|
18.1.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 15/1 |
ID-DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZOJNI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/31
tat-13 ta’ Jannar 2021
dwar l-istabbiliment ta’ regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1862 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards minimi tal-kwalità tad-data u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għad-dħul ta’ ritratti, profili tad-DNA u data dattiloskopika fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1345
(notifikata bid-dokument C(2020) 9228)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1862 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2018 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, li jemenda u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI, u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1986/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/261/UE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 42(5) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Is-sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (“SIS”) fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali fiha allerti dwar persuni u oġġetti mfittxija mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ sigurtà fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 20(3) tar-Regolament (UE) 2018/1862, il-kategoriji ta’ data li jistgħu jiddaħħlu f’allert dwar persuna fis-SIS jinkludu ritratti, immaġnijiet tal-wiċċ, profili tad-DNA u data dattiloskopika (din tal-aħħar tinkludi l-marki tas-swaba’ kif ukoll il-marki tal-pala tal-id). Skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament (UE) 2018/1862, jenħtieġ li tali data tiddaħħal fis-SIS, jekk tkun disponibbli. |
|
(3) |
L-Artikolu 42(1) u (3) tar-Regolament (UE) 2018/1862 jistipula li ritratti, immaġnijiet tal-wiċċ, profili tad-DNA u data dattiloskopika mdaħħla f’allert fis-SIS huma soġġetti għal verifika tal-kwalità sabiex jiġi żgurat li jissodisfaw l-istandards minimi tal-kwalità tad-data u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi. |
|
(4) |
Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti miżuri ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw l-istandards minimi tal-kwalità tad-data u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għad-dħul u l-ħżin ta’ tali data fis-SIS. |
|
(5) |
Skont l-Artikolu 43(3) tar-Regolament (UE) 2018/1862, it-tiftix ta’ data dattiloskopika maħżuna fis-SIS b’settijiet kompluti jew inkompluti ta’ marki tas-swaba’ jew marki tal-pala tal-id misjuba f’post ta’ reat serju jew tat-terroriżmu għandu jkun permess jekk ikun jista’ jiġi stabbilit bi grad għoli ta’ probabbiltà li jappartjenu għall-awtur ta’ reat serju jew att terroristiku, u dment li ssir tfittxija b’mod simultanju fil-bażijiet tad-data nazzjonali rilevanti tal-marki tas-swaba’ tal-Istati Membri. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 40 tar-Regolament (UE) 2018/1862, l-Istati Membri jistgħu jdaħħlu fis-SIS allerti dwar persuni mfittxija mhux magħrufa li jkun fihom biss data dattiloskopika skoperta f’post ta’ reat serju jew tat-terroriżmu. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari għall-istabbiliment ta’ standards tal-kwalità applikabbli għat-trażmissjoni ta’ tali data dattiloskopika lis-SIS. |
|
(6) |
Jenħtieġ li l-ispeċifikazzjonijiet jistabbilixxu biss il-livell tal-kwalità meħtieġ għad-dħul u l-ħżin tar-ritratti fis-SIS li għandhom jintużaw biex tiġi kkonfermata l-identità ta’ persuna f’konformità mal-Artikolu 43(1) ta’ dak ir-Regolament. Jenħtieġ li l-livell tal-kwalità meħtieġ biex jiddaħħlu u jinħażnu ritratti u immaġnijiet tal-wiċċ fis-SIS li għandhom jintużaw biex tiġi identifikata persuna skont l-Artikolu 43(4) jiġi stabbilit fi stadju aktar tard, meta jkunu ġew issodisfati l-kondizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Artikolu. Jenħtieġ li l-eu-LISA , f’konsultazzjoni mal-Grupp Konsultattiv tas-SIS II, tiżviluppa u tiddokumenta d-dettalji tekniċi tal-istandards u l-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni, fid-Dokument ta’ Kontroll tal-Interface tas-SIS u fl-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi Dettaljati. Jenħtieġ li l-Istati Membri, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (“Europol”), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (“ Eurojust”) u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta jiżviluppaw is-sistemi tagħhom f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti f’dawn id-dokumenti. |
|
(7) |
F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma ħaditx sehem fl-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1862 u mhijiex marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Madankollu, minħabba li r-Regolament (UE) 2018/1862 jimxi fuq il-passi tal-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, fis-26 ta’ April 2019 innotifikat id-deċiżjoni tagħha li timplimenta r-Regolament (UE) 2018/1862 fil-liġi nazzjonali tagħha. Għaldaqstant, id-Danimarka hija marbuta bid-dritt internazzjonali li timplimenta din id-Deċiżjoni. |
|
(8) |
L-Irlanda qed tieħu sehem f’din id-Deċiżjoni f’konformità mal-Artikolu 5(1) tal-Protokoll Nru 19 dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-TUE u mat-TFUE, u l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (2). |
|
(9) |
Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawk iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (3), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt (G), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (4). |
|
(10) |
Fir-rigward tal-Iżvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (5), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt G, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/149/ĠAI (6). |
|
(11) |
Fir-rigward tal-Liechtenstein, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (7), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt (G)tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/349/UE (8). |
|
(12) |
Fir-rigward tal-Bulgarija u r-Rumanija, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen jew li huwa b’xi mod ieħor relatat miegħu fis-sens tal-Artikolu 4(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2005, u jenħtieġ li jinqara flimkien mad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2010/365/UE (9) u (UE) 2018/934 (10). |
|
(13) |
Fir-rigward tal-Kroazja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen jew li huwa b’xi mod ieħor relatat miegħu fis-sens tal-Artikolu 4(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2011 u jenħtieġ li jinqara flimkien mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/733 (11). |
|
(14) |
Fir-rigward ta’ Ċipru, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen jew li b’xi mod ieħor huwa relatat miegħu fis-sens tal-Artikolu 3(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003. |
|
(15) |
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) u ta l-opinjoni tiegħu fis-26 ta’ Awwissu 2020. |
|
(16) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Pulizija SIS-SIRENE, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-dħul u l-ħżin ta’ ritratti, profili tad-DNA u data dattiloskopika fis-SIS kif imsemmi fl-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2018/1862, għandhom ikunu konformi mal-istandards minimi tal-kwalità tad-data u mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1345 (13) hija b’dan imħassra.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri, lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi, lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali, u lill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Jannar 2021.
Għall-Kummissjoni
Ylva JOHANSSON
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 312, 7.12.2018, p. 56.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).
(3) ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).
(5) ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.
(6) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/149/ĠAI tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f'isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 50).
(7) ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.
(8) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/349/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat b’mod partikolari mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u l-kooperazzjoni tal-pulizija (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 1).
(9) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/365/UE tad-29 ta’ Ġunju 2010 dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen relatati mas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen fir-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija (ĠU L 166, 1.7.2010, p. 17).
(10) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/934 tal-25 ta’ Ġunju 2018 dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li fadal tal-acquis ta’ Schengen marbuta mas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen fir-Repubblika tal-Bulgarija u fir-Rumanija (ĠU L 165, 2.7.2018, p. 37).
(11) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/733 tal-25 ta’ April 2017 dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen relatati mas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen fir-Repubblika tal-Kroazja, (ĠU L 108, 26.4.2017, p. 31).
(12) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
(13) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1345 tal-4 ta’ Awwissu 2016 dwar standards minimi tal-kwalità tad-data għal rekords ta’marki tas-swaba’ tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (ĠU L 213, 6.8.2016, p. 15).
ANNESS
Standards minimi tal-kwalità tad-data u speċifikazzjonijiet tekniċi għall-użu ta’ ritratti, profili tad-DNA u data dattiloskopika fis-SIS.
1. Data dattiloskopika
1.1. Kategoriji ta’ data dattiloskopika użati fis-SIS
Il-kategoriji li ġejjin ta’ data dattiloskopika jistgħu jintużaw fis-SIS:
|
(a) |
marki tas-swaba’ ċatti, inklużi slaps tal-ibhma ċatti u slaps ta’ erbat iswaba’ ċatti; |
|
(b) |
marka tas-swaba’ rrolljati; |
|
(c) |
marki tal-pala tal-id; |
|
(d) |
traċċi tas-swaba’: sett komplut jew inkomplut ta’ marki tas-swaba’ ta’ oriġini mhux magħrufa skoperti fuq il-post ta’ reati terroristiċi jew reati serji oħra li qed jiġu investigati; |
|
(e) |
traċċi tal-pala tal-id: sett komplut jew inkomplut ta’ marki tal-pala tal-id ta’ oriġini mhux magħrufa skoperti fuq il-post ta’ reati terroristiċi jew reati serji oħra li qed jiġu investigati. |
1.2. Formati ta’ data dattiloskopika permessi
L-Istati Membri jistgħu jittrażmettu lis-SIS Ċentrali:
|
(a) |
data miġbura bl-użu ta’ apparati live-scan fil-livell nazzjonali li huma kapaċi jaqbdu u jissegmentaw sa għaxar marki tas-swaba’ individwali; irrolljati, ċatti, jew it-tnejn li huma; |
|
(b) |
marki tas-swaba’ u marki tal-pala tal-id “bil-linka”; irrolljati, ċatti jew it-tnejn li huma, li mbagħad jiġu skennjati diġitalment bil-kwalità u r-riżoluzzjoni rilevanti. |
Is-Sistema Awtomatizzata għall-Identifikazzjoni tal-Marki tas-Swaba’ tas-SIS Ċentrali (CS-SIS AFIS), kif definita fl-Artikolu 43(2) tar-Regolament (UE) 2018/1862, trid tkun kompatibbli u interoperabbli mal-formati tad-data dattiloskopika msemmija fil-punti (a) u (b).
1.3. Standards minimi tal-kwalità tad-data u speċifikazzjonijiet tekniċi
1.3.1. Format tal-fajl u tal-kompressjoni (“kontenitur dattiloskopiku”)
Il-format tal-input għat-trażmissjoni ta’ data dattiloskopika (“kontenitur dattiloskopiku”) lis-SIS irid ikun konformi mal-istandard tas-SIS NIST ibbażat fuq il-format binarju ANSI/NIST (1).
Se jiġi stabbilit “ċekkjatur tas-SIS NIST” fil-livell tal-funzjoni ta’ appoġġ tekniku tas-SIS Ċentrali (CS-SIS) biex jivverifika l-konformità tal-kontenitur dattiloskopiku trażmess mal-istandard definit tas-SIS NIST.
Il-kontenituri dattiloskopiċi li ma jikkonformawx mal-istandard definit tas-SIS NIST jiġu rrifjutati mis-CS-SIS AFIS u ma jinħażnux fis-SIS Ċentrali. Jekk fajl mhux konformi jiġi rifjutat mis-CS-SIS AFIS, is-CS-SIS tibgħat messaġġ ta’ errur lill-Istat Membru li jkun ittrażmetta d-data.
1.3.2. Il-format u r-riżoluzzjoni tal-immaġni
L-immaġnijiet tal-marki tas-swaba’ u tal-marki tal-pala tal-id imsemmija fil-punti (a), (b) u (c) tat-Taqsima 1.1, iridu jkunu ta’ riżoluzzjoni nominali ta’ 1 000 ppi jew ta’ 500 ppi b’256 livell ta’ griż sabiex jiġu pproċessati mis-CS-SIS. L-immaġnijiet b’500 ppi jridu jiddaħħlu billi jintuża l-format WSQ filwaqt li l-immaġnijiet b’1 000 ppi jridu jkunu fil-format JPEG2000 (JP2).
L-immaġnijiet tat-traċċi tas-swaba’ u tat-traċċi tal-pala tal-id imsemmija fil-punti (d) u (e) tat-Taqsima 1.1, iridu jkunu ta’ riżoluzzjoni ta’ 500 jew 1 000 ppi sabiex jiġu pproċessati mis-CS-SIS. L-immaġnijiet b’500 ppi jridu jiddaħħlu billi jintuża l-format WSQ filwaqt li l-immaġnijiet b’1 000 ppi jridu jkunu fil-format JPEG2000 (JP2). Trid tintuża kompressjoni JPEG lossless għall-immaġnijiet fiż-żewġ riżoluzzjonijiet.
1.3.3. Limiti minimi tal-kwalità għall-ħżin u l-użu ta’ immaġnijiet tal-marki tas-swaba’ u tal-marki tal-pala tal-id fis-CS-SIS AFIS.
L-immaġnijiet dattiloskopiċi jridu jikkonformaw mal-limiti minimi tal-kwalità stabbiliti fid-Dokument ta’ Kontroll tal-Interface tas-SIS u l-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi Dettaljati sabiex jinħażnu u jintużaw fis-CS-SIS AFIS.
Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jivverifikaw il-konformità mal-limiti minimi tal-kwalità tal-immaġnijiet dattiloskopiċi qabel ma jittrażmettuhom lis-CS-SIS.
Il-kontenituri dattiloskopiċi konformi li jkun fihom immaġnijiet dattiloskopiċi tal-marki tas-swaba’ jew il-marki tal-pala tal-id taħt il-limiti minimi tal-kwalità mhux se jinħażnu fis-CS-SIS AFIS u mhux se jintużaw għal tfittxijiet bijometriċi. Il-kontenituri dattiloskopiċi li jkun fihom immaġnijiet dattiloskopiċi rrifjutati mis-CS-SIS AFIS jistgħu jintużaw biss biex jikkonfermaw l-identità ta’ persuna f’konformità mal-Artikolu 43(1) tar-Regolament (UE) 2018/1862. Is-CS-SIS tibgħat messaġġ ta’ errur lill-Istat Membru li jkun ittrażmetta d-data kull meta fajl ikun ġie rrifjutat mis-CS-SIS AFIS minħabba l-kwalità baxxa tal-immaġnijiet.
1.3.4. Limiti minimi tal-kwalità għall-ħżin u l-użu ta’ immaġnijiet tat-traċċi tas-swaba’ u tat-traċċi tal-pala tal-id fis-CS-SIS AFIS.
L-immaġnijiet dattiloskopiċi ta’ traċċi tas-swaba’ u ta’ traċċi tal-pala tal-id iridu jikkonformaw mal-limiti minimi tal-kwalità stabbiliti fid-Dokument ta’ Kontroll tal-Interface tas-SIS u l-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi Dettaljati sabiex jinħażnu u jintużaw fis-CS-SIS AFIS.
Il-kontenituri dattiloskopiċi konformi li jkun fihom immaġnijiet dattiloskopiċi ta’ traċċi tas-swaba’ jew ta’ traċċi ‘tal-pala tal-id taħt il-limiti minimi tal-kwalità mhux se jinħażnu fis-CS-SIS AFIS. Is-CS-SIS se tibgħat messaġġ ta’ errur lill-Istat Membru li jkun ittrażmetta d-data meta fajl ikun ġie rrifjutat mis-CS-SIS AFIS minħabba l-kwalità baxxa tal-immaġnijiet.
1.4. Tfittxijiet bijometriċi
Is-CS-SIS AFIS tipprovdi funzjonalità ta’ tiftix bijometriku għat-tipi kollha ta’ immaġnijiet dattiloskopiċi li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-kwalità stabbiliti skont il-punti 1.3.3 u 1.3.4.
Ir-rekwiżiti tal-prestazzjoni u l-preċiżjoni bijometrika għall-kategoriji differenti ta’ tfittxijiet bijometriċi fis-CS-SIS AFIS huma stabbiliti fid-Dokument ta’ Kontroll tal-Interface tas-SIS u fl-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi Dettaljati.
2. Ritratti
Trid tintuża riżoluzzjoni minima ta’ 480 × 600 pixels b’colour depth ta’ 24 bits meta jiddaħħlu r-ritratti fis-SIS.
3. Profili tad-DNA
It-tip ta’ fajl użat biex jiddeskrivi l-profil tad-DNA jrid isegwi l-Extensible Markup Language (XML). L-istruttura tal-fajl trid issegwi l-istandard tal-Combined DNA Index System (CODIS) (2) biex tiddeskrivi l-profil tad-DNA li għandu jinħażen fis-SIS.
(1) American National Standard for Information Systems/National Institute of Standards and Technology.
(2) https://www.fbi.gov/services/laboratory/biometric-analysis/codis