IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 23.6.2026
COM(2026) 292 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li tadotta atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont id-Direttiva 1999/62/KE
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 23.6.2026
COM(2026) 292 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li tadotta atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont id-Direttiva 1999/62/KE
1.Introduzzjoni
Id-Direttiva 1999/62/KE dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi tat-toroq( 1 ), kif emendata l-aħħar bid-Direttiva (UE) 2025/2459( 2 ) (minn hawn ’il quddiem, “id-Direttiva”), tirregola l-impożizzjoni ta’ tariffi għall-użu tat-toroq fl-Unjoni. Id-Direttiva timplimenta l-prinċipji ta’ min juża jħallas u ta’ min iniġġes iħallas fit-trasport bit-triq.
Id-Direttiva tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati f’ċerti każijiet għal perjodu ta’ ħames snin mill-24 ta’ Marzu 2022. Id-Direttiva tirrikjedi lill-Kummissjoni tfassal rapport f’dan ir-rigward mhux aktar tard minn 9 xhur qabel tmiem il-perjodu ta’ 5 snin.
Skont l-Artikolu 9d tad-Direttiva, il-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta atti delegati biex temenda l-Annessi li ġejjin, sabiex tiżgura li dawn jirriflettu l-progress tekniku u xjentifiku:
·L-Anness 0, li jiddefinixxi l-limiti tal-emissjonijiet għall-klassijiet Euro,
·il-formuli fil-punti 4.1 u 4.2 tal-Anness IIIa, dwar ir-rekwiżiti minimi għall-istabbiliment ta’ tariffa għall-ispejjeż esterni għat-tniġġis tal-arja u tal-istorbju,
·l-ammonti indikati fit-Tabelli tal-Annessi IIIb u IIIc, li jistabbilixxu valuri ta’ referenza għat-tariffi għall-ispejjeż esterni għat-tniġġis tal-arja u tal-istorbju u għall-emissjonijiet tas-CO2.
Skont l-Artikolu 7cb(4) tad-Direttiva, il-Kummissjoni, f’ċerti ċirkostanzi, trid tadotta wkoll atti delegati biex temenda l-Anness IIIc tad-Direttiva fir-rigward tal-valuri ta’ referenza tat-tariffa għall-ispejjeż esterni għall-emissjonijiet ta’ CO2, filwaqt li tqis il-prezz effettiv tal-karbonju applikat għall-fjuwils tat-trasport bit-triq fl-Unjoni. F’dak ir-rigward, l-Artikolu 7cb (4) tad-Direttiva jirrikjedi li l-Kummissjoni tivvaluta, sal-25 ta’ Marzu 2027, l-implimentazzjoni u l-effettività tat-tariffi għall-ispejjeż esterni għall-emissjonijiet ta’ CO2 , u l-koerenza tagħha mad-Direttiva 2003/87/KE li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni( 3 ) u d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE( 4 ), u, abbażi ta’ dik il-valutazzjoni, tippreżenta, fejn xieraq, proposta leġiżlattiva biex temenda dan l-Artikolu. B’konformità mal-istess dispożizzjoni, jekk l-Artikolu 7cb tad-Direttiva ma jiġix emendat sal-1 ta’ Jannar 2027 iżda d-Direttiva 2003/87/KE jew id-Direttiva 2003/96/KE jkunu ġew emendati b’mod li jirriżulta fl-internalizzazzjoni effettiva ta’ mill-inqas parti mill-ispejjeż esterni tal-emissjonijiet ta’ CO2 mit-trasport bit-triq, il-Kummissjoni trid tadotta atti delegati li jemendaw l-Anness IIIc tad-Direttiva biex il-valuri ta’ referenza tat-tariffa għall-ispejjeż esterni għall-emissjonijiet ta’ CO2 jiġu aġġustati, filwaqt li tqis il-prezz effettiv tal-karbonju applikat għall-fjuwils tat-trasport bit-triq fl-Unjoni. L-Artikolu 9d, it-tieni paragrafu, tad-Direttiva jispeċifika li tali emendi jridu jkunu limitati għall-iżgurar li l-livell tat-tariffi għall-ispejjeż esterni għall-emissjonijiet tas-CO2 ma jmorrux ’il hinn minn dak li huwa neċessarju biex jiġu internalizzati l-ispejjeż esterni tal-emissjonijet tas-CO2 mit-trasport bit-triq. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni bħalissa qed twettaq studju dwar l-ipprezzar tal-karbonju fil-pedaġġi u t-tariffi għall-utent, bl-għan li tivvaluta l-implimentazzjoni u l-koerenza tagħhom mal-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet u t-tassazzjoni tal-enerġija. L-istudju skedat li jitlesta sa tmiem l-2026.
Il-bażi xjentifika u teknika għall-valuri fl-Annessi msemmija fl-Artikolu 9d kif ukoll fl-Annessi V u VI hija l-Manwal tal-ispejjeż esterni tat-trasport bit-triq. Ta’ min jinnota, f’dak ir-rigward, li fit-tieni nofs tal-2026 il-Kummissjoni se tippubblika aġġornament ta’ dan il-Manwal.
2.Bażi legali għar-rapport
Dan ir-rapport huwa meħtieġ skont l-Artikolu 9e(2) tad-Direttiva, li jillimita d-delega tas-setgħa lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ 5 snin mill-24 ta’ Marzu 2022 bil-possibbiltà ta’ estensjoni taċita għal perjodu identiku. Dan ir-rapport ikopri l-perjodu mill-24 ta’ Marzu 2022 sad-data tal-adozzjoni ta’ dan ir-rapport.
3.Użu tad-delega
Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 9e(2) tad-Direttiva għadha ma ġietx eżerċitata. L-ewwel raġuni hija l-fatt li l-att delegat imsemmi fl-Artikolu 7cb(4) tad-Direttiva għandu jitqies biss fil-każ li d-Direttiva 2003/87/KE jew id-Direttiva 2003/96/KE jkunu ġew emendati b’mod li jirriżulta f’internalizzazzjoni effettiva ta’ mill-inqas parti mill-ispejjeż esterni tal-emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport bit-triq u li l-Artikolu 7cb ma jkunx ġie emendat sal-1 ta’ Jannar 2027. Din il-valutazzjoni għadha għaddejja bħalissa. It-tieni raġuni hija n-nuqqas ta’ progress xjentifiku jew tekniku sinifikanti li seta’ ġie kkunsidrat (jiġifieri aġġornament tal-Manwal),
Is-setgħa li jiġu adottati atti delegati tibqa’ rilevanti, l-ewwel nett, biex tiġi żgurata l-kapaċità li jiġu aġġustati l-valuri ta’ referenza stabbiliti fl-Anness IIIc tad-Direttiva, filwaqt li titqies il-valutazzjoni li għandha titwettaq mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 7cb(4) tad-Direttiva fid-dawl tal-emenda tad-Direttiva 2003/87/KE u l-applikazzjoni tas-sistema l-ġdida għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet (ETS2) 5 ; u, it-tieni, li tinżamm il-possibbiltà li jiġu aġġornati ċerti Annessi biex jirriflettu l-aħħar progress xjentifiku u tekniku. Kif innotat hawn fuq, fit-tieni nofs tal-2026, il-Kummissjoni se tippubblika aġġornament tal-Manwal tal-ispejjeż esterni tat-trasport bit-triq.
4.Konklużjoni
Kif imsemmi fit-Taqsima 3, id-delega tas-setgħa lill-Kummissjoni għadha rilevanti biex id-Direttiva 1999/62/KE tiġi implimentata b’mod effettiv.
Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jieħdu nota ta’ dan ir-rapport.
Id-Direttiva 1999/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi (ĠU L 187, 20.7.1999, p. 42, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1999/62/oj ).
() Id-Direttiva (UE) 2025/2459 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2025 li temenda d-Direttiva 1999/62/KE fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodu li fih il-vetturi tqal b’emissjonijiet żero jistgħu jibbenefikaw minn rati mnaqqsa b’mod sinifikanti ta’ tariffi għall-infrastruttura jew għall-utent jew minn eżenzjonijiet milli jitħalls (ĠU L, 2025/2459, 4.12.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2025/2459/oj ).
() Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2003/87/oj ).
() Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2003/96/oj ).
Id-Direttiva (UE) 2023/959 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta’ riżerva tal-istabbiltà tas-suq għas-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni (ĠU L 130, 16.5.2023, p. 134, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2023/959/oj ).