IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 31.8.2020
COM(2020) 437 final
2020/0209(CNS)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
li jiftaħ u jipprevedi l-amministrazzjoni tal-kwoti tariffarji awtonomi tal-Unjoni għall-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tas-sajd fil-Gżejjer Kanarji mill-2021 sal-2027
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Ir-Regolament tal-Kunsill 1412/2013 jipprevedi l-kwoti tariffarji awtonomi (dazju ta’ 0 %) għal 30 000 tunnellata ta’ importazzjonijiet ta’ prodotti tas-sajd fil-Gżejjer Kanarji għall-perjodu 2014-2020. Il-miżuri huma ġġustifikati għaliex is-sitwazzjoni ġeografika eċċezzjonali tal-Gżejjer Kanarji fir-rigward tas-sorsi tal-provvista tal-prodotti tas-sajd, li huma essenzjali għall-konsum domestiku, tiġġenera spejjeż li huma piż kbir għal dan is-settur.
Din is-sitwazzjoni mhijiex ġdida. Qabel ma Spanja ssieħbet mal-UE, il-Gżejjer Kanarji gawdew minn reġim “bla dazju” għall-oġġetti li jidħlu fir-reġjun. Wara li Spanja saret membru tal-UE, il-prodotti tas-sajd importati fil-Gżejjer Kanarji bbenefikaw minn reġimi speċifiċi fl-għamla ta’ sospensjonijiet tariffarji sal-2001. Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-Gżejjer Kanarji bbenefikaw minn kwoti tariffarji.
Il-kwoti tariffarji attwali se jiskadu fil-31 ta’ Diċembru 2020. Għall-perjodu wara l-2020, ir-Regolament 1412/2013 jeħtieġ li l-Kummissjoni teżamina l-impatt tal-miżuri u, abbażi tas-sejbiet tagħha, tippreżenta kwalunkwe proposta rilevanti għall-perjodu wara l-31 ta’ Diċembru 2020.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Il-Gżejjer Kanarji u reġjuni ultraperiferiċi oħra jibbenefikaw minn diversi miżuri simili (tnaqqis tariffarju awtonomu). Pereżempju, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1386/2011 tad-19 ta’ Diċembru 2011 jipprevedi miżuri simili għall-importazzjonijiet ta’ prodotti industrijali fil-Gżejjer Kanarji.
Qabel ma Spanja ssieħbet mal-UE, il-Gżejjer Kanarji gawdew minn reġim “bla dazju” għall-oġġetti li jidħlu fir-reġjun. Wara li Spanja saret membru tal-UE, il-prodotti tas-sajd importati fil-Gżejjer Kanarji bbenefikaw minn reġimi speċifiċi fl-għamla ta’ sospensjonijiet tariffarji sal-2001. Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-Gżejjer Kanarji bbenefikaw minn kwoti tariffarji. Dan ir-regolament huwa kontinwazzjoni ta’ dawk il-miżuri.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
L-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
L-Unjoni Ewropea terfa’ r-responsabbiltà għad-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni waħedha. Għalhekk il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax għal din il-proposta.
•Proporzjonalità
L-għażla tal-politika hija proporzjonata minħabba li huwa awtorizzat volum limitat biss, skont ir-rata tal-użu.
•Għażla tal-istrument
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX-POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex-post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Ġew ikkonsultati l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha permezz tal-Kunsill Konsultattiv għas-Swieq u l-Kunsill Konsultattiv għar-Reġjuni Ultraperiferiċi. Dan tal-aħħar talab lill-Kummissjoni biex tivvaluta mill-ġdid il-konklużjonijiet fid-dawl tat-tnaqqis fit-turiżmu fil-Gżejjer Kanarji minħabba l-pandemija tal-COVID. Madankollu, huwa diffiċli ħafna li jiġu vvalutati l-konsegwenzi għal perjodu ta’ seba’ snin, u t-tneħħija jew it-tnaqqis tal-kwoti jistgħu jxekklu l-irkupru ekonomiku potenzjali matul dawk is-seba’ snin. Għalhekk, il-Kummissjoni tipproponi li testendi l-miżuri kif ippjanati.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Biex teżamina l-impatti tal-miżuri kif meħtieġ mir-Regolament, il-Kummissjoni talbet l-informazzjoni neċessarja mingħand l-awtoritajiet Spanjoli. L-awtoritajiet Spanjoli pprovdew data dwar il-prodotti kkonċernati li kienu ġew importati fil-Gżejjer Kanarji u ma’ dik id-data inkludew analiżi ta’ dawk il-prodotti.
Rapporti oħra jipprovdu informazzjoni rilevanti dwar il-Gżejjer Kanarji f’oqsma li huma ta’ rilevanza meta jiġu eżaminati l-impatti tal-kwoti tariffarji, b’mod partikolari l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-Reġjuni Ultraperiferiċi tal-2017 u r-rapport “Realising the potential of the Outermost Regions for sustainable blue growth”.
Inġabret ukoll informazzjoni għal suġġetti speċifiċi, bħal pereżempju l-impjiegi (ISTAC – L-Istitut tal-Istatistika tal-Gżejjer Kanarji), it-turiżmu (l-istatistika uffiċjali dwar it-turiżmu fil-Gżejjer Kanarji) u l-konsum (l-Ewrobarometru).
•Valutazzjoni tal-impatt
Ma twettqet l-ebda valutazzjoni tal-impatt. Il-proposta ġġedded l-att legali attwali li jiskadi fi tmiem l-2020. Valutazzjoni tal-impatt mhix ġustifikata minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni limitat ħafna tal-miżuri u minħabba l-fatt li l-proposta tikkonċerna l-estensjoni tat-tali miżuri u li m’hemm l-ebda tibdil sinifikanti fir-rigward tal-effetti mistennija.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
•Drittijiet fundamentali
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-proposta ma għandha l-ebda impatt baġitarju għall-Kummissjoni.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-Direttivi)
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
2020/0209 (CNS)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
li jiftaħ u jipprevedi l-amministrazzjoni tal-kwoti tariffarji awtonomi tal-Unjoni għall-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tas-sajd fil-Gżejjer Kanarji mill-2021 sal-2027
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 349 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,
Billi:
(1)Is-sitwazzjoni ġeografika eċċezzjonali tal-Gżejjer Kanarji rigward is-sorsi tal-provvista ta’ ċerti prodotti tas-sajd li huma essenzjali għall-konsum domestiku tinvolvi spejjeż addizzjonali għal dan is-settur. Dan it-tfixkil naturali, kif rikonoxxut fl-Artikolu 349 tat-Trattat, li jirriżulta mill-insularità, il-bogħod u l-pożizzjoni ultraperifika jista’ jiġi indirizzat, fost l-oħrajn, billi jiġu sospiżi temporanjament id-dazji doganali fuq l-importazzjonijiet tal-prodotti inkwistjoni minn pajjiżi terzi fi ħdan il-kwoti tariffarji tal-Unjoni ta’ volum xieraq.
(2)Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1412/2013 fetaħ u ppreveda l-amministrazzjoni ta’ kwoti tariffarji awtonomi tal-Unjoni fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tas-sajd fil-Gżejjer Kanarji għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020.
(3)F’Lulju 2019, il-Kummissjoni ppreżentat eżami tal-impatt tal-miżuri lill-Kunsill, fejn ipprovdiet għażliet għall-perjodu wara l-31 ta’ Diċembru 2020.
(4)L-eżami wera li r-rata tal-użu taż-żewġ kwoti 09.2997 u 09.2651 kienet sinifikanti. Taħt il-kwota 09.2651, il-kodiċi NM 0308 ma ntużax.
(5)Kwoti tariffarji simili għal dawk miftuħa bir-Regolament (UE) Nru 1412/2013 għal ċerti prodotti tas-sajd huma ġġustifikati peress li jkopru l-ħtiġijiet tas-suq domestiku tal-Gżejjer Kanarji, filwaqt li jiżguraw li l-flussi tal-importazzjonijiet bla dazju fl-Unjoni jibqgħu prevedibbli u identifikabbli b’mod ċar.
(6)Għalhekk, bl-għan li l-operaturi ekonomiċi jingħataw perspettiva fit-tul biex jilħqu livell ta’ attività li jistabbilizza l-ambjent ekonomiku u soċjali tal-Gżejjer Kanarji, jixraq li r-reġim tal-kwoti tariffarji awtonomi tad-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni għal ċerti prodotti elenkati fl-Anness għal dan ir-Regolament, jiġi estiż għal perjodu addizzjonali.
(7)Sabiex jiġi evitat li tiġi pperikolata l-integrità u l-koerenza tas-suq intern, jenħtieġ li jittieħdu miżuri biex jiġi żgurat li l-prodotti tas-sajd li għalihom tingħata sospensjoni jkunu maħsuba biss għas-suq domestiku tal-Gżejjer Kanarji.
(8)Jenħtieġ li jittieħdu miżuri sabiex jiġi żgurat li l-Kummissjoni tinżamm infurmata regolarment bil-volum tal-importazzjonijiet inkwistjoni sabiex, jekk ikun meħtieġ, tkun tista’ tieħu passi biex tipprevjeni kwalunkwe moviment spekulattiv jew devjazzjoni tal-kummerċ.
(9)Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni li jippermettu lill-Kummissjoni tirtira temporanjament is-sospensjoni fil-każ ta’ devjazzjoni tal-kummerċ. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Madankollu d-deċiżjoni aħħarija dwar jekk is-sospensjoni jenħtieġx li tinżamm jew tiġi rtirata definittivament, jenħtieġ li tittieħed mill-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 349 tat-Trattat waqt il-perjodu ta’ żmien li fih is-sospensjoni hija temporanjament irtirata mill-Kummissjoni.
(10)Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament jenħtieġ li jiżguraw il-kontinwità wara li jiskadi r-Regolament (KE) Nru 1412/2013. Għalhekk, jixraq li jiġu applikati l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2027
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1.Mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2027, id-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni applikabbli għall-importazzjonijiet fil-Gżejjer Kanarji tal-prodotti tas-sajd elenkati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu sospiżi kompletament għall-kwantitajiet indikati f’dak l-Anness.
2.Is-sospensjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tingħata esklussivament għall-prodotti maħsuba għas-suq domestiku tal-Gżejjer Kanarji. Din għandha tapplika biss għall-prodotti tas-sajd li jinħattu minn bastiment jew inġenju tal-ajru qabel ma d-dikjarazzjoni doganali għar-rilaxx fiċ-ċirkolazzjoni libera tiġi ppreżentata lill-awtoritajiet doganali fil-Gżejjer Kanarji.
Artikolu 2
Il-kwoti tariffarji msemmija fl-Artikolu 1 għandhom jiġu ġestiti f’konformità mal-Artikoli 49 sa 54 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447.
Artikolu 3
Sat-30 ta’ Ġunju 2026, l-awtoritajiet kompetenti Spanjoli għandhom jippreżentaw rapport lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri previsti fl-Artikolu 1. Il-Kummissjoni għandha teżamina l-impatt ta’ dawk il-miżuri u, filwaqt li tqis is-sejbiet tagħha, tippreżenta kwalunkwe proposta relevanti għall-perjodu wara l-2027.
Artikolu 4
1.Meta l-Kummissjoni jkollha raġunijiet biex temmen li s-sospensjonjiet stabbiliti f’dan ir-Regolament wasslu għal devjazzjoni tal-kummerċ ta’ prodott speċifiku, hija tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni, li jirtiraw is-sospensjoni temporanjament għal perjodu mhux itwal minn 12-il xahar. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura tal-eżami msemmija fl-Artikolu 5(2).
Il-ħlas tad-dazji tal-importazzjoni għall-prodotti li għalihom is-sospensjoni tkun ġiet irtirata temporanjament, għandhom ikunu koperti b’garanzija, u r-rilaxx tal-prodotti kkonċernati għaċ-ċirkolazzjoni libera fil-Gżejjer Kanarji għandu jkun bil-kundizzjoni li tingħata din il-garanzija.
2.Fil-perjodu massimu ta’ 12-il xahar imsemmi fil-paragrafu 1, il-Kunsill, f’konformità mal-Artikolu 349 tat-Trattat, għandu jadotta deċiżjoni aħħarija dwar jekk iżommx jew jirtirax definittivament is-sospensjoni. Jekk is-sospensjoni tiġi rtirata definittivament, l-ammonti tad-dazji koperti b’garanziji għandhom jinġabru definittivament.
3.Jekk ma tiġi adottata l-ebda deċiżjoni definittiva fil-perjodu massimu ta’ 12-il xahar f’konformità mal-paragrafu 2, il-garanziji ta’ kopertura għandhom jiġu rilaxxati.
Artikolu 5
1.Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, stabbilit permezz tal-Artikolu 285 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2.Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 6
Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri għandhom jikkooperaw mill-qrib biex jiżguraw il-ġestjoni u l-kontroll xierqa tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 7
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2027.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President