Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA
ippreżentati fit‑12 ta’ Frar 2026 (1)
Kawża C‑857/24
daa plc, li kienet Dublin Airport Authority plc,
Aer Lingus Ltd,
Ryanair Designated Activity Company,
Air Transport Association of America Inc., li topera taħt l-isem kummerċjali Airlines for America,
Delta Air Lines Inc.,
JetBlue Airways Corporation,
United Airlines Inc.,
Emerald Airlines Ireland Ltd
vs
Irish Aviation Authority,
Airport Coordination Ltd
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda))
“Proċedura għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (KEE) Nru 95/93 – Artikolu 2(m) u Artikolu 6 – Parametri ta’ koordinazzjoni – Limitazzjonijiet tekniċi, operazzjonali u ambjentali rilevanti – Limitu tan-numru annwali ta’ passiġġieri tat-trasport bl-ajru – Artikolu 8 – Allokazzjoni ta’ slot – Restrizzjoni fl-allokazzjoni ta’ slots storiċi – Dritt għall-proprjetà – Setgħa tal-korp ta’ ġestjoni tal-ajruport li jiddeċiedi dwar l-għeluq tiegħu, sabiex jikkonforma mal-limitu tan-numru annwali ta’ passiġġieri – Ammissibbiltà – Kompetenza tal-ġestjonarju tal-ajruport”
1. Fl‑2007 u fl‑2008, l-An Bord Pleanála (l-Aġenzija għall-Ippjanar tat-Territorju, l-Irlanda) (2) imponiet, bħala kundizzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-estensjoni tat-Terminals 1 u 2 tal-ajruport ta’ Dublin (l-Irlanda), limitu ta’ 32 miljun passiġġier fis-sena.
2. Meta fasslet il-“parametri ta’ koordinazzjoni” li kellhom japplikaw fl-ajruport ta’ Dublin matul ix-xitwa tal‑2024 u s-sajf tal‑2025, l-Irish Aviation Authority (IAA) (l-Awtorità tal-Avjazzjoni tal-Irlanda) (3) ħadet ċerti miżuri sabiex ma jinqabiżx il-limitu massimu ta’ 32 miljun.
3. Essenzjalment, il-kumpanniji tal-ajru kkonċernati jsostnu li:
– In-numru massimu ta’ 32 miljun passiġġier fis-sena ma jistax jiġi kklassifikat bħala “limitazzjoni teknika, operazzjonali u ambjentali” għat-tfassil tal-parametri ta’ koordinazzjoni, skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KEE) Nru 95/93 (4).
– Peress li dan huwa dritt miksub mill-kumpanniji tal-ajru, l-allokazzjoni ta’ “slots storiċi” ma tistax tiġi kompromessa.
4. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar dawn iż-żewġ punti u tixtieq tkun taf ukoll jekk, sabiex jiġi osservat il-limitu annwali tal-passiġġieri, il-ġestjonarju tal-ajruport huwiex awtorizzat jiddeċiedi l-għeluq temporanju tiegħu.
I. Il-kuntest ġuridiku. Id-dritt tal-Unjoni. Ir-Regolament Nru 95/93
5. L-Artikolu 2 (“Definizzjonijiet”) jipprovdi li:
“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:
(a) ‘perjodu ta’ użu fl-iskeda’ għandha tfisser il-permess mogħti minn kordinatur skond dan ir-Regolament għall-użu tal-firxa sħiħa ta’ l-infrastruttura ta’ l-ajruport meħtieġa għall-operazzjoni ta’ servizz bl-ajru f’ajruport kordinat f’data u ħin speċifiċi għall-użu tat-tniżżil u t-tluq kif allokati minn kordinatur skond dan ir-Regolament;
[…]
(g) ‘ajruport kordinat’ għandha tfisser xi ajruport fejn, sabiex jinżel jew jitlaq, ikun meħtieġ li ġarrier [kumpannija] ta’ l-ajru jew xi operatur ieħor ta’ bċejjeċ ta’ l-ajru li jiġi allokat perjodu ta’ użu fl-iskeda minn kordinatur, bl-eċċezzjoni ta’ titjiriet ta’ l-Istat, inżul ta’ emerċenza u titjiriet umanitarji;
[…]
(m) ‘parametri ta’ kordinament’ għandha tfisser l-espressjoni f’termini ta’ operazzjoni tal-kapaċità kollha disponibbli għall-allokazzjoni ta’ perjodi ta’ użu fl-iskeda f’ajruport matul kull perjodu ta’ kordinament, li tirrifletti l-fatturi kollha tekniċi, operazzjonali u ambjentali li jaffettwaw l-andament ta’ l-infrastruttura ta’ l-ajruport u s-subsistemi differenti tiegħu;
[…].”
6. L-Artikolu 3 (“Kondizzjonijiet għal koordinament ta’ ajruport”) jgħid li:
“1. (a) Stat Membru ma jkollu ebda obbligu li jsemmi xi ajruporti bħala faċilitati bi skeda jew kordinati ħlief skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.
[…]
5. Fejn iseħħu problemi ta’ kapaċità għal ta’ l-anqas perjodu wieħed ta’ skedar, l-Istat Membru għandu jiżgura li l-ajruport jissemma bħala kordinat għall-perjodi rilevanti biss jekk:
(a) in-nuqqas ikun ta’ dik in-natura serja li ma jkunx jista’ jiġi evitat dewmien sinjifikanti fl-ajruport, u
(b) ma jkun hemm ebda possibbiltajiet li jiġu riżolti dawn il-problemi f’terminu qasir ta’ żmien.
[…].”
7. L-Artikolu 4 (“Il-faċilitatur ta’ l-iskedi u l-kordinatur”) jistipula li:
“1. L-Istat Membru responsabbli għal ajruport […] kordinat għandu jiżgura l-ħatra ta’ persuna kwalifikata naturali jew ġuridika bħala […] kordinatur ta’ l-ajruport […].
[…]
5. Il-kordinatur għandu jkun il-persuna unika responsabbli għall-allokazzjoni tal-perjodi ta’ użu ta’ l-iskeda. Huwa għandu jalloka l-perjodi ta' użu ta’ l-iskeda skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament […].
[…].”
8. L-Artikolu 6 (“Parametri ta’ kordinament”) jiddisponi li:
“1. F’ajruport kordinat l-Istat Membru responsabbli għandu jiżgura l-istabbiliment tal-parametri għall-allokazzjoni tal-perjodi ta’ użu fi skeda darbtejn fis-sena, waqt li jagħti kont tal-limitazzjonijiet rilevanti tekniċi, operazzjonali u ambjentali kif ukoll xi bdil fihom.
Dan l-eżerċizzju għandu jkun ibbażat fuq analiżi oġġettiv tal-possibbiltajiet li jiġi akkomodat it-traffiku ta’l-ajru, waqt li jingħata kont tat-tipi differenti ta’ traffiku fl-ajruport, il-konġestjoni ta’ l-ispazju ta’ l-ajru li x’aktarx isseħħ matul il-perjodu ta’ kordinament u s-sitwazzjoni tal-kapaċità.
Il-parametri għandhom ikunu komunikati lill-kordinatur ta’ l-ajruport fi żmien biżżejjed qabel ma sseħħ l-allokazzjoni inizjali tal-perjodi ta’ użu fl-iskeda għall-fini tal-konferenzi ta’ l-iskedar.
[…].”
9. L-Artikolu 8 (“Proċess ta’ allokazzjoni ta’ perjodi ta’ użu fl-iskedi”) jipprovdi li:
“1. Serje ta’ perjodi ta’ użu fl-iskedi jiġu allokati minn grupp ta’ perjodi ta’ użu fl-iskedi lill-ġarriera [kumpanniji tal-ajru] applikanti bħala permessi biex jużaw l-infrastruttura ta’ l-ajruport għall-fini ta’ nżul jew tluq għall-perjodu ta’ skedar li għalih jintalbu, li [malli] jiskadu dawn għandhom jingħataw lura lill-grupp ta’ perjodi ta’ użu fl-iskedi kif imwaqqaf skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 10.
2. Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 7, 8a u 9, l-Artikolu 10(1) u l-Artikolu 14, il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma għandux japplika meta l-kundizzjonijiet li ġejjin jiġu ssodisfati:
— serje ta’ perjodi għal użu fi skedi inkunu ntużaw mill-ġarrier [kumpannija] ta’ l-ajru għall-operat ta’ servizzi ta’ l-ajru skedati u programmati mhux skedati, u
— dak il-ġarrier [kumpannija] ta’ l-ajru jkun jista’ juri għas-sodisfazzjon tal-kordinatur li s-serje ta’ perjodi ta’ użu fl-iskedi in kwistjoni tkun ġiet operata, kif awtorizzati mill-kordinatur, minn dak il-ġarrier [kumpannija] ta’ l-ajru għal ta’ l-anqas 80 % tal-ħin matul il-perjodu ta’ skedar li għalih tkun ġiet allokata.
F’dan il-każ dik is-serje ta’ perjodi ta’ użu fi skeda għandhom jintitolaw lill-ġarrier [kumpannija] ta’ l-ajru konċernat għall-istess serje ta’ perjodi ta’ użu fi skeda fil-perjodu ekwivalenti ta’ skedar li jmiss, jekk tintalab minn dak il-ġarrier [kumpannija] ta’ l-ajru fil-limitu ta’ żmien imsemmi fl-Artikolu 7(1).
[…]
3. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10(2), f’sitwazzjoni fejn it-talbiet kollha għall-perjodu ta’ użu fi skeda ma jkunux jistgħu jintlaqgħu għas-sodisfazzjoni tal-ġarriera [kumpanniji] ta’ l-ajru konċernati, għandha tingħata preferenza għas-servizzi kummerċjali ta’ l-ajru u b’mod partikolari għas-servizzi skedati u għas-servizzi ta’ l-ajru programmati mhux skedati. Fil-każ ta’ talbiet li jikkompetu fl-istess kategorija ta’ servizzi, għandha tingħata prijorità għal operati ta’ matul is-sena kollha.
[…]
5. Il-kordinatur għandu wkoll jagħti kont tar-regoli addizzjonali u l-linji gwida stabbiliti mill-industrija tat-trasport bl-ajru mad-dinja kollha jew mal-Komunità kollha kif ukoll il-linji gwida lokali proposti mill-kumitat ta’ kordinament u approvati mill-Istat Membru jew minn xi korp ieħor kompetenti responsabbli għall-ajruport in kwistjoni, kemm-il darba dawk ir-regoli u linji gwida ma jeffettwawx l-istatus indipendenti tal-kordinatur, jikkonformaw mal-liġi tal-Komunità u jimmiraw li jtejjbu l-użu effiċjenti tal-kapaċità ta’ l-ajruport. Dawn ir-regoli għandhom ikunu komunikati mill-Istat Membru in kwistjoni lill-Kummissjoni.
[…].”
10. L-Artikolu 8a (“Mobilità ta’ perjodi ta’ użu fi skeda”) jirregola l-kundizzjonijiet għat-trasferiment u l-iskambju ta’ slots u jeżiġi li dawn jiġu nnotifikati lill-koordinatur u li ma jkollhomx effett qabel ma jiġu espressament ikkonfermati minnu.
11. Fid-dawl tal-Artikolu 8b (“Esklużjoni ta’ talbiet ta’ kumpens”), “[i]d-dritt għal serje ta’ perjodi ta’ użu fl-iskeda msemmi fl-Artikolu 8(2) ma jagħtix lok għal xi talbiet ta’ kumpens fir-rigward ta’ xi limitazzjoni, restrizzjoni jew eliminazzjoni ta’ dan imposti taħt il-liġi tal-Komunità […].”
12. L-Artikolu 10 jirregola l-“Pool tal-perjodi ta’ użu fl-iskeda”.
II. Il-fatti, il-kawża u d-domandi preliminari
13. L-ajruport ta’ Dublin ilu kklassifikat bħala “ajruport ikkoordinat” fis-sens tar-Regolament Nru 95/93 (5) sa mill‑2007.
14. Fid‑29 ta’ Awwissu 2007, l-An Bord Pleanála tat permess għall-bini tal-fażi 1 tal-proġett ta’ terminal ġdid (it-Terminal 2) fl-ajruport ta’ Dublin.
15. L-awtorizzazzjoni kienet tipprevedi li “[i]l-kapaċità kkombinata awtorizzata tat-Terminal 2 u tat-Terminal 1 ma għandhiex taqbeż it-32 miljun passiġġier fis-sena [iktar ’il quddiem il-‘kundizzjoni 32 mppa’], sakemm ma jkunx awtorizzat mod ieħor permezz tal-għoti ta’ awtorizzazzjoni addizzjonali”.
16. Qabel l-għoti tal-awtorizzazzjoni, l-An Bord Pleanála wettqet evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent skont id-Direttiva 85/337/KEE (6).
17. Fl‑10 ta’ Jannar 2008, l-An Bord Pleanála awtorizzat il-proġett ta’ tkabbir tat-Terminal 1, li kien suġġett għall-istess kundizzjoni ta’ 32 mppa inkluża fl-awtorizzazzjoni tat-Terminal 2.
18. Għalkemm mat-talba għal awtorizzazzjoni ta’ tkabbir tat-Terminal 1 ma ġiet ipprovduta l-ebda dikjarazzjoni dwar l-impatt fuq l-ambjentali, l-An Bord Pleanála wettqet evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent qabel ma tat l-awtorizzazzjoni.
19. L-impożizzjoni tal-kundizzjoni 32 mppa għat-Terminals 1 u 2 kienet immotivata minn żewġ raġunijiet:
– Il-politiki u l-għanijiet tal-“Pjan għaż-żona lokali tal-ajruport ta’ Dublin tal‑2006” (7) kienu jieħdu inkunsiderazzjoni l-fatt li t-Terminals 1 u 2 jinsabu fil-parti tal-Lvant tal-ajruport ta’ Dublin u li l-Pjan tal‑2006 kien jipproponi l-kostruzzjoni tat-tielet terminal fil-parti tal-Punent. Sabiex ma jiġix kompromess l-iżvilupp ibbilanċjat bejn iż-żona tal-Lvant eżistenti u ż-żona tal-Punent proposta, u peress li l-kapaċità globali tal-ajruport kienet stmata f’dak il-mument għal madwar 45 miljun passiġġier fis-sena, ġie deċiż li l-kapaċità kkombinata tat-Terminals 1 u 2 tiġi llimitata.
– It-tieni raġuni kienet tikkonċerna r-“restrizzjonijiet tal-kapaċità (it-trasport) fil-parti tal-Lvant”.
20. Fl‑2024, l-istimi tal-passiġġieri mwettqa mill-ġestjonarju tal-ajruport ta’ Dublin (8) indikaw li, għall-ewwel darba, il-limitu tal-kundizzjoni 32 mppa jista’ jintlaħaq jew anke jinqabeż.
21. F’dan il-kuntest:
– Fis‑7 ta’ Mejju 2024, l-IAA ppubblikat il-Final Decision on Winter 2024 Coordination Parameters at Dublin Airport tagħha (9). Skont din id-deċiżjoni, “[s]abiex jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni dawn il-kundizzjonijiet ta’ ppjanar, [l-IAA] iddeċidiet li tiffissa limitu ta’ kapaċità ta’ 14.4 miljun post għall-istaġun tax-xitwa tal‑2024”. Konsegwentement, l-IAA imponiet, matul dan l-istaġun, limitu massimu ta’ postijiet għall-moviment tat-traffiku tal-ajru ta’ 14 405 737 passiġġier matul il-perijodu bejn is‑27 ta’ Ottubru 2024 u d‑29 ta’ Marzu 2025 (10). Din ir-restrizzjoni, minkejja li affettwat il-“fond ta’ slots” u bidliet fis-servizz lejn Dublin ta’ kumpanniji tal-ajru Amerikani, ma wasslitx sabiex il-parametri ta’ koordinazzjoni għax-xitwa tal‑2024 ikunu insuffiċjenti sabiex jakkomodaw is-slots kollha li kumpanniji tal-ajru kellhom dritt għalihom skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 95/93 (“slots storiċi”).
– Fl‑10 ta’ Ottubru 2024, l-IAA ppubblikat il-Final Decision on Summer 2025 Coordination Parameters at Dublin Airport tagħha (11). Skont din id-deċiżjoni, “sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-limitazzjoni li tirriżulta minn ċerti kundizzjonijiet tal-ippjanar li jillimitaw il-kapaċità kkombinata tat-Terminals 1 u 2 tal-ajruport ta’ Dublin għal 32 miljun passiġġier fis-sena, [l-IAA] inkludiet parametru ta’ koordinazzjoni fil-forma ta’ limitu massimu ta’ postijiet għal kull staġun ta’ 25.2 miljun post”. L-applikazzjoni ta’ dan il-limitu massimu kellha bħala konsegwenza li l-koordinatur tal-ajruport (12) ma kienx f’pożizzjoni li jissodisfa t-talbiet kollha għal slots tal-kumpanniji tal-ajru jew li jalloka ċerti slots storiċi.
22. Il-ġestjonarju tal-ajruport ta’ Dublin u ċerti kumpanniji tal-ajru appellaw quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) kemm id-deċiżjoni tax-xitwa tal‑2024 kif ukoll id-deċiżjoni tas-sajf tal‑2025 (13).
23. Fl‑4 ta’ Novembru 2024, il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) issospendiet provviżorjament l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tas-sajf tal‑2025. Konsegwentement, il-koordinatur tal-ajruport ta’ Dublin seta’ jassenja lill-kumpanniji tal-ajru s-slots storiċi kollha tiegħu għall-istaġun tas-sajf tal‑2025.
24. Il-kumpanniji rikorrenti jikkonċentraw l-argumenti tagħhom f’żewġ argumenti: (i) huma jistaqsu dwar il-legalità tal-azzjoni tal-IAA meta stabbilixxiet il-parametri ta’ koordinazzjoni abbażi tal-kundizzjoni 32 mppa; u (ii) jiddefendu l-protezzjoni tad-drittijiet kweżiti (slots storiċi) skont ir-Regolament Nru 95/93 u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).
25. F’dan il-kuntest, il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja (14) d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) Awtorità nazzjonali kompetenti tista’, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-parametri għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruport ikkoordinat skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 tat‑18 ta’ Jannar 1993 dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-Komunità (kif emendat), tieħu inkunsiderazzjoni l-awtorizzazzjonijiet għall-iżvilupp mogħtija mill-awtorità tal-ippjanar rilevanti skont il-Kodiċi tal-Ippjanar Nazzjonali fir-rigward ta’ dak l-ajruport, li jimponu kundizzjonijiet li jipprovdu inter alia li l-‘kapaċità kkombinata’ tat-terminals tal-ajruport ma għandhiex taqbeż ċertu limitu annwali ta’ passiġġieri, u li fir-rigward tagħhom ir-raġuni mogħtija għall-impożizzjoni tal-kundizzjonijiet kienet ‘Wara li ttieħdu inkunsiderazzjoni l-politiki u l-għanijiet tal-Pjan taż-Żona Lokali tal-Ajruport ta’ Dublin u l-limitazzjonijiet ta’ kapaċità (trasport) fil-kampus tal-Lvant’? Tali kundizzjonijiet jikkostitwixxu “limitazzjonijiet rilevanti tekniċi, operazzjonali u ambjentali” fis-sens tal-Artikolu 6(1)? Dawn jaqgħu fil-kuntest tal-analiżi oġġettiva tas-sitwazzjoni tal-kapaċità tal-ajruport fis-sens tal-Artikolu 6(1)?
2) Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 95/93 u, safejn rilevanti, l-Artikoli 16 u 17 tal-[Karta], jippermettu lill-Istati Membri jiddeterminaw il-parametri ta’ allokazzjoni ta’ slots f’ajruport ikkoordinat għal perijodu ta’ skedar partikolari, li jwassal għan-nuqqas ta’ allokazzjoni ta’ ċerti serje ta’ slots (jew ċerti komponenti tagħhom) li għalihom trasportaturi bl-ajru kieku jkunu intitolati skont l-Artikolu 8(2)?
3) Jekk din il-kwistjoni għandha tiġi kkunsidrata strettament bħala riżultat tar-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja għal-ewwel u għat-tieni domanda, ir-Regolament dwar is-slots jipprojbixxi lill-korpi ta’ amministrazzjoni ta’ ajruport, fis-sens tar-Regolament dwar is-slots, milli jieħdu miżuri unilaterali sabiex jagħlqu l-ajruport matul ċertu perijodu, sabiex jipprekludu l-operat ta’ slots li jkunu ġew allokati mill-koordinatur tal-ajruport sabiex jevitaw li jinqabeż il-limitu annwali ta’ passiġġieri tat-tip imsemmi fl-ewwel domanda?”
III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
26. It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Diċembru 2024.
27. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-ġestjonarju tal-ajruport ta’ Dublin, Aer Lingus Ltd, Ryanair Designated Activity Company, Air Transport Association of America Inc. et, l-IAA, il-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni Ewropea.
28. Fid-dawl tal-kontenut tat-talba għal deċiżjoni preliminari, u wara li ġiet informata bl-eżistenza ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2024 (15) li ma kinitx iddaħħlet fil-proċess, il-Qorti tal-Ġustizzja talbet il-produzzjoni ta’ dan id-dokument lill-qorti tar-rinviju, talba li ġiet issodisfatta. Dan id-dokument tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-partijiet u tal-intervenjenti fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari qabel is-seduta.
29. Waqt is-seduta li nżammet fil‑25 ta’ Novembru 2025, dehru l-ġestjonarju tal-ajruport ta’ Dublin, Aer Lingus Ltd, Ryanair Designated Activity Company, Air Transport Association of America Inc. et, l-IAA, il-Gvern Irlandiż u l-Kummissjoni.
IV. Evalwazzjoni
A. Organizzazzjoni tal-ajruport u slots
30. Il-Linji Gwida tal-IATA (16) jipprevedu tliet livelli ta’ ajruporti, skont il-konġestjoni li jiffaċċjaw. Kull livell għandu reġim differenti ta’ allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura għall-inżul u t-tlugħ bejn il-kumpanniji tal-ajru li jużaw l-ajruport:
– Livell 1. Dan il-livell la jeħtieġ allokazzjoni ta’ slots u lanqas koordinazzjoni.
– Livell 2. Hemm “faċilitatur” li jirrakkomanda l-iskedi.
– Livell 3. Dan il-livell jeħtieġ l-allokazzjoni ta’ slots minn “koordinatur”.
31. Id-dritt tal-Unjoni ma jirregolax l-allokazzjoni ta’ skedi fl-ajruporti ta’ livell 1 (“li ma jkollu ebda status partikolari”, jsejħilhom ir-Regolament Nru 95/93), li huma rregolati mil-liġi ġenerali tal-avjazzjoni ċivili ta’ kull pajjiż (17).
32. Ir-Regolament Nru 95/93 jittratta d-dixxiplina fl-Unjoni, tas-sistema ta’ allokazzjoni ta’ slots fl-ajruporti ta’ livell 3 (“kordinati”) u tal-kooperazzjoni volontarja fil-qasam tal-aċċess għall-infrastruttura tal-ajruporti ta’ livell 2 (“bi skedi faċilitati”).
33. L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 95/93 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-koordinazzjoni tal-ajruporti:
– Il-paragrafu 1 jimponi l-obbligu li ajruport jiġi indikat bħala kkoordinat meta l-kundizzjonijiet previsti f’dan l-artikolu jkunu ssodisfatti.
– Il-paragrafu 3 jipprevedi li Stat Membru għandu janalizza fid-dettall il-kapaċità ta’ ajruport fuq talba tal-“ġarriera [kumpanniji] ta’ l-ajru li jirrappresentaw aktar minn-nofs ta’ l-operazzjonijiet f’ajruport jew mill-korp li jimmaniġġa ta’ l-ajruport meta xi wieħed minn dawn jikkonsidra li l-kapaċità ma tkunx biżżejjed għall-operazzjonijiet attwali jew ippjanati f’ċerti perjodi.”
– Il-paragrafu 5 jipprovdi li l-problemi ta’ kapaċità (in-nuqqasijiet) iwasslu sabiex ajruport jiġi nnominat bħala kkoordinat.
34. Il-kunċett ta’ slot huwa ddefinit fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 95/93 bħala “[l]-permess mogħti minn kordinatur skond dan ir-Regolament għall-użu tal-firxa sħiħa ta’ l-infrastruttura ta’ l-ajruport meħtieġa għall-operazzjoni ta’ servizz bl-ajru f’ajruport kordinat f’data u ħin speċifiċi għall-użu tat-tniżżil u t-tluq kif allokati minn kordinatur skond dan ir-Regolament.”
35. L-Artikolu 2(m) tar-Regolament Nru 95/93 jiddefinixxi l-parametri ta’ koordinazzjoni bħala “l-espressjoni f’termini ta’ operazzjoni tal-kapaċità kollha disponibbli għall-allokazzjoni ta’ perjodi ta’ użu fl-iskeda f’ajruport matul kull perjodu ta’ kordinament, li tirrifletti l-fatturi kollha tekniċi, operazzjonali u ambjentali li jaffettwaw l-andament ta’ l-infrastruttura ta’ l-ajruport u s-subsistemi differenti tiegħu.”
36. Fl-ajruporti kkoordinati, l-Istat Membru huwa inkarigat, skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 95/93, li “jiżgura l-istabbiliment tal-parametri għall-allokazzjoni tal-perjodi ta’ użu fi skeda darbtejn fis-sena, waqt li jagħti kont tal-limitazzjonijiet rilevanti tekniċi, operazzjonali u ambjentali kif ukoll xi bdil fihom.”
37. L-ajruport ta’ Dublin, li ilu kkoordinat mill‑2007, huwa suġġett għall-kundizzjoni 32 mppa, inkluża fl-awtorizzazzjoni mogħtija dak iż-żmien mill-An Bord Pleanála għall-estensjoni tat-terminals tiegħu (18). Din il-kundizzjoni ma kellhiex effett fuq il-parametri ta’ koordinazzjoni sabiex jiġu allokati slots sal‑2024, meta l-IAA ħaditha inkunsiderazzjoni waqt id-determinazzjoni ta’ dawk applikabbli għall-istaġuni tax-xitwa tal‑2024 u tas-sajf tal‑2025.
38. Għalkemm iż-żewġ terminals jistgħu jilqgħu fiżikament iktar minn 32 miljun passiġġier fis-sena mingħajr xogħlijiet ta’ infrastruttura addizzjonali, l-iffissar ta’ dan il-limitu jimplika li, fil-każ ta’ ksur, il-ġestjonarju tal-ajruport jista’ jiġi ssanzjonat.
B. L-ewwel domanda preliminari
39. Il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 95/93. Hija tixtieq tkun taf jekk, skont din id-dispożizzjoni:
– Il-parametri ta’ koordinazzjoni għall-allokazzjoni ta’ slots jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni l-awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-awtorità tal-ippjanar tat-territorju, li jimponu limitu annwali ta’ passiġġieri.
– Il-kundizzjoni 32 mppa tista’ tiġi kklassifikata bħala limitazzjoni teknika, operazzjonali jew ambjentali rilevanti għad-determinazzjoni tal-parametri ta’ koordinazzjoni.
– Dan jagħmel parti mill-analiżi oġġettiva tas-sitwazzjoni tal-kapaċità tal-ajruport.
40. Skont ir-riżoluzzjoni mehmuża mat-talba għal deċiżjoni preliminari, sabiex jiġi deċiż jekk l-IAA kellhiex id-dritt li tqis il-kundizzjonijiet tal-ippjanar relatati max-xogħlijiet tat-Terminals 1 u 2 tal-ajruport ta’ Dublin (b’mod partikolari, il-kundizzjoni 32 mppa), huwa meħtieġ li jiġi ċċarat: a) xi tfisser “kundizzjoni rilevanti” għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-parametri ta’ koordinazzjoni; u b) xi jrid ifisser ir-Regolament Nru 95/93 meta “jgħid li d-determinazzjoni tal-parametri ta’ koordinazzjoni se tkun ibbażata fuq analiżi oġġettiva tal-possibbiltajiet li jiġi akkomodat it-traffiku tal-ajru, filwaqt li jitqiesu t-tipi differenti ta’ traffiku tal-ajruport, il-grad probabbli ta’ konġestjoni tal-ispazju tal-ajru matul il-perijodu ta’ koordinazzjoni u s-sitwazzjoni tal-kapaċità (19).”
1. L-argumenti tal-partijiet u tal-intervenjenti fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari
41. L-IAA tqis li l-kundizzjoni 32 mppa tista’ taqa’ taħt il-“limitazzjonijiet rilevanti tekniċi, operazzjonali u ambjentali” li jservu sabiex jiġu ddeterminati l-parametri ta’ koordinazzjoni. Dawn il-parametri għandhom jirriflettu l-kapaċità attwalment disponibbli, filwaqt li jitqiesu l-limitazzjonijiet eżistenti: ma tistax tiġi stabbilita kapaċità ogħla minn dik li attwalment jiflaħ jew li hija legalment possibbli.
42. Il-ġestjonarju tal-ajruport ta’ Dublin jallinja ruħu mal-IAA billi jiddikjara li l-kundizzjonijiet imposti fl-awtorizzazzjoni jagħmlu parti mill-analiżi oġġettiva tas-sitwazzjoni f’termini ta’ kapaċità u jikkostitwixxu restrizzjonijiet rilevanti, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 95/93 (20).
43. Il-Gvern Irlandiż u dak Olandiż kif ukoll il-Kummissjoni jipproponu wkoll li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda preliminari.
44. Il-kumpanniji tal-ajru jikkontestaw it-teżi tal-IAA permezz ta’ dawn l-argumenti (miġbura fil-qosor):
– Kundizzjoni ta’ ppjanar urban ma tikkorrispondix mal-katalogu tar-restrizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 95/93.
– L-espressjoni “limitazzjonijiet tekniċi”, skont it-tifsira kurrenti tagħha, hija marbuta mal-kapaċità teknika tat-tagħmir jew tal-installazzjonijiet involuti fit-trattament tal-ajruplani, tal-passiġġieri u tal-bagalji.
– L-espressjoni “limitazzjonijiet operazzjonali” tkopri fatturi bħad-dispożizzjoni tal-linji ta’ traffiku, l-irmonk tal-ajruplani u l-metodu ta’ tħaddim tar-runways.
– F’dan il-każ, ma hemmx “restrizzjonijiet ambjentali”, peress li dawn huma raġunijiet politiċi li mmotivaw il-limitazzjoni, billi fittxew li jiffaċilitaw l-espansjoni tal-Punent tal-ajruport ta’ Dublin u billi ma kkompromettewx l-iżvilupp tat-tielet terminal f’din iż-żona.
– Il-limitu tan-numru ta’ passiġġieri ma jirriflettix il-“kapaċità” tal-ajruport jew il-limitazzjonijiet fiżiċi jew tekniċi tal-infrastruttura tiegħu. Hemm konfużjoni bejn il-“fluss tal-passiġġieri” u l-“kapaċità” tal-ajruport. Il-“fluss” jirreferi għan-numru ta’ passiġġieri li effettivament jużaw it-terminals, filwaqt li l-“kapaċità” hija n-numru massimu ta’ passiġġieri li t-terminals jistgħu jilqgħu.
– Peress li l-kapaċità tat-terminals fl-ajruport ta’ Dublin taqbeż it-32 miljun passiġġier fis-sena, il-kundizzjoni ta’ 32 mppa ma tikkostitwixxix limitu fuq il-“kapaċità” ta’ dawk it-terminals, iżda hija marbuta mal-“fluss” tal-passiġġieri.
2. Evalwazzjoni
45. Id-dibattitu għandu żewġ interpretazzjonijiet opposti tat-tifsira tal-espressjoni “limitazzjonijiet rilevanti”. Filwaqt li wħud huma favur interpretazzjoni purament fiżika, oħrajn jirrakkomandaw li jiġu aċċettati limitazzjonijiet “legali” bħal dik li tirrappreżenta l-kundizzjoni 32 mppa.
46. Ir-Regolament Nru 95/93 ma jispeċifikax x’għandu jinftiehem b’“limitazzjonijiet rilevanti tekniċi, operazzjonali u ambjentali”. Ir-riferiment doppju tal-Artikolu 2(m) u tal-Artikolu 6(1) sabiex il-parametri ta’ koordinazzjoni jiġu stabbiliti billi jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn il-limitazzjonijiet “kollha” (fatturi) (21) jindika ċertu daqs tal-kamp semantiku tagħhom, iżda lanqas ma jipprovdi gwida għall-interpretazzjoni tiegħu.
47. Kif jenfasizza l-Gvern Olandiż (22), l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 95/93 għandha ssir billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kapaċità ta’ ajruport koordinat hija element kruċjali fil-proċedura ta’ allokazzjoni tas-slots: dawn jingħataw preċiżament biex jinkiseb l-iktar użu effiċjenti tal-kapaċità tal-ajruport (23).
48. L-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 95/93 jipprovdi li, sabiex jiġu ddeterminati l-parametri ta’ koordinazzjoni, “għandu jkun ibbażat fuq analiżi oġġettiv tal-possibbiltajiet li jiġi akkomodat it-traffiku ta’l-ajru, waqt li jingħata kont […] [tas]-sitwazzjoni tal-kapaċità.”
49. Il-proċess tal-allokazzjoni tas-slots ta’ ajruport ikkoordinat għandu għalhekk isir billi jiġu evalwati l-fatturi rilevanti kollha, tekniċi, operazzjonali jew ambjentali, li jaffettwaw il-kapaċità tal-ajruport.
50. Fl-opinjoni tiegħi, dawn il-fatturi ma humiex biss ta’ natura fiżika jew materjali: l-analiżi tal-kapaċità ma tistax tinjora l-limitazzjonijiet (legali) imposti mir-regoli li għandhom impatt dirett jew indirett fuq l-użu tal-ajruport.
51. Minn din il-perspettiva, jiena naqbel mal-opinjoni tal-Gvern Olandiż (24) li t-terminu “rilevanti”, użat fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 95/93, ma jistax jiġi interpretat bħala limitazzjoni. Għall-kuntrarju, dan jirrifletti kunċett wiesa’ tal-limitazzjonijiet li ser jirregolaw il-proċess ta’ allokazzjoni tas-slots.
52. Kuntrarjament għall-argument tal-kumpaniji rikorrenti, ma narax ostakoli għall-klassifikazzjoni tal-limitazzjoni inerenti għall-obbligu li tiġi osservata l-kundizzjoni 32 mppa fost il-limitazzjonijiet operattivi. Dan l-obbligu jorbot lill-awtoritajiet pubbliċi kollha sal-punt li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom jista’ jwassal għal konsegwenzi ta’ repressjoni, inkluż ta’ natura kriminali (25).
53. Kif jindika l-ġestjonarju tal-ajruport ta’ Dublin (26), il-fatt li tiġi injorata l-kundizzjoni 32 mppa jimplika jew li t-trasportaturi għandhom jirċievu slots anki fil-każijiet fejn, fil-prattika, huma ma jkunux f’pożizzjoni li jużawhom għaliex inkella jiksru l-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtorità tal-ippjanar tat-territorju, jew li l-kumpanniji jqisu ruħhom awtorizzati li joperaw slots filwaqt li jinjoraw il-kundizzjonijiet imposti mill-imsemmija awtorizzazzjoni.
54. Kif diġà esponejt, sabiex jiġu ddeterminati l-parametri ta’ koordinazzjoni, wieħed għandu jibbaża ruħu fuq analiżi oġġettiva, fost fatturi oħra, tal-kapaċità tal-ajruport. Il-kundizzjoni 32 mppa hija preċiżament element li għandu effett, b’mod vinkolanti għal kulħadd, fuq il-kapaċità operazzjonali tal-ajruport.
55. In-natura “operazzjonali” ta’ din il-limitazzjoni, li timponi numru massimu ta’ passiġġieri fis-sena fl-ajruport, ma tieqafx milli teżisti, fil-fehma tiegħi, minħabba l-fatt li din toriġina minn awtorità statali inkarigata mill-ippjanar tat-territorju. Tkun xi tkun l-oriġini tagħha (27), dak li huwa determinanti huwa li hija tirrestrinġi l-“kapaċità operazzjonali” tal-ajruport.
56. Naqbel ukoll mal-argument imressaq mill-IAA (28) sabiex topponi l-argumenti ta’ ċerti kumpanniji li jfittxu li jisseparaw il-“kapaċità tal-ajruport” u l-“fluss ta’ passiġġieri”.
57. Il-kunċetti ta’ kapaċità tal-ajruport u ta’ fluss tal-passiġġieri huma marbuta mill-qrib. Restrizzjoni fuq in-numru massimu (fluss) ta’ passiġġieri li jista’ jilqa’ ajruport ikkoordinat għandha effett konkomitanti fuq il-kapaċità operazzjonali ta’ dan l-istess ajruport, mhux b’mod astratt, iżda b’mod konkret.
58. Għalkemm il-faċilitajiet tal-ajruport ta’ Dublin jistgħu jilqgħu fiżikament iktar minn 32 miljun passiġġier (kapaċità teoretika jew astratta), jekk ikun hemm raġunijiet iġġustifikati li jilleġittimaw l-impożizzjoni ta’ limitu fuq dan in-numru ta’ passiġġieri (29), il-kapaċità reali, effettiva, ta’ dawn il-faċilitajiet tkun tnaqqset minħabba deċiżjoni uffiċjali vinkolanti għall-ġestjonarju ta’ dan l-ajruport.
59. Fl-aħħar mill-aħħar, l-awtorità li tapprova l-parametri ta’ koordinazzjoni, preċiżament minħabba l-limitazzjoni imposta fuq in-numru ta’ passiġġieri (li taffettwa, loġikament, in-numru ta’ titjiriet) (30), għandha tieħu inkunsiderazzjoni din ir-restrizzjoni operattiva, sa fejn din taffettwa “l-funzjonament tal-infrastruttura tal-ajruport”. Nirrepeti, dan huwa fattur rilevanti għall-“analiżi oġġettiv tal-possibbiltajiet li jiġi akkomodat it-traffiku ta’l-ajru”.
C. It-tieni domanda preliminari
60. Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-kundizzjoni 32 mppa hija “limitazzjoni rilevanti”, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk ċerti settijiet ta’ slots storiċi li għalihom dawn il-kumpanniji tal-ajru kien ikollhom dritt skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 95/93 jistgħux ma jibqgħux jiġu allokati lilhom.
61. Essenzjalment, tqum il-kwistjoni dwar x’inhi n-natura ġuridika tas-slots storiċi u “jekk l-IAA, bħala awtorità kompetenti, tistax tistabbilixxi parametri ta’ koordinazzjoni li jwasslu għan-nuqqas ta’ allokazzjoni ta’ dawn is-slots (jew ta’ komponent minnhom). F’dan ir-rigward, huwa argumentat li s-slots storiċi għandhom in-natura ta’ drittijiet għall-proprjetà u li l-IAA ma hijiex f’pożizzjoni li tiddetermina li dawn is-slots jistgħu jitnaqqsu (31)”.
62. Ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba mill-qorti tar-rinviju sabiex tneħħi d-dubji tagħha huma, fil-kuntest ta’ din id-domanda, l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 95/93 u l-Artikoli 16 u 17 tal-Karta.
1. L-argumenti tal-partijiet u tal-intervenjenti fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari
63. Il-kumpanniji rikorrenti jitilqu mill-premessa li s-sistema ta’ allokazzjoni tas-slots prevista fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 95/93 tagħti lil-linji tal-ajru li użawhom regolarment, dritt għall-proprjetà, li abbażi tiegħu huma jistgħu jżommuhom fi staġuni ekwivalenti suċċessivi.
64. L-IAA u l-ġestjonarju tal-ajruport ta’ Dublin jikkontestaw li din id-dispożizzjoni tirrikonoxxi dritt għall-proprjetà. Fil-fehma tagħhom, dan huwa, essenzjalment, trattament prijoritarju sempliċi fl-għoti tal-permess għall-użu tal-faċilitajiet tal-ajruport, permess inerenti għall-allokazzjoni ta’ kull slot u kkundizzjonat għall-eżistenza ta’ kapaċità fl-ajruport.
65. Il-Gvern Irlandiż u dak Olandiż, kif ukoll il-Kummissjoni (32), huma wkoll favur risposta affermattiva għat-tieni domanda preliminari.
2. Evalwazzjoni
66. L-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 95/93 jirreferi għal slots “storiċi”. Taħt dan it-titolu, kumpannija tal-ajru tista’ tkompli tuża, matul staġun sussegwenti, is-slot li kien diġà allokat lilha matul staġun preċedenti, jekk tkun użatu b’mod korrett.
67. Is-slots storiċi jipprovdu stabbiltà u jiffaċilitaw l-ippjanar. Għal-linji tal-ajru, dawn jinċentivaw l-użu effiċjenti tal-faċilitajiet tal-ajruport, li jippermettilhom iżommu r-rotot regolari tagħhom. Għall-ajruporti u l-passiġġieri, il-benefiċċju jissarraf fil-prevedibbiltà tal-movimenti ta’ inġenju tal-ajru.
68. Permezz tal-attribuzzjoni ta’ slots, il-koordinatur tal-ajruport għandu jibda mill-pool irregolat mill-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 95/93. Il-pool huwa strument li jiggarantixxi l-aċċess għall-ajruporti kkoordinati għal operaturi ġodda jew linji tal-ajru li jixtiequ jestendu l-preżenza tagħhom.
69. Il-pool iġib ir-riżorsi tiegħu minn: (a) slots li ma ntużawx biżżejjed matul staġun (33); (b) slots ġodda li jirriżultaw minn żidiet fil-kapaċità tal-ajruport; u (c) slots irritornati mil-linji tal-ajru.
70. Il-koordinatur tal-ajruport jamministra dan il-pool. Meta l-proċessi ta’ allokazzjoni jinfetħu għal staġun ġdid, parti mis-slots titqassam lill-operaturi storiċi u parti oħra (il-pool) tiġi allokata preferibbilment lil-“linji tal-ajru l-ġodda”.
71. Ir-Regolament Nru 95/93 jipprevedi l-għoti lil-linji tal-ajru l-ġodda sabiex jiġi evitat li l-ajruporti kkonġestjonati jiġu mblokkati minn linji tal-ajru “storiċi”. B’dan il-mod, tiġi ggarantita l-eżistenza ta’ kompetizzjoni u ta’ opportunitajiet għal operaturi ġodda jew għal rotot ġodda (34).
72. Skont ir-regola ġenerali prevista fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 95/93, “[s]erje ta’ perjodi ta’ użu fl-iskedi jiġu allokati […] lill-ġarriera [kumpanniji tal-ajru] applikanti bħala permessi biex jużaw l-infrastruttura ta’ l-ajruport għall-fini ta’ nżul jew tluq għall-perjodu ta’ skedar li għalih jintalbu […].” (Korsiv miżjud).
73. L-Artikolu 8(2) jirregola, kif diġà semmejt (35), l-eċċezzjoni rigward l-operaturi storiċi. Skont dan l-artikolu, il-paragrafu 1 tal-istess artikolu ma japplikax meta dawn l-operaturi josservaw ċerti kundizzjonijiet ta’ użu tajjeb tas-serje ta’ slots li ġew allokati lilhom.
74. Is-sistema hekk maħsuba, kif enfasizzat mir-Regolament (KE) Nru 793/2004 (36), għandha l-għan li tiżgura l-istabbiltà tat-tranżazzjonijiet (37).
75. Abbażi ta’ dawn il-premessi, l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 95/93 (l-ewwel waħda mir-regoli li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba f’din id-domanda) ma jipprovdix għajnuna sabiex tiġi identifikata n-natura ġuridika tas-slots. Din il-gwida tinsab f’dispożizzjonijiet oħra tal-istess regolament, li ser nsemmi iktar ’il quddiem.
76. Naħseb illi l-kunċett ta’ slots storiċi bħala drittijiet għall-proprjetà li jibbenefikaw mill-protezzjoni tal-Artikolu 17 tal-Karta, jippreżenta diffikultajiet serji.
77. L-ewwel nett, l-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 95/93 jiddefinixxi s-slot bħala “permess”. L-Artikolu 8(1) tal-istess regolament jikkonferma din in-natura, billi jirreferi għalihom bħala “permessi biex jużaw l-infrastruttura ta’ l-ajruport.” Dan huwa kkorroborat mill-premessa 8 tar-Regolament Nru 793/2004 (38).
78. L-għoti ta’ permess għall-użu ta’ proprjetà ma jagħtix il-proprjetà ta’ dan l-oġġett, iżda s-sempliċi użu tiegħu. Meta l-premessa 9 tar-Regolament Nru 95/93 tiddikjara li “s-sistema eżistenti tagħmel dispożizzjoni għal drittijiet sopra-paternali”, ma tużax din l-espressjoni b’tali mod li tirrikonoxxi drittijiet għall-proprjetà fuq is-slots, anki jekk dawn jista’ jkollhom valur ekonomiku.
79. Il-permessi ta’ aċċess għall-faċilitajiet tal-ajruport f’ċerti slots huma, nirrepeti, sempliċi drittijiet ta’ użu mogħtija mill-awtorità kompetenti, li jikkonċernaw infrastrutturi tal-ajruporti u huma suġġetti għad-deċiżjonijiet sussegwenti ta’ din l-awtorità. Dawn il-permessi jservu għall-awtorizzazzjoni ta’ “użu awtorizzat” mid-detentur tal-proprjetà (jew mill-persuna maħtura minnu).
80. It-tieni nett, il-mekkaniżmu previst fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 95/93 jiffoka fuq perijodu ta’ programmazzjoni. Fi tmiem dan il-perijodu, “dawn [is-slots] għandhom jingħataw lura lill-grupp ta’ perjodi ta’ użu fl-iskedi kif imwaqqaf skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 10.” In-natura temporanja ma hijiex konformi mal-permanenza inerenti fil-kunċett ta’ proprjetà.
81. It-tielet nett, huwa użu neċessarjament kondizzjonali. Meta l-kapaċità li sservi s-slots kollha ma tkunx biżżejjed, jidħlu fis-seħħ il-parametri ta’ koordinazzjoni u jista’ jiġri li l-koordinatur tal-ajruport ma jkunx jista’ jissodisfa t-talbiet kollha għal slots storiċi. Ir-Regolament Nru 95/93 jipprevedi din l-eventwalità fl-Artikolu 8(3) sabiex “f’sitwazzjoni fejn it-talbiet kollha għall-perjodu ta’ użu fi skeda ma jkunux jistgħu jintlaqgħu għas-sodisfazzjoni tal-ġarriera [kumpanniji] ta’ l-ajru konċernati”.
82. L-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 95/93 jiddefinixxi s-slots storiċi “[m]ingħajr preġudizzju għall-Artikoli 7, 8a u 9, l-Artikolu 10(1) u l-Artikolu 14 (39)”, li jindika li hemm limitazzjonijiet inerenti fid-definizzjoni tiegħu stess.
83. Ir-raba’ nett, l-iskema ta’ disponibbiltà tad-“dritt” fuq is-slots storiċi turi li, fir-realtà, il-kumpanniji tal-ajru ma jistgħux jittrasferixxuha waħidhom. Għal darba oħra, ma hemm l-ebda attribut li normalment huwa inerenti għad-dritt għall-proprjetà (it-trasferibbiltà libera tiegħu).
84. L-Artikolu 8a(1) tar-Regolament Nru 95/93 jippermetti, ċertament, it-trasferiment u l-iskambju ta’ slots skont il-kundizzjonijiet li huwa jistabbilixxi (40). Madankollu, il-kundizzjonalità hija tant qawwija li, skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, it-trasferimenti u l-iskambji “ma għandhomx ikollhom effett qabel il-konferma espressa mill-kordinatur”. Barra minn hekk, il-koordinatur jingħata setgħa wiesgħa sabiex jirrifjuta din il-konferma (41).
85. Il-ħames u l-aħħar nett, fil-każ ta’ dritt għall-proprjetà inkorporat b’mod definittiv fil-patrimonju tad-detentur tiegħu (jiġifieri dritt ta’ natura sostanzjali, patrimonjali), it-tneħħija tiegħu twassal, loġikament, għal kumpens finanzjarju: is-sagrifiċċju ta’ dan id-dritt jiddetermina l-obbligu li jiġi kkumpensat għat-telf tiegħu.
86. Madankollu, fid-dawl tal-Artikolu 8b tar-Regolament Nru 95/93 (“Esklużjoni ta’ talbiet ta’ kumpens”), “[i]d-dritt għal serje ta’ perjodi ta’ użu fl-iskeda msemmi fl-Artikolu 8(2) ma jagħtix lok għal xi talbiet ta’ kumpens fir-rigward ta’ xi limitazzjoni, restrizzjoni jew eliminazzjoni ta’ dan imposti taħt il-liġi tal-Komunità.”
87. Għalkemm l-Artikolu 8b tar-Regolament Nru 95/93 isemmi l-limitazzjonijiet, ir-restrizzjonijiet jew it-tneħħija imposti mir-regoli tad-dritt tal-Unjoni, dak li huwa determinanti (sabiex tiġi ddeterminata n-natura ġuridika tal-permess għall-użu ta’ slots) huwa li jenfasizza n-natura prekarja tiegħu, u mhux dik ikkonsolidata.
88. Id-dritt għall-użu ta’ slots storiċi ma jistax, fl-aħħar mill-aħħar, jinjora l-kapaċità tal-ajruport, iddefinita fil-parametri ta’ koordinament.
89. Għalhekk, inqis li l-Artikolu 17 tal-Karta ma jipprekludix li, minħabba l-limitazzjoni tan-numru massimu ta’ passiġġieri ammissibbli f’ajruport partikolari, jiġu imposti restrizzjonijiet fuq is-slots storiċi li kellhom ċerti linji tal-ajru (42).
90. Bl-istess mod, lanqas ma hija kompromessa l-libertà ta’ intrapriża ggarantita fl-Artikolu 16 tal-Karta.
91. Il-libertà ta’ intrapriża (li, barra minn hekk, tista’ tiġi llimitata skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta nnifisha) ma tinkisirx meta, sabiex jirregolaw is-sistema legali tal-użu ta’ infrastrutturi pubbliċi bħalma huma l-ajruporti, l-awtoritajiet kompetenti jadottaw kriterji oġġettivi, applikabbli bl-istess mod għall-operaturi kollha, li bihom jiddefinixxu l-qafas ta’ azzjoni fis-seħħ hemmhekk. Il-miżuri kontenzjużi ma jaffettwawx il-libertà tal-kumpanniji tal-ajru li jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom stess jew li jadottaw il-politika ta’ impriża tagħhom, fi ħdan dak il-kuntest.
D. It-tielet domanda preliminari
92. Il-qorti tar-rinviju tqajjem il-kwistjoni fuq kundizzjoni (“jekk din il-kwistjoni għandha tiġi kkunsidrata strettament bħala riżultat tar-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel u għat-tieni domanda”).
93. Fl-opinjoni tiegħi, ir-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel żewġ domandi preliminari ma għandhomx l-effett li “jqajmu l-kwistjoni” msemmija fit-tielet domanda. Għaldaqstant, ma hemmx bżonn li din tal-aħħar tiġi analizzata.
94. Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk ir-Regolament Nru 95/93 jipprekludix li l-ġestjonarju tal-ajruport jieħu “miżuri unilaterali sabiex [jagħlaq] l-ajruport matul ċertu perijodu, sabiex jippreklud[i] l-operat ta’ slots […] sabiex [jevita] li jinqabeż il-limitu annwali ta’ passiġġieri (43) […].”
95. Id-domanda magħmula b’dan il-mod tirrigwarda ipoteżi ta’ għeluq tal-ajruport li ma hijiex relatata maċ-ċirkustanzi tat-tilwima. Fil-fatt, ma jidhirx li l-ġestjonarju tal-ajruport ta’ Dublin ordna, jew kellu l-intenzjoni li jordna, l-għeluq ta’ dan l-ajruport “sabiex [jevita] li jinqabeż il-limitu annwali ta’ passiġġieri” sabiex tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni 32 mppa.
96. Id-dubju mqajjem mill-qorti tar-rinviju huwa “antiċipat” fir-rigward tal-possibbiltà li, fil-futur, din l-ipoteżi improbabbli ssir realtà. B’konsegwenza ta’ dan, kif sostnew uħud mit-trasportaturi rikorrenti, id-domanda preliminari ma hijiex neċessarja għas-soluzzjoni tat-tilwima mill-qorti tar-rinviju u, f’dan ir-rigward, hija inammissibbli (44).
97. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li tindirizza l-mertu tad-domanda, inqis li, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 95/93, huwa diffiċli li wieħed jimmaġina li l-ġestjonarju tal-ajruport jista’ jagħlqu bħala mezz sabiex tiġi osservata l-kundizzjoni 32 mppa.
98. Fil-fatt:
– Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 95/93, il-parametri ta’ koordinazzjoni approvati mill-IAA jistabbilixxu n-numru massimu ta’ titjiriet ammessi mill-kapaċità tal-ajruport matul il-perijodu ta’ koordinazzjoni.
– Skont l-Artikolu 4(5) tal-istess regolament, il-ġestjonarju tal-ajruport għandu jalloka s-slots tal-ħin lit-trasportaturi tal-ajru matul dan il-perijodu.
– Skont l-Artikolu 2(j), il-ġestjonarju tal-ajruport huwa responsabbli sabiex “jamministra u jimmaniġġa l-faċilitajiet ta’ l-ajruport”.
99. Għalhekk, ir-Regolament Nru 95/93 jistabbilixxi katina preċiża ta’ kompetenzi: l-allokazzjoni tas-slots issir mill-koordinatur tal-ajruport għall-perijodu kollu ta’ koordinazzjoni, abbażi ta’ parametri li, f’każijiet bħal dak inkwistjoni, diġà kkunsidraw il-kundizzjoni dwar il-limitu annwali ta’ passiġġieri.
100. Is-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 95/93 hija bbażata fuq previżjonijiet fuq terminu medju u tinkludi mekkaniżmi li jevitaw deċiżjoni daqshekk drastika bħall-għeluq tal-ajruport sabiex jiġi ssodisfatt rekwiżit diġà magħruf sew minn qabel, bħall-kundizzjoni 32 mppa.
101. Waqt is-seduta, il-ġestjonarju tal-ajruport indika li l-konsegwenzi tal-għeluq, anki temporanju, tal-ajruport ta’ Dublin ikunu ta’ ħsara kbira għall-abitanti tal-gżira u rrakkomanda, bħala miżura iktar razzjonali u proporzjonata fil-każ ta’ kalkolu żbaljat, li jiġu adottati Linji Gwida lokali skont l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 95/93. Tali miżura tippermetti li tiġi trattata, b’mod ordnat, żieda mhux prevista fl-użu tal-faċilitajiet tal-ajruport.
102. L-għeluq ta’ ajruport jista’ jiġi deċiż għal raġunijiet oħra (relatati mas-sigurtà, mal-kundizzjonijiet meteoroloġiċi u kawżi simili) (45), iżda r-Regolament Nru 95/93 ma jinkludi ebda dispożizzjoni li tipprevedi dan sabiex jiġi osservat in-numru massimu ta’ passiġġieri permess.
V. Konklużjoni
103. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta għall-ewwel żewġ domandi preliminari tal-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) tingħata kif ġej:
“L-Artikolu 6(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 tat‑18 ta’ Jannar 1993 dwar regoli komuni għall-allokazzjoni ta' perjodi ta’ użu fl-iskeda ta’ l-ajruporti tal-Komunità, fil-verżjoni tar-Regolament (UE) 2022/2038 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Ottubru 2022 fir-rigward tas-solliev temporanju mir-regoli dwar l-użu tas-slots fl-ajruporti tal-Unjoni minħabba sitwazzjoni epidemjoloġika jew aggressjoni militari,
għandu jiġu interpretat fis-sens li:
1) Fid-determinazzjoni tal-parametri ta’ koordinazzjoni għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruport ikkoordinat, il-korp kompetenti jista’ jieħu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet li jillimitaw il-kapaċità totali li takkomoda numru massimu annwali ta’ passiġġieri, inklużi fl-awtorizzazzjoni mogħtija mill-awtorità tal-ippjanar tat-territorju.
Dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jiġu kklassifikati bħala “limitazzjonijiet rilevanti” u jagħmlu parti mill-analiżi oġġettiva tal-possibbiltajiet ta’ akkomodazzjoni tat-traffiku tal-ajru f’ajruport partikolari.
2) L-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 95/93 u l-Artikoli 16 u 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ma jipprekludux li d-determinazzjoni tal-parametri ta’ koordinazzjoni f’ajruport, minħabba l-obbligu li jiġi osservat in-numru massimu ta’ passiġġieri ammissibbli skont l-awtoritajiet nazzjonali, twassal għat-tneħħija jew għat-tnaqqis ta’ slots storiċi”.
104. Fir-rigward tat-tielet domanda preliminari, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjaraha inammissibbli. Sussidjarjament, nipproponi li tingħata risposta kif ġej:
“L-Artikolu 1(j), l-Artikolu 4(5), l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 95/93
għandhom jiġu interpretati fis-sens li
ma jipprevedux li l-korpi ta’ ġestjoni ta’ ajruport jistgħu jieħdu l-miżura unilaterali ta’ għeluq tal-faċilitajiet tal-ajruport bħala mezz sabiex jiġi evitat in-nuqqas ta’ osservanza tal-limitu annwali tal-passiġġieri impost f’awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtorità tal-ippjanar tat-territorju għall-estensjoni tat-terminals tal-ajruport.”
1 Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.
2 Iktar ’il quddiem, “An Bord Pleanála”.
3 L-organu regolatorju tal-avjazzjoni ċivili tal-Irlanda huwa l-korp irregolat mid-dritt Irlandiż skont l-Aviation Regulation Act 2001 (il-Liġi tal-2001 dwar l-avjazzjoni) u l-Air Navigation and Transport Act 2022 (il-Liġi tal-2022 dwar in-navigazzjoni u t-trasport bl-ajru).
4 Regolament tal-Kunsill tat‑18 ta’ Jannar 1993 dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 2, p. 3), kif emendat bir-Regolament (UE) 2022/2038 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Ottubru 2022 fir-rigward tas-solliev temporanju mir-regoli dwar l-użu tas-slots fl-ajruporti tal-Unjoni minħabba sitwazzjoni epidemjoloġika jew aggressjoni militari (ĠU 2022, L 275, p. 14).
5 Artikolu 2(g) tar-Regolament Nru 95/93. Fil-klassifikazzjoni tal-Worldwide Airport Slot Guidelines (Linji Gwida globali dwar is-slots tal-ajruport) approvati mill-International Air Transport Association (IATA) (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida tal-IATA”), dawn l-ajruporti huma kkunsidrati bħala li huma ta’ “livell 3” (https://www.iata.org/contentassets/4ede2aabfcc14a55919e468054d714fe/wasg-edition-4-english-version.pdf (taqsima 1, punt 5.1)).
6 Direttiva tal-Kunsill tas‑27 ta’ Ġunju 1985 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248).
7 Dublin Airport Local Area Plan 2006.
8 daa plc, li kienet Dublin Airport Authority plc, hija kumpannija proprjetà tal-Istat li tiġġestixxi l-ajruport ta’ Dublin. Iktar ’il quddiem ser nirreferi għaliha bħala “daa” jew “il-ġestjonarju tal-ajruport ta’ Dublin”.
9 Deċiżjoni finali dwar il-parametri ta’ koordinazzjoni tax-xitwa tal‑2024 fl-ajruport ta’ Dublin; iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tax-xitwa tal‑2024”.
10 Skont it-Taqsima 11 tal-Linji Gwida tal-IATA, l-istaġun tas-sajf jibda fl-aħħar Ħadd ta’ Marzu u l-istaġun tax-xitwa fl-aħħar Ħadd ta’ Ottubru.
11 Deċiżjoni finali dwar il-parametri ta’ koordinazzjoni tas-sajf tal‑2025 fl-ajruport ta’ Dublin; iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tas-sajf tal‑2025”. Il-punt 4.90 ta’ din id-deċiżjoni jenfasizza li: “il-Pjan tal-2006, li ġew ibbażati fuqu l-kundizzjonijiet 32 mppa effettivament, skada u ġie ssostitwit bi Pjan ġdid tal‑2020 li jipprevedi, minflok, kapaċità ta’ 40 mppa fiż-żona tal-Lvant”. Waqt is-seduta, ġiet diskussa ċ-ċifra ta’ 36 miljun passiġġier fis-sena. Għalkemm il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) ma tiċċitax din iċ-ċifra fid-deċiżjoni tar-rinviju, din hija ogħla minn dik prevista fil-Pjan tal-2006 (punti 53 u 93 tad-deċiżjoni tar-rinviju).
12 Airport Coordination Ltd hija l-koordinatur indipendenti tal-ajruport ta’ Dublin, maħtura għall-finijiet tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 95/93. Hija r-responsabbiltà tagħha li tiddeċiedi kif il-kapaċità disponibbli għandha tiġi allokata lil kull waħda mill-kumpanniji tal-ajru li titlob slots fl-ajruport ta’ Dublin.
13 Dawn jinkludu sitt rikorsi: i) daa plc vs IAA, Airport Coordination Ltd, Aer Lingus Ltd, Ryanair Designated Activity Company, Emerald Airlines Ireland Ltd u Air Transport Association of America Inc. (li topera taħt l-isem kummerċjali Airlines for America), Delta Air Lines Inc., JetBlue Airways Corporation u United Airlines Inc. (Kawża Nru 2024/920 JR); ii) Aer Lingus Ltd vs IAA, daa plc Airport Coordination Ltd u Air Transport Association of America Inc., Delta Air Lines Inc., JetBlue Airways Corporation u United Airlines Inc. (Kawża Nru 2024/927JR); iii) Ryanair Designated Activity Company vs IAA, daa plc, Airport Coordination Ltd u Air Transport Association of America Inc., Delta Air Lines Inc., JetBlue Airways Corporation u United Airlines Inc. (Kawża Nru 2024/928JR); iv) Aer Lingus Ltd vs IAA, daa plc u Airport Coordination Ltd (Kawża Nru 2024/1296JR); v) Air Transport Association of America Inc., Delta Air Lines Inc., JetBlue Airways Corporation u United Airlines Inc. vs IAA u daa plc Airport Coordination Ltd, Ryanair Designated Activity Company, Aer Lingus Ltd u Emerald Airlines Ireland Ltd (Kawża Nru 2024/1297JR); u vi) Ryanair Designated Activity Company vs IAA, daa plc u Airport Coordination Ltd (Kawża Nru 2024/1299JR).
14 Il-motivazzjoni tat-talba għal deċiżjoni preliminari tinsab fid-deċiżjoni ta’ spjegazzjoni fformulata mill-imħallef tal-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) Barry O’Donnell fil‑11 ta’ Diċembru 2024 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-Imħallef Barry O’Donnell tal‑11 ta’ Diċembru 2024”). Fiha jsostni li l-formulazzjoni tat-talba kienet tirriżulta minn kunsens bejn il-partijiet, taħt is-superviżjoni tal-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda). Il-punti 3, 4 u 5 ta’ din id-deċiżjoni jesponu l-motivi li fuqhom huwa bbażat ir-rinviju.
15 Din kienet id-deċiżjoni tal-Imħallef Barry O’Donnell tal‑11 ta’ Diċembru 2024. Din id-deċiżjoni, li għaliha għamlu riferiment il-partijiet u dawk involuti fis-seduta, neħħew id-dubji dwar l-ammissibbiltà tar-rinviju inizjalment irreġistrat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li rriżultaw fl-assenza ta’ indikazzjoni tar-raġunijiet li fuqhom il-qorti tar-rinviju (u mhux biss il-partijiet fil-kawża) ibbażat ruħha sabiex tressaq it-talba għal deċiżjoni preliminari.
16 https://www.iata.org/contentassets/4ede2aabfcc14a55919e468054d714fe/wasg-edition-4-english-version.pdf., Taqsima 1, punti 3, 4 u 5.
17 Skont il-Linji Gwida tal-IATA (Taqsima 1, punt 3.2.1), il-linji tal-ajru huma liberi li jippjanaw l-operazzjonijiet tagħhom b’osservanza tal-obbligu li jikkomunikaw il-programm operattiv tagħhom.
18 Waqt is-seduta, il-Gvern Irlandiż sostna li għaddejjin inizjattivi leġiżlattivi sabiex jiġi emendat dan il-limitu.
19 Deċiżjoni tal-Imħallef Barry O’Donnell tal‑11 ta’ Diċembru 2024, punt 3.
20 Id-daa kkontestat id-deċiżjoni tax-xitwa tal‑2024 minħabba li din ma kinitx tirrappreżenta b’mod preċiż il-kapaċità operattiva reali tal-ajruport. Din tmur kontra l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 95/93, peress li l-applikazzjoni tal-parametri ta’ koordinazzjoni tippreżupponi li, kieku kellhom jintużaw is-slots kollha allokati, in-numru ta’ passiġġieri fit-Terminals 1 u 2 kien jinqabeż b’madwar 1.2 miljun il-kapaċità massima awtorizzata konformement mal-kundizzjonijiet inkwistjoni. Fil-prattika, l-eċċess ikkonstatat matul is-sena finanzjarja tal‑2024 kien jammonta għal madwar 1 151 102 passiġġier (punt 6 tal-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ daa).
21 L-Artikolu 2(m) isemmi “l-fatturi kollha tekniċi, operazzjonali u ambjentali li jaffettwaw l-andament ta’ l-infrastruttura ta’ l-ajruport u s-subsistemi differenti tiegħu”. Korsiv miżjud.
22 Punt 15 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Olandiż.
23 Waqt is-seduta, il-Kummissjoni esprimiet ruħha b’mod simili. Wara li rrileva li l-għan tar-Regolament Nru 95/93 huwa li jamministra riżorsi limitati (is-slots) u li jottimizza l-użu tagħhom, huwa ddefinixxa l-kapaċità ta’ ajruport bħala l-volum tad-domanda li jista’ jiġi ttrattat jew ġestit f’dan l-ajruport, filwaqt li jinżamm livell ta’ servizz xieraq għall-partijiet kollha (għall-konsumaturi, għal-linji tal-ajru, għal operaturi oħra u fornituri ta’ servizzi).
24 Punt 16 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu.
25 Punt 34 tad-deċiżjoni tar-rinviju, li jirreferi għall-Planning and Development Act, 2000 (il-Liġi tas-sena 2000 dwar l-ippjanar u l-iżvilupp) u jfakkar li, jekk ikun il-każ, ordni ġudizzjarja tista’ timponi l-osservanza tal-kundizzjoni 32 mppa.
26 Punt 22 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-ġestjonarju tal-ajruport ta’ Dublin.
27 F’ċerti osservazzjonijiet bil-miktub u waqt is-seduta, in-natura ambjentali tad-deċiżjonijiet meħuda mill-awtorità tal-ippjanar tat-territorju fl‑2007 u fl‑2008 ġiet diskussa (b’opinjonijiet opposti). Ma naħsibx li huwa neċessarju li nesprimi ruħi dwar din id-diskussjoni, ladarba nikklassifika l-kundizzjoni dwar in-numru massimu ta’ passiġġieri bħala kundizzjoni operazzjonali.
28 Punti 30 u 31 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-IAA.
29 Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma jirrigwardax il-legalità, bħala tali, tad-deċiżjonijiet meħuda fl‑2007 u fl‑2008 mill-An Bord Pleanála sabiex tiġi awtorizzata l-estensjoni tat-terminals tal-ajruport ta’ Dublin.
30 Waqt is-seduta, ġie diskuss kif il-limitazzjoni tan-numru ta’ passiġġieri jkollha effett fuq in-numru ta’ titjiriet (u ta’ slots allokati), fid-dawl tal-kapaċità varjabbli tal-ajruplani użati. Fil-fatt, din hija problema teknika li l-awtoritajiet kompetenti għandhom isolvu.
31 Deċiżjoni tal-Imħallef Barry O’Donnell tal‑11 ta’ Diċembru 2024, punt 4.
32 Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li din id-domanda tista’ tkun ipotetika, peress li ma kienx hemm allokazzjoni ta’ slots storiċi. L-oġġezzjoni tagħha ma hijiex fondata jekk jidher li, skont id-deċiżjoni tar-rinviju (punt 48), id-deċiżjoni tas-sajf tal‑2025 kellha l-konsegwenza li s-slots storiċi kellhom jitnaqqsu. Anki jekk, minħabba s-sospensjoni provviżorja tagħha, id-deċiżjoni ma ġietx applikata de facto, id-dibattitu legali dwar il-validità ta’ din id-deċiżjoni huwa reali u mhux purament ipotetiku.
33 Din hija r-regola use it or lose it, li tirrelata mad-dritt għal slots storiċi: jekk linja tal-ajru tuża mill-inqas 80 % tas-slots allokati fi staġun, tkun tista’ żżommhom bħala slots storiċi għall-istaġun ekwivalenti li jmiss. Jekk hija ma tilħaqx it-80 % ta’ użu, hija titlef dawn is-slots, li jiġu assenjati mill-ġdid lill-pool sabiex jiġu allokati mill-ġdid lil kumpanniji oħra.
34 Għall-Kummissjoni, “[t]he system of historical preference means that it is very difficult for new entrants to challenge the dominant position of the traditional incumbent airlines at the most congested airports. At these airports, the mobility (turnover) of slots is very low” [Commission staff working paper, Impact Assessment, accompanying the document Proposal for a Regulation of the European Parliament and of the Council on common rules for the allocation of slots at European Union airports (Recast) [(SEC(2011) 1443 final], punt 46].
35 Punt 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
36 Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ April 2004 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Volum 8, p. 171).
37 Premessa 9 tar-Regolament Nru 793/2004: “Sabiex ikunu nkoraġġiti operazzjonijiet regolari f’ajruporti kordinati huwa meħtieġ li jkun provdut li l-grandfather rights jirrelataw ma’ serje ta’ perjodi ta’ użu fl-iskeda. Fl-istess waqt, l-Istati Membri għandhom, meta jiddefinixxu l-parametri tal-kapaċità, jkunu jistgħu jagħtu kont tal-limiti operazzjonali u ambjentali.” Meta l-parametri ta’ koordinazzjoni previsti fl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 95/93 jiġu approvati, l-awtorità kompetenti għandha neċessarjament tieħu inkonsiderazzjoni, flimkien mar-restrizzjonijiet rilevanti, is-slots storiċi eżistenti.
38 “[…] l-allokazzjoni ta’ perjopdi ta’ użu fl-iskeda titqies bħala li tagħti permess lill-dawk li jġorru bl-ajru [lill-kumpanniji tal-ajru] li jaċċessaw il-faċilitajiet ta’ l-ajruport biex jinżlu u jitilqu f’dati u ġinijiet speċifiċi għat-tul tal-perjodu li għalih jingħata l-permess.” Waqt is-seduta, il-Kummissjoni enfasizzat li l-għażla tat-terminu “permess” fid-definizzjoni ta’ slot kienet intenzjonata: matul il-proċess leġiżlattiv, l-espressjoni “drittijiet” (“entitlements”) ġiet mibdula f’“permess” (“permission”). Ara l-punti 11 u 12 tal-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament Nru 95/93, COM/2001/0335 final – COD 2001/0140 – COD 2001/0140 (ĠU 2001, C 270 E, p. 131).
39 Korsiv miżjud. Fil-fehma tiegħi, huwa irrilevanti, għal dak li jimporta fil-kawża ineżami, li l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 95/93 ma jinsabx f’din il-lista.
40 Ċerti kumpanniji tal-ajru jippruvaw jibbażaw ruħhom fuq il-punt 5, dwar l-“iskambju ta’ slots”, tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 95/93, tat‑30 ta’ April 2008, [COM (2008) 227 final], sabiex jenfasizzaw il-possibbiltà ta’ trasferiment ta’ slots bi skambju għal remunerazzjonijiet monetarji u oħrajn. Fir-realtà, il-Kummissjoni sempliċement tafferma li “[t]-test tar-Regolament attwali ma jsemmi xejn fuq il-kwistjoni ta’ skambji ta’ slots bi ħlas jew għal xi forma oħra ta’ qligħ li jirriflettu il-valuri differenti ta’ slots f’ħinijiet differenti tal-ġurnata u fatturi oħrajn.”
41 L-Artikolu 8a(3) tar-Regolament Nru 95/93 jimponi restrizzjonijiet fuq it-trasferiment u l-iskambju ta’ slots allokati lil membru ġdid, sabiex “[il]-privileġġi korrispondenti għal trasportaturi [kumpanniji] tal-ajru, koperti minn dik id-definizzjoni, jiġu limitati għal membri ġodda ġenwini” ((premessa 7 tar-Regolament (UE) 2021/250 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 2021 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 fir-rigward tal-eżenzjoni temporanja mir-regoli dwar l-użu ta’ slots fl-ajruporti tal-Unjoni minħabba l-kriżi tal-COVID-19 (ĠU 2021, L 58, p. 1)).
42 Huwa ovvju li dawn il-limitazzjonijiet se jkollhom jikkonformaw mal-kriterji tal-proporzjonalità u tan-nondiskriminazzjoni bejn il-kumpanniji tal-ajru kkonċernati. It-tieni domanda preliminari ma testendix ruħha għall-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji fil-kawża ineżami, iżda għall-kwistjoni (preliminari u iktar ġenerali) dwar jekk jistgħux jibqgħu jiġu allokati ċerti serje ta’ slots storiċi li minnhom kienu jibbenefikaw il-kumpanniji tal-ajru.
43 Id-deċiżjoni tal-Imħallef Barry O’Donnell tal‑11 ta’ Diċembru 2024 hija fformulata b’mod analogu: “tqum il-kwistjoni dwar jekk ir-Regolament [Nru 95/93] dwar is-slots jipprojbixxix lil korp ta’ ġestjoni ta’ ajruport milli jieħu miżuri unilaterali sabiex jagħlaq l-ajruport għal perijodu ta’ żmien sabiex jipprevjeni l-użu tas-slots allokati u b’hekk jevita n-nuqqas ta’ osservanza tal-limitu annwali tal-passiġġieri” (punt 5).
44 Skont ġurisprudenza stabbilita, il-funzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari hija li tikkontribwixxi għall-amministrazzjoni effettiva tal-ġustizzja fl-Istati Membri u mhux li tifformula opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi. Sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2025, Kwizda Pharma II (C‑451/24, EU:C:2025:663), punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata.
45 Kif ġustament issostni il-Kummissjoni (punt 65 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha), l-għeluq ta’ ajruport għandu, fi kwalunkwe każ, ikun konformi ma’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni, bħar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi ta’ l-ajru fil-Komunità (Riformulazzjoni) (ĠU 2008, L 293, p. 3).