Official Journal L 327 , 21/12/1999 P. 0005 - 0006
Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2701/1999 ta’ l-14 ta’ Diċembru 1999 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2201/96 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-frott ipproċessat u l-prodotti tal-ħaxix IL-KUNSILL TAL-KOMUNITÀ EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni, Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Soċjali u Ekonomiku [2], Billi: (1) L-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 2201/96 [3] jistipula li l-kwota stabbilita sabiex tingħata għajnuna għall-produzzjoni ta’ prodotti proċessati mit-tadam, għandha titqassam kull sena bejn l-Istati Membri; għas-sena tal-marketing 1999/2000 dan it-tqassim għandu jkun ikkalkolat fuq il-bażi tal-kwanitatijiet medji prodotti skond il-prezzijiet minimi matul is-sena 1997/1998 u s-sena 1998/1999; mis-sena 2000/2001 ‘il-quddiem għandha tkun ibbażata fuq il-kwantitajiet medji prodotti matul it-tlett snin tal-marketing li jiġu qabel is-sena tal-marketing li għaliha ssir l-allokazzjoni; (2) Fil-Portugall is-sena tal-marketing 1997/1998 kienet ikkaratterizzata minn kondizzjonijiet tat-temp estremament żvantaġġjużi li wasslu għal tnaqqis kbir fil-produzzjoni; l-allokazzjoni ta’ kwoti fuq il-bażi ta’ din il-produzzjoni baxxa fil-Portugall ma tieħux in konsiderazzjoni tal-produzzjoni potenzjali f’dan l-Istat Membru taħt kondizzjonijiet normali tat-temp; (3) Bħala eċċezzjoni, għaż-żewġ snin tal-marketing milquta mit-tnaqqis mhux tas-soltu fil-produzzjoni tat-tadam għall-ipproċessar - is-sena 1999/2000 u s-sena 2000/2001 - biss, il-Portugall għandu jingħata kwota addizzjonali għall-produzzjoni ta’ konċentrat tat-tadam biex tagħmel tajjeb għat-tnaqqis tal-kwota minħabba l-kondizzjonijiet mhux normali fis-sena 1997/1998 mingħajr ma tolqot ħażin lill-produtturi fl-Istati Membri l-oħra; din il-kwantità addizzjonali għandha tkun stabbilita bħala 83468 tunellata għas-sena 1999/2000 u kkalkolata, għas-sena 2000/2001, billi tibdel il-kwantità verament maħduma matul is-sena tal-marketing 1997/1998 bil-kwantità ta’ 884592 tunellata oriġinalment allokata lill-Portugall; (4) Dan ir-Regolament jikkonċerna s-sena tal-marketing 1999/200; din is-sena tal-marketing bdiet fil-15 ta’ Ġunju 1999; dan ir-Regolament japplika minn dik id-data, ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 Il-paragrafu li ġej huwa miżjud fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 2201/96: "3a. Minkejja l-paragrafu 3, kwantità addizzjonali ta’ tadam frisk maħsub għall-produzzjoni ta’ konċentrat ta’ tadam għandha tkun allokata lill-Portugall fis-snin 1999/2000 u 2000/2001. Din il-kwantità għandha tkun: - 83468 tunellata metrika għas-sena 1999/2000, u - għas-sena 2000/2001, id-differenza bejn il-kwantità kkalkolata skond il-paragrafu 3 u dik ikkalkolata billi tiġi sostitwita l-kwantità ta’ tadam frisk użat fil-Portugall għall-produzzjoni ta’ konċentrat fis-sena tal-marketing 1997/1998 b’884592 il-tunnellata metrika. Il-volum ta’ tadam frisk imsemmi fil-paragrafu 1 u l-kwantità ta’ tadam frisk għall-produzzjoni ta’ konċentrat imsemmi fl-ewwel inċiż tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 għandu jiżdied, għal dawn is-sentejn tal-marketing, bi kwantità addizzjonali allokata lill-Portugall." Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Għandu japplika mill-15 ta’ Ġunju 1995. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel, fis-7 ta’ Diċembru 1989. Għall-Kunsill Il-President K. Hemilä [1] Opinjoni mogħtija fit-2 ta’ Diċembru 1989 (sa issa mhux ippubblikata fl-Ġurnal Uffiċjali). [2] Opinjoni mogħtija fl-20 t’ Ottubru 1989 (sa issa mhux ippubblikata fl-Ġurnal Uffiċjali). [3] ĠU L 297, tat-13.2.1988, p. 29. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2199/97 (ĠU L 303, tas-6.11.1997, p.1). --------------------------------------------------