Official Journal L 326 , 18/12/1999 P. 0003 - 0005
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2674/1999 tat-13 ta’ Diċembru 1999 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1911/91 dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Komunità għall-Gżejjer Kanarji IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidra l-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ Spanja u l-Portugall, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu ta’ Artikolu 25(4) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni, Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2], Billi: (1) Bis-saħħa ta’ Artikolu 25 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-1985, it-Trattati u l-atti ta’ l-Istituzzjonijiet tal-Komunitajiet japplikaw għall-Gżejjer Kanarji, soġġetti għad-derogi stabbiliti f’dak l-Artikolu u fil-Protokoll ta’ dak l-Att; (2) Minħabba s-sitwazzjoni ġejografika tagħhom, il-Gżejjer Kanarji jħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet speċjali minħabba, b’mod partikolari, l-pożizzjoni remota tagħhom, l-istatus tagħhom ta’ gżira, it-terren vulkaniku tagħhom li mhuwiex addattat għall-iżvilupp tal-produzzjoni agrikola u industrijali u n-nuqqas ta’ riżorsi naturali; il-Kunsill adotta numru ta’ miżuri sabiex jintegraw il-Gżejjer Kanarji b’mod aktar sħiħ, b’mod partikolari, fil-Komunità u fl-unjoni doganali; (3) F’dan il-kuntest, arranġamenti ta’ tassazzjoni indiretta eżistenti maħsubin sabiex b’mod partikolari jikkumpensaw għall-istatus ta’ gżira tar-reġjun u l-iżolament ġeografiku ħtieġu riforma u modernizzazzjoni gradwali bi qbil mal-leġislazzjoni tal-Komunità; għal dak il-għan u fost miżuri oħra adottati, ir-Regolament (KEE) Nru 1911/91 [3] ippermetta taxxa ġdida fuq il-produzzjoni u fuq l-importazzjonijiet (l-"arbitrio sobre la producción y sobre las importaciones" (APIM)) sabiex jiġu applikata fil-Gżejjer Kanarji sal-31 ta’ Diċembru 2000; (4) Din it-taxxa temporanja hija maħsuba sabiex tippermetti l-produzzjoni lokali taġġusta għall-ħtiġiet tas-suq waħdieni permezz ta’ sistema ta’ eżenzjonijiet; ċerti eżenzjonijiet totali jew parzjali mit-taxxa huma mogħtija bix-xieraq fir-rigward ta’ merkanzija fabbrikata lokalment, skond il-ħtiġiet ekonomiċi u fuq il-kondizzjoni li eżenzjonijiet bħal dawn jikkontribwixxu għall-promozzjoni ta’ attivitajiet lokali mingħajr ma jkunx hemm ir-riskju li jaffettwaw il-kondizzjonijiet kummerċjali sa punt li jmur kontra l-interess komuni; (5) Bi qbil ma’ Artikolu 5(6) tar-Regolament (KEE) Nru 1911/91, il-Kummissjoni eżaminat l-impatt tal-miżuri meħudin fil-kuntest ta’ l-APIM dwar l-ekonomija tal-Gżejjer Kanarji u l-prospetti għall-integrazzjoni tar-reġjun fit-territorju doganali tal-Komunità; dik l-eżaminazzjoni sabet li l-impatt talli jiġi eliminat l-APIM huwa pożittiv ħafna fir-rigward ta’ prezzijiet u negattiv f’dak li għandu x’jaqsam mal-forniment u ma’ l-impjiegi; (6) Madankollu, l-impatt negattiv fuq il-forniment u l-impjiegi ivarja ħafna skond is-settur konċernat; għalkemm iż-żmien li għadda ppermetta lil bosta mis-setturi sabiex jaġġustaw, dan mhuwiex il-każ għal ċerti prodotti f’setturi sensittivi; il-Kummissjoni, fuq talba ta’ l-awtoritajiet Spanjoli, studjat l-aktar setturi vulnerabbli u identifikat il-prodotti sensittivi, u kkonkludiet li vulnerabilità bħal din tista’, f’ċerti każijiet, twassal għal għajbien virtwali tas-settur konċernat; (7) Wara konsultazzjoni ma’ l-awtoritajiet Spanjoli, sar jidher ċar li t-tneħħija tat-taxxa b’mod gradwali għandha tiġi sospiża sat-30 ta’ Ġunju 2000 fil-każ ta’ ċerti prodotti sensittivi, sabiex jiġi ffaċilitat l-aġġustament tagħhom għall-kondizzjonijiet tas-suq qabel l-għajbien tat-taxxa; din is-sospensjoni ma tinvolvix l-għanijiet li tiġi introdotta t-Tariffa Doganali Komuni u li telimina l-APIM, iżda hija llimitata biss sabiex ittaffi l-effetti ta’ l-aġġustamenti ekonomiċi li huma meħtieġa sabiex iwasslu għat-tneħħija għal kollox tat-taxxa; (8) Ir-Regolament (KEE) Nru 1911/91 għandu għalhekk jiġi emendat bix-xieraq; (9) L-APIM sejra tgħib nhar il-31 ta’ Diċembru 2000; qabel dik id-data, il-Kummissjoni sejra madankollu teżamina ma’ l-awtoritajiet Spanjoli l-impatt ta’ li tiġi sospiża t-tneħħija tat-taxxa fuq is-setturi ekonomiċi konċernati, u b’mod partikolari fuq il-prodotti koperti b’dan ir-Regolament; fid-dawl tal-konklużjonijiet ta’ dik l-eżaminazzjoni, il-Kummissjoni tista’, jekk ikun il-każ, tippreżenta proposta lill-Kunsill dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu taħt it-Trattat sabiex jiġi evitat it-tħarbit fl-eżistenza ta’ ċerti attivitajiet ta’ produzzjoni lokali li huma partikolarment vulnerabbli, filwaqt li fl-istess ħin jintlaħaq l-għan li tiġi eliminata t-taxxa, ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 Ir-Regolament (KEE) Nru 1911/91 huwa b’dan il-mezz emendat kif ġej: 1. Is-subparagrafu segwenti għandu jiġi miżjud ma’ Artikolu 5(2): "Permezz ta’ deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ l-ewwel subparagrafu, it-tnaqqis fir-rati tat-taxxa għandu jiġi sospiż mit-30 ta’ Diċembru 1999 sat-30 ta’ Ġunju 2000 fil-każ tal-prodotti elenkati fl-Anness." 2. Għandu jiġi miżjud l-Anness li jidher fl-Anness għal dan ir-Regolament. Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel, fit-13 ta’ Diċembru 1999. Għall-Kunsill Il-President S. Hassi [1] Opinjoni mogħtija fid-19 ta’ Novembru 1999 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). [2] ĠU Ċ 329, tas- 17.11.1999, p. 27. [3] ĠU L 171, tad-29.6.1991, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 284/92 (ĠU L 31, tas-7.2.1992, p. 6). -------------------------------------------------- ANNESS ANNESS Lista ta' prodotti, li hemm referenza għalihom fit-tieni subparagrafu ta' Artikolu 5(2), ikklassifikati skond in-nomenklatura tat-Tariffa Doganali Komuni (TDK) Oġġetti ta' l-ikel mixxellanji: 040310, 04070090, 070190, 0702, 0703, 0803, 090121, 09019090, 1101, 1601, 1602, 17049071, 1806 (għajr 18062095), 19019099, 1902, 19041010, 19051000, 190520, 190530, 190540, 190590, 20021090, 20029091, 20079110, 20079939, 20089961, 20089968, 2101, 2103, 2105, 21069098, 2309. Tabakk: 24021000, 240220. Sostanzi kimiċi: 28043000, 28044000, 28510030, 3208, 3209, 3213, 3401, 3402 (għajr 34021100, 34021200 u 34021300), 38099100. Karta: 4808, 481810, 481820, 481830, 481840, 4819, 4821, 48235910, 4909, 4910, 4911, 56012210, 56012299. Tessut: 611231, 611241, 6213, 6302, 6303. Industriji ta' xogħol tal-ħadid I: 7308, 730900 (għajr 73090090), 7317, 7325, 7604, 7608, 7610, 94060031. Merkanzija fabbrikata oħra: 39231000, 39232100, 39233010, 39241000, 401210, 4418, 4601, 4602, 6802, 7010, 85445910, 9401, 9403, 9404. --------------------------------------------------