KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill wara l-ewwel qari bil-għan li tiġi adottata Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti minimi għat-tisħiħ tal-mobbiltà tal-ħaddiema billi jitjieb il-mod kif jinkisbu u kif jiġu ppreservati d-drittijiet tal-pensjoni supplimentari 2005/0214 (COD) /* COM/2014/098 final - 2005/0214 (COD) */
2005/0214 (COD) KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
LILL-PARLAMENT EWROPEW
skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill wara l-ewwel
qari
bil-għan li tiġi adottata Direttiva tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti minimi għat-tisħiħ
tal-mobbiltà tal-ħaddiema billi jitjieb il-mod kif jinkisbu u kif
jiġu ppreservati d-drittijiet tal-pensjoni supplimentari
2005/0214 (COD) 1. Sfond Data tat-trażmissjoni tal-proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (id-dokument COM(2005) 507 final – 2005/0214 COD): || 20/10/2005. Data tal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: (CESE 589/2006 fin) || 20/04/2006. Data tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, l-ewwel qari: (ir-Rapport, OOMEN-RUIJTEN – 52007AP0269) || 20/06/2007. Data tat-trażmissjoni tal-proposta emendata (id-dokument COM(2007) 603 final – COD mhux mibdul): || 09/10/2007. Data tal-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill: || 17/02/2014. 2. L-għan tal-proposta
mill-Kummissjoni Fid-dawl tat-tixjiħ demografiku u
l-ħtieġa li tkun ippreservata s-sostenibbiltà tal-finanzi
pubbliċi, huwa mistenni li l-iskemi tal-pensjoni okkupazzjonali se
jkollhom rwol ikbar fl-iżgurar ta' introjtu adegwat wara l-irtirar. Għaldaqstant huwa essenzjali li jiġi
żgurat li r-regoli dwar l-operat ta’ dawn l-iskemi ma jxekklux il-moviment
liberu tal-ħaddiema bejn l-Istati Membri jew il-mobbiltà fl-Istati Membri,
b’mod li jitnaqqsu l-opportunitajiet għall-ħaddiema li
jiċċaqilqu minn pajjiż għall-ieħor biex dawn jakkumulaw
u jippreservaw biżżejjed drittijiet għall-pensjoni sa tmiem
il-karriera tagħhom. Jekk dan ma jintlaħaqx, tonqos ukoll
il-flessibbiltà u l-effettività tas-suq tax-xogħol. Anke jekk hemm
ħafna fatturi oħra li jistgħu jiddeterminaw l-għażla
ta’ individwu biex ikun aktar mobbli, il-possibbiltà li persuna titlef
id-drittijiet għall-pensjoni supplimentari tista’ tħalli impatt fuq
id-deċiżjonijiet ta' individwu meta jiġi biex jibdel l-impjieg. 3. Kummenti dwar
il-pożizzjoni tal-Kunsill Il-pożizzjoni tal-Kunsill hija differenti
mill-proposta tal-Kummissjoni f’żewġ aspetti ewlenin. Wieħed
jikkonċerna l-kamp tal-applikazzjoni tad-direttiva li l-Kunsill jixtieq li
jitnaqqas għall-mobbiltà transfruntiera. Il-Kummissjoni kienet ipproponiet
li l-ħaddiema kollha li jibdlu l-impjieg għandhom jibbenefikaw
mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, kemm jekk jibdlu xogħolhom
fil-pajjiż kif ukoll bejn il-fruntieri. Dan kien prinċipalment
għal raġunijiet prattiċi, peress li ma kienx ċar kif,
fil-prattika, l-iskemi jistgħu japplikaw regoli differenti għal
persuni li jkunu qed jibdlu l-impjieg bejn il-fruntieri u dawk li jibqgħu
fl-istess pajjiż. Il-Kunsill argumenta li l-Artikolu 46 tat-TFUE ma
setax jintuża bħala bażi legali għall-protezzjoni ta' nies
li jimxu għal impjieg differenti fl-istess pajjiż, u żviluppa
mod li bis-saħħa tiegħu l-mobbiltà transfruntiera tkun
differenzjata mill-mobbiltà interna, b'din tal-aħħar tibqa’
r-responsabbiltà tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni tista’ taċċetta
din il-pożizzjoni, iżda tistieden lill-Istati Membri japplikaw
l-istandards tad-Direttiva wkoll għal ħaddiema li jkunu qed ibiddlu
l-impjieg fil-pajjiż. Il-parti l-kbira tal-Istati Membri diġà
ddikjaraw l-intenzjoni tagħhom li japplikaw id-Direttiva b’mod uniformi
għal dawk kollha li jibdlu l-impjieg. It-tieni bidla kbira fil-konfront tal-proposta
tal-Kummissjoni tikkonċerna l-kundizzjonijiet għall-ksib
tad-drittijiet ta' pensjoni okkupazzjonali. Il-Kummissjoni kienet ipproponiet
li l-ksib tad-drittijiet tal-pensjoni okkupazzjonali ma jistax ikun
suġġett għal perjodu ta’ stennija (qabel ma ħaddiem ikun
ammess fl-iskema tal-pensjoni) ta’ aktar minn sena, u l-perjodi ta’ vestiment
(it-tul ta’ żmien tal-iskema ta' sħubija li warajh id-drittijiet ma
jistgħux jintilfu minħabba t-terminazzjoni bikrija tar-relazzjoni
tal-impjieg) ukoll ma għandhomx ikunu itwal minn sena. Il-Kunsill ħa
l-pożizzjoni li l-perjodi ta’ stennija u l-perjodi ta’ vestiment flimkien
ma għandhomx ikunu itwal minn tliet snin. Fl-istess ħin, il-Kunsill
għażel regola aktar favorevoli dwar l-għoli massimu tal-età minima
eliġibbli biex jinkiseb id-dritt għall-pensjoni ta' vestiment.
Minflok 25 sena, l-età minima ma għandhiex taqbeż
il-21 sena. Filwaqt li l-pożizzjoni tal-Kunsill ma tissodisfax
il-proposta tal-Kummissjoni dwar it-tul totali tal-perjodi ta’ stennija u ta’
vestiment, hija tirrappreżenta titjib fir-rigward tal-età minima.
Għalhekk, il-Kummissjoni tista' taċċetta l-pożizzjoni
tal-Kunsill. 4. Konklużjoni Il-Kummissjoni għaldaqstant tqis li
tista’ tapprova l-pożizzjoni tal-Kunsill sabiex il-Parlament Ewropew
jadotta t-test finali fit-tieni qari qabel tmiem il-leġiżlatura
fis-seħħ.