija kemm fuq l-unitajiet domestiċi vulnerabbli kif ukoll fuq il-kumpaniji fuq terminu qasir, u fuq iż-żamma tal-isforzi biex titwettaq it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, jiġi appoġġat it-tkabbir sostenibbli u inklużiv, tiġi ssalvagwardjata l-istabbiltà makroekonomika u tiżdied ir-reżiljenza fuq terminu medju. Hija tiffoka ħafna wkoll fuq iż-żieda fil-kompetittività u l-produttività tal-UE.

(4)Fl-1 ta’ Frar 2023, il-Kummissjoni ħarġet il-Komunikazzjoni Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku għal Żmien l-Emissjonijiet Żero Netti 5 biex tingħata spinta lill-kompetittività tal-industrija b’emissjonijiet żero netti tal-UE u tiġi appoġġata t-tranżizzjoni rapida lejn in-newtralità klimatika. Il-pjan jikkomplementa l-isforzi li għaddejjin bil-Patt Ekoloġiku Ewropew u r-REPowerEU. Għandu l-għan li jipprovdi ambjent aktar ta’ appoġġ biex tiżdied il-kapaċità tal-manifattura tal-UE għat-teknoloġiji u l-prodotti b’emissjonijiet żero netti meħtieġa biex jintlaħqu l-miri klimatiċi ambizzjużi tal-UE, kif ukoll jiġi żgurat l-aċċess għal materja prima kritika rilevanti, inkluż billi jiġi diversifikat l-akkwist, jiġu sfruttati kif xieraq ir-riżorsi ġeoloġiċi fl-Istati Membri u jiġi massimizzat ir-riċiklaġġ tal-materja prima. Il-pjan huwa msejjes fuq erba’ pilastri: ambjent regolatorju prevedibbli u simplifikat, li jħaffef l-aċċess għall-finanzi, itejjeb il-ħiliet, u jiftaħ il-kummerċ għal ktajjen tal-provvista reżiljenti. Fis-16 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni ħarġet ukoll il-Komunikazzjoni Il-kompetittività fit-tul tal-UE: Inħarsu lil hinn mill-2030 6 , strutturata fuq disa’ muturi li jsaħħu lil xulxin bil-għan li ssir ħidma lejn qafas regolatorju li jsaħħaħ it-tkabbir. Hija tistabbilixxi prijoritajiet ta’ politika mmirati biex jiżguraw b’mod attiv titjib strutturali, investimenti ffukati tajjeb u miżuri regolatorji għall-kompetittività fit-tul tal-UE u l-Istati Membri tagħha. Ir-rakkomandazzjonijiet ta’ hawn taħt jgħinu biex jiġu indirizzati dawk il-prijoritajiet.

(5)Fl-2023, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jevolvi f’konformità mal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa’ essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż kollha jew subsett sinifikanti minnhom maħruġa f’dawn l-aħħar snin. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019, l-2020 u l-2022 jibqgħu ugwalment rilevanti wkoll għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza riveduti, aġġornati jew emendati f’konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.

(6)Ir-Regolament REPowerEU 7 adottat fis-27 ta’ Frar 2023 għandu l-għan li jelimina malajr id-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi. Dan se jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-UE, filwaqt li jżid l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza enerġetika. Ir-Regolament jippermetti lill-Istati Membri jżidu kapitolu ġdid tar-REPowerEU mal-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex jiffinanzjaw riformi u investimenti ewlenin li se jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU. Dawn se jgħinu wkoll biex tingħata spinta lill-kompetittività tal-industrija b’emissjonijiet żero netti tal-UE kif deskritt fil-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku għal Żmien l-Emissjonijiet Żero Netti u se jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż relatati mal-enerġija maħruġa lill-Istati Membri fl-2022 u, fejn applikabbli, fl-2023. Ir-Regolament REPowerEU jintroduċi kategorija ġdida ta’ appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli, li ssir disponibbli għall-Istati Membri biex jiffinanzjaw riformi u investimenti ġodda relatati mal-enerġija skont il-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza.

(7)Fit-8 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni li tipprovdi gwida għall-politika fiskali għall-2024. Hija għandha l-għan li tappoġġa t-tħejjija tal-programmi ta’ stabbiltà u konverġenza tal-Istati Membri u b’hekk issaħħaħ il-koordinazzjoni tal-politika 8 . Il-Kummissjoni fakkret li l-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir se tiġi diżattivata fi tmiem l-2023. Hija appellat għal politiki fiskali fl-2023-2024 li jiżguraw is-sostenibbiltà tad-dejn fuq terminu medju kif ukoll iżidu t-tkabbir potenzjali b’mod sostenibbli. L-Istati Membri ġew mistiedna jistabbilixxu fil-programmi ta’ stabbiltà u konverġenza tagħhom tal-2023 kif il-pjanijiet fiskali tagħhom se jiżguraw li l-valur ta’ referenza tad-defiċit ta’ 3 % tal-PDG jiġi rispettat kif ukoll it-tnaqqis plawżibbli u kontinwu tad-dejn, jew biex id-dejn jinżamm f’livelli prudenti fit-terminu medju. Il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri jeliminaw gradwalment il-miżuri fiskali nazzjonali introdotti biex jipproteġu lill-unitajiet domestiċi u lid-ditti mix-xokk tal-prezz tal-enerġija, u jibdew bl-inqas miżuri mmirati. Hija indikat li, jekk ikun meħtieġ li l-miżuri ta’ appoġġ jiġu estiżi minħabba pressjonijiet fuq il-prezzijiet tal-enerġija mġedda, jenħtieġ li l-Istati Membri jimmiraw tali miżuri ħafna aħjar milli fil-passat lejn unitajiet domestiċi u ditti vulnerabbli. Il-Kummissjoni pproponiet li r-rakkomandazzjonijiet fiskali jkunu kwantifikati, differenzjati u fformulati fuq il-bażi tan-nefqa primarja netta, kif propost fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-orjentazzjonijiet għal riforma tal-qafas tal-governanza ekonomika tal-UE 9 . Hija rrakkomandat li l-Istati Membri kollha jenħtieġ li jkomplu jipproteġu l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali u jiżguraw l-użu effettiv tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u ta’ fondi oħra tal-UE, b’mod partikolari fid-dawl tal-objettivi tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u tar-reżiljenza. Il-Kummissjoni indikat li se tipproponi lill-Kunsill biex jiftaħ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit fir-rebbiegħa tal-2024 fuq il-bażi tad-data tal-eżitu għall-2023, f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali eżistenti.

(8)Fis-26 ta’ April 2023, il-Kummissjoni ppreżentat proposti leġiżlattivi biex timplimenta riforma komprensiva tar-regoli ta’ governanza ekonomika tal-UE. L-objettiv ċentrali tal-proposti huwa li tissaħħaħ is-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku u jiġi promoss it-tkabbir sostenibbli u inklużiv fl-Istati Membri kollha permezz ta’ riformi u investimenti. Il-proposti għandhom l-għan li jipprovdu lill-Istati Membri b’aktar kontroll fuq it-tfassil tal-pjanijiet tagħhom fuq terminu medju, filwaqt li jistabbilixxu reġim ta’ infurzar aktar strett biex jiġi żgurat li l-Istati Membri jwettqu l-impenji meħuda fil-pjanijiet fiskali-strutturali tagħhom fuq terminu medju. L-objettiv huwa li tiġi konkluża l-ħidma leġiżlattiva fl-2023.

(9)Fis-17 ta’ Mejju 2021, Ċipru ppreżenta l-pjan tiegħu għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (EU) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza f’konformità mal-linji gwida ta’ valutazzjoni tal-Anness V ta’ dan ir-Regolament. Fit-28 ta’ Lulju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għal Ċipru 10 . Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq deċiżjoni mill-Kummissjoni, meħuda f’konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li Ċipru laħaq b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. It-twettiq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura.

(10)Fid-9 ta’ Mejju 2023, Ċipru ppreżenta l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tiegħu tal-2023 u, fit-2 ta’ Mejju 2023, il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2023 tiegħu, f’konformità mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97. Biex jitqiesu l-konnessjonijiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati flimkien. F’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2023 jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali ta’ Ċipru dwar il-progress li sar fil-kisba tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tiegħu.

(11)Il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2023 għal Ċipru 11 fl-24 ta’ Mejju 2022. Hija vvalutat il-progress ta’ Ċipru fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti adottati mill-Kunsill bejn l-2019 u l-2022, u ħadet kont tal-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza ta’ Ċipru. Fuq il-bażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta’ dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti. Ivvalutat ukoll il-progress ta’ Ċipru fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-UE dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.

(12)Il-Kummissjoni wettqet analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 għal Ċipru u ppubblikat ir-riżultati tagħha fl-24 ta’ Mejju 2022 12 . Hi kkonkludiet li Ċipru qed jesperjenza żbilanċi makroekonomiċi. B’mod partikolari, il-vulnerabbiltajiet relatati mad-dejn privat, id-dejn tal-gvern u dak estern naqsu b’mod ġenerali iżda għadhom ta’ tħassib. B’mod partikolari, djun għoljin inkluż self improduttiv naqsu b’mod sinifikanti u huma mistennija li jkomplu jagħmlu dan, filwaqt li d-defiċits fil-kont kurrenti għadhom problema. Id-dejn privat ilu jonqos mill-2015, ħlief fl-2020 matul il-kriżi tal-COVID-19, u huwa mistenni li jkompli jonqos din is-sena u li jmiss appoġġat minn tkabbir nominali tal-PDG. Madankollu, rati tal-imgħax ogħla jistgħu jagħmlu pressjoni fuq is-servizz tad-dejn, peress li s-self b’rata tal-imgħax varjabbli jipprevali. L-istokks tad-dejn privat u tad-dejn estern huma affettwati mill-preżenza ta’ entitajiet bi skop speċjali f’Ċipru, li jgħollu l-livelli iżda joħolqu riskji limitati għall-ekonomija. Is-self improduttiv miżmum mill-banek naqas b’mod sinifikanti ħafna matul dawn l-aħħar snin bis-saħħa ta’ bejgħ ta’ self improduttiv, tħassir, ripagamenti fi flus kontanti, riabilitazzjoni u tpartit ta’ dejn ma’ assi. Id-dejn tal-gvern qed jonqos b’mod kostanti; dan naqas taħt il-livell tiegħu ta’ qabel il-pandemija u huwa mistenni li jkompli jonqos fl-2023 u fl-2024. Minkejja l-irkupru fit-turiżmu, id-defiċit kbir fil-kont kurrenti kiber fl-2022, u dan jirrifletti domanda domestika robusta kif ukoll prezzijiet għoljin tal-enerġija; huwa mistenni li jonqos xi ftit din is-sena u li jmiss iżda li jibqa’ kbir. Ir-rispons ta’ politika kien favorevoli. Diversi miżuri inklużi fl-RRP huma mistennija li jgħinu fid-diversifikazzjoni tal-ekonomija, jappoġġaw it-tkabbir tal-esportazzjoni, u jtaffu d-dipendenza żejda fuq l-importazzjonijiet taż-żejt. Bħala parti mill-RRP, f’nofs l-2022 ġie adottat pakkett ta’ liġijiet emendatorji dwar il-kumpaniji li jakkwistaw kreditu u s-servizzjanti tal-kreditu, li jtejjeb l-ambjent tax-xogħol tagħhom u jappoġġa t-tnaqqis tas-self improduttiv. Wara diversi estensjonijiet, is-sospensjoni tal-esklużjonijiet ġiet fi tmiemha fi Frar li ġej: qafas effettiv ta’ esklużjoni huwa essenzjali biex jinkoraġġixxi lill-mutwatarji jipparteċipaw fir-ristrutturar tas-self, ikompli jnaqqas is-self improduttiv fl-ekonomija, jgħin biex jitnaqqas id-dejn privat, u jsaħħaħ id-dixxiplina tal-pagamenti. 

(13)Fuq il-bażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat, 13 il-bilanċ tal-gvern estiż ta’ Ċipru tjieb minn defiċit ta’ 2,0 % tal-PDG fl-2021 għal surplus ta’ 2,1 % fl-2022, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż naqas minn 101,2 % tal-PDG fi tmiem l-2021 għal 86,5 % fi tmiem l-2022.

(14)Il-bilanċ tal-gvern estiż intlaqat mill-miżuri ta’ politika fiskali adottati biex jittaffa l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. Fl-2022, tali miżuri li jnaqqsu d-dħul kienu jinkludu tnaqqis tad-dazju tas-sisa fuq il-prodotti tal-fjuwil (petrol u diżil b’7 ċenteżmi għal kull litru u fjuwil tat-tisħin b’5,37 ċenteżmi għal kull litru) għall-konsumaturi kollha, u tnaqqis tar-rata tal-VAT fuq il-konsum tal-elettriku għall-unitajiet domestiċi, minn 19 % għal 9 % (bi tnaqqis ulterjuri għall-unitajiet domestiċi vulnerabbli għal 5 %); filwaqt li tali miżuri li jżidu n-nefqa kienu jinkludu sussidjar taż-żieda fit-tariffi tal-elettriku, li jkopru minn 50 % sa 100 % taż-żieda. Għall-implimentazzjoni ta’ din l-aħħar miżura, il-gvern qed jipprovdi pagamenti lill-Awtorità tal-Elettriku ta’ Ċipru, entità li hija kompletament proprjetà tal-Istat. Il-Kummissjoni tistma li l-ispiża baġitarja netta ta’ dawn il-miżuri kollha hija ta’ 0,7 % tal-PDG fl-2022. Il-bilanċ tal-gvern estiż ġie affettwat ukoll mill-ispiża baġitarja tal-protezzjoni temporanja għall-persuni spostati mill-Ukrajna, li hija stmata għal 0,1 % tal-PDG fl-2022. Fl-istess ħin, l-ispiża stmata tal-miżuri temporanji ta’ emerġenza tal-COVID-19 naqset għal 0,3 % tal-PDG fl-2022, minn 2,9 % fl-2021.

(15)Fit-18 ta’ Ġunju 2021, il-Kunsill irrakkomanda li fl-2022 Ċipru 14 jżomm pożizzjoni fiskali ta’ appoġġ, inkluż mill-impuls ipprovdut mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u jippreserva l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali.

(16)Skont l-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali 15 fl-2022 kienet newtrali, li kienet xierqa f’kuntest ta’ inflazzjoni għolja. Kif irrakkomandat mill-Kunsill, Ċipru kompla jappoġġa l-irkupru b’investimenti li għandhom jiġu ffinanzjati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE ammontat għal 1,4 % tal-PDG fl-2022 (1,6 % tal-PDG fl-2021). It-tnaqqis fin-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE fl-2022 kien dovut għall-fażi tal-bidu tal-perjodu ta’ programmazzjoni l-ġdid għal fondi oħra tal-UE. Investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali ipprovda kontribuzzjoni restrittiva ta’ 0,1 punt perċentwali għall-pożizzjoni fiskali 16 . Għalhekk, Ċipru ma żammx l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali, li mhuwiex konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Fl-istess ħin, it-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fuq livell nazzjonali (nett minn miżuri ġodda ta’ dħul) ipprovda kontribuzzjoni newtrali għall-pożizzjoni fiskali. Għalhekk, Ċipru żamm biżżejjed taħt kontroll it-tkabbir fin-nefqa kurrenti ffinanzjata nazzjonalment.

(17)Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawn il-proġezzjonijiet baġitarji fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-2023 huwa ottimist fl-2023 u realistiku wara dan il-perjodu. Il-gvern jipproġetta li l-PDG reali jikber bi 2,8 % fl-2023 u 3,0 % fl-2024. B’paragun ma’ dan, it-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta tkabbir tal-PDG reali aktar baxx ta’ 2,3 % fl-2023 u 2,7 % fl-2024, prinċipalment minħabba kontribut aktar baxx għat-tkabbir mid-domanda domestika.

(18)Fil-Programm ta’ Stabbiltà tiegħu tal-2023, il-Gvern jistenna li s-surplus tal-gvern estiż se jonqos marġinalment minn 2,1 % fl-2022 għal 2,0 % tal-PDG fl-2023. Skont il-Programm, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG huwa mistenni li jonqos minn 86,5 % fi tmiem l-2022 għal 81,1 % fi tmiem l-2023. It-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta surplus tal-gvern ta’ 1,8 % tal-PDG għall-2023. Dan huwa konformi mas-surplus ipproġettat fil-Programm ta’ Stabbiltà. It-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta proporzjon simili tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG, ta’ 80,4 % fi tmiem l-2023.

(19)Il-bilanċ tal-gvern fl-2023 huwa mistenni li jkompli jiġi affettwat mill-miżuri fiskali adottati biex jittaffa l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. Dawn jikkonsistu f’miżuri estiżi mill-2022 (b’mod partikolari: tnaqqis tad-dazju tas-sisa fuq prodotti tal-fjuwil għall-konsumaturi kollha, u sussidjar taż-żieda fit-tariffi tal-elettriku). L-ispiża baġitarja netta tal-miżuri ta’ appoġġ hija pproġettata fit-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni għal 0,4 % tal-PDG fl-2023 17 . Il-biċċa l-kbira tal-miżuri fl-2023 ma jidhrux li huma mmirati lejn l-unitajiet domestiċi jew id-ditti l-aktar vulnerabbli, u ħafna minnhom ma jippreservawx bis-sħiħ is-sinjal tal-prezz biex titnaqqas id-domanda għall-enerġija u tiżdied l-effiċjenza enerġetika. B’riżultat ta’ dan, l-ammont ta’ miżuri ta’ appoġġ immirati, li għandhom jitqiesu fil-valutazzjoni tal-konformità mar-rakkomandazzjoni għall-2023, huwa stmat fit-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni għal 0,0 % tal-PDG fl-2023 (meta mqabbel ma’ 0,1 % tal-PDG fl-2022).

(20)Fit-12 ta’ Lulju 2022, il-Kunsill irrakkomanda 18 li Ċipru jieħu azzjoni biex jiżgura li fl-2023 iż-żieda fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata nazzjonalment tkun konformi mal-pożizzjoni politika li kollox ma’ kollox hija newtrali 19 , b’kont meħud tal-għajnuna addizzjonali, temporanja u mmirata, għall-unitajiet domestiċi u għad-ditti li huma l-iktar milquta miż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. Jenħtieġ li Ċipru jkun lest li jaġġusta l-infiq attwali f’sitwazzjoni li qiegħda tevolvi. Saret ukoll rakkomandazzjoni biex Ċipru jespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija filwaqt li titqies l-inizjattiva REPowerEU, inkluż billi jsir użu mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni.

(21)Fl-2023, il-pożizzjoni fiskali hija pproġettata fit-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni li tkun ġeneralment newtrali (-0,1 % tal-PDG). Dan isegwi l-pożizzjoni fiskali newtrali fl-2022 ( 0,0 % tal-PDG). It-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fuq livell nazzjonali (nett minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonarji) fl-2023 huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni newtrali ta’ 0,0 % tal-PDG għall-pożizzjoni fiskali. Dan jinkludi l-ispiża mnaqqsa tal-miżuri ta’ appoġġ immirati għall-unitajiet domestiċi u għad-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija b’0,1 % tal-PDG. Fil-qosor, it-tkabbir ipproġettat tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fuq livell nazzjonali huwa konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE hija pproġettata li tammonta għal 0,8 % tal-PDG fl-2023, filwaqt li l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja għall-pożizzjoni fiskali ta’ 0,8 punt perċentwali 20 . Għalhekk, Ċipru qed jippjana li jiffinanzja investiment addizzjonali permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE, u huwa pproġettat li jippreserva l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali. Huwa jippjana li jiffinanzja l-investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija, bħal sistema ta’ ġestjoni tas-suq għas-suq tal-elettriku ta’ Ċipru, il-kostruzzjoni ta’ bini ġdid effiċjenti fl-enerġija inkluż sptar ġdid tas-saħħa mentali, it-titjib fl-effiċjenza enerġetika tal-iskejjel u t-titjib tas-sigurtà tal-ilma għar-reġjuni ta’ Nikosija u Larnaca permezz ta’ kostruzzjoni ta’ ġibjun, li huma parzjalment iffinanzjati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE.

(22)Skont il-Programm ta’ Stabbiltà, is-surplus tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied għal 2,3 % tal-PDG fl-2024.
Iż-żieda fl-2024 tirrifletti prinċipalment iż-żieda fil-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mill-1 ta’ Jannar 2024. Il-programm mistenni jwassal għal tnaqqis ta’ 72,9% fil-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG sa tmiem l-2024. Fuq il-bażi ta’ miżuri ta’ politika magħrufa fid-data tal-għeluq tat-tbassir, it-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta surplus ta’ 2,1 % tal-PDG fl-2024. Dan huwa konformi mas-surplus ipproġettat fil-programm. It-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta proporzjon simili tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG, ta’ 72,5 % fi tmiem l-2024.

(23)Il-Programm ta’ Stabbiltà jipprevedi t-tneħħija gradwali tal-miżuri kollha ta’ appoġġ għall-enerġija fl-2024. Il-Kummissjoni tassumi wkoll it-tneħħija gradwali sħiħa tal-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija fl-2024. Dan jiddependi fuq is-suppożizzjoni li ma jkunx hemm żidiet ġodda fil-prezzijiet tal-enerġija.

(24)Fil-programm, Ċipru qed jippjana li jilħaq l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju – bilanċ baġitarju strutturali ta’ 0,0 % tal-PDG – fl-2023 u li jżommha matul il-bqija tal-perjodu tal-programm. Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni, il-bilanċ strutturali huwa mbassar li jkun +0,9 % tal-PDG fl-2023 u +1,3 % tal-PDG fl-2024, ’il fuq mill-objettiv baġitarju ta’ terminu medju. Politika fiskali prudenti fl-2024 se tikkontribwixxi wkoll għat-tisħiħ tal-pożizzjoni esterna.

(25)Jekk wieħed jassumi li l-politiki ma jinbidlux, it-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta li n-nefqa primarja netta ffinanzjata f’livell nazzjonali 21 tikber għal 3,6 % fl-2024.

(26)Skont il-programm, l-investiment tal-gvern huwa mistenni li jonqos minn 3,0 % tal-PDG fl-2023 għal 2,8 % tal-PDG fl-2024. L-investiment aktar baxx jirrifletti livell ta’ investiment nominali kostanti f’PDG ogħla.

(27)Il-Programm ta’ Stabbiltà jiddeskrivi perkors fiskali fuq terminu medju sal-2026. Skont il-programm, is-surplus tal-gvern estiż huwa mistenni li jibqa’ kostanti għal 2,3 % tal-PDG fl-2025 u li jiżdied għal 2,4 % sal-2026. Il-bilanċ tal-gvern estiż huwa għalhekk ippjanat li jilħaq il-valur ta’ referenza rilevanti tat-Trattat matul l-orizzont tal-programm. Skont il-programm, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG huwa mistenni li jonqos minn 72,9 % fi tmiem l-2024 għal 60,1 % sal-aħħar tal-2026.

(28)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b) u l-kriterju 2.2 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Madankollu, l-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza ta’ Ċipru tinsab għaddejja, b’riskju ta’ xi dewmien. Ċipru ppreżenta talba għal pagament wieħed, li tikkorrispondi għal 14-il stadju importanti fil-pjan u li tirriżulta fi żborż globali ta’ EUR 85 miljun. Il-pjan Ċiprijott għall-irkupru u r-reżiljenza huwa relattivament kbir u kumpless fin-natura tiegħu. Biex jiġi minimizzat ir-riskju ta’ dewmien, governanza b’saħħitha u monitoraġġ kontinwu tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza huma essenzjali. Il-pjan Ċiprijott għall-irkupru u r-reżiljenza huwa mistenni li jiġi rivedut biex jinkludi miżuri REPowerEU u jqis il-kontribuzzjoni finanzjarja massima mnaqqsa. L-inklużjoni rapida tal-kapitolu l-ġdid tar-REPowerEU fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza se tippermetti li jiġu ffinanzjati riformi u investimenti addizzjonali b’appoġġ għall-objettivi strateġiċi ta’ Ċipru fil-qasam tal-enerġija u t-tranżizzjoni ekoloġika. L-involviment sistematiku u effettiv tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, tas-sħab soċjali u ta’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa’ importanti għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll ta’ politiki ekonomiċi u tal-impjiegi oħra li jmorru lil hinn mill-pjan, biex tiġi żgurata sjieda wiesgħa tal-aġenda ta’ politika ġenerali.

(29)Il-Kummissjoni approvat id-dokumenti kollha ta’ programmazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni ta’ Ċipru fl-2022. It-tkomplija tal-implimentazzjoni rapida tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni f’komplementarjetà u sinerġija mal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija kruċjali biex tinkiseb it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, tiżdied ir-reżiljenza ekonomika u soċjali kif ukoll jinkiseb żvilupp territorjali bbilanċjat f’Ċipru.

(30)Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, Ċipru qed jiffaċċja għadd ta’ sfidi addizzjonali relatati mal-ambjent tan-negozju, b’mod partikolari dwar il-governanza tal-entitajiet tal-Istat (state-owned entities, SOEs), l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, l-aġġornament u l-modernizzazzjoni tal-grilja tal-elettriku, l-interkonnessjonijiet tal-enerġija, l-effiċjenza enerġetika, it-trasport sostenibbli u l-ħiliet ekoloġiċi.

(31)Is-sistema ta’ governanza turi lakuni fir-rigward tal-istandards internazzjonali (pereż. il-linji gwida tal-OECD dwar il-governanza korporattiva tal-SOEs u s-Sett ta’ Għodod tal-Bank Dinji għall-Governanza Korporattiva tal-SOEs). B’mod partikolari, aktar trasparenza u obbligu ta’ rendikont ogħla għall-prestazzjoni finanzjarja u l-objettivi pubbliċi jżidu l-effiċjenza u l-effettività tal-SOEs. Dan jgħodd ukoll għall-implimentazzjoni tal-aħjar prattiki bħal proċess trasparenti u bbażat fuq il-mertu għan-nomini għall-korpi ta’ ġestjoni tal-SOE. Iċ-ċaqliq tal-funzjoni tas-sjieda tal-SOE mill-ministeri kompetenti orjentati lejn il-politika għal korp ċentrali ddedikat jew tal-anqas l-istabbiliment ta’ unità ta’ monitoraġġ ċentralizzata fil-Ministeru tal-Finanzi jtejjeb ukoll is-sitwazzjoni attwali. It-titjib tal-governanza jgħin biex jiġi żgurat li l-proġetti ewlenin ta’ investiment pubbliku mill-SOEs jitlestew fil-ħin, u b’hekk tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. It-teħid ta’ azzjoni dwar l-SOEs jagħmel il-governanza f’Ċipru aktar effettiva u s-suq għan-negozji lokali u barranin aktar ġust u trasparenti. Dan huwa konformi mal-objettivi tal-istrateġija fit-tul għal Ċipru u l-pjan ta’ azzjoni li fuqu hija bbażata (fil-qasam tal-inizjattiva “Immodernizza l-organizzazzjonijiet semigovernattivi u noħolqu l-inċentivi t-tajba għall-innovazzjoni u l-effiċjenza”). Il-politiki mmirati lejn it-titjib tal-governanza tal-SOE jistgħu jgħinu wkoll biex tiżdied l-effiċjenza tas-settur pubbliku.

(32)Il-potenzjal sħiħ tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli f’Ċipru jista’ jiġi sfruttat aktar, b’mod partikolari billi jsiru aktar investimenti biex tiġi aġġornata u mmodernizzata l-grilja tal-elettriku, u billi jintgħażlu faċilitajiet tal-ħżin tal-enerġija fuq skala tal-grilja. Il-ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija u l-kuntratti għad-differenza jistgħu jkunu strumenti ekonomiċi xierqa biex titħaffef l-introduzzjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Ċipru bħalissa ma juża l-ebda gass, għalkemm iż-żejt jirrappreżenta 83,2 % tat-taħlita totali tal-provvista tal-enerġija. Minħabba l-prezzijiet tal-enerġija li jvarjaw ħafna fis-swieq globali, huwa kruċjali għas-sostenibbiltà tal-ekonomija Ċiprijotta li tnaqqas id-dipendenza qawwija tagħha fuq iż-żejt li timporta kompletament. Biex jiddiversifika l-provvisti tal-enerġija u jnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjoni, Ċipru jibbenefika minn interkonnessjonijiet tal-elettriku addizzjonali u l-espansjoni tas-sorsi rinnovabbli, kif ukoll investimenti ġodda fl-infrastruttura u fin-networks. Barra minn hekk, il-politiki tal-effiċjenza enerġetika jistgħu jiġu estiżi u aċċellerati biex irażżnu t-tkabbir fil-konsum tal-enerġija, li huwa ferm ogħla mill-medja tal-UE. Il-miżuri tal-effiċjenza enerġetika huma mistennija li jgħinu wkoll biex jiġi indirizzat il-faqar enerġetiku esperjenzat minn sehem għoli tal-popolazzjoni (19,4% fl-2021), inkluż bl-użu tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni kif xieraq. Ċipru jibbenefika minn bidla lejn trasport sostenibbli. Il-gżira bħalissa tiddependi fuq it-trasport privat, u s-settur kollu tat-trasport kien responsabbli għal 21 % tal-emissjonijiet totali ta’ gassijiet serra fl-2020, filwaqt li s-sehem tal-vetturi elettriċi f’reġistrazzjonijiet ġodda u l-għadd ta’ punti tal-iċċarġjar għal kull vettura huwa l-aktar wieħed baxx fl-UE. Hija meħtieġa ambizzjoni akbar biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u jiżdiedu l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika sabiex Ċipru jkun konformi mal-objettivi “Lesti għall-mira ta’ 55%”.

(33)In-nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet fis-setturi u l-okkupazzjonijiet ewlenin għat-tranżizzjoni ekoloġika, inklużi l-manifattura, l-iskjerament u ż-żamma ta’ teknoloġiji żero netti, qed joħolqu ostakli fit-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali f’termini ta’ emissjonijiet netti. Fl-2022, diversi okkupazzjonijiet b’ħiliet jew għarfien speċifiċi meħtieġa għat-tranżizzjoni ekoloġika ffaċċjaw nuqqas ta’ ħaddiema u setturi ewlenin (pereż. il-kostruzzjoni, il-manifattura) irreġistraw rata dejjem akbar ta’ postijiet tax-xogħol battala. Sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità għolja li jirrispondu għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol li qed jinbidlu u miżuri mmirati ta’ titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid huma kruċjali biex jitnaqqas in-nuqqas ta’ ħiliet u jiġu promossi l-inklużjoni u r-riallokazzjoni tax-xogħol. Biex tiġi sfruttata l-provvista tax-xogħol mhux sfruttata, dawn il-miżuri jeħtieġ li jkunu aċċessibbli, b’mod partikolari għall-individwi u fis-setturi u r-reġjuni l-aktar affettwati mit-tranżizzjoni ekoloġika.

(34)Fid-dawl tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2023 u l-opinjoni tiegħu 22 hija riflessa fir-Rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.

(35)Fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-Żona tal-Euro u l-kontribut kollettiv tagħhom għall-funzjonament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-Żona tal-Euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex (i) jippreservaw is-sostenibbiltà tad-dejn u joqogħdu lura minn appoġġ fuq bażi wiesgħa għad-domanda aggregata fl-2023, jimmiraw aħjar il-miżuri fiskali meħuda biex itaffu l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija u jirriflettu dwar modi xierqa biex jitnaqqas l-appoġġ hekk kif jonqsu l-pressjonijiet tal-prezzijiet tal-enerġija; (ii) isostnu investiment pubbliku għoli u jippromwovu l-investiment privat biex jappoġġaw it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali; (iii) jappoġġaw l-iżviluppi fil-pagi li jtaffu t-telf fil-kapaċità tal-akkwist filwaqt li jillimitaw l-effetti sekondarji fuq l-inflazzjoni, ikomplu jtejbu l-politiki attivi tas-suq tax-xogħol u jindirizzaw in-nuqqas ta’ ħiliet; (iv) itejbu l-ambjent tan-negozju u jiżguraw li l-appoġġ għall-enerġija lill-kumpaniji jkun kosteffettiv, temporanju, immirat lejn ditti vijabbli u li jżomm l-inċentivi għat-tranżizzjoni ekoloġika;
u (v) jippreservaw l-istabbiltà makro‑finanzjarja u jimmonitorjaw ir-riskji filwaqt li jkomplu jaħdmu fuq it-tlestija tal-Unjoni Bankarja. Għal Ċipru, ir-Rakkomandazzjonijiet (1), (2), (3) u (4) jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-Ewwel, it-Tieni, it-Tielet u r-Raba’ Rakkomandazzjoni għaż-Żona tal-Euro. 

(36)Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2023 u l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2023. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-Rakkomandazzjoni Nru (1) ta’ hawn taħt. Il-politiki msemmija fir-Rakkomandazzjoni (1) jgħinu biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet marbuta mad-dejn privat, tal-gvern u estern. Ir-Rakkomandazzjoni (2) tikkontribwixxi għall-indirizzar tar-rakkomandazzjoni (1). Il-politiki msemmija fir-Rakkomandazzjoni (1) jikkontribwixxu kemm għall-indirizzar tal-iżbilanċi kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet għaż-Żona tal-Euro, f’konformità mal-premessa 35.

B’DAN JIRRAKKOMANDA li Ċipru jieħu azzjoni fl-2023 u fl-2024 biex:

1.Itemm il-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija fis-seħħ sa tmiem l-2023. Jekk iż-żidiet mġedda fil-prezzijiet tal-enerġija jkunu jeħtieġu miżuri ta’ appoġġ, jiżgura li dawn ikunu mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli, fiskalment affordabbli, u jippreserva l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija. Filwaqt li jżomm pożizzjoni fiskali soda fl-2024, jippreserva l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali u jiżgura l-assorbiment effettiv tal-għotjiet tal-RRF u ta’ fondi oħra tal-UE, b’mod partikolari biex irawwem it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.

Jiffaċilita t-tnaqqis tad-dejn privat, inkluż bl-implimentazzjoni ta’ qafas effettiv ta’ esklużjoni.

Għall-perjodu lil hinn mill-2024, ikompli jsegwi l-investiment u r-riformi li jwasslu għal tkabbir sostenibbli ogħla u tippreserva pożizzjoni fiskali prudenti fuq terminu medju.

2.Jaċċellera l-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tiegħu, anke billi jiżgura kapaċità amministrattiva adegwata, u jiffinalizza malajr il-kapitolu REPowerEU bil-ħsieb li jibda malajr l-implimentazzjoni tiegħu. Ikompli l-implimentazzjoni rapida tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, f’komplementarjetà u sinerġija mill-qrib mal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.

3.Jieħu miżuri biex itejjeb il-governanza tal-entitajiet tal-Istat f’konformità mal-istandards internazzjonali.

4.Inaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili u tiġi diversifikata l-provvista tal-enerġija.
Biex jiġi sfruttat aħjar il-potenzjal kollu mhux sfruttat għall-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli, jaċċellera l-użu tal-enerġija rinnovabbli bl-użu ta’ strumenti ekonomiċi xierqa u jsiru aktar investimenti biex tiġi aġġornata u mmodernizzata l-grilja tal-elettriku, inklużi l-faċilitajiet tal-ħżin tal-enerġija. Iħaffef l-iżvilupp tal-interkonnessjonijiet tal-elettriku. Jestendi u jaċċellera l-miżuri tal-effiċjenza enerġetika, anke biex jiġi indirizzat il-faqar enerġetiku, kif ukoll il-bidla lejn trasport sostenibbli. Iżid l-isforzi ta’ politika mmirati lejn il-forniment u l-akkwist tal-ħiliet meħtieġa għat-tranżizzjoni ekoloġika.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.
(2)    ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.
(3)    Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17).
(4)    COM(2022) 780 final.
(5)    COM(2023) 62 final.
(6)    COM(2023) 168 final.
(7)    Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 63, 28.2.2023, p. 1).
(8)    COM(2023) 141 final.
(9)    COM(2022) 583 final.
(10)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għal Ċipru (ST 10686/2021; ST 10686/2021 ADD 1).
(11)    SWD(2023) 613 final.
(12)    SWD(2023) 635 final.
(13)    Eurostat-Euro Indicators, 47/2023, 21.4.2023
(14)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2021 li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2021 ta’ Ċipru, ĠU C 304, 29.7.2021, p. 58.
(15)    Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala l-bidla fin-nefqa primarja (netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonarji), bl-esklużjoni tal-miżuri temporanji ta’ emerġenza relatati mal-kriżi tal-COVID-19 iżda inkluża n-nefqa ffinanzjata minn appoġġ (għotjiet) mhux ripagabbli mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE, meta mqabbla mat-tkabbir potenzjali fuq terminu medju. Għal aktar dettalji ara l-Kaxxa 1 fit-Tabelli Statistiċi Fiskali.
(16)    Nefqa kapitali oħra ffinanzjata nazzjonalment ipprovdiet kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 0,2 punt perċentwali tal-PDG.
(17)    Iċ-ċifra tirrappreżenta l-livell tal-ispiża baġitarja annwali ta’ dawk il-miżuri, inklużi d-dħul u n-nefqa kurrenti kif ukoll – fejn rilevanti – il-miżuri tan-nefqa kapitali.
(18)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2022 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma ta’ Ċipru u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022 ta’ Ċipru, ĠU C 334, 1.9.2022, p. 104. 
(19)    Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni, it-tkabbir potenzjali tal-output fuq terminu medju (medja ta’ 10 snin) ta’ Ċipru, li jintuża biex titkejjel il-pożizzjoni fiskali, huwa stmat għal 8,2 % f’termini nominali.
(20)    Nefqa kapitali oħra ffinanzjata nazzjonalment hija pproġettata li tipprovdi kontribuzzjoni newtrali ta’ 0,0 punt perċentwali tal-PDG.
(21)    In-nefqa primarja netta hija definita bħala nefqa ffinanzjata nazzjonalment netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonarji u bl-esklużjoni tan-nefqa fuq l-imgħax kif ukoll in-nefqa ċiklika fuq il-qgħad.
(22)    Skont l-Artikoli 5(2) u 9(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.