Brussell, 23.6.2020

COM(2020) 255 final

2020/0123(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li jeħtieġ tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kollegament tal-iskemi għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom fir-rigward tal-adozzjoni tal-Proċeduri Operazzjonali Komuni

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li jeħtieġ tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kollegament tal-iskemi għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ deċiżjoni dwar l-adozzjoni tal-Proċeduri Operazzjonali Komuni.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kollegament tal-iskemi għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom

L-għan tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kollegament tal-iskemi għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom (“il-Ftehim”) huwa li jikkollega l-iskema tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet (EU ETS) ma’ dik Żvizzera billi jippermetti li l-kwoti f’skema waħda jkunu jistgħu jiġu nnegozjati u jintużaw għall-finijiet ta’ konformità fl-oħra, u b’hekk jiġu estiżi l-opportunitajiet għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2020.

2.2.Kumitat Konġunt

Il-Kumitat Konġunt stabbilit bl-Artikolu 12 tal-Ftehim għandu r-responsabbiltà li jamministra l-Ftehim u li jiżgura l-implimentazzjoni tiegħu. Jista’ wkoll jiddeċiedi li jadotta annessi ġodda tal-Ftehim, jew li jemenda dawk eżistenti. Jista’ jiddiskuti wkoll l-emendi tal-Artikoli tal-Ftehim, jiffaċilita l-iskambju tal-ideat dwar il-leġiżlazzjoni tal-Partijiet u jmexxi r-reviżjonijiet tal-Ftehim.

Il-Kumitat Konġunt huwa korp bilaterali magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet (l-UE u l-Iżvizzera). Għandu jkun hemm il-qbil taż-żewġ Partijiet dwar id-deċiżjonijiet li jittieħdu mill-Kumitat Konġunt.

Skont l-Artikolu 3(6) tal-Ftehim, l-amministratur tar-reġistru Żvizzeru u l-amministratur ċentrali tal-Unjoni għandhom jiddeterminaw il-proċeduri operazzjonali komuni (COP) relatati ma’ kwistjonijiet tekniċi jew oħrajn meħtieġa għall-operat tal-kollegament bejn ir-Reġistru tat-Tranżazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (UETL) tar-Reġistru tal-Unjoni u r-Reġistru Supplimentari tat-Tranżazzjonijiet Żvizzeru (SSTL) u b’kunsiderazzjoni tal-prijoritajiet tal-leġiżlazzjoni domestika. Il-COP se jidħlu fis-seħħ meta jiġu adottati bid-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt.

2.3.Att previst tal-Kumitat Konġunt

Waqt it-tielet laqgħa tiegħu, li se ssir fl-2020, il-Kumitat Konġunt jeħtieġ jadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 3(6) tal-Ftehim dwar l-adozzjoni tal-Proċeduri Operazzjonali Komuni (“l-att previst”).

L-għan tal-att previst huwa li jiġu ddeterminati l-proċeduri operazzjonali li jeħtieġ jiġu applikati miż-żewġ naħat u li huma relatati ma’ kwistjonijiet tekniċi jew oħrajn meħtieġa għall-operat tal-kollegament bejn l-UETL u l-SSTL, u b’kunsiderazzjoni tal-prijoritajiet tal-leġiżlazzjoni domestika. Għal dan l-għan, jiddeskrivi r-rekwiżiti proċedurali f’termini ta’ operat. Bl-għan li jitnaqqas ir-riskju ta’ frodi, użu ħażin jew attivitajiet kriminali li jinvolvu r-reġistri u bl-għan li tiġi protetta l-integrità tal-kollegament, jenħtieġ li d-dettalji tal-proċeduri meħtieġa kif ukoll il-kunsiderazzjonijiet u l-ftehimiet sottostanti tagħhom jiġu trattati b’mod kunfidenzjali. Għaldaqstant, l-att previst jindirizza l-elementi meħtieġa f’livell pjuttost għoli mingħajr ma jinkixfu l-proċeduri u l-informazzjoni relatati mas-sigurtà u s-sikurezza tal-kollegament. Dawk jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’linji gwida tekniċi ulterjuri li jeħtieġ jiġu żviluppati minn grupp ta’ ħidma f’konformità mal-Artikolu 12(5) tal-Ftehim. Il-grupp ta’ ħidma jenħtieġ li tal-anqas jinkludi l-amministratur tar-reġistru Żvizzeru u l-amministratur ċentrali tal-Unjoni, u t-tnejn li huma jenħtieġ li jiżguraw l-operat kontinwu, effettiv u effiċjenti tal-kollegament kif ukoll l-adattament tiegħu għall-progress tekniku u r-rekwiżiti l-ġodda relatati mas-sikurezza u s-sigurtà tal-kollegament. Minħabba n-natura kemm teknika kif ukoll dik sensittiva ta’ dawn il-linji gwida u l-ħtieġa li dawn jiġu adattati biex jinżamm livell xieraq ta’ sikurezza u sigurtà tal-kollegament, ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt jenħtieġ li jiġu informati u meta xieraq, ikunu kapaċi li jaqblu dwar dawn il-linji gwida mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

L-att previst se jsir vinkolanti għall-partijiet f’konformità mal-Artikolu 3(6) tal-Ftehim, li jeħtieġ li s-COP jidħlu fis-seħħ meta jiġu adottati bid-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt. F’konformità mal-Artikolu 12(3) tal-Ftehim, id-deċiżjonijiet meħuda mill-Kumitat Konġunt fil-każijiet previsti f’dan il-Ftehim se jkunu vinkolanti għall-Partijiet hekk kif jidħlu fis-seħħ.

3.Pożizzjoni li jeħtieġ tittieħed f’isem l-Unjoni

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill ibbażata fuq din il-proposta tal-Kummissjoni, tiddetermina l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt li jeħtieġ tittieħed dwar l-adozzjoni tal-Proċeduri Operazzjonali Komuni (COP) għall-operat tal-kollegament bejn l-UETL u l-SSTL.

L-Artikolu 3(6) tal-Ftehim dwar il-Kollegament jeħtieġ l-iżvilupp ta’ Proċeduri Operazzjonali Komuni li jidħlu fis-seħħ wara l-adozzjoni tagħhom mill-Kumitat Konġunt. Is-COP jiddeterminaw il-proċeduri operazzjonali li ż-żewġ naħat jeħtieġ jikkonformaw magħhom sabiex il-kollegament bejn l-UETL u l-SSTL isir operazzjonali. Għal din ir-raġuni, huma meħtieġa biex jaħdem il-kollegament.

F’konformità mad-Deċiżjoni Nru 2/2019 tal-Kumitat Konġunt 1 tal-5 ta’ Diċembru 2019 2 , is-COP huma relatati ma’ soluzzjoni proviżorja għall-operazzjonalizzazzjoni tal-kollegament bejn l-EU ETS u l-ETS tal-Iżvizzera. Is-soluzzjoni proviżorja jenħtieġ li tkun disponibbli minn Mejju 2020 jew malajr kemm jista’ jkun wara.

L-iżvilupp ta’ suq internazzjonali tal-karbonju li jiffunzjona tajjeb permezz ta’ kollegament minn isfel għal fuq tal-iskemi għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet huwa għan fit-tul tal-politika tal-UE u tal-komunità internazzjonali, b’mod partikolari bħala mezz biex jintlaħqu l-objettivi dwar il-klima tal-Ftehim ta’ Pariġi. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 25 tad-Direttiva li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (EU ETS) jipprevedi li l-EU ETS tiġi kkollegata ma’ skemi oħrajn għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet diment li dawn ikunu obbligatorji, ikollhom limitu assolut tal-emissjonijiet, u jkunu kompatibbli, kif inhu l-każ tal-iskema Żvizzera. Wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim fl-1 ta’ Jannar 2020, is-COP li jidħlu fis-seħħ jirrappreżentaw pass importanti lejn l-implimentazzjoni tal-Ftehim.

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f' sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw is-sede kkonċernata. Jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni” 3 .

4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

Il-Kumitat Konġunt huwa korp stabbilit skont l-Artikolu 12 tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kollegament tal-iskemi għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom.

L-att li l-Kumitat Konġunt huwa mitlub jadotta jikkostitwixxi att b’effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 12(3) tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kollegament tal-iskemi għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom.

L-att previst ma jissupplimentax jew ma jemendax il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hi l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament fuq l-objettiv u fuq il-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew ikollu żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew minn dawk il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement wieħed inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-objettiv u l-kontenut ewlenin tal-att previst huma marbuta mal-ambjent.

Għaldaqstant, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hi l-Artikolu 192(1) tat-TFUE.

4.3.Konklużjoni

Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 192(1) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

2020/0123 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li jeħtieġ tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kollegament tal-iskemi għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom fir-rigward tal-adozzjoni tal-Proċeduri Operazzjonali Komuni

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kollegament tal-iskemi għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom 4 (il-“Ftehim”) ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/219 5 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2020.

(2)Skont l-Artikolu 3(6) tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt jista’ jadotta deċiżjoni dwar il-Proċeduri Operazzjonali Komuni (COP) żviluppati mill-amministratur tar-reġistru Żvizzeru u mill-amministratur ċentrali tal-Unjoni li huma relatati ma’ kwistjonijiet tekniċi jew oħrajn meħtieġa għall-operat tal-kollegament, b’kunsiderazzjoni tal-prijoritajiet tal-leġiżlazzjoni domestika. Wara, is-COP jidħlu fis-seħħ meta jiġu adottati bid-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt.

(3)Waqt it-tielet laqgħa tiegħu li se ssir fl-2020, il-Kumitat Konġunt jeħtieġ jadotta l-Proċeduri Operazzjonali Komuni żviluppati.

(4)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li jeħtieġ tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt, peress li s-COP se jkunu vinkolanti fuq l-Unjoni.

(5)L-adozzjoni tas-COP tirrappreżenta element importanti relatat mal-implimentazzjoni tal-Ftehim, minħabba li tiddetermina l-proċeduri operazzjonali biex jaħdem il-kollegament u li ż-żewġ naħat għandhom isegwu.

(6)F’konformità mal-Artikolu 13(1) tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt jista’ jaqbel ma’ linji gwida tekniċi biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa tal-Ftehim inkluż kwistjonijiet tekniċi u oħrajn meħtieġa għall-operat tal-kollegament u b’kunsiderazzjoni tal-prijoritajiet tal-leġiżlazzjoni domestika. Il-linji gwida tekniċi jenħtieġ li jiġu żviluppati minn grupp ta’ ħidma stabbilit skont l-Artikolu 12(5) tal-Ftehim. Il-grupp ta’ ħidma jenħtieġ li tal-anqas jinkludi l-amministratur tar-Reġistru Żvizzeru u l-amministratur ċentrali tar-Reġistru tal-Unjoni u jenħtieġ li jassisti ulterjorment lill-Kumitat Konġunt fil-funzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 13 tal-Ftehim,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li jeħtieġ tittieħed f’isem l-Unjoni fit-tielet laqgħa tal-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kollegament tal-iskemi għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom fir-rigward tal-adozzjoni tal-Proċeduri Operazzjonali Komuni, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tal-att tal-Kumitat Konġunt mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt jistgħu jaqblu ma’ tibdiliet minuri fl-abbozz tad-Deċiżjoni mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 2

Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt jistgħu jaqblu ma’ linji gwida tekniċi biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa tal-Ftehim inkluż kwistjonijiet tekniċi u oħrajn meħtieġa għall-operat tal-kollegament u b’kunsiderazzjoni tal-prijoritajiet tal-leġiżlazzjoni domestika. Għal dan l-għan, għandu jiġi stabbilit grupp ta’ ħidma skont l-Artikolu 12(5) tal-Ftehim li għandu jassisti lill-Kumitat Konġunt fil-funzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 13 u b’mod partikolari l-Artikolu 13(1) tal-Ftehim.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Il-pożizzjoni li jeħtieġ tittieħed f’isem l-UE ġiet iddeterminata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/2106 tal-21 ta’ Novembru 2019 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed, f’isem l-Unjoni Ewropea, fi ħdan il-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kollegament tal-iskemi għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom, fir-rigward tal-emendar tal-Annessi I u II għall-Ftehim (ĠU L 318 ta’ 10.12.2019, p. 96).
(2)    Disponibbli fuq https://ec.europa.eu/clima/sites/clima/files/ets/markets/docs/decision_201902_swiss_ets_linking.pdf  
(3)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, C-399/12, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi 61 sa 64.
(4)    ĠU L 322, 7.12.2017, p. 3.
(5)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/219 tat-23 ta’ Jannar 2018 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kollegament tal-iskemi għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom (ĠU L 43, 16.2.2018, p. 1).