European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/3105

11.12.2024

DEĊIŻJONI (UE) 2024/3105 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-27 ta’ Novembru 2024

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lill-Ġermanja u lill-Italja fir-rigward ta’ għargħar li seħħ fl-2024

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprja ġodda (IIA) (3), u b’mod partikolari l-punt 10 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (“il-Fond”) għandu l-għan li jippermetti lill-Unjoni tirrispondi b’mod rapidu, effiċjenti u flessibbli għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza sabiex turi solidarjetà mal-popolazzjoni tar-reġjuni milquta minn diżastri naturali maġġuri jew reġjonali jew minn emerġenza tas-saħħa pubblika maġġuri.

(2)

Il-Fond ma jridx jaqbeż il-limiti massimi kif stipulat fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093, kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2024/765 (4).

(3)

Fl-20 ta’ Awwissu 2024, il-Ġermanja ppreżentat applikazzjoni biex timmobilizza l-Fond, wara l-għargħar fin-Nofsinhar tal-Ġermanja f’Mejju u f’Ġunju 2024.

(4)

Fl-20 ta’ Settembru 2024, l-Italja ppreżentat applikazzjoni biex timmobilizza l-Fond wara l-għargħar fir-Reġjun Awtonomu tal-Valle d’Aosta tal-Italja fid-29 ta’ Ġunju 2024.

(5)

L-applikazzjonijiet imsemmija hawn fuq jissodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex tiġi pprovduta kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond, kif stabbilit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 2012/2002.

(6)

Għaldaqstant jenħtieġ li l-Fond jiġi mobilizzat sabiex jagħti kontribuzzjoni finanzjarja lill-Ġermanja u lill-Italja.

(7)

Sabiex iż-żmien li jittieħed għall-mobilizzazzjoni tal-Fond jitnaqqas kemm jista’ jkun, jenħtieġ li din id-deċiżjoni tidħol fis-seħħ mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni stabbilit għas-sena finanzjarja 2024, il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi mobilizzat kif ġej f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament fir-rigward ta’ diżastri naturali:

(a)

l-ammont ta’ EUR 112 071 681 għandu jingħata lill-Ġermanja fir-rigward tal-għargħar ta’ Mejju u Ġunju 2024;

(b)

l-ammont ta’ EUR 3 959 872 għandu jingħata lill-Italja fir-rigward tal-għargħar tad-29 ta’ Ġunju 2024 fir-Reġjun Awtonomu tal-Valle d’Aosta.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Din id-deċiżjoni tapplika mis-27 ta’ Novembru 2024.

Magħmula fi Strasburgu, is-27 ta’ Novembru 2024.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

BÓKA J.


(1)   ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2002/2012/oj? locale=mt#.

(2)   ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/2093/oj? locale=mt#.

(3)   ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 28, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_interinstit/2020/1222/oj? locale=mt#.

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2024/765 tad-29 ta’ Frar 2024 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (ĠU L, 2024/765, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/765/oj?locale=mt#).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/3105/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)