|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2024/4521 |
16.7.2024 |
DEĊIŻJONI TAL-BUREAU TAL-PARLAMENT EWROPEW
tal-15 ta’ Lulju 2024
li temenda l-Miżuri ta’ Implimentazzjoni tal-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew
(C/2024/4521)
IL-BUREAU TAL-PARLAMENT EWROPEW,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 223(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew (1),
Wara li kkunsidra l-Artikolu 25 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew,
Billi:
|
(1) |
F’konformità mal-Artikolu 73(2) tal-Miżuri ta’ Implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew (2) (“il-Miżuri ta’ Implimentazzjoni”), l-ammont massimu fix-xahar li jista’ jitħallas fir-rigward tal-persunal personali li jipprovdi l-assistenza parlamentari msemmija fl-Artikolu 29(4) tal-Miżuri ta’ Implimentazzjoni, fejn xieraq, għandu jiġi indiċizzat kull sena mill-Bureau abbażi tal-Indiċi Konġunt stabbilit mill-Eurostat biex titkejjel il-bidla fl-għoli tal-ħajja għall-uffiċjali tal-UE (“Indiċi Konġunt”) skont l-Artikolu 65 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra, u f’konformità mal-Anness XI tagħhom, stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (3) (“ir-Regolamenti tal-Persunal”). Dak l-indiċjar normalment jiġi deċiż mill-Bureau f’Diċembru, u jieħu effett b’mod retroattiv minn Lulju tas-sena inkwistjoni. Madankollu, minħabba l-inflazzjoni straordinarja f’dawn l-aħħar snin, kien meħtieġ adattament intermedju. |
|
(2) |
Skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal imsemmija hawn fuq, il-limitu speċifiku biex jiskatta aġġornament intermedju fir-remunerazzjoni tal-uffiċjali tal-UE huwa żieda fl-inflazzjoni ta’ ± 3.0 % jew aktar għall-perjodu ta’ sitt xhur mill-1 ta’ Lulju sal-1 ta’ Jannar. Għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2023 sal-1 ta’ Jannar 2024, l-Indiċi Konġunt stabbilit mill-Eurostat kien iffissat għal 103.0 (+ 3.0 %). Peress li din il-bidla laħqet il-limitu ta’ 3 %, kien meħtieġ aġġornament intermedju ġenerali tar-remunerazzjoni nominali tal-uffiċjali tal-UE, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2024. |
|
(3) |
Dak l-aġġornament jikkonċerna wkoll is-salarji tal-assistenti parlamentari akkreditati (APAs) tal-Membri li huma koperti mir-Regolamenti tal-Persunal. Peress li s-salarji tal-APAs jitħallsu mill-pakkett tal-Membri għall-ispejjeż tal-assistenza parlamentari, kien meħtieġ li dan il-pakkett jiġi aġġornat kif xieraq. |
|
(4) |
Il-Kummissjoni, f’dan ir-rigward, iffissat ir-rata ta’ aġġustament għall-perjodu minn Jannar sa Ġunju 2024 għal + 3.0 %. Għalhekk, l-ammont massimu ta’ kull xahar li jista’ jitħallas għall-ispejjeż tal-assistenza parlamentari żdied għal EUR 29 557, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2024 b’Deċiżjoni tal-Bureau tal-24 ta’ Ġunju 2024 (4) u d-Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Mejju u tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar miżuri ta’ implimentazzjoni għall-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew (5) (“id-Deċiżjoni preċedenti tal-Bureau”), li kienet fis-seħħ dak iż-żmien, ġiet emendata kif xieraq. |
|
(5) |
Billi dawn il-Miżuri ta’ Implimentazzjoni jidħlu fis-seħħ fis-16 ta’ Lulju 2024 u jħassru d-Deċiżjoni preċedenti tal-Bureau, għalhekk jenħtieġ li jiġu emendati kif xieraq, u jenħtieġ li l-ammont massimu ta’ kull xahar li jista’ jitħallas fir-rigward tal-ispejjeż għall-assistenza parlamentari jiżdied għal EUR 29 557, b’effett mis-16 ta’ Lulju 2024. |
|
(6) |
Barra minn hekk, bid-deċiżjonijiet tiegħu tat-13 ta’ Settembru 2023 (6), u tal-10 (7) u l-24 ta’ April 2024 (8) rispettivament, il-Parlament emenda r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu bil-ħsieb li jsaħħaħ l-integrità, l-indipendenza u r-responsabbiltà u li jimplimenta r-riforma parlamentari “Parlament 2024”. Fost affarijiet oħra, id-deċiżjonijiet imsemmija hawn fuq wasslu għal rinumerazzjoni tal-biċċa l-kbira tad-dispożizzjonijiet tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament. Għalhekk, il-Miżuri ta’ Implimentazzjoni jenħtieġ li jiġu emendati biex iqisu dik ir-rinumerazzjoni. |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Miżuri ta’ Implimentazzjoni huma emendati kif ġej:
|
(1) |
L-Artikolu 28 huwa emendat kif ġej:
|
|
(2) |
Fl-Artikolu 29, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej: “4. L-ammont massimu kull xahar li jista’ jitħallas fir-rigward tal-kollaboraturi personali kollha msemmija fl-Artikolu 30 għandu jkun EUR 29 557 b’effett mill-1 ta’ Jannar 2024.” |
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mis-16 ta’ Lulju 2024.
(1) Id-Deċiżjoni 2005/684/KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tat-28 ta’ Settembru 2005 li tadotta l-istatut għall-membri tal-Parlament Ewropew (ĠU L 262, 7.10.2005, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2005/684/oj).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Bureau tal-11 ta’ Settembru 2023 dwar il-Miżuri ta’ Implimentazzjoni għall-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Bureau tad-19 ta’ Mejju u tad-9 ta’ Lulju 2008 (ĠU C, C/2024/2814, 26.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2814/oj).
(4) ĠU C, C/2024/4279, 1.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4279/oj.
(5) Id-Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Mejju u tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew (ĠU C 159, 13.7.2009, p. 1).
(6) Id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Settembru 2023 dwar emendi tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament bl-għan li jissaħħu l-integrità, l-indipendenza u r-responsabbiltà (2023/2095(REG)) (ĠU C, C/2024/1770, 22.3.2024, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/C/2024/1770/oj).
(7) Id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ April 2024 dwar emendi għar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament li jimplimentaw ir-riforma parlamentari “Parlament 2024” (2024/2000(REG)) (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(8) Id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ April dwar emendi għar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament rigward it-taħriġ dwar il-prevenzjoni tal-kunflitt u l-fastidju fil-post tax-xogħol u dwar ġestjoni tajba tal-uffiċċju (2024/2006(REG)) (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4521/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)