Brussell, 28.5.2026

COM(2026) 265 final

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fid-disa’ sessjoni tal-Kumitat ad hoc dwar l-Affarijiet Legali u l-Kooperazzjoni Internazzjonali tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF) fir-rigward tal-emenda tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fid-disa’ sessjoni tal-Kumitat ad hoc dwar l-Affarijiet Legali u l-Kooperazzjoni Internazzjonali (minn hawn ’il quddiem, “il-Kumitat ad hoc”) tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF) b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ deċiżjoni biex jiġu emendati r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat ad hoc.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF)

Il-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata bil-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999 (“COTIF”), hija ftehim internazzjonali li fih kemm l-Unjoni kif ukoll 25 Stat Membru 1 huma Partijiet Kontraenti.

Fis-16 ta’ Ġunju 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/103/UE dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-OTIF dwar l-Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata bil-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999 (“il-Ftehim ta’ Adeżjoni bejn l-UE u l-COTIF”) 2 .

Il-Ftehim ta’ Adeżjoni bejn l-UE u l-COTIF daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2011.

Skont l-Artikolu 2(1) tal-COTIF, l-OTIF għandha l-għan li tippromwovi, ittejjeb u tiffaċilita, f’kull aspett, it-traffiku ferrovjarju internazzjonali, b’mod partikolari billi tistabbilixxi sistemi ta’ liġi uniformi f’diversi oqsma tal-liġi b’rabta mat-traffiku ferrovjarju internazzjonali. Il-COTIF tirregola wkoll it-tmexxija tal-Organizzazzjoni, l-objettivi, l-attribuzzjonijiet u r-relazzjonijiet tagħha mal-Istati Kontraenti u l-attivitajiet tagħha b’mod ġenerali.

Il-COTIF tittratta l-leġiżlazzjoni ferrovjarja dwar għadd ta’ kwistjonijiet ferrovjarji legali u tekniċi differenti li jinqasmu f’żewġ partijiet: il-Konvenzjoni nnifisha, li tirregola t-tmexxija tal-OTIF, u tmien Appendiċijiet tal-Konvenzjoni li jistabbilixxu liġi ferrovjarja uniformi:

–Appendiċi A – Kuntratt għat-Trasport Internazzjonali ta’ Passiġġieri bil-Ferrovija (CIV)

–Appendiċi B – Kuntratt għat-Trasport Internazzjonali ta’ Merkanzija bil-Ferrovija (CIM)

–Appendiċi C – Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi bil-Ferrovija (RID)

–Appendiċi D – Kuntratt tal-użu tal-vetturi fit-traffiku ferrovjarju internazzjonali (CUV)

–Appendiċi E – Kuntratt tal-użu tal-infrastruttura fit-traffiku ferrovjarju internazzjonali (CUI)

–Appendiċi F – Regoli Uniformi li jirrigwardaw il-Validazzjoni ta’ Standards Tekniċi u l-Adozzjoni ta’ Preskrizzjonijiet Tekniċi Uniformi applikabbli għall-Materjal tal-Ferroviji bl-intenzjoni li jintuża fit-Traffiku Internazzjonali (APTU UR)

–Appendiċi G – Regoli Uniformi li jirrigwardaw l-Ammissjoni Teknika ta’ Materjal tal-Ferroviji użat fit-Traffiku Internazzjonali (ATMF UR)

–Appendiċi H – Regoli Uniformi dwar l-operazzjoni sikura tal-ferroviji fit-traffiku internazzjonali (EST UR)

2.2.Il-Kumitat ad hoc dwar l-Affarijiet Legali u l-Kooperazzjoni Internazzjonali

Fil-15-il sessjoni tagħha f’Settembru 2021, l-Assemblea Ġenerali ddeċidiet li tistabbilixxi Kumitat ad hoc dwar l-Affarijiet Legali u l-Kooperazzjoni Internazzjonali, f’konformità mal-Artikolu 13 §2 tal-COTIF, għal perjodu ta’ 3 snin (Settembru 2021 – Settembru 2024). Fis-16-il sessjoni tagħha, f’Settembru 2024, l-Assemblea Ġenerali ddeċidiet li ġġedded il-mandat tal-Kumitat ad hoc għal perjodu ta’ 6 snin, sal-1 ta’ Ottubru 2030.

Mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-organi msemmija fl-Artikolu 13 §1 tal-COTIF, l-Assemblea Ġenerali tat lill-Kumitat ad hoc il-mandat li ġej, stabbilit fl-Artikolu 2 tar-Regoli ta’ Proċedura tagħha:

–Li jħejji abbozzi ta’ emendi jew supplimenti għall-Konvenzjoni;

–Li jipprovdi parir legali fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba tal-organi msemmija fl-Artikolu 13 §1 u 2 tal-COTIF jew fuq talba tal-organi stabbiliti minnhom;

–Li jippromwovi u li jiffaċilita l-funzjonament u l-implimentazzjoni tal-COTIF;

–Li jimmonitorja u li jivvaluta l-istrumenti legali;

–Li jieħu deċiżjonijiet dwar il-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet internazzjonali oħra, inkluż l-istabbiliment u x-xoljiment ta’ gruppi ta’ kuntatt konsultattivi ma’ organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet internazzjonali oħra u l-monitoraġġ tal-funzjonament tal-gruppi ta’ kuntatt.

L-Assemblea Ġenerali ddeċidiet li, kull meta jkun applikabbli, il-Kumitat ad hoc għandu jippreżenta l-konklużjonijiet u l-proposti tiegħu lill-organi kompetenti msemmija fl-Artikolu 13 §1 tal-COTIF għal kunsiderazzjoni u deċiżjoni.

2.3.L-att previst tal-Kumitat ad hoc

Fl-24 ta’ Ġunju 2026, matul id-disa’ sessjoni tiegħu, il-Kumitat ad hoc irid jadotta deċiżjoni li temenda r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu (“l-att previst”).

L-għan tal-att previst huwa li jallinja l-prattiki tal-organi kollha tal-OTIF, abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ad hoc fit-tmien sessjoni tiegħu, li saret fl-4 ta’ Diċembru 2025. Il-Kumitat ad hoc irrakkomanda dispożizzjonijiet immirati lejn l-armonizzazzjoni tar-regoli ta’ proċedura fl-organi kollha tal-OTIF, fir-rigward tad-drittijiet tal-membri, tal-membri assoċjati u tal-osservaturi, sabiex tiġi żgurata l-konsistenza. Barra minn hekk, il-proposta tinkludi xi allinjamenti addizzjonali mal-prattiki ta’ organi oħrajn u xi korrezzjonijiet editorjali.

L-att previst se jsir vinkolanti għall-partijiet f’konformità mal-Artikolu 16 §10 tal-COTIF, li skontu l-Kumitati tal-OTIF iridu jistabbilixxu r-regoli ta’ proċedura tagħhom, u mal-Artikolu 30 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat ad hoc, li skontu dawn ir-Regoli jistgħu jiġu emendati, kompletament jew parzjalment, b’deċiżjoni ta’ dan il-korp.

3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

Skont l-Artikolu 6 tal-Ftehim ta’ Adeżjoni bejn l-UE u l-COTIF:

“1. Għal deċiżjonijiet fi kwistjonijiet fejn l-Unjoni għandha kompetenza esklussiva, l-Unjoni għandha teżerċita d-drittijiet ta’ votazzjoni tal-Istati Membri tagħha taħt il-Konvenzjoni.

2. Għal deċiżjonijiet fi kwistjonijiet fejn l-Unjoni taqsam il-kompetenza mal-Istati Membri tagħha, għandhom jivvutaw l-Unjoni jew inkella l-Istati Membri tagħha.

3. Soġġett għall-paragrafu 7 tal-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni, l-Unjoni għandu jkollha l-istess għadd ta’ voti daqs l-Istati Membri tagħha li huma wkoll Partijiet għall-Konvenzjoni. Meta l-Unjoni tivvota, l-Istati Membri tagħha ma għandhomx jivvutaw”.

Skont l-Artikolu 3(2) tat-TFUE, l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva fir-rigward tal-impenji internazzjonali li għandhom jittieħdu fil-kuntest tal-COTIF, inklużi l-istrumenti legali adottati skontha, meta jkun hemm ir-riskju li tali impenji jaffettwaw ir-regoli eżistenti tal-Unjoni jew ibiddlu l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom.

L-objettiv tad-deċiżjoni proposta huwa li temenda r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat ad hoc, sabiex tallinjah mar-regoli ta’ proċedura ta’ korpi oħra tal-OTIF.

L-emenda tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat ad hoc hija kwistjoni orizzontali, peress li hija awżiljarja għall-istrumenti legali u l-oqsma ta’ politika li għalihom l-Unjoni hija esklużivament kompetenti. Għalhekk, l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva fir-rigward tal-emendi tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat ad hoc, skont l-Artikolu 3(2) TFUE. L-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, għandha teżerċita d-drittijiet tal-vot fir-rigward tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, skont il-punt 3.3 tal-Anness III tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/103/UE.

4.Bażi legali

4.1.Bażi legali proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp inkwistjoni. Dan jinkludi wkoll strumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni” 3 .

4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

Il-Kumitat ad hoc huwa korp stabbilit bi ftehim, jiġifieri l-COTIF, f’konformità mal-Artikolu 13 §2 tiegħu.

L-att li l-Kumitat ad hoc huwa mitlub jadotta jikkostitwixxi att li jkollu effetti legali. Billi l-Unjoni hija parti kontraenti sħiħa għall-COTIF, l-att previst se jsir vinkolanti għall-Unjoni skont id-dritt internazzjonali, f’konformità mal-Artikolu 16 §10 tal-COTIF, li skontu l-Kumitati tal-OTIF iridu jistabbilixxu r-regoli ta’ proċedura tagħhom, u mal-Artikolu 30 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat ad hoc, li skontu dawn ir-Regoli jistgħu jiġu emendati, kompletament jew parzjalment, b’deċiżjoni ta’ dan il-korp.

L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Għalhekk, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi legali sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi legali sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE trid tissejjes fuq bażi legali sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst huma relatati mat-trasport internazzjonali bil-ferrovija.

Għalhekk, il-bażi legali sostantiva għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 91 tat-TFUE.

4.3.Konklużjoni

Il-bażi legali tad-deċiżjoni proposta għandha tkun l-Artikolu 91 tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fid-disa’ sessjoni tal-Kumitat ad hoc dwar l-Affarijiet Legali u l-Kooperazzjoni Internazzjonali tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF) fir-rigward tal-emenda tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91 tat-TFUE flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (“OTIF”) dwar l-Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata bil-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999 4 (“Ftehim ta’ Adeżjoni bejn l-UE u l-COTIF”) ġie konkluż fis-16 ta’ Ġunju 2011 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/103/UE 5 .

(2)Skont l-Artikolu 13 §2 tal-COTIF, ġie stabbilit il-Kumitat ad hoc dwar l-Affarijiet Legali u l-Kooperazzjoni Internazzjonali (“il-Kumitat ad hoc”) tal-OTIF.

(3)Skont l-Artikolu 16 §10 tal-COTIF u l-Artikolu 30 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat ad hoc, il-Kumitat ad hoc huwa kompetenti biex jemenda r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu.

(4)Il-Kumitat ad hoc, matul id-disa’ sessjoni tiegħu ta’ bejn it-23 u l-24 ta’ Ġunju 2026, huwa skedat li jadotta deċiżjoni biex jemenda r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu.

(5)Id-deċiżjoni tal-Kumitat ad hoc li jemenda r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, jekk tiġi adottata, se tipproduċi effetti legali għall-Unjoni.

(6)L-objettiv ta’ din id-deċiżjoni huwa li temenda r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat ad hoc, sabiex tallinjahom mar-regoli ta’ proċedura ta’ organi oħra tal-OTIF.

(7)L-emendi previsti tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat ad hoc huma bbażati fuq ir-rakkomandazzjonijiet tat-tmien sessjoni tal-Kumitat ad hoc tal-OTIF biex jiġu żgurati allinjament u konsistenza ulterjuri bejn il-prattiki ta’ dan il-korp u ta’ organi oħra tal-OTIF. Għalhekk, jenħtieġ li jiġu appoġġati l-emendi tar-Regoli ta’ Proċedura.

(8)Għalhekk jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat ad hoc fir-rigward tal-emendar tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fid-disa’ sessjoni tal-Kumitat ad hoc dwar l-Affarijiet Legali u l-Kooperazzjoni Internazzjonali tal-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija tad-9 ta’ Mejju 1980, dwar l-emendi tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, għandha tkun li tivvota favur l-emendi proposti tar-Regoli ta’ Proċedura, kif jinsabu fid-dokument INST-24046-JUR9/8.

Artikolu 2

Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-laqgħa tal-Kumitat ad hoc dwar l-Affarijiet Legali u l-Kooperazzjoni Internazzjonali jistgħu jaqblu dwar bidliet tekniċi minuri fil-pożizzjoni stabbilita fl-Artikolu 1 mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Ċipru u Malta biss ma humiex Partijiet Kontraenti.
(2)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/103/UE tas-16 ta’ Ġunju 2011 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija dwar l-Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata bil-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999 (ĠU L 51, 23.2.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/103(1)/oj ).
(3)    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, il-Ġermanja vs il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-punti 61 sa 64.
(4)    ĠU L 51, 23.2.2013, p. 8.
(5)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/103/UE tas-16 ta’ Ġunju 2011 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija dwar l-Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata bil-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999 (ĠU L 51, 23.2.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/103(1)/oj ).