European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/9

14.1.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/9

tat-12 ta’ Diċembru 2024

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt ta’ Monitoraġġ u Rieżami stabbilit mill-Ftehim ta’ Sħubija Volontarja bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Kooperattiva tal-Guyana dwar l-infurzar tal-liġi fis-settur forestali, it-tmexxija u l-kummerċ ta’ prodotti tal-injam lejn l-Unjoni Ewropea, rigward l-istabbiliment tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt ta’ Monitoraġġ u Rieżami u l-proċeduri ta’ ħidma għall-arbitraġġ

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta’ Sħubija Volontarja bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Kooperattiva tal-Guyana dwar l-infurzar tal-liġi fis-settur forestali, it-tmexxija u l-kummerċ ta’ prodotti tal-injam lejn l-Unjoni Ewropea (1) (il-“Ftehim”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/904 (2) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2023.

(2)

Skont l-Artikolu 20(1) tal-Ftehim, ġie stabbilit Kumitat Konġunt ta’ Monitoraġġ u Rieżami (KKMR) biex jiffaċilita l-ġestjoni, il-monitoraġġ u r-rieżami tal-Ftehim, inkluż l-ġestjoni tal-awditjar indipendenti, u biex jiffaċilita d-djalogu u l-iskambji ta’ informazzjoni bejn il-partijiet tal-Ftehim. L-Artikolu 20(3) tal-Ftehim jipprevedi li l-KKMR għandu jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess.

(3)

Skont l-Artikolu 26(1) tal-Ftehim, meta l-partijiet għall-Ftehim naqqsu milli jsolvu tilwima permezz ta’ konsultazzjonijiet u, fejn applikabbli, medjazzjoni, huwa possibbli għal kwalunkwe parti li jitolbu l-istabbilment ta’ bord ta’ arbitraġġ. L-Artikolu 26(5) tal-Ftehim jipprevedi li l-KKMR għandu jistabbilixxi l-proċeduri ta’ ħidma għall-arbitraġġ.

(4)

Il-KKMR, matul il-laqgħa tiegħu li jmiss, se jadotta d-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-regoli ta’ proċedura tiegħu u l-proċeduri ta’ ħidma għall-arbitraġġ.

(5)

Jenħtieġ li l-Unjoni tiddetermina l-pożizzjoni li għandha tittieħed fi ħdan il-KKMR fir-rigward tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li tistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tal-KKMR u l-proċeduri ta’ ħidma għall-arbitraġġ.

(6)

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-KKMR għalhekk għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjonijiet mehmuża,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt ta’ Monitoraġġ u Rieżami (KKMR) stabbilit mill-Ftehim ta' Sħubija Volontarja bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Kooperattiva tal-Guyana dwar l-infurzar tal-liġi fis-settur forestali, it-tmexxija u l-kummerċ ta' prodotti tal-injam lejn l-Unjoni Ewropea għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjonijiet tal-KKMR mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni.

2.   Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-KKMR jistgħu jaqblu dwar bidliet tekniċi minuri fl-abbozz tad-Deċiżjonijiet tal-KKMR mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

PINTÉR S.


(1)   ĠU L 121, 5.5.2023, p. 3.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/904 tas-7 ta’ Marzu 2023 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija Volontarja bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Kooperattiva tal-Guyana dwar l-infurzar tal-liġi fis-settur forestali, it-tmexxija u l-kummerċ ta’ prodotti tal-injam lejn l-Unjoni Ewropea (ĠU L 121, 5.5.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/904/oj).


ABBOZZ

DEĊIŻJONI Nru ………

tal-KKMR dwar l-adozzjoni tar-Regoli ta' Proċedura tal-KKMR imsemmija fl-Artikolu 20 tal-Ftehim bejn l-UE u l-Guyana

IL-KKMR,

Wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-UE u l-Guyana, iffirmat f'Montreal, il-Kanada, fil-15 ta' Diċembru 2022, u li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Ġunju 2023, u b'mod partikolari l-Artikolu 20(3) tiegħu,

Billi:

1.

Il-KKMR għandu jadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu stess u għandu jwettaq il-funzjonijiet tiegħu kif deskritt fl-Anness X tal-Ftehim.

2.

Skont l-Artikolu 20(2) tal-Ftehim, ir-Regoli ta' Proċedura għandhom jiġu adottati b'kunsens tal-Partijiet.

3.

Ir-Regoli ta' Proċedura għandhom ikunu vinkolanti fuq il-Partijiet.

IL-KKMR IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

1.

Ir-Regoli ta' Proċedura tal-KKMR huma stabbiliti kif stipulati fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

2.

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fi …

Magħmula fi …

ANNESS

REGOLI TA' PROĊEDURA TAL-KKMR

Artikolu 1

Rappreżentanza tal-Partijiet

1.   Il-KKMR għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet fil-livell Ministerjali u/jew ta' uffiċjali għolja.

2.   Ir-rappreżentanza tal-UE għall-KKMR għandha titmexxa mill-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Guyana (jew responsabbli għall-Guyana) u għandha tinkludi rappreżentanti mill-Kummissjoni Ewropea sa massimu ta' għaxar rappreżentanti.

3.   Ir-rappreżentanza tal-Guyana għall-KKMR għandha titmexxa mill-Ministru għar-Riżorsi Naturali u għandha tinkludi l-Kummissarju għall-Foresti, uffiċjali mill-Ministeru għar-Riżorsi Naturali, il-Ministeru għall-Finanzi, il-Ministeru għall-Kummerċ, il-Ministeru għax-Xogħol, il-Ministeru għall-Affarijiet Amerindjani, kwalunkwe Ministeri jew Aġenziji Governattivi oħra kif meħtieġ, u l-Kummissjoni għall-Forestrija, sa għadd massimu ta' għaxar rappreżentanti.

4.   Kull Parti għandha tinnotifika bil-miktub lis-Segretarjat (imsemmi fl-Artikolu 7) l-ismijiet, id-dettalji ta' kuntatt u l-funzjonijiet tar-rappreżentanti tagħha lill-KKMR. Ir-rappreżentanti jitqiesu li għandhom l-awtorizzazzjoni li jirrappreżentaw il-Parti sad-data li fiha l-Parti tkun innotifikat lis-Segretarjat b'rappreżentant ġdid.

Artikolu 2

Presidenza

Il-KKMR għandu jkun ippresedut b'mod konġunt mill-Ministru għar-Riżorsi Naturali f'isem il-Guyana u l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Guyana (jew responsabbli għall-Guyana) f'isem l-UE. Il-Presidenti jistgħu jagħmlu arranġamenti biex ikunu rrappreżentati minn persuni ddeżinjati rispettivi. Il-persuna ddeżinjata għandha teżerċita d-drittijiet kollha ta' dak il-President.

Artikolu 3

Osservaturi tal-partijiet ikkonċernati

1.   Partijiet ikkonċernati nazzjonali fil-Guyana mis-soċjetà ċivili, l-NGOs lokali u internazzjonali, is-settur privat u l-popli indiġeni għandhom jiġu mistiedna jattendu l-laqgħat tal-KKMR u l-Kumitat Tekniku tal-KKMR bħala osservaturi, minn hawn 'il quddiem “osservaturi tal-partijiet ikkonċernati”, ħlief għal kwalunkwe sessjoni meqjusa mill-Presidenti bħala riżervata biss għar-rappreżentanti tal-Partijiet.

2.   Is-Segretarjat għandu jistieden lill-organizzazzjonijiet nazzjonali rilevanti tal-partijiet ikkonċernati mis-soċjetà ċivili, l-NGOs lokali u internazzjonali, is-settur privat u l-popli indiġeni biex jinnominaw/jeleġġu f'konformità mal-proċeduri rispettivi tagħhom l-osservaturi u s-sostituti tagħhom għall-KKMR u l-Kumitat Tekniku tal-KKMR għal perjodu ta' sentejn, kif ġej:

—

is-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) attivi fil-qasam tal-kwistjonijiet relatati mal-foresti jew mal-ambjent: żewġ (2) osservaturi.

—

l-organizzazzjonijiet tal-popli indiġeni: żewġ (2) osservaturi.

—

is-settur privat: żewġ (2) osservaturi.

3.   L-organizzazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati għandhom jinnotifikaw bil-miktub lis-Segretarjat l-ismijiet, l-organizzazzjoni u d-dettalji ta' kuntatt tal-osservaturi nnominati/eletti tagħhom, kif ukoll tas-sostituti tagħhom lis-Segretarjat. Il-partijiet ikkonċernati ser jaqsmu wkoll il-proċedura tal-għażla tal-osservaturi mas-Segretarjat.

4.   L-osservaturi tal-partijiet ikkonċernati jistgħu jippreżentaw lis-Segretarjat dokumenti relatati ma' punti speċifiċi fuq l-aġenda mhux aktar tard minn sebat ijiem kalendarji qabel il-laqgħa tal-KKMR. Jekk is-Segretarjat jikkonferma r-rilevanza u l-valur miżjud tad-dokumenti ppreżentati, għandu jimmarkahom “Għall-informazzjoni” u jiċċirkolahom lir-rappreżentanti tal-Partijiet.

5.   L-osservaturi ma għandux ikollhom drittijiet tal-vot jew kwalunkwe rwol ta' teħid ta' deċiżjonijiet b'rabta mad-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjoni li għandhom jiġu adottati mill-KKMR jew minn wieħed mill-korpi tiegħu.

Artikolu 4

Kumitat Tekniku tal-KKMR

1.   Il-KKMR għandu jiġi assistit fit-twettiq ta' dmirijietu minn Kumitat magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet fil-livell uffiċjali, minn hawn 'il quddiem il-“Kumitat Tekniku tal-KKMR”.

2.   Il-Kumitat Tekniku tal-KKMR, minn hawn 'il quddiem il-“Kumitat Tekniku”, għandu jħejji l-laqgħat u d-deliberazzjonijiet tal-KKMR, jimplimenta d-deċiżjonijiet tal-KKMR fejn xieraq u, b'mod ġenerali, jiżgura l-kontinwità tal-KKMR u l-funzjonament tajjeb tal-Ftehim. Huwa għandu jikkunsidra kwalunkwe kwistjoni li titressaq quddiemu mill-KKMR kif ukoll kwalunkwe kwistjoni li tista' tinqala' fl-andament tal-implimentazzjoni ta' kuljum tal-Ftehim.

3.   Il-Kumitat Tekniku għandu jkun ippresedut b'mod konġunt mill-Kap tal-Kooperazzjoni tad-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Guyana (jew responsabbli għall-Guyana) u l-Kummissarju għall-Foresti, jew il-persuni ddeżinjati minnhom.

4.   Ir-rappreżentanti tal-UE għall-Kumitat Tekniku għandhom ikunu uffiċjali mid-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Guyana u l-Kummissjoni Ewropea.

5.   Ir-rappreżentanti tal-Guyana għall-Kumitat Tekniku għandhom ikunu uffiċjali minn:

—

il-Ministeru għar-Riżorsi Naturali

—

il-Ministeru għall-Finanzi

—

il-Kummissjoni għall-Forestrija tal-Guyana (GFC, Guyana Forestry Commission)

—

jew kwalunkwe Ministeru jew Aġenzija oħra rilevanti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim

6.   Il-Kumitat Tekniku għandu jiltaqa' regolarment u mill-inqas qabel kull laqgħa tal-KKMR.

7.   Fil-każ li l-Kumitat Tekniku jiltaqa' indipendentement minn laqgħa tal-KKMR, il-minuti konġunti li jiġbru fil-qosor id-diskussjonijiet għandhom jintużaw mill-Faċilitatur u jiġu ffirmati mill-Presidenti. Is-Segretarjat għandu jgħaddihom lill-Presidenti tal-KKMR.

8.   Is-Segretarjat tal-KKMR għandu jipprovdi appoġġ amministrattiv lill-Kumitat Tekniku.

9.   Ir-Regoli ta' Proċedura attwali għandhom jiġu applikati mutatis mutandis mill-Kumitat Tekniku

10.   Il-Kumitat Tekniku ma għandu l-ebda setgħa ta' teħid ta' deċiżjonijiet, iżda jista' jippreżenta r-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-KKMR.

Artikolu 5

Sottokumitati għall-KKMR

1.   Skont l-Artikolu 3.11 tal-Anness V tal-Ftehim, il-Partijiet jistgħu jistabbilixxu sottokumitati għall-KKMR, kif xieraq, biex jittrattaw oqsma speċifiċi relatati mal-implimentazzjoni tal-Ftehim. Il-KKMR għandu jiddetermina l-għan, il-kompożizzjoni, it-tul ta' żmien, il-kompiti u l-metodi ta' ħidma ta' tali sottokumitati. Il-Partijiet għandhom jaħtru r-rappreżentanti tagħhom għas-sottokumitati u jinfurmaw lis-Segretarjat. Il-korrispondenza, id-dokumenti u l-komunikazzjoni rilevanti kollha bejn il-punti ta' kuntatt ta' kull sottokumitat għandhom jintbagħtu wkoll lis-Segretarjat.

2.   F'kull laqgħa regolari, il-KKMR għandu jirċievi rapporti minn kull sottokumitat dwar l-attivitajiet u l-progress tiegħu, inkluż rakkomandazzjonijiet lill-KKMR għal rieżami u azzjoni xierqa.

3.   Sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mill-KKMR, dawn ir-Regoli ta' Proċedura għandhom jiġu applikati mutatis mutandis mis-sottokumitati.

4.   Is-sottokumitati ma għandhom l-ebda setgħa ta' teħid ta' deċiżjonijiet, iżda jistgħu jippreżentaw ir-rakkomandazzjonijiet lill-KKMR.

Artikolu 6

Esperti u entitajiet ta' implimentazzjoni

1.   Il-Presidenti jistgħu jistiednu esperti biex jattendu l-laqgħat tal-Kumitat Tekniku u/jew tal-KKMR kif ukoll is-sottokumitati fuq bażi ad hoc biex jipprovdu informazzjoni dwar suġġetti speċifiċi, u biss għall-partijiet tal-laqgħa fejn jiġu diskussi tali suġġetti speċifiċi.

2.   Il-Presidenti jistgħu jaqblu li jistiednu entitajiet involuti fl-implimentazzjoni tal-Ftehim (l-“entitajiet ta' implimentazzjoni”), biex jattendu l-laqgħat tal-Kumitat Tekniku tal-KKMR u/jew il-laqgħat tal-KKMR kif ukoll is-sottokumitati jew partijiet minnhom kif xieraq fuq bażi ad hoc biex jipprovdu informazzjoni u aġġornamenti, kif ukoll biex jirċievu gwida u pariri dwar l-attivitajiet u l-kontribut tagħhom għall-implimentazzjoni tal-Ftehim u l-kisba tal-objettivi tiegħu.

Artikolu 7

Segretarjat

1.   Uffiċjal tad-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Guyana u uffiċjal tal-Kummissjoni għall-Forestrija tal-Guyana għandhom jaġixxu b'mod konġunt bħala s-Segretarjat tal-KKMR (is-“Segretarjat”). Kull Parti għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra l-isem, il-kariga/il-pożizzjoni u d-dettalji ta' kuntatt tal-uffiċjal membru tas-Segretarjat. Dan l-uffiċjal huwa meqjus li jkompli jaġixxi bħala membru tas-Segretarjat għall-Parti sad-data li fiha l-Parti tkun innotifikat membru ġdid lill-Parti l-oħra.

2.   Is-Segretarjat għandu jipprovdi appoġġ amministrattiv lill-KKMR u lill-Kumitat Tekniku, kif ukoll kwalunkwe sottokumitat stabbilit mill-KKMR.

3.   Is-Segretarjat għandu jkun assistit f'xogħlu mill-Faċilitatur imsemmi fl-Artikolu 8.

Artikolu 8

Faċilitazzjoni

1.   Il-KKMR għandu jinvolvi s-servizzi ta' persuna li għandha tkun indipendenti u imparzjali, biex tiffaċilita l-interazzjoni, id-djalogu u d-diskussjoni bejn il-Partijiet kif ukoll bejn il-Partijiet u l-partijiet ikkonċernati fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Ftehim, minn hawn 'il quddiem il-“Faċilitatur”.

2.   Il-kompiti tal-Faċilitatur għandhom jinkludi dan li ġej:

—

jappoġġa lill-kwistjonijiet kollha relatati mal-organizzazzjoni tal-laqgħat tal-KKMR, il-Kumitat Tekniku, is-sottokumitati inkluż lill-aġenda, l-istediniet, il-loġistika u kwalunkwe kwistjoni oħra mitluba mis-Segretarjat.

—

jiffaċilita d-diskussjoni matul il-laqgħat tal-KKMR, il-Kumitat Tekniku u s-sottokumitati, iżommu noti tad-diskussjonijiet u jipprovdi l-abbozz ta' Aide-Mémoire/Minuti Konġunti jew sommarju tad-diskussjonijiet kif rilevanti.

—

jidentifika f'assoċjazzjoni mal-Partijiet il-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha u jappoġġa kif meħtieġ il-proċessi għan-nomina/l-elezzjoni tar-rappreżentanti bħala osservaturi tal-partijiet ikkonċernati.

—

jassisti fit-tħejjija tar-Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim Volontarju ta' Partenarjat (VPA).

—

jidentifika u jirrapporta lis-Segretarjat kwalunkwe kwistjoni relatata mal-implimentazzjoni tal-Qafas Konġunt ta' Implimentazzjoni u/jew l-implimentazzjoni tal-VPA b'mod ġenerali.

—

jappoġġa fuq talba l-kwistjonijiet relatati mal-fondi, il-finanzjament u l-koordinazzjoni tad-donaturi.

—

jidentifika u jirrapporta lis-Segretarjat kwalunkwe kwistjoni fir-rigward tas-sinerġiji ma' inizjattivi rilevanti oħra, inkluż iżda mhux limitat għas-Sħubija għall-Foresti bejn il-Guyana u l-UE u REDD+.

—

iwieġeb għal kwalunkwe talba mis-Segretarjat u/jew mill-Presidenti tal-KKMR, il-Kumitat Tekniku, u s-sottokumitati.

3.   Il-Faċilitatur għandu jopera taħt il-gwida u s-superviżjoni tas-Segretarjat li għandu jibqa' dejjem infurmat dwar l-attivitajiet tal-Faċilitatur.

Artikolu 9

Dokumenti

Meta d-deliberazzjonijiet tal-KKMR u/jew tal-Kumitat Tekniku jkunu bbażati fuq dokumenti ta' sostenn bil-miktub, tali dokumenti għandhom jiġu nnumerati u ċċirkolati mis-Segretarjat bħala dokumenti tal-KKMR u għandha ssir referenza għalihom fl-Aide-Mémoire u/jew fil-Minuti Konġunti.

Artikolu 10

Korrispondenza

1.   Ir-rappreżentanti tal-Partijiet responsabbli għall-komunikazzjoni uffiċjali dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim għandhom ikunu l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Guyana għall-UE (jew responsabbli għall-Guyana) u l-Ministru responsabbli għall-Finanzi (għall-Guyana) kif stabbilit fl-Artikolu 22(1) tal-Ftehim.

2.   Il-korrispondenza kollha għall-KKMR għandha tintbagħat lis-Segretarjat. Is-Segretarjat ser jinforma kif jistgħu jsiru l-preżentazzjonijiet, pereżempju, permezz ta' korrispondenza bil-miktub, email, oħrajn.

3.   Is-Segretarjat għandu jiżgura li l-korrispondenza indirizzata lill-KKMR tintbagħat lill-Presidenti u, fejn xieraq, tiġi ċċirkolata bħala dokumenti msemmija fl-Artikolu 9 lir-rappreżentanti tal-Partijiet. Il-Korrispondenza minn kwalunkwe wieħed mill-Presidenti għandha tintbagħat lir-riċevituri mis-Segretarjat u tiġi nnumerata u ċċirkolata, fejn xieraq, lill-Parti l-oħra.

4.   Kwalunkwe Parti minnhom it-tnejn għandha tibgħat id-dokumenti rilevanti kollha lis-Segretarjat mhux aktar tard minn 14-il jum kalendarju qabel il-laqgħa li jmiss tal-KKMR.

Artikolu 11

Laqgħat

1.   Il-KKMR għandu jiltaqa' mill-inqas darbtejn fis-sena, kif previst fl-Artikolu 20(4) tal-Ftehim, jew fuq talba ta' kwalunkwe waħda mill-Partijiet.

2.   Bħala eċċezzjoni u jekk il-Partijiet jaqblu, il-laqgħat tal-KKMR, il-Kumitat Tekniku u s-sottokumitati jistgħu jsiru virtwalment/permezz ta' vidjokonferenza.

3.   Kull laqgħa tal-KKMR għandha tissejjaħ mis-Segretarjat f'data u post miftiehma mill-Partijiet. L-avviż ta' laqgħa għandu jinħareġ mis-Segretarjat lir-rappreżentanti tal-Partijiet sa mhux aktar tard minn 28 jum kalendarju qabel tibda l-laqgħa, sakemm il-Partijiet ma jiftehmux mod ieħor.

4.   Il-Partijiet għandhom jinfurmaw lis-Segretarjat tal-KKMR dwar il-kompożizzjoni maħsuba tad-delegazzjonijiet li jattendu l-laqgħa mhux aktar tard minn 14-il jum kalendarju qabel tibda l-laqgħa.

Artikolu 12

Aġenda għal-Laqgħat

1.   Għal kull laqgħa għandha titħejja aġenda proviżorja mis-Segretarjat abbażi tal-proposti magħmula mill-Partijiet. Din għandha tintbagħat, flimkien mad-dokumenti rilevanti, lill-Presidenti sa mhux aktar tard minn 21 jum kalendarju qabel tibda l-laqgħa.

2.   Iż-żidiet jew il-bidliet fl-aġenda proviżorja jridu jaslu għand is-Segretarjat mhux aktar tard minn 14-il jum kalendarju qabel tibda l-laqgħa dment li d-dokumenti ta' sostenn rilevanti kollha jaslu wkoll għand is-Segretarjat flimkien mat-talba għaż-żidiet jew il-bidliet.

3.   L-aġenda għandha tiġi adottata mill-KKMR fil-bidu ta' kull laqgħa. Il-punti għajr dawk li jidhru fl-aġenda proviżorja jistgħu jiddaħħlu fl-aġenda jekk il-Partijiet jaqblu li jsir dan.

4.   Is-Segretarjat jista', bi qbil mal-Presidenti, inaqqas il-perjodi ta' żmien speċifikati fil-paragrafi 1 u 2 sabiex jitqiesu r-rekwiżiti ta' każ partikolari.

Artikolu 13

Aide-Mémoire

1.   Għandu jitħejja mill-Faċilitatur abbozz tal-minuti ta' kull laqgħa.

2.   Bħala regola ġenerali, il-minuti għandhom jiddeskrivu fil-qosor kull punt fl-aġenda, u fejn applikabbli jispeċifikaw:

(a)

id-dokumenti ppreżentati lill-KKMR

(b)

kwalunkwe dikjarazzjoni li l-Presidenti jkunu qablu li tiddaħħal

(c)

il-konklużjonijiet fir-rigward ta' punti speċifiċi fuq l-aġenda. Il-konklużjonijiet jirriflettu l-eżitu tad-diskussjoni dwar suġġett speċifiku. Huma jistgħu ikunu, jew ma jkunux, marbuta ma' Rakkomandazzjonijiet.

(d)

ir-rakkomandazzjonijiet adottati f'konformità mal-Artikolu 14 u

(e)

id-deċiżjonijiet adottati f'konformità mal-Artikolu 14.

3.   Il-minuti għandhom jinkludu wkoll lista tal-parteċipanti fil-laqgħa.

4.   Il-minuti għandhom jiġu approvati u ffirmati mill-Presidenti fi tmiem il-laqgħa (l-“Aide-Mémoire”). Is-Segretarjat għandu jagħti kopja oriġinali waħda ta' dawk id-dokumenti awtentiċi lill-Partijiet.

5.   Kumitat Tekniku tal-KKMR li jiltaqa' indipendentement minn KKMR għandu joħroġ il-minuti tiegħu stess li jiġbru fil-qosor id-diskussjoni dwar kull punt tal-aġenda tiegħu. Dawn id-diskussjonijiet ser jiġu inkorporati fil-laqgħat rilevanti tal-KKMR.

L-Aide-Mémoire għandu jsir pubbliku.

Artikolu 14

Deċiżjonijiet u Rakkomandazzjonijiet

1.   Il-KKMR jista' jadotta Deċiżjonijiet u/jew Rakkomandazzjonijiet fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha meta l-Ftehim jipprevedi dan. Kif previst fl-Artikolu 20(2) tal-Ftehim, id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet għandhom jiġu adottati b'kunsens.

2.   Id-Deċiżjonijiet u/jew ir-Rakkomandazzjonijiet għandhom ikunu vinkolanti fuq il-Partijiet u għandhom jidħlu fis-seħħ wara t-tlestija tal-proċeduri interni rispettivi ta' kull Parti.

3.   Bejn laqgħa u oħra, il-KKMR jista' jadotta deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet permezz ta' proċedura bil-miktub, jekk il-Partijiet jaqblu dwar dan. Proċedura bil-miktub għandha tikkonsisti minn skambju ta' noti bejn il-Partijiet. Il-Presidenti għandu jkollhom is-setgħa li jiskambjaw tali noti u li jikkonfermaw il-ftehim dwar kwalunkwe deċiżjoni, kif meħtieġ. Il-proċedura bil-miktub għandu jkollha limitu ta' żmien ta' mhux aktar minn 21 jum kalendarju li fih il-Parti l-oħra trid tgħarraf kwalunkwe riżerva jew emenda li jkollha.

Fi żmien 21 jum wara li tirċievi l-proċedura bil-miktub, Parti tista' titlob bil-miktub lill-Parti l-oħra li l-proposta tiġi diskussa fil-laqgħa tal-KKMR li jmiss. Tali talba awtomatikament tissospendi l-proċedura bil-miktub.

Proposta li dwarha ma kien hemm l-ebda riżerva fil-limitu ta' żmien stabbilit għal proċedura bil-miktub għandha titqies adottata mill-KKMR.

Il-proposti adottati għandhom jiġu rreġistrati fl-Aide Memoire tal-laqgħa li jmiss tal-KKMR.

4.   Deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet għandu jkollhom it-titlu “Deċiżjoni” jew “Rakkomandazzjoni” rispettivament, u għandhom ikunu segwiti b'numru tas-serje, id-data tal-adozzjoni u deskrizzjoni tas-suġġett tagħhom. Kull deċiżjoni għandha tipprevedi d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.

5.   Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet adottati mill-KKMR għandhom jiġu awtentikati billi ssir disponibbli għal kull Parti kopja awtentika ffirmata mill-Presidenti tal-KKMR.

Artikolu 15

Lingwi

1.   Il-lingwa uffiċjali tal-KKMR għandha tkun l-Ingliż.

2.   Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor, il-KKMR għandu jibbaża d-deliberazzjonijiet tiegħu fuq dokumentazzjoni u proposti mħejjija bl-Ingliż.

Artikolu 16

Pubbliċità u Kunfidenzjalità

1.   Sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor, il-laqgħat tal-KKMR ma għandhomx ikunu pubbliċi.

2.   Meta Parti tippreżenta informazzjoni meqjusa bħala kunfidenzjali skont il-liġijiet u r-regolamenti tagħha lill-KKMR, lill-Kumitat Tekniku, u lis-sottokumitati, il-Partijiet għandhom jittrattaw dik l-informazzjoni bħala kunfidenzjali.

3.   Kull Parti tista' tiddeċiedi dwar il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-KKMR fil-pubblikazzjoni uffiċjali rispettiva tagħha.

Artikolu 17

Spejjeż

1.   Kull Parti għandha tieħu ħsieb kwalunkwe spiża li ġġarrab bħala riżultat tal-parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-KKRM, il-Kumitat Tekniku, u s-sottokumitati fir-rigward tal-persunal, l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-għajxien, kif ukoll fir-rigward tal-ispejjeż tal-posta u tat-telekomunikazzjoni.

2.   Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jaqsmu l-ispejjeż b'rabta mal-organizzazzjoni tal-laqgħat u r-riproduzzjoni tad-dokumenti b'mod ugwali. Ser isiru diskussjonijiet ad hoc bejn il-Partijiet f'dan ir-rigward.

Artikolu 18

Missjonijiet fuq il-Post

Jekk kwalunkwe Parti minnhom it-tnejn titlob li twettaq missjoni fuq il-post marbuta mal-Ftehim, iż-żewġ Partijiet għandhom jaqblu fuq it-Termini ta' Referenza u l-iskedar tal-missjoni.

Artikolu 19

Medjazzjoni

1.   Parti tista', fi kwalunkwe ħin, titlob bil-miktub li l-Partijiet jidħlu fi proċedura ta' medjazzjoni. It-talba trid tkun dettaljata biżżejjed biex tippreżenta b'mod ċar il-kwistjoni mqajma u t-tħassib tal-Parti lmentatriċi. Meta Parti titlob medjazzjoni skont il-paragrafu 1, il-Parti l-oħra għandha tikkunsidra t-talba u twieġeb bil-miktub fi żmien sebat ijiem kalendarji minn mit-talba. Jekk dan ma jsirx, għandha titqies li tkun ġiet irrifjutata t-talba għall-medjazzjoni.

2.   Meta l-Partijiet jaqblu li jirrikorru għall-medjazzjoni skont l-Artikolu 25(4) tal-Ftehim, il-Partijiet għandhom jagħżlu b'mod konġunt medjatur fil-bidu tal-proċediment ta' medjazzjoni, u mhux aktar tard minn 14-il jum kalendarju wara li jirċievu t-tweġiba għat-talba għall-medjazzjoni. Jekk ma jagħmlux dan, il-Partijiet jistgħu jitolbu b'mod konġunt lis-Segretarju Ġenerali tal-Qorti Permanenti tal-Arbitraġġ jaħtar medjatur fi żmien sebat ijiem.

3.   Medjatur ma għandux ikun ċittadin ta' waħda mill-Partijiet, sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor. Il-medjatur jassisti lill-Partijiet b'mod indipendenti u imparzjali fit-tentattiv tagħhom li jilħqu soluzzjoni amikevoli għat-tilwima tagħhom. Il-medjatur ser ikun iggwidat minn prinċipji ta' oġġettività, ekwità u ġustizzja, b'kunsiderazzjoni, fost affarijiet oħra, għad-drittijiet u l-obbligi tal-Partijiet u ċ-ċirkostanzi tat-tilwima, inkluż kwalunkwe prattika preċedenti bejn il-Partijiet. Il-medjatur jista' jmexxi l-proċedimenti ta' medjazzjoni b'tali mod li jqis xieraq, b'kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi tal-każ, ix-xewqat li l-Partijiet jistgħu jesprimu, inkluż kwalunkwe talba minn Parti li l-medjatur jisma' dikjarazzjonijiet orali, u kwalunkwe ħtieġa speċjali għal soluzzjoni rapida tat-tilwima.

4.   Il-medjatur jista' jorganizza laqgħat bejn il-Partijiet, jikkonsulta lill-Partijiet flimkien jew individwalment, ifittex l-assistenza ta' esperti rilevanti u partijiet ikkonċernati jew jikkonsultahom, u jipprovdi kwalunkwe appoġġ addizzjonali mitlub mill-Partijiet.

5.   Il-medjatur mistenni jagħti l-opinjoni tiegħu lill-Partijiet fi żmien 45 jum kalendarju mill-ħatra tiegħu. Tista' ssir talba għal żmien addizzjonali mill-Partijiet, dment li jkun hemm ġustifikazzjoni suffiċjenti.

6.   Filwaqt li jqisu l-opinjoni mogħtija mill-medjatur, il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jilħqu soluzzjoni reċiprokament sodisfaċenti fi żmien 30 jum kalendarju min-notifika tal-opinjoni tal-medjatur. Sakemm jintlaħaq ftehim finali, il-Partijiet jistgħu jikkonsidraw soluzzjonijiet interim possibbli.

7.   Is-soluzzjoni tista' tiġi adottata mill-KKMR. Il-Partijiet jistgħu jiddeċiedu li japplikaw il-proċedura bil-miktub skont l-Artikolu 15(3) tal-Anness attwali minflok ma jlaqqgħu laqgħa tal-KKMR. Soluzzjonijiet reċiprokament sodisfaċenti għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku, dment li l-Partijiet ma jiddeċidux mod ieħor. Madankollu, il-verżjoni divulgata lill-pubbliku ma jistax ikun fiha informazzjoni kklassifikata bħala kunfidenzjali minn kwalunkwe waħda mill-Partijiet.

8.   Il-medjatur għandu jippreżenta bil-miktub lill-Partijiet abbozz ta' rapport fattwali, li jiġbor fil-qosor il-kwistjoni mqajma u kwalunkwe soluzzjoni reċiprokament sodisfaċenti li tinstab bħala l-eżitu finali tal-proċedimenti, inkluż soluzzjonijiet interim possibbli. Il-medjatur għandu jagħti lill-Partijiet 15-il jum biex jikkummentaw dwar l-abbozz tar-rapport. Wara li jikkunsidra l-kummenti tal-Partijiet ippreżentati fi żmien id-data tal-iskadenza mogħtija, il-medjatur għandu jippreżenta, bil-miktub, rapport fattwali finali lill-Partijiet fi żmien 15-il jum. Ir-rapport fattwali ma jista' jkun fih l-ebda interpretazzjoni tal-Ftehim.

9.   Il-proċediment għandu jintemm:

(a)

bl-adozzjoni ta' soluzzjoni miftiehma reċiprokament mill-Partijiet, fid-data tal-adozzjoni;

(b)

b'dikjarazzjoni bil-miktub tal-medjatur, wara konsultazzjoni mal-Partijiet, li sforzi ulterjuri ta' medjazzjoni ma jwasslu mkien, fid-data ta' dik id-dikjarazzjoni;

(c)

b'dikjarazzjoni bil-miktub ta' Parti, wara l-esplorazzjoni ta' soluzzjonijiet reċiprokament meqjusa fil-qafas tal-proċedimenti ta' medjazzjoni u wara li titqies l-opinjoni tal-medjatur, fid-data ta' dik id-dikjarazzjoni. Tali dikjarazzjoni ma tistax issir qabel ma jkun skada l-perjodu stipulat fl-Artikolu 7; jew

(d)

fi kwalunkwe stadju tal-proċediment bi qbil reċiproku bejn il-Partijiet, fid-data ta' dak il-qbil.

10.   Meta l-Partijiet ikunu qablu dwar soluzzjoni, kull Parti għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex timplimentaha fil-limitu ta' żmien miftiehem. Il-Parti li timplimenta s-soluzzjoni reċiprokament sodisfaċenti għandha tinforma lill-Parti l-oħra bil-miktub bi kwalunkwe pass jew miżura li tieħu biex timplimentaha, u dan fil-limitu ta' żmien miftiehem.

11.   Il-Partijiet ser jirsistu biex jaqsmu l-ispejjeż b'rabta ma' proċediment ta' medjazzjoni b'mod ugwali. Diskussjonijiet ad hoc bejn il-Partijiet ser isiru f'dan ir-rigward.

Artikolu 20

Emendi tal-Annessi

1.   Jekk waħda mill-Partijiet tixtieq temenda d-dispożizzjonijiet tal-Annessi tal-Ftehim, għandha tinnotifika lill-KKMR kif xieraq u tippreżenta l-proposta tagħha għal dan l-għan.

2.   Il-KKMR jista' jitlob lill-Kumitat Tekniku tal-KKMR jikkunsidra l-proposta u jesprimi l-fehmiet u s-suġġerimenti tiegħu. Il-KKMR jista' jistabbilixxi sottokumitat biex jappoġġa lill-Kumitat Tekniku tal-KKMR f'din il-ħidma.

3.   Il-KKMR jista', fuq proposta ta' Parti waħda, u filwaqt li jqis il-fehmiet u s-suġġerimenti tal-Kumitat Tekniku tal-KKMR, jadotta deċiżjoni li temenda l-Annessi f'konformità mal-Artikolu 27(3) tal-Ftehim u l-Artikolu 14 ta' dawn ir-Regoli.

Artikolu 21

Emenda tar-Regoli ta' Proċedura

Il-KKMR jista' jadotta deċiżjonijiet li jemendaw dawn ir-Regoli ta' Proċedura f'konformità mal-Artikolu 14 ta' dawn ir-Regoli.


ABBOZZ

DEĊIŻJONI Nru …/2024 TAL-KUMITAT KONĠUNT TA’ MONITORAĠĠ U RIEŻAMI

ta’…

dwar l-adozzjoni tal-proċeduri ta’ ħidma għall-arbitraġġ imsemmija fl-Artikolu 26 tal-Ftehim ta’ Sħubija Volontarja bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Kooperattiva tal-Guyana dwar l-infurzar tal-liġi fis-settur forestali, it-tmexxija u l-kummerċ ta’ prodotti tal-injam lejn l-Unjoni Ewropea

IL-KUMITAT KONĠUNT TA' MONITORAĠĠ U RIEŻAMI,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija Volontarja bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Kooperattiva tal-Guyana dwar l-infurzar tal-liġi fis-settur forestali, it-tmexxija u l-kummerċ ta’ prodotti tal-injam lejn l-Unjoni Ewropea (1) (il-“Ftehim”), u b’mod partikolari l-Artikolu 26 tiegħu,

Billi:

Il-Ftehim jipprevedi li l-Kumitat Konġunt ta’ Monitoraġġ u Rieżami għandu jadotta Proċeduri ta’ Ħidma għall-Arbitraġġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-proċeduri ta’ ħidma għall-arbitraġġ f’każ ta’ soluzzjoni ta’ tilwim skont il-Ftehim ta’ Sħubija Volontarja bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Kooperattiva tal-Guyana dwar l-infurzar tal-liġi fis-settur forestali, it-tmexxija u l-kummerċ ta’ prodotti tal-injam lejn l-Unjoni Ewropea huma b’dan adottati kif stipulat fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmula fi …, …

Għall-Kumitat Konġunt ta’ Monitoraġġ u Rieżami

Il-Kopresidenti


(1)   ĠU UE L 121, 5.5. 2023, p. 3.

ANNESS

PROĊEDURI TA’ ĦIDMA GĦALL-ARBITRAĠĠ

Taqsima I

Dispożizzjonijiet introduttorji

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dawn il-Proċeduri ta’ Ħidma għall-Arbitraġġ jissupplimentaw u jiċċaraw il-Ftehim ta’ Sħubija Volontarja (il-“Ftehim”), bejn l-Unjoni Ewropea, minn hawn ’il quddiem l-Unjoni u r-Repubblika Kooperattiva tal-Guyana (“Guyana”), b’mod partikolari l-Artikolu 26 tiegħu.

2.   Dawn il-Proċeduri ta’ Ħidma għall-Arbitraġġ jimmiraw li jippermettu lill-Unjoni u lill-Guyana (il-“Partijiet”) isolvu tilwim li jista’ jinqala’ bejniethom fir-rigward tal-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Ftehim permezz ta’ mekkaniżmu ta’ arbitraġġ.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dawn il-Proċeduri ta’ Ħidma għall-Arbitraġġ, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“bord tal-arbitraġġ” tfisser bord stabbilit skont l-Artikolu 26.1 tal-Ftehim;

(2)

“arbitru” tfisser membru tal-bord tal-arbitraġġ;

(3)

“parti Lmentatriċi” tfisser il-parti għall-Ftehim li titlob l-istabbiliment ta’ bord tal-arbitraġġ skont l-Artikolu 26.1 tal-Ftehim;

(4)

“konvenut” tfisser il-parti għall-Ftehim li tiġi nnotifikata bit-talba għall-istabbiliment ta’ bord ta’ arbitraġġ skont l-Artikolu 26(1) tal-Ftehim;

(5)

“rappreżentant ta’ Parti” tfisser impjegat, jew kwalunkwe individwu maħtur minn Parti li tirrappreżenta dik il-Parti għall-finijiet ta’ tilwima li taqa’ taħt dan il-Ftehim;

(6)

“jum” tfisser jum kalendarju, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor;

(7)

“parti terza” tfisser parti li mhijiex parti litiganti, iżda li tipparteċipa fil-proċedimenti ta’ arbitraġġ;

(8)

“Uffiċċju Internazzjonali” tfisser l-Uffiċċju Internazzjonali tal-Qorti Permanenti tal-Arbitraġġ;

(9)

“Regoli tal-PCA” tfisser ir-Regoli tal-2012 tal-Qorti Permanenti tal-Arbitraġġ (PCA, Permanent Court of Arbitration), b’effett mis-17 ta’ Diċembru 2012, inkluża kwalunkwe emenda sussegwenti;

(10)

“Awtorità tal-ħatra tal-PCA” tfisser l-awtorità tal-Qorti Permanenti tal-Arbitraġġ identifikata fir-regoli tal-PCA bħala li għandha r-responsabbiltà li taħtar arbitri f’konformità mar-regoli tal-PCA.

Artikolu 3

Dritt applikabbli

1.   Il-bord tal-arbitraġġ għandu japplika l-Ftehim kif interpretat f’konformità mal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati, u trattati, regoli u prinċipji oħra tad-dritt internazzjonali rilevanti għat-tilwima u applikabbli bejn il-Partijiet.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, meta tilwima mressqa għall-arbitraġġ tqajjem kwistjoni ta’ interpretazzjoni u applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tal-Ftehim definita b’referenza għal dispożizzjoni tal-liġi domestika ta’ Parti, il-bord tal-arbitraġġ jista’ jikkunsidra, kif xieraq, il-liġi domestika ta’ dik il-Parti bħala element ta’ fatt. Meta jagħmel dan, il-bord tal-arbitraġġ għandu jsegwi l-interpretazzjoni prevalenti mogħtija lil-liġi domestika mill-qrati jew mill-awtoritajiet ta’ dik il-Parti. Kwalunkwe interpretazzjoni mogħtija lil-liġi domestika mill-bord tal-arbitraġġ ma għandhiex tkun vinkolanti fuq il-qrati jew l-awtoritajiet ta’ dik il-Parti.

Artikolu 4

Notifiki

1.   Kwalunkwe talba, notifika, preżentazzjoni bil-miktub jew dokument ieħor tal-bord tal-arbitraġġ għandu jintbagħat liż-żewġ Partijiet u fejn ikun rilevanti u xieraq lill-Uffiċċju Internazzjonali, fl-istess waqt.

Kwalunkwe talba, notifika, preżentazzjoni bil-miktub jew dokument ieħor tal-parti li hija indirizzata lill-bord tal-arbitraġġ għandha tiġi kkupjata u mibgħuta lill-Parti l-oħra u fejn ikun rilevanti u xieraq lill-Uffiċċju Internazzjonali, fl-istess waqt.

Kwalunkwe talba, notifika, preżentazzjoni bil-miktub jew dokument ieħor ta’ Parti li hija indirizzata lill-Parti l-oħra għandu jiġi kkupjat u mibgħuta lill-bord tal-arbitraġġ u fejn rilevanti u xieraq lill-Uffiċċju Internazzjonali, fl-istess waqt.

2.   Kwalunkwe notifika ta’ talba, avviż, preżentazzjoni bil-miktub jew dokument ieħor skont il-paragrafu 1 għandha ssir permezz tal-posta elettronika jew, fejn xieraq, bi kwalunkwe mezz ieħor ta’ komunikazzjoni li jipprovdi reġistrazzjoni li jkun intbagħat id-dokument. Sakemm ma jkunx ipprovat mod ieħor, tali notifika għandha titqies li tkun waslet fl-istess data li fiha tkun intbagħtet.

3.   F’konformità mal-Artikolu 22 tal-Ftehim, in-notifiki kollha għandhom jiġu indirizzati lill-Ministru għall-Finanzi tal-Guyana, għall-Guyana, u lill-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni fil-Guyana, għall-Unjoni.

4.   Żbalji żgħar ta’ natura klerikali f’talba, notifika, preżentazzjoni bil-miktub jew dokument ieħor relatat mal-proċedimenti tal-bord tal-arbitraġġ jistgħu jitranġaw billi jintbagħat dokument ġdid li jindika b’mod ċar il-bidliet.

5.   Jekk l-aħħar jum għall-kunsinna ta’ dokument jaħbat jum ta’ btala pubblika tal-Guyana jew tal-Unjoni, il-perjodu ta’ żmien għat-twassil tad-dokument għandu jintemm fl-ewwel jum ta’ negozju li jmiss.

Artikolu 5

Rappreżentanti

Il-Partijiet jistgħu jkunu rappreżentati jew assistiti minn persuni tal-għażla tagħhom, f’konformità mar-regoli u l-proċeduri interni tagħhom. L-ismijiet u l-indirizzi ta’ tali persuni għandhom jiġu kkomunikati bil-miktub lill-Parti l-oħra inkluż jekk il-ħatra tkunx qed issir għall-finijiet ta’ assistenza jew rappreżentanza.

Taqsima II

Stabbiliment tal-bord tal-arbitraġġ

Artikolu 6

Ħatra tal-arbitri

1.   Soġġett għall-paragrafu 5, kull waħda mill-Partijiet għandha taħtar arbitru wieħed. Iż-żewġ arbitri maħtura b’dan il-mod għandhom jagħżlu t-tielet arbitru, li jaġixxi bħala l-arbitru li jippresjedi l-bord tal-arbitraġġ.

2.   Jekk fi żmien 30 jum li tkun waslet in-notifika tal-Parti lmentatriċi dwar il-ħatra ta’ arbitru, il-konvenut ma jkunx innotifika lill-Parti lmentatriċi dwar l-arbitru li tkun ħatar, il-Parti mentatriċi tista’ titlob lill-Uffiċċju Internazzjonali biex jaħtar it-tieni arbitru. L-awtorità tal-ħatra tal-PCA għandha taħtar it-tieni arbitru malajr kemm jista’ jkun.

3.   Jekk fi żmien 30 jum mill-ħatra tat-tieni arbitru, iż-żewġ arbitri ma jkunux qablu dwar l-għażla tat-tielet arbitru, kwalunkwe waħda mill-partijiet tista’ titlob lill-Uffiċċju Internazzjonali, soġġett għall-paragrafu 5, biex jaħtar it-tielet arbitru f’konformità mar-regoli applikabbli tal-PCA. L-awtorità tal-ħatra tal-PCA għandha taħtar it-tielet arbitru malajr kemm jista’ jkun. Meta tagħmel il-ħatra, l-awtorità tal-ħatra tal-PCA għandha tuża l-proċedura tal-lista li ġejja:

(a)

l-awtorità tal-ħatra tal-PCA għandha tikkomunika lil kull waħda mill-Partijiet lista identika li jkun fiha mill-inqas tliet ismijiet;

(b)

fi żmien 15-il jum minn meta tirċievi l-lista msemmija fil-punt (a), kull Parti għandha tirritorna l-lista lill-Uffiċċju Internazzjonali, mingħajr ma tikkopja lill-Parti l-oħra, wara li tkun ħassret l-isem jew l-ismijiet li tkun qed toġġezzjona għalihom u tkun innumerat l-ismijiet li jkun fadal fuq il-lista fl-ordni tal-preferenza tagħha;

(c)

wara li jiskadi l-perjodu ta’ żmien imsemmi fil-punt (b), l-awtorità tal-ħatra tal-PCA għandha taħtar it-tielet arbitru minn fost l-ismijiet approvati fil-listi mibgħuta lura lilha u f’konformità mal-ordni ta’ preferenza indikata mill-Partijiet;

(d)

jekk għal xi raġuni l-ħatra ma tkunx tista’ ssir skont din il-proċedura stabbilita f'dan il-paragrafu, l-awtorità tal-ħatra tal-PCA tista’ teżerċita d-diskrezzjoni tagħha fil-ħatra tat-tielet arbitru.

4.   Fil-ħatra tal-arbitri, il-Partijiet u l-awtorità tal-ħatra tal-PCA jistgħu jagħżlu persuni li huma Membri tal-Qorti Permanenti tal-Arbitraġġ.

5.   Fil-ħatra tal-arbitri, il-Partijiet u l-awtorità tal-ħatra tal-PCA ma għandhomx jagħżlu persuni li huma membri, uffiċjali jew impjegati oħra tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, tal-gvern ta’ Stat Membru tal-Unjoni, jew tal-Gvern tal-Guyana.

Artikolu 7

Nuqqas tal-istabbiliment tal-bord tal-arbitraġġ

F’każ li jonqos milli jiġi stabbilit bord ta’ arbitraġġ skont l-Artikolu 6, l-awtorità tal-ħatra tal-PSA għandha, fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet., tikkostitwixxi l-bord tal-arbitraġġ u, meta tagħmel dan, tista’ tirrevoka kwalunkwe ħatra li tkun diġà saret u taħtar kull wieħed mill-arbitri u tinnomina wieħed minnhom bħala l-arbitru li jippresjedi. L-awtorità tal-ħatra tal-PCA tista’, jekk tqis li jkun xieraq, taħtar mill-ġdid persuni maħtura preċedentement.

Artikolu 8

Indipendenza u immunità tal-arbitri

1.   L-arbitri għandhom ikunu indipendenti u imparzjali, għandhom iservu fil-kapaċità individwali tagħhom u ma għandhom jieħdu struzzjonijiet minn ebda organizzazzjoni jew gvern.

2.   Meta persuna tiġi avviċinata b’rabta mal-ħatra possibbli tiegħu jew tagħha bħala arbitru, hu jew hi għandha tiżvela lill-Partijiet u lill-awtorità tal-ħatra tal-PCA kwalunkwe ċirkostanza li x’aktarx twassal għal dubji ġustifikabbli dwar l-imparzjalità jew l-indipendenza tiegħu jew tagħha. Mill-mument tal-ħatra tiegħu jew tagħha u matul il-proċedimenti tal-arbitraġġ, arbitru għandu mingħajr dewmien jiżvela kwalunkwe ċirkostanza li x’aktarx twassal għal dubji ġustifikabbli dwar l-imparzjalità jew l-indipendenza tiegħu jew tagħha lill-Partijiet u lill-Uffiċċju Internazzjonali u lill-arbitri l-oħra.

3.   L-arbitri għandhom igawdu minn immunità minn proċedimenti legali fl-Unjoni u fil-Guyana fir-rigward ta’ atti jew ommissjonijiet b’rabta mal-arbitraġġ.

Artikolu 9

Kuntatti ex parte

1.   Il-bord tal-arbitraġġ ma għandux jiltaqa’ jew jikkomunika ma’ Parti jekk il-Parti l-oħra ma tkunx preżenti.

2.   Arbitru ma għandu jiddiskuti l-ebda aspett tas-suġġett tal-proċedimenti ma’ Parti waħda jew maż-żewġ Partijiet jekk ma jkunux preżenti l-arbitri l-oħra.

Artikolu 10

Sostituzzjoni ta’ arbitru

1.   Fil-każ ta’ mewt jew riżenja ta’ arbitru matul il-proċedimenti ta’ arbitraġġ, għandu jinħatar jew jintgħażel arbitru sostitut skont il-proċedura skont l-Artikolu 6, li hija applikabbli għall-ħatra jew l-għażla tal-arbitru li jkun qed jiġi sostitwit.

2.   Fil-każ li arbitru jonqos milli jaġixxi, jew de jure jew de facto ma jkunx jista’ jwettaq il-funzjonijiet tiegħu jew tagħha, għandha tapplika l-proċedura għall-kontestazzjoni u s-sostituzzjoni ta’ arbitru stabbilita fl-Artikolu 11.

3.   Jekk arbitru huwa sostitwit, il-proċedimenti għandhom jissoktaw fl-istadju fejn l-arbitru li ġie sostitwit ma baqax iwettaq il-funzjonijiet tiegħu jew tagħha, sakemm il-bord tal-arbitraġġ ma jiddeċidix mod ieħor.

Artikolu 11

Kontestazzjoni tal-arbitri

1.   Kwalunkwe Parti tista’ tikkontesta arbitru jekk jeżistu ċirkostanzi li jwasslu għal dubji ġustifikabbli dwar l-imparzjalità jew l-indipendenza tal-arbitru.

2.   Parti tista’ tikkontesta l-arbitru maħtur minnha biss għal raġunijiet li ssir taf bihom wara li tkun saret il-ħatra.

3.   Parti li jkollha l-ħsieb li tikkontesta arbitru għandha tibgħat avviż ta’ din il-kontestazzjoni fi żmien 30 jum wara n-notifika tal-ħatra ta’ dak l-arbitru lill-Parti li tkun qed tikkontesta jew fi żmien 30 jum mid-data meta ċ-ċirkostanzi li jistgħu jwasslu għal dubji ġustifikabbli dwar l-imparzjalità jew l-indipendenza tal-arbitru jkunu saru magħrufa minn dik il-Parti.

4.   L-avviż ta’ kontestazzjoni għandu jiġi kkomunikat lill-Parti l-oħra, lill-arbitru li jkun qed jiġi kkontestat, lill-membri l-oħra tal-bord tal-arbitraġġ u lill-Uffiċċju Internazzjonali. L-avviż ta’ kontestazzjoni għandu jiddikjara r-raġunijiet għaliex qed issir l-kontestazzjoni.

5.   Meta arbitru jkun ġie kkontestat minn Parti, il-Parti l-oħra tista’ taqbel mal-kontestazzjoni. L-arbitru jista’ wkoll, wara l-kontestazzjoni, jirtira mill-kariga tiegħu jew tagħha. Dan ma għandux jimplika l-aċċettazzjoni tal-validità tar-raġunijiet għall-kontestazzjoni.

6.   Jekk, fi żmien 15-il jum mill-avviż tal-kontestazzjoni, il-Parti l-oħra ma taqbilx mal-kontestazzjoni jew l-arbitru kkontestat ma jirtirax, il-Parti li tagħmel il-kontestazzjoni tista’ tagħżel li tkompli ssegwiha. F’dak il-każ, fi żmien 30 jum mill-avviż tal-kontestazzjoni, għandha titlob deċiżjoni dwar il-kontestazzjoni mill-awtorità tal-ħatra tal-PCA.

7.   Meta tieħu deċiżjoni dwar il-kontestazzjoni, l-awtorità tal-ħatra tal-PCA tista’ tindika r-raġunijiet għad-deċiżjoni, sakemm il-Partijiet ma jaqblux li ma għandha tingħata l-ebda raġuni. Jekk l-awtorità tal-ħatra tal-PCA tħaddan il-kontestazzjoni, għandu jinħatar jew jintgħażel arbitru sostitut skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 6 li hija applikabbli għall-ħatra jew l-għażla tal-arbitru li jkun qed jiġi sostitwit.

Taqsima III

Proċedimenti ta’ arbitraġġ

Artikolu 12

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.   Il-bord tal-arbitraġġ għandu jwettaq l-arbitraġġ b’tali mod li jqis xieraq, dment li l-Partijiet jiġu ttrattati b’ugwaljanza u li fi stadju xieraq tal-proċedimenti kull Parti tingħata opportunità raġonevoli biex tippreżenta l-każ tagħha. Il-bord tal-arbitraġġ, fl-eżerċitar tad-diskrezzjoni tiegħu, għandu jwettaq il-proċedimenti b’mod li jfittex li jevita dewmien u spejjeż bla bżonn u li jipprovdi proċess ġust u effiċjenti għas-soluzzjoni tat-tilwim.

2.   Id-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ għandha tkun finali u vinkolanti fuq l-Unjoni u fuq il-Guyana.

3.   L-Unjoni u l-Guyana għandhom jqiegħdu d-deċiżjonijiet tal-bord tal-arbitraġġ għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fl-intier tagħhom, soġġett għall-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali.

Artikolu 13

Post tal-arbitraġġ

1.   Il-post tal-arbitraġġ għandu jkun The Hague, sakemm ma jsirx qbil mod ieħor.

2.   Il-bord tal-arbitraġġ jista’ jiltaqa’ fi kwalunkwe post li jqis xieraq għall-ispezzjoni ta’ oġġetti, proprjetà oħra jew dokumenti. Il-Partijiet għandhom jingħataw avviż kmieni biżżejjed biex jistgħu jkunu preżenti waqt tali spezzjoni.

Artikolu 14

Kunfidenzjalità

1.   Kull Parti u l-bord tal-arbitraġġ għandhom jittrattaw bħala kunfidenzjali kwalunkwe informazzjoni ppreżentata mill-Parti l-oħra lill-bord tal-arbitraġġ li l-Parti l-oħra tkun indikat bħala tali. Meta Parti tippreżenta lill-bord tal-arbitraġġ preżentazzjoni bil-miktub li jkun fiha informazzjoni kunfidenzjali, għandha tipprovdi wkoll, fi żmien 15-il jum, preżentazzjoni mingħajr l-informazzjoni kunfidenzjali u li tista’ tiġi żvelata lill-pubbliku.

2.   Xejn f’dawn il-Proċeduri ta’ Ħidma għall-Arbitraġġ ma għandu jipprekludi lil Parti milli tiżvela lill-pubbliku stqarrijiet dwar il-pożizzjonijiet tagħha stess. Sakemm il-proċedimenti ma jkunux ġew konklużi, Parti ma għandha tiżvela l-ebda informazzjoni li tkun indikata mill-Parti l-oħra bħala kunfidenzjali.

3.   Il-bord tal-arbitraġġ għandu jiltaqa’ in camera meta l-preżentazzjoni u l-argumenti ta’ Parti jkun fihom informazzjoni kunfidenzjali. Il-Partijiet għandhom iżommu l-kunfidenzjalità tas-seduti ta’ smigħ tal-bord tal-arbitraġġ meta s-seduti ta’ smigħ jinżammu in camera.

Artikolu 15

Operat tal-bord tal-arbitraġġ

1.   L-arbitru li jippresjedi għandu jippresiedi l-laqgħat kollha tal-bord tal-arbitraġġ. Il-bord tal-arbitraġġ jista’ jiddelega l-awtorità lill-arbitru li jippresjedi biex jieħu deċiżjonijiet amministrattivi u proċedurali.

2.   Il-bord tal-arbitraġġ għandu jwettaq l-attivitajiet tiegħu bi kwalunkwe mezz, inklużi t-telefown, il-posta elettronika, it-trażmissjonijiet bil-faks jew kollegamenti bil-kompjuter.

3.   L-arbitri biss għandhom jieħdu sehem fid-deliberazzjonijiet tal-bord tal-arbitraġġ, iżda l-bord tal-arbitraġġ jista’ jippermetti li l-assistenti tal-arbitri jkunu preżenti waqt id-deliberazzjonijiet tiegħu.

4.   L-abbozzar ta’ kwalunkwe deċiżjoni jew rapport għandu jibqa’ r-responsabbiltà esklużiva tal-bord tal-arbitraġġ u ma għandux jiġi ddelegat.

5.   F’każ li l-bord tal-arbitraġġ jikkunsidra li hemm il-ħtieġa li jinbidel kwalunkwe perjodu ta’ żmien għall-proċedimenti jew li jsir xi aġġustament proċedurali jew amministrattiv, għandu jinforma lill-Partijiet, bil-miktub u wara li jikkonsultahom, bir-raġunijiet għall-bidla jew għall-aġġustament u bil-perjodu ta’ żmien il-ġdid jew l-aġġustament meħtieġ.

Artikolu 16

Kalendarju tal-arbitraġġ

1.   Meta ikun prattikabbli wara l-istabbiliment tiegħu u wara li jistieden lill-Partijiet jesprimu l-fehmiet tagħhom, il-bord tal-arbitraġġ għandu jistabbilixxi l-iskeda ta’ żmien proviżorja tal-arbitraġġ. Il-bord tal-arbitraġġ jista’, fi kwalunkwe ħin, wara li jistieden lill-Partijiet jesprimu l-fehmiet tagħhom, jestendi jew inaqqas dan il-perjodu ta’ żmien.

2.   Fi żmien għaxart (10) ijiem mill-istabbiliment tal-bord tal-arbitraġġ, Parti jew oħra tista’ tippreżenta talba li tissoliċita li l-każ huwa urġenti. F’dak il-każ, il-bord tal-arbitraġġ għandu jagħti deċiżjoni dwar din it-talba fi żmien 15-il jum meta jirċievi tali talba.

Artikolu 17

Laqgħa organizzattiva

1.   Il-Partijiet għandhom jiltaqgħu mal-bord tal-arbitraġġ fi żmien 30 jum mill-istabbiliment tiegħu biex jiddeterminaw dawk il-kwistjonijiet kif il-Partijiet jew il-bord tal-arbitraġġ iqisu xierqa, inkluż:

(a)

ir-remunerazzjoni u l-ispejjeż li għandhom jitħallsu lill-arbitri;

(b)

it-termini ta’ referenza tal-bord tal-arbitraġġ; u

(c)

l-iskeda tal-proċedimenti.

2.   Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, it-termini ta’ referenza tal-bord tal-arbitraġġ għandhom ikunu:

(a)

li jeżamina, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim iċċitati mill-Partijiet, il-kwistjoni msemmija fit-talba għall-istabbiliment tal-bord tal-arbitraġġ;

(b)

li jifformula konstatazzjonijiet dwar il-konformità tal-miżura inkwistjoni mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim; u

(c)

li tagħti deċiżjoni.

Artikolu 18

Preżentazzjonijiet bil-miktub

Il-Parti lmentatriċi għandha twassal il-preżentazzjoni tagħha bil-miktub mhux aktar tard minn 10 jiem wara d-data tal-istabbiliment tal-bord ta’ arbitraġġ. Il-konvenut għandu jwassal il-preżentazzjoni bil-miktub tiegħu sa mhux aktar tard minn 20 jum wara d-data tal-wasla tal-preżentazzjoni bil-miktub tal-Parti lmentatriċi.

Artikolu 19

Seduti

1.   Abbażi tal-iskeda determinata fil-laqgħa organizzattiva, u wara li jikkonsulta mal-Partijiet u l-arbitri l-oħra, l-arbitru li jippresjedi għandu jinnotifika lill-Partijiet dwar id-data, il-ħin u l-post tas-seduta. Soġġett għall-paragrafu 6, din l-informazzjoni għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mill-Parti li fit-territorju tagħha ssir is-seduta ta’ smigħ.

2.   Il-bord tal-arbitraġġ jista’ jsejjaħ seduti addizzjonali jekk il-Partijiet jaqblu li jsir dan.

3.   L-arbitri kollha għandhom ikunu preżenti tul is-seduti kollha.

4.   Il-persuni li ġejjin jistgħu jattendu s-seduta, soġġett għall-qbil minn qabel tal-Partijiet, irrispettivament minn jekk is-seduta tkunx miftuħa għall-pubbliku jew le:

(a)

ir-rappreżentanti ta’ Parti;

(b)

konsulenti, assistenti u persunal amministrattiv tal-arbitri;

(c)

esperti, kif deċiż mill-bord tal-arbitraġġ;

(d)

xhieda;

(e)

partijiet terzi.

5.   Mhux aktar tard minn sebat (7) ijiem qabel id-data ta’ seduta, kull Parti għandha tagħti lill-bord tal-arbitraġġ u lill-Parti l-oħra lista bl-ismijiet ta’ dawk il-persuni li se jagħmlu argumenti jew preżentazzjonijiet orali matul is-seduta ta’ smigħ f’isem dik il-Parti, rappreżentanti oħra li se jattendu s-seduta, u xhieda li se jixhdu waqt is-seduta ta’ smigħ.

6.   Is-seduti ta’ smigħ tal-bord tal-arbitraġġ għandhom ikunu miftuħin għall-pubbliku, sakemm il-bord tal-arbitraġġ ma jiddeċidix mod ieħor fuq inizjattiva proprja jew fuq talba ta’ kwalunkwe waħda mill-Partijiet.

7.   Il-bord tal-arbitraġġ għandu, b’konsultazzjoni mal-Partijiet, jiddeċiedi dwar l-arranġamenti u l-proċeduri loġistiċi adattati biex jiġi żgurat li s-seduti ta’ smigħ li jkunu miftuħa jkunu ġestiti b’mod effettiv. Dawk l-arranġamenti ul-proċeduri loġistiċi jistgħu jinkludu l-użu ta’ xandir dirett bl-Internet jew ta’ televiżjoni b’ċirkwit magħluq

8.   It-tribunal tal-arbitraġġ għandu jmexxi s-seduta ta’ smigħ fil-mod li ġej, filwaqt li jiżgura li l-Parti lmentatriċi u l-konvenut jingħataw l-istess ħin kemm fl-argument kif ukoll fil-kontrotalba:

L-Argument

(a)

l-argument tal-Parti lmentatriċi;

(b)

l-argument tal-konvenut.

Il-Kontrotalba

(a)

tweġiba tal-Parti lmentatriċi;

(b)

kontrotweġiba tal-konvenut.

9.   Il-bord tal-arbitraġġ jista’ jindirizza mistoqsijiet lil kwalunkwe miż-żewġ Partijiet jew kwalunkwe xhud f’kull ħin waqt is-seduta ta’ smigħ.

10.   Il-bord tal-arbitraġġ għandu jagħmel l-arranġamenti meħtieġa għat-traskrizzjoni tas-seduta ta’ smigħ u għat-trażmissjoni tagħha lill-Partijiet fi żmien sebat (7) ijiem mis-seduta ta’ smigħ. Il-Partijiet jistgħu jagħmlu osservazzjonijiet dwar it-traskrizzjoni, u l-bord tal-arbitraġġ jista’ jieħu kont ta’ dawk il-kummenti.

11.   Kull Parti tista’ tagħti preżentazzjoni supplimentari bil-miktub rigward kwalunkwe kwistjoni li tkun qamet waqt is-seduta fi żmien 10 ijiem mis-seduta ta’ smigħ.

Artikolu 20

Kontumaċja

1.   Jekk waħda mill-Partijiet, debitament notifikata skont dawn il-Proċeduri ta’ Ħidma għall-Arbitraġġ, tonqos milli tidher f’seduta mingħajr ma turi raġuni suffiċjenti għal tali nuqqas, il-bord tal-arbitraġġ jista’ jipproċedi bl-arbitraġġ.

2.   Jekk waħda mill-Partijiet, debitament meħtieġa li tipproduċi evidenza dokumentarja, tonqos milli tagħmel dan fil-limitu ta’ żmien mogħti, mingħajr ma turi raġuni suffiċjenti għal tali nuqqas, il-bord tal-arbitraġġ jista’ joħroġ id-deċiżjoni abbażi tal-provi quddiemu.

Artikolu 21

Mistoqsijiet bil-miktub

1.   Il-bord tal-arbitraġġ jista’ fi kwalunkwe ħin matul il-proċedimenti jippreżenta mistoqsijiet bil-miktub lil waħda mill-Partijiet jew lit-tnejn li huma. Kwalunkwe mistoqsija magħmula lil waħda mill-Partijiet għandha tiġi kkupjata u mibgħuta lill-Parti l-oħra.

2.   Kull Parti għandha tipprovdi lill-Parti l-oħra kopja tat-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet magħmula mill-bord tal-arbitraġġ. Il-Parti l-oħra għandu jkollha l-opportunità li tipprovdi kummenti bil-miktub dwar it-tweġibiet tal-Parti fi żmien sebat (7) ijiem wara l-konsenja ta’ dik il-kopja.

Artikolu 22

Partijiet terzi

1.   Ħlief jekk il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, il-bord tal-arbitraġġ jista’ jirċievi preżentazzjonijiet bil-miktub mhux mitluba minn persuna fiżika, li hija residenti jew ċittadin ta’ Parti, jew persuna ġuridika stabbilita fit-territorju ta’ Parti li hija indipendenti mill-Gvern tal-Guyana jew mill-istituzzjonijiet jew il-kopri tal-Unjoni, dment li l-preżentazzjonijiet:

(a)

jaslu għand il-bord tal-arbitraġġ fi żmien 10 ijiem mill-istabbiliment tal-bord tal-arbitraġġ;

(b)

huma direttament rilevanti għal kwistjoni fattwali jew legali li tkun qed tiġi kkunsidrata mill-bord tal-arbitraġġ;

(c)

jinkludu deskrizzjoni tal-persuna li tagħmel il-preżentazzjoni, inkluż, għal persuna fiżika, in-nazzjonalità jew ir-residenza tagħha, kif applikabbli, u, għal persuna ġuridika, il-post tal-istabbiliment tagħha, in-natura tal-attivitajiet tagħha, l-istatus legali tagħha, l-objettivi ġenerali tagħha u s-sorsi tal-finanzjament tagħha; u

(d)

jispeċifikaw in-natura tal-interess li dik il-persuna għandha fil-proċedimenti tal-bord tal-arbitraġġ.

2.   Il-preżentazzjonijiet għandhom jintbagħtu lill-Partijiet għall-kummenti tagħhom. Il-Partijiet jistgħu jibagħtu l-kummenti, fi żmien 15-il jum mill-preżentazzjoni tal-konsenja, lill-bord tal-arbitraġġ.

3.   Il-bord tal-arbitraġġ għandu jelenka fid-deċiżjoni tiegħu l-preżentazzjonijiet kollha li jkun irċieva skont il-paragrafu 1. Il-bord tal-arbitraġġ ma għandux ikun obbligat jindirizza fir-rapport tiegħu l-argumenti li saru f’tali preżentazzjonijiet.

4.   Fejn il-bord tal-arbitraġġ jiddeċiedi li jindirizza fir-rapport tiegħu l-argumenti msemmija fil-preżentazzjonijiet; għandu jieħu kont ukoll ta’ kwalunkwe kumment magħmul mill-Partijiet skont il-paragrafu 2.

Artikolu 23

Esperti

1.   Il-bord tal-arbitraġġ jista’ jaħtar espert wieħed jew aktar biex jirrapportaw lilu, bil-miktub, dwar kwistjonijiet speċifiċi li għandhom jiġu ddeterminati mill-bord. Kopja tat-termini ta’ referenza tal-espert stabbiliti mill-bord għandha tiġi kkomunikata lill-Partijiet.

2.   Meta jirċievi r-rapport tal-espert, il-bord tal-arbitraġġ għandu jibgħat kopja lill-Partijiet, li għandhom jingħataw l-opportunità li jesprimu, bil-miktub, l-opinjoni tagħhom dwar ir-rapport. Parti għandha tkun intitolata teżamina kwalunkwe dokument li fuqu jiddependi r-rapport tal-espert.

3.   Fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet, wara li joħroġ ir-rapport, l-espert jista’ jinstema’ f’seduta ta’ smigħ, fejn il-Partijiet għandu jkollhom l-opportunità li jagħmlu mistoqsijiet lill-espert. Fis-seduta ta’ smigħ, kull Parti tista’ tippreżenta xhieda esperta sabiex tixhed fuq il-punti inkwistjoni.

Taqsima IV

Id-Deċiżjonijiet tal-bord tal-arbitraġġ

Artikolu 24

Deċiżjonijiet

Il-bord tal-arbitraġġ għandu jagħmel kull sforz biex jieħu deċiżjonijiet b’kunsens. Fejn deċiżjoni ma tkunx tista’ tintlaħaq b’kunsens, il-kwistjoni għandha tiġi deċiża b’vot ta’ maġġoranza.

Artikolu 25

Forma tad-deċiżjoni

1.   Id-deċiżjoni għandha tkun bil-miktub u għandha tistabbilixxi l-konstatazzjonijiet dwar il-fatt, l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim, u r-raġunament wara kwalunkwe konstatazzjoni u konklużjoni.

2.   Id-deċiżjoni għandha tiġi ffirmata mill-arbitri u għandu jkun fiha d-data li fiha tkun saret u tindika l-post tal-arbitraġġ. Meta xi wieħed mill-arbitri jonqos milli jiffirma, id-deċiżjoni għandha tiddikjara r-raġuni għan-nuqqas tal-firma/firem.

Artikolu 26

Interpretazzjoni tad-deċiżjoni

1.   Fi żmien 30 jum meta tiġi riċevuta d-deċiżjoni, kwalunkwe Parti, b’avviż lill-Parti l-oħra, u lill-awtorità tal-ħatra tal-PSA, tista’ titlob lill-bord tal-arbitraġġ jagħti interpretazzjoni tad-deċiżjoni.

2.   L-interpretazzjoni għandha tingħata bil-miktub fi żmien 30 jum minn meta tasal it-talba. L-interpretazzjoni għandha tifforma parti mid-deċiżjoni u għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 15 u 25, kif xieraq.

Artikolu 27

Korrezzjoni tad-deċiżjoni

1.   Fi żmien 30 jum meta tiġiriċevuta d-deċiżjoni, kwalunkwe Parti, b’avviż lill-Parti l-oħra, u lill-awtorità tal-ħatra tal-PSA, tista’ titlob lill-bord tal-arbitraġġ jikkoreġi kwalunkwe żball fil-komputazzjoni, kwalunkwe żball klerikali jew tipografiku, jew kwalunkwe żball ta’ natura simili fid-deċiżjoni. Madankollu, il-bord tal-arbitraġġ jista’ jagħmel tali korrezzjonijiet fuq inizjattiva tiegħu stess fi żmien 30 jum mill-komunikazzjoni tad-deċiżjoni.

2.   Il-korrezzjonijiet kollha għandhom ikunu bil-miktub u għandhom jiffurmaw parti mid-deċiżjoni u għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 15 u 25, kif xieraq.

Artikolu 28

Deċiżjoni addizzjonali

1.   Fi żmien 30 jum meta tiġi riċevuta d-deċiżjoni, kwalunkwe Parti, b’avviż lill-Parti l-oħra, u lill-awtorità tal-ħatra tal-PSA, tista’ titlob lill-bord tal-arbitraġġ jagħti deċiżjoni addizzjonali għad-dikjarazzjonijiet li ġew ippreżentati fil-proċedimenti ta’ arbitraġġ iżda li tħallew barra mid-deċiżjoni.

2.   Jekk il-bord tal-arbitraġġ iqis li t-talba għal deċiżjoni addizzjonali tkun ġustifikata u jqis li l-ommissjoni tista’ tiġi rrettifikata mingħajr ebda seduta ta’ smigħ jew evidenza oħra, għandu jagħti d-deċiżjoni addizzjonali fi żmien 30 jum meta tiġi riċevuta t-talba.

3.   Jekk tingħata deċiżjoni addizzjonali, għandhom japplikaw l-Artikoli 15 u 25, kif xieraq.

Artikolu 29

Konformità mad-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ

1.   Il-Partijiet għandhom jieħdu kwalunkwe miżura meħtieġa biex jikkonformaw bona fide mad-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ. Il-Partijiet għandhom jaqblu fi żmien 10 ijiem min-notifika tad-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ dwar perjodu raġonevoli ta’ żmien biex jikkonformaw mad-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ. F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-Partijiet dwar il-perjodu raġonevoli ta’ żmien għall-konformità mad-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ, kwalunkwe waħda mill-Partijiet għandha titlob bil-miktub lill-bord tal-arbitraġġ oriġinali jiddetermina t-tul tal-perjodu raġonevoli ta’ żmien u fl-istess ħin għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra. Il-perjodu raġonevoli ta’ żmien jista’ jiġi estiż permezz ta’ qbil reċiproku bejn l-Unjoni u l-Guyana.

2.   F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-Partijiet dwar il-kompatibbiltà ta’ kwalunkwe miżura mad-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ, Parti tista’ titlob bil-miktub lill-bord tal-arbitraġġ jiddeċiedi dwar il-kwistjoni. Il-bord tal-arbitraġġ għandu jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu fi żmien 90 jum jew f’każi urġenti 45 jum mill-preżentazzjoni tat-talba.

F’każ li l-bord tal-arbitraġġ oriġinali, jew uħud mill-arbitri, ma jkunux jistgħu jiltaqgħu mill-ġdid biex jikkunsidraw talba, għandu jiġi stabbilit bord tal-arbitraġġ ġdid skontl-Artikolu 6. Il-limitu ta’ żmien għan-notifika tad-deċiżjoni għandu jkun ta’ 60 jum mid-data tal-istabbiliment tal-bord tal-arbitraġġ il-ġdid.

3.   Jekk il-bord tal-arbitraġġ jiddeċiedi li Parti tkun naqset milli tikkonforma mad-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ, għandu jimponi skadenza ġdida għall-konformità ta’ dik il-Parti.

Jekk il-Parti tippersisti f’li ma tikkonformax mad-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ, il-Parti l-oħra tista’, wara notifika lill-Parti mhux konformi, li tissospendi l-Ftehim f’konformità mal-Artikolu 28 tiegħu. Kwalunkwe sospensjoni għandha tkun proporzjonata għall-ksur tal-obbligu kkonċernat, filwaqt li titqies il-gravità tal-ksur u d-drittijiet inkwistjoni u, jekk is-sospensjoni tkun ibbażata fuq il-fatt li l-Parti tippersisti f’li ma tikkonformax mad-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ.

Kwalunkwe sospensjoni għandha tkun temporanja u għandha tiġi applikata biss sakemm il-Parti tkun ikkonformat mad-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ, jew sakemm il-Partijiet ikunu qablu li jsolvu mod ieħor it-tilwima.

4.   Il-Parti għandha tinnotifika lill-Kumitat Konġunt ta' Monitoraġġ u Rieżami (“KKMR”) u lill-Parti l-oħra bi kwalunkwe miżura li tkun ħadet biex tikkonforma mad-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ u bit-talba tagħha biex tintemm is-sospensjoni applikata mill-Parti l-oħra.

5.   Jekk il-Partijiet ma jilħqux ftehim dwar jekk il-miżura notifikata ġġibx lill-Parti f’konformità mad-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ fi żmien 45 jum mill-preżentazzjoni tan-notifika, kwalunkwe waħda mill-Partijiet tista’ titlob bil-miktub lill-bord tal-arbitraġġ oriġinali jiddeċiedi dwar il-kwistjoni. Tali talba għandha tiġi notifikata simultanjament lill-Parti l-oħra.

F’każ li l-bord tal-arbitraġġ oriġinali, jew uħud mill-arbitri, ma jkunux jistgħu jiltaqgħu mill-ġdid biex jikkunsidraw talba, għandu jiġi stabbilit bord tal-arbitraġġ ġdid skontl-Artikolu 6. Id-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ għandha tiġi nnotifikata lill-Partijiet u lill-KKMR fi żmien 75 jum mill-preżentazzjoni tat-talba.

6.   F’każ li l-bord tal-arbitraġġ oriġinali, jew uħud mill-arbitri, ma jkunux jistgħu jiltaqgħu mill-ġdid biex jikkunsidraw talba li skont il-paragrafu 2, għandu jiġi stabbilit bord tal-arbitraġġ ġdid skont l-Artikolu 6. Il-perjodu biex tkun innotifikata d-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ il-ġdid għandu f’dak il-każ ikun ta’ 90 jum mid-data tal-istabbiliment tal-bord tal-arbitraġġ il-ġdid.

Artikolu 30

Riżoluzzjoni jew raġunijiet oħra għat-terminazzjoni

1.   Jekk, qabel ma tittieħed id-deċiżjoni, il-Partijiet jaqblu dwar soluzzjoni għat-tilwima, il-bord tal-arbitraġġ għandu jew joħroġ ordni għat-terminazzjoni tal-proċedimenti ta’ arbitraġġ inkella, jekk mitlub miż-żewġ Partijiet u aċċettat mill-bord, jirreġistra s-soluzzjoni fil-forma ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ fuq termini miftiehma. Il-bord tal-arbitraġġ mhuwiex obbligat jagħti raġunijiet għal deċiżjoni fuq termini miftiehma.

2.   Jekk, qabel ma tittieħed id-deċiżjoni, il-kontinwazzjoni tal-proċedimenti ta’ arbitraġġ issir impossibbli jew tinġieb fix-xejn għal raġunijiet għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 1, il-bord tal-arbitraġġ għandu jinforma lill-Partijiet bl-intenzjoni tiegħu li joħroġ ordni sakemm ma jkunx hemm Parti li tqajjem raġunijiet ġustifikabbli għall-oġġezzjoni. Il-Partijiet għandhom imbagħad jidħlu f’konsultazzjonijiet bl-għan li jsolvu t-tilwima.

Taqsima V

Spejjeż

Artikolu 31

Spejjeż

1.   Il-bord tal-arbitraġġ għandu jistabbilixxi l-ispejjeż tal-arbitraġġ fid-deċiżjoni tiegħu. It-terminu “spejjeż” jinkludi biss:

(a)

it-tariffi tal-bord tal-arbitraġġ, li għandhom jiġu ddikjarati separatament għal kull arbitru u li għandhom jiġu stabbiliti mill-bord tal-arbitraġġ f’konformità mat-tariffi ta’ kuljum miftiehma mill-Partijiet fiż-żmien meta nħatru l-arbitri;

(b)

spejjeż tal-ivvjaġġar u spejjeż oħra li jġarrbu l-arbitri;

(c)

l-ispejjeż ta’ konsulenza esperta u ta’ assistenza oħra meħtieġa mill-bord tal-arbitraġġ;

(d)

spejjeż tal-ivvjaġġar u spejjeż oħra li x-xhieda jġarrbu jekk tali spejjeż jiġu approvati mill-bord tal-arbitraġġ.

2.   L-ispejjeż tal-arbitraġġ għandhom fil-prinċipju jitħallsu mill-Parti telliefa. Madankollu, il-bord jista’ jaqsam kull waħda mit-tali spejjeż bejn il-Partijiet jekk jiddetermina li l-qsim ikun raġonevoli, filwaqt li jqis iċ-ċirkostanzi tal-każ.

3.   L-ebda tariffa addizzjonali ma tista’ tiġi imposta minn bord tal-arbitraġġ għall-interpretazzjoni, il-korrezzjoni jew iż-żieda mad-deċiżjoni tiegħu.

Artikolu 32

Depożitu tal-ispejjeż

1.   Il-bord tal-arbitraġġ, meta jitwaqqaf, jista’ jitlob lil kull Parti tiddepożita ammont ugwali bħala ħlas bil-quddiem fuq l-ispejjeż imsemmija fl-Artikolu 31.

2.   Matul l-andament tal-proċedimenti ta’ arbitraġġ, il-bord tal-arbitraġġ jista’ jitlob depożiti supplimentari mill-Partijiet.

3.   Jekk id-depożiti meħtieġa ma jitħallsux kompletament fi żmien 30 jum wara li jirċievi t-talba, il-bord tal-arbitraġġ għandu jinforma lill-Partijiet sabiex wieħed minnhom ikun jista’ jagħmel il-ħlas meħtieġ. Jekk tali ħlas ma jsirx, il-bord tal-arbitraġġ jista’ jordna s-sospensjoni jew it-terminazzjoni tal-proċedimenti ta’ arbitraġġ.

4.   Wara li tkun ittieħdet id-deċiżjoni, il-bord tal-arbitraġġ għandu jagħti rendikont tad-depożiti li rċieva mill-Partijiet u jirritorna kwalunkwe bilanċ li ma ntefaqx lill-Partijiet.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/9/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)