European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2652

28.11.2023

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2652

tal-15 ta’ Settembru 2023

li jemenda u jikkoreġi r-Regolament Delegat (UE) 2022/2292 fir-rigward tar-rekwiżiti għad-dħul fl-Unjoni ta’ għasel, laħam, prodotti raffinati ħafna, kapsuli tal-ġelatina, prodotti tas-sajd u fir-rigward tar-rekwiżiti għall-attestazzjoni privata, u li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2021/630 fir-rigward tar-rekwiżiti tal-attestazzjoni privata għall-prodotti komposti eżentati mill-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 77(1), il-punt (k), u l-Artikolu 126(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2017/625 jistabbilixxi regoli għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, b’mod partikolari biex jiġi żgurat li l-kunsinni ta’ annimali u oġġetti minn pajjiżi terzi jew mir-reġjuni tagħhom maħsuba għall-konsum mill-bniedem li jidħlu fl-Unjoni jkunu jikkonformaw mar-rekwiżiti rilevanti stabbiliti mir-regoli msemmija fl-Artikolu 1(2) tiegħu, bl-eċċezzjoni tal-punti (d), (e), (g) u (h) ta’ dak l-Artikolu, jew mar-rekwiżiti rikonoxxuti li huma tal-inqas ekwivalenti.

(2)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/2292 (2) jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 fir-rigward tar-rekwiżiti għad-dħul fl-Unjoni tal-kunsinni ta’ annimali li jipproduċu l-ikel u ċerti oġġetti maħsuba għall-konsum mill-bniedem.

(3)

Jenħtieġ li l-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2292 ikun ċar dwar liema għasel u prodotti tal-apikultura jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-rekwiżiti dwar l-għasel u l-prodotti tal-apikultura stabbiliti f’dak ir-Regolament Delegat. Għalhekk, jeħtieġ li ssir referenza għad-definizzjoni ta’ dawn il-prodotti fid-Direttiva tal-Kunsill 2001/110/KE (3).

(4)

Għall-prodotti tas-sajd minn qbid selvaġġ, l-evidenza tal-konformità mar-rekwiżiti addizzjonali stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2292 tipprovdi biżżejjed garanziji tal-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-sikurezza tal-ikel u tal-għalf. Għall-prodotti tas-sajd minn qbid selvaġġ, il-kontaminazzjoni mill-ambjent hija l-periklu ewlieni għas-sikurezza tal-ikel. Il-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2292 tipprovdi garanziji fir-rigward tal-konformità mar-rekwiżiti tal-UE relatati mal-kontaminazzjoni mill-ambjent, b’mod partikolari mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/915 (4). Barra minn hekk, il-kontrolli uffiċjali tal-prodotti tas-sajd minn qbid selvaġġ iridu jitwettqu minn pajjiżi terzi fir-rigward tar-residwi u l-kontaminanti f’konformità mal-Artikolu 70 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/627 (5). Għalhekk, huwa xieraq li l-prodotti tas-sajd minn qbid selvaġġ ikunu eżentati mir-rekwiżiti addizzjonali stabbiliti fl-Artikoli 6 sa 12 tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2292.

(5)

Ir-riżultati ta’ azzjoni koordinata reċenti tal-Unjoni wrew li fis-suq tal-Unjoni huwa preżenti perċentwal sinifikanti ta’ għasel adulterat jew ta’ prodotti oħra tal-apikultura adulterati importati fl-Unjoni (6).

(6)

Sabiex jiġi żgurat li l-għasel u l-prodotti l-oħra tal-apikultura maħsuba għall-konsum mill-bniedem minn pajjiżi terzi maħsuba biex jiġu introdotti fis-suq tal-Unjoni jikkonformaw mar-regoli dwar l-ikel, is-sikurezza tal-ikel, l-integrità u l-benna tal-ikel f’kull stadju tal-produzzjoni, tal-ipproċessar u tad-distribuzzjoni tal-ikel, inklużi r-regoli mmirati biex jiżguraw prattiki ġusti fil-kummerċ u jipproteġu l-interessi tal-konsumatur u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(2), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2017/625, huwa meħtieġ li jiġu intensifikati l-kontrolli uffiċjali fuq prodotti bħal dawn.

(7)

L-Artikolu 65(4) tar-Regolament (UE) 2017/625 jeżiġi li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jintensifikaw il-kontrolli uffiċjali fuq il-kunsinni fejn ikollhom raġuni biex jissuspettaw prattiki frodulenti jew qarrieqa. L-Artikolu 65(5) ta’ dak ir-Regolament jeżiġi li dawn l-awtoritajiet kompetenti jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bid-deċiżjoni tagħhom li jintensifikaw dawn il-kontrolli uffiċjali. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1873 (7) jistabbilixxi regoli dwar il-proċeduri fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera għat-twettiq koordinat mill-awtoritajiet kompetenti ta’ kontrolli uffiċjali intensifikati fuq ċerti prodotti li jidħlu fl-Unjoni għall-introduzzjoni fis-suq, sabiex jiġi żgurat approċċ armonizzat għat-twettiq koordinat ta’ kontrolli uffiċjali intensifikati bħal dawn. L-Artikolu 3(1) ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jeżiġi li, meta jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bid-deċiżjoni tagħhom li jintensifikaw il-kontrolli uffiċjali, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jindikaw l-istabbiliment tal-oriġini, li għandu jidher fuq lista mfassla f’konformità mal-Artikolu 127(3), il-punti (e)(ii) u (iii), tar-Regolament (UE) 2017/625. Ma hemm l-ebda lista ta’ stabbilimenti ta’ pajjiżi terzi li jipproduċu l-għasel jew prodotti oħra tal-apikultura maħsuba għall-konsum mill-bniedem. Għalhekk, jeħtieġ li tiġi stabbilita lista bħal din.

(8)

F’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2292, il-kunsinni ta’ laħam frisk, laħam ikkapuljat, preparati tal-laħam, laħam separat mekkanikament, ċerti prodotti tal-laħam, ġelatina u kollaġen għandhom jidħlu fl-Unjoni biss jekk ikunu ġew manifatturati minn materja prima miksuba f’biċċeriji, stabbilimenti li jipproċessaw il-kaċċa, impjanti tat-tqattigħ u stabbilimenti li jipproċessaw il-prodotti tas-sajd f’pajjiżi terzi approvati u elenkati f’konformità mal-Artikolu 13 tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2292. Jenħtieġ li prodotti bħal dawn li joriġinaw mill-annimali jkunu permessi wkoll jidħlu fl-Unjoni jekk ikunu derivati minn materja prima miksuba fl-Istati Membri peress li materja prima bħal din tikkonforma wkoll mar-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-Artikolu 15 tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2292 jiġi emendat skont dan.

(9)

F’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2292, il-kunsinni ta’ ċerti prodotti maħsuba għall-konsum mill-bniedem jistgħu jidħlu fl-Unjoni biss jekk ikunu akkumpanjati minn ċertifikat uffiċjali. Jenħtieġ jiġi ċċarat li dan ir-rekwiżit japplika wkoll għall-annimali li jipproduċu l-ikel. Barra minn hekk, l-Artikolu 21(1) ta’ dak ir-Regolament Delegat jipprevedi li l-kunsinni ta’ ċerti prodotti huma awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss meta jkunu akkumpanjati minn ċertifikat uffiċjali ħlief fil-każ ta’ kunsinni li għalihom l-Unjoni ma tkunx id-destinazzjoni finali. Madankollu, l-annimali u l-oġġetti maħsuba għall-konsum mill-bniedem li jagħmlu biss tranżitu mill-Unjoni huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2292. Jenħtieġ li l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2292 jiġi emendat billi titħassar ir-referenza li l-Unjoni ma tkunx id-destinazzjoni finali, biex ikun konsistenti mal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament Delegat.

(10)

Ir-rekwiżiti dwar il-prodotti komposti stabbiliti fl-Artikoli 21 u 22 tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2292 jirreferu għal-laħam ipproċessat. Peress li l-“laħam ipproċessat” mhuwiex definit fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u sabiex ikun hemm konsistenza ma’ rekwiżiti oħra relatati mal-prodotti komposti stabbiliti f’dak ir-Regolament Delegat, huwa xieraq li fl-Artikoli 21 u 22 tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2292, il-kliem “laħam ipproċessat” jiġi sostitwit bi “prodotti tal-laħam”.

(11)

L-Artikolu 21(1), il-punt (f), tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2292 jistabbilixxi deroga mir-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni uffiċjali għall-prodotti komposti stabbli fuq l-ixkaffa li fihom il-ġelatina u l-kollaġen. Jenħtieġ li l-Artikolu 21(1), il-punt (f), ta’ dak ir-Regolament Delegat jiġi emendat biex jiċċara li dik id-deroga ma tapplikax meta l-ġelatina u l-kollaġen ikunu derivati mill-għadam tar-ruminanti peress li ċ-ċertifikazzjoni uffiċjali ta’ ġelatina u kollaġen bħal dawn hija meħtieġa f’konformità mal-Artikolu 16 tal-Anness IX, il-Kapitolu C, tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8)..

(12)

L-Artikolu 21(3) tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2292 jistabbilixxi wkoll deroga għall-kapsuli tal-ġelatina mir-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni uffiċjali fil-każ fejn il-kapsuli tal-ġelatina ma jkunux derivati mill-għadam tar-ruminanti. Jenħtieġ li jiġi ċċarat li dik id-deroga ma tapplikax biss għad-dħul fl-Unjoni ta’ kapsuli vojta iżda wkoll għall-kapsuli tal-ġelatina mimlija bi prodotti li joriġinaw mill-annimali, mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni li japplikaw għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali li jinsabu f’kapsuli tal-ġelatina mimlija bħal dawn, jew meta jidħlu fl-Unjoni bħala prodotti komposti. Għalhekk, jenħtieġ li l-Artikolu 21 tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2292 jiġi emendat skont dan.

(13)

Il-prodotti komposti stabbli fuq l-ixkaffa fejn l-uniċi prodotti tal-annimali preżenti fil-prodott kompost finali huma l-vitamina D3, l-addittivi tal-ikel, l-enzimi tal-ikel jew l-aromatizzanti tal-ikel, jirrappreżentaw riskju negliġibbli għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali. Għal dik ir-raġuni, dawn il-prodotti komposti huma eżentati mill-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/630 (9) u mir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 20(2) u (3) tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2292. Il-prodotti komposti stabbli fuq l-ixkaffa eżentati mill-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera huma meqjusa ta’ riskju baxx għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u huma soġġetti għal rekwiżit ta’ attestazzjoni privata. Peress li l-prodotti komposti stabbli fuq l-ixkaffa fejn l-uniċi prodotti tal-annimali preżenti fil-prodott kompost finali huma l-vitamina D3, l-addittivi tal-ikel, l-enzimi tal-ikel jew l-aromatizzanti tal-ikel jitqiesu ta’ riskju negliġibbli għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, jenħtieġ li dawn il-prodotti komposti jiġu eżentati mir-rekwiżit li jkunu akkumpanjati minn attestazzjoni privata fil-mument tal-introduzzjoni tagħhom fis-suq. Għalhekk, jenħtieġ li l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2021/630 u l-Artikolu 22(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2292 jiġu emendati skont dan.

(14)

Ir-regoli dwar il-prodotti komposti stabbli fuq l-ixkaffa eżentati mill-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera u dawk dwar il-kontrolli uffiċjali li għandhom jitwettqu fuq prodotti komposti bħal dawn huma sostantivament marbuta u huma maħsuba biex jiġu applikati flimkien. Peress li l-emendi għall-Artikolu 3(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2021/630 u l-Artikolu 22(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2292 huma marbuta ma’ xulxin sa fejn jikkonċernaw l-eżenzjoni mir-rekwiżit għall-prodotti komposti stabbli fuq l-ixkaffa fejn l-uniċi prodotti tal-annimali preżenti fil-prodott kompost finali huma aġenti għat-titjib tal-ikel, jiġifieri l-vitamina D3, l-addittivi tal-ikel, l-enzimi tal-ikel jew l-aromatizzanti tal-ikel li fil-mument tal-introduzzjoni tagħhom fis-suq għandhom ikunu akkumpanjati minn attestazzjoni privata, fl-interessi tas-sempliċità u tat-trasparenza, biex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tar-regoli u tiġi evitata l-multiplikazzjoni tagħhom f’atti differenti, u minħabba li ż-żewġ emendi jenħtieġ li jidħlu fis-seħħ fl-istess data biex tiġi evitata l-inċertezza legali, jenħtieġ li dawn jiġu stabbiliti f’att wieħed.

(15)

F’konformità mal-Artikolu 14, il-punti (d) u (e), tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2292, l-istabbilimenti li jipproduċu prodotti raffinati ħafna li joriġinaw mill-annimali jew kapsuli tal-ġelatina mhumiex meħtieġa jidhru fuq il-listi msemmija fl-Artikolu 13 ta’ dak ir-Regolament Delegat. Peress li l-Artikolu 14 joħloq ambigwità fir-rigward tar-rekwiżiti għad-dħul fl-Unjoni ta’ dawn il-prodotti u għal raġunijiet ta’ konsistenza mal-Artikolu 13 ta’ dak ir-Regolament Delegat, il-kapsuli tal-ġelatina u l-prodotti raffinati ħafna identifikati mill-kodiċijiet NM u mill-intestaturi tas-SA mhumiex imsemmija fl-Artikolu 13 tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2292, jenħtieġ li ma jissemmewx fl-Artikolu 14 ta’ dak ir-Regolament Delegat. Għalhekk, jenħtieġ li l-Artikolu 14, il-punti (d) u (e), ta’ dak ir-Regolament Delegat jiġu kkoreġuti.

(16)

Fl-Artikolu 21, saru żbalji fil-lista tas-subintestaturi tas-Sistema Armonizzata għan-nebbieta u ż-żrieragħ maħsuba għall-produzzjoni tan-nebbieta, stabbilita fit-Tieni Parti tal-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (10). Dawn l-iżbalji huma sostanzjali peress li jidentifikaw in-nebbieta u ż-żrieragħ maħsuba għan-nebbieta li għalihom japplikaw il-kundizzjonijiet għad-dħul fl-Unjoni. Għalhekk, jenħtieġ li dawn is-subintestaturi fl-Artikolu 21, il-punt 1(c), tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2292 jiġu kkoreġuti.

(17)

Sar żball fin-numru tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1644 (11) imsemmi fl-Anness I, il-Parti II, it-Taqsima C, il-punt (2)(a). Għall-fini ta’ ċertezza legali, huwa xieraq li dan l-iżball jiġi kkoreġut.

(18)

Jenħtieġ li jingħata biżżejjed żmien lill-pajjiżi terzi biex jikkonformaw mar-rekwiżit il-ġdid dwar l-elenkar tal-istabbilimenti awtorizzati biex jesportaw l-għasel u l-prodotti l-oħra tal-apikultura maħsuba għall-konsum mill-bniedem lejn l-Unjoni kkonċernati mill-emendi li qed isiru fl-Artikolu 13 tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2292 b’dan ir-Regolament. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi pprovdut perjodu tranżitorju għal dan ir-rekwiżit.

(19)

Jenħtieġ li r-Regolamenti Delegati (UE) 2022/2292 u (UE) 2021/630 jiġu emendati u kkoreġuti skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament Delegat (UE) 2022/2292

Ir-Regolament Delegat (UE) 2022/2292 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2, il-punti (34a) u (34b) li ġejjin jiddaħħlu wara l-punt (34):

“(34a)

skont it-tifsira tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/110/KE (*1), it-terminu “għasel” għandu jfisser għasel, inkluż fir-rigward tat-tipi ewlenin ta’ għasel;

(34b)

it-terminu “prodotti tal-apikultura” ifisser għasel, xama’ tan-naħal, ħalib tan-naħal, żaftur jew polline maħsuba għall-konsum mill-bniedem;

(*1)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/110/KE tal-20 ta’ Diċembru 2001 li tirrigwarda l-għasel (ĠU L 10, 12.1.2002, p. 47).”;"

(2)

fl-Artikolu 5(2), ir-raba’ inċiż huwa sostitwit b’dan li ġej:

“—

il-prodotti tas-sajd minn qbid selvaġġ, insetti, żrinġijiet, saqajn taż-żrinġijiet, bebbux, rettili u laħam tar-rettili.”;

(3)

fl-Artikolu 13(1), jiżdied il-punt (c) li ġej:

“(c)

l-għasel u l-prodotti l-oħra tal-apikultura li għalihom l-intestaturi tas-SA li ġejjin ġew stabbiliti fit-Tieni Parti tal-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87: 0409, 0410, 1212, 1521 jew 1702.”;

(4)

fl-Artikolu 15, il-paragrafu introduttorju huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Il-kunsinni tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali li ġejjin għandhom jidħlu fl-Unjoni biss jekk ikunu ġew immanifatturati minn materja prima miksuba f’biċċeriji, stabbilimenti li jipproċessaw il-kaċċa, impjanti tat-tqattigħ u stabbilimenti li jipproċessaw prodotti tas-sajd, li jidhru fil-listi ta’ stabbilimenti mfassla u miżmuma aġġornati f’konformità mal-Artikolu 127(3), il-punt (e), tar-Regolament (UE) 2017/625 jew miksuba fl-Istati Membri:”;

(5)

l-Artikolu 21 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-paragrafu introduttorju huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Kull kunsinna tal-annimali u l-oġġetti li ġejjin għandha tidħol fl-Unjoni għall-introduzzjoni fis-suq biss meta l-kunsinna tkun akkumpanjata minn ċertifikat uffiċjali:”;

(ii)

il-punt (f) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(f)

il-prodotti komposti msemmija fl-Artikolu 20(2), il-punti (a) u (b), bl-esklużjoni ta’ prodotti komposti stabbli fuq l-ixkaffa li ma fihomx prodotti tal-laħam għajr:

(i)

ġelatina jew kollaġen mhux derivati mill-għadam tar-ruminanti

(ii)

prodotti raffinati ħafna kif deskritt fil-Anness III, it-Taqsima XVI tar-Regolament (KE) Nru 853/2004, maħsuba għall-konsum mill-bniedem.”;

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Ma għandu jkun meħtieġ l-ebda ċertifikat uffiċjali għad-dħul fl-Unjoni ta’ kapsuli tal-ġelatina koperti mill-intestaturi tas-SA 3913, 3926 jew 9602 tat-Tieni Parti tal-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, u lanqas għall-kapsuli tal-ġelatina bħala parti mill-prodotti li joriġinaw mill-annimali msemmija fil-punt 1(b) ta’ dan l-Artikolu jew bħala parti mill-prodotti komposti msemmija fl-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-Regolament, meta dawk il-kapsuli ma jkunux derivati mill-għadam tar-ruminanti.”

;

(6)

fl-Artikolu 22(1), il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

il-kunsinni tal-prodotti komposti msemmija fl-Artikolu 20(2), il-punt (b), meta l-prodotti komposti ma jkunx fihom prodotti bbażati fuq il-kolostru jew prodotti tal-laħam għajr:

(i)

ġelatina jew kollaġen mhux derivati mill-għadam tar-ruminanti;

(ii)

prodotti raffinati ħafna kif deskritt fil-Anness III, it-Taqsima XVI tar-Regolament (KE) Nru 853/2004, maħsuba għall-konsum mill-bniedem;”;

(7)

l-Artikolu 22(2) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   B’deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, għall-prodotti komposti eżentati mill-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera f’konformità mal-Artikolu 48, il-punt (h), tar-Regolament (UE) 2017/625, l-attestazzjoni privata għandha takkumpanja l-prodotti komposti fil-mument tal-introduzzjoni tagħhom fis-suq, ħlief għall-prodotti msemmija fl-Artikolu 20(4) ta’ dan ir-Regolament, li għalihom mhijiex meħtieġa attestazzjoni privata.”

.

Artikolu 2

Korrezzjonijiet għar-Regolament Delegat (UE) 2022/2292

Ir-Regolament Delegat (UE) 2022/2292 huwa kkoreġut kif ġej:

(1)

l-Artikolu 14 huwa kkoreġut kif ġej:

(a)

il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(d)

il-produzzjoni ta’ prodotti raffinati ħafna li joriġinaw mill-annimali msemmija fl-intestaturi tas-SA 2932 jew 3503 tat-Tieni Parti tal-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87”;

(b)

jitħassar il-punt (e);

(2)

fl-Artikolu 21(1), il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

nebbieta u żrieragħ maħsuba għall-produzzjoni ta’ nebbieta u msemmija mis-subintestaturi tas-SA li ġejjin: 0704 90, 0706 90, 0708 10, 0708 20, 0708 90, 0713 10, 0713 33, 0713 34, 0713 35, 0713 39, 0713 40, 0713 50, 0713 60, 0713 90, 0910 99, 1201 10, 1201 90, 1207 50, 1207 99, 1209 10, 1209 21, 1209 91 jew 1214 90 tat-Tieni Parti tal-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87;”;

(3)

fl-Anness I, il-Parti II, it-Taqsima C, il-punt (2)(a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

fil-punt A.1 tal-Anness II tar-Regolament Delegat (UE) 2022/1644 għal sustanzi tal-grupp A kif imsemmi fl-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2022/1644;”.

Artikolu 3

Emenda għar-Regolament Delegat (UE) 2021/630

Fl-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat (UE) 2021/630, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Fil-mument tal-introduzzjoni fis-suq, il-prodotti komposti stabbli fuq l-ixkaffa msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (a), għandhom ikunu akkumpanjati minn attestazzjoni privata f’konformità mal-mudell stabbilit fl-Anness V tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2235 (*2).

Artikolu 4

Dispożizzjoni tranżizzjonali

Il-kunsinni tal-għasel u ta’ prodotti oħra tal-apikultura maħsuba għall-konsum mill-bniedem jistgħu jidħlu fl-Unjoni minn stabbilimenti li mhumiex elenkati f’konformità mal-Artikolu 13 tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2292 għal perjodu ta’ 12-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Settembru 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/2292 tas-6 ta’ Settembru 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ rekwiżiti għad-dħul fl-Unjoni ta’ kunsinni ta’ annimali li jipproduċu l-ikel u ċerti oġġetti maħsuba għall-konsum mill-bniedem (ĠU L 304, 24.11.2022, p. 1).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/110/KE tal-20 ta’ Diċembru 2001 li tirrigwarda l-għasel (ĠU L 10, 12.1.2002, p. 47).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/915 tal-25 ta’ April 2023 dwar il-livelli massimi għal ċerti kontaminanti fl-ikel u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1881/2006 (ĠU L 119, 5.5.2023, p. 103).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/627 tal-15 ta’ Marzu 2019 li jistabbilixxi arranġamenti prattiċi uniformi għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti mill-annimali maħsuba għall-konsum mill-bniedem skont ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2074/2005 fir-rigward tal-kontrolli uffiċjali (ĠU L 131, 17.5.2019, p. 51).

(6)  Il-Kummissjoni Ewropea, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, Ždiniaková, T., Lörchner, C., De Rudder, O. et al., EU coordinated action to deter certain fraudulent practices in the honey sector – Analytical testing results of imported honey, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2023: https://op.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/330ee93f-c9fc-11ed-a05c-01aa75ed71a1 u l-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari, EU Coordinated Action From the hives, sampling, investigations and results: https://food.ec.europa.eu/system/files/2023-03/official-controls_food-fraud_2021-2_honey_report_euca.pdf

(7)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1873 tas-7 ta’ Novembru 2019 dwar il-proċeduri fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera għat-twettiq koordinat tal-kontrolli uffiċjali intensifikati mill-awtoritajiet kompetenti fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali, prodotti ġerminali, prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti komposti (ĠU L 289, 8.11.2019, p. 50).

(8)  Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta’ ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1).

(9)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/630 tas-16 ta’ Frar 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ ċerti kategoriji ta’ oġġetti eżentati mill-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera u li jemenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/275/KE (ĠU L 132, 19.4.2021, p. 17).

(10)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).

(11)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1644 tas-7 ta’ Lulju 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’rekwiżiti speċifiċi għat-twettiq tal-kontrolli uffiċjali fuq l-użu tas-sustanzi farmakoloġikament attivi awtorizzati bħala prodotti mediċinali veterinarji jew bħala addittivi tal-għalf u tas-sustanzi farmakoloġikament attivi pprojbiti jew mhux awtorizzati u r-residwi tagħhom (ĠU L 248, 26.9.2022, p. 3).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/2652/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)