Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

NORKUS

ippreżentati fit‑12 ta’ Frar 2026 (1)

Kawża C‑67/25

Staatsanwaltschaft Saarbrücken

Proċeduri kriminali

vs

R,

N,

K

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Saarbrücken (il-Qorti Reġjonali ta’ Saarbrücken, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina – Regolament (UE) Nru 833/2014 – Artikolu 2f(1) – Projbizzjoni tat-tixrid ta’ kontenut minn ċerti persuni ġuridiċi, entitajiet jew organi – Tixrid ta’ dan il-kontenut minn persuni fiżiċi fuq sit internet li jiġġenera dħul biss fil-forma ta’ kontribuzzjonijiet volontarji”






I.      Daħla

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari mil-Landgericht Saarbrücken (il-Qorti Reġjonali ta’ Saarbrücken, il-Ġermanja) skont l-Artikolu 267 TFUE tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2f(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal‑31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (2), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/350 tal‑1 ta’ Marzu 2022 (3) (iktar ’il quddiem ir- “Regolament Nru 833/2014). Din id-dispożizzjoni tipprojbixxi lil kwalunkwe operatur milli jxandar, jgħin, jiffaċilita jew jagħti kontribut biex jixxandar bi kwalunkwe mod kontenut mill-entitajiet jew organi elenkati fl-Anness XV ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari b’mezzi bħal cable, satellita, IPTV, fornituri ta’ servizzi tal-internet jew pjattaformi u applikazzjonijiet ta’ video-sharing online.

2.        It-talba saret fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra diversi persuni ssuspettati li kkostitwixxew reat ta’ assoċjazzjoni u li xandru, permezz ta’ blog pubbliku, kontenut divers, fosthom videos li ġew minn stazzjon tal-media suġġett għal din il-projbizzjoni. Minkejja li l-aċċess għas-sit kien bla ħlas, l-operaturi tiegħu talbu donazzjonijiet, fejn ġabru ammont totali ta’ iktar minn EUR 60 000. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-portata tal-kunċett ta’ “operatur” li jinsab fl-imsemmija dispożizzjoni u, b’mod iktar partikolari, dwar jekk dan jinkludix ukoll il-persuni fiżiċi li joperaw sit internet mingħajr ma jiksbu xi dħul minnu għajr għal kontribuzzjonijiet volontarji.

3.        L-isfida ser tkun li tiġi ddeterminata l-portata tal-kunċett ta’ “operatur” fis-sens tal-Artikolu 2f(1) tar-Regolament Nru 833/2014, f’kuntest ikkaratterizzat mill-ħtieġa li tissaħħaħ l-effettività tal-miżuri tal-Unjoni intiżi li jiġġieldu d-diżinformazzjoni (4) u l-propaganda minn sorsi statali. Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tippreċiża jekk dan il-kunċett jistax japplika għal persuni fiżiċi li joperaw sit internet mingħajr ma jeżerċitaw attività ekonomika iżda billi jxandru kontenut ipprojbit u, b’dan il-mod, li tiddefinixxi l-limiti tar-responsabbiltà tal-atturi online fl-implimentazzjoni tas-sanzjonijiet Ewropej. Dan ser jiżgura applikazzjoni konsistenti u operazzjonali tal-miżuri restrittivi fl-ispazju diġitali, filwaqt li jiżgura r-rispett għall-prinċipji tal-istat tad-dritt u ċ-ċertezza legali, sabiex tiġi evitata interpretazzjoni dejqa jew imprevedibbli wisq li tipperikola l-effettività tagħhom.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Ir-Regolament Nru 833/2014

4.        Skont l-Artikolu 2f(1) tar-Regolament Nru 833/2014:

“Għandu jkun ipprojbit għall-operaturi li jxandru jew jgħinu, jiffaċilitaw jew inkella li jagħtu kontribut biex jixxandar kwalunkwe kontenut mill-persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness XV, inkluż permezz tat-trażmissjoni jew id-distribuzzjoni bi kwalunkwe mezz bħal cable, satellita, IP-TV, fornituri ta’ servizzi tal-internet, pjattaformi jew applikazzjonijiet ta’ video-sharing tal-internet, kemm jekk ġodda kif ukoll jekk installati minn qabel.”

5.        L-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar sanzjonijiet, inkluż fejn xieraq sanzjonijiet kriminali, applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. […]”

6.        L-Artikolu 12 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Għandu jkun ipprojbit il-parteċipazzjoni, bil-ħsieb u intenzjonata, f’attivitajiet li l-għan jew l-effett tagħhom ikun l-evitar tal-projbizzjonijiet f’dan ir-Regolament [...].”

7.        Fl-Anness XV tal-istess regolament, intitolat “Lista ta’ persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi msemmija fl-artikolu 2f”, jidher, b’mod partikolari, l-isem “RT - Russia Today Germany”.

2.      Ir-Regolament 2022/350

8.        Il-premessi 4 sa 10 tar-Regolament 2022/350 jistabbilixxu:

“(4)      Fil-konklużjonijiet tiegħu tal‑24 ta’ Frar 2022, il-Kunsill Ewropew ikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna. […] Il-Kunsill Ewropew appella lir-Russja u lill-formazzjonijiet armati appoġġati mir-Russja biex iwaqqfu l-kampanja ta’ diżinformazzjoni tagħhom.

(5)      Fil-konklużjonijiet tiegħu tal‑10 ta’ Mejju 2021, il-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea] enfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ aktar ir-reżiljenza tal-Unjoni u tal-Istati Membri kif ukoll il-kapaċità tagħhom li jiġġieldu theddid ibridu, inkluża d-diżinformazzjoni, filwaqt li jiġi żgurat l-użu koordinat u integrat ta’ għodod eżistenti u ġodda possibbli għall-ġlieda kontra t-theddid ibridu fil-livell tal-Unjoni u tal-Istati Membri, u risponsi possibbli fil-qasam tat-theddid ibridu inkluż, inter alia, għal operazzjonijiet ta’ interferenza u influwenza barranija, li jistgħu jkopru miżuri preventivi kif ukoll l-impożizzjoni ta’ kostijiet fuq atturi statali u mhux statali ostili.

(6)      Il-Federazzjoni Russa impenjat ruħha f’kampanja sistematika u internazzjonali ta’ manipulazzjoni tal-media u distorsjoni tal-fatti sabiex issaħħaħ l-istrateġija tagħha ta’ destabbilizzazzjoni tal-pajjiżi ġirien tagħha u tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. B’mod partikolari, il-propaganda mmirat ripetutament u konsistentement lill-partiti politiċi Ewropej, speċjalment matul il-perijodi elettorali, kif ukoll immirat lis-soċjetà ċivili, lil dawk il-persuni li jfittxu l-ażil, lill-minoranzi etniċi Russi, lill-minoranzi tal-ġeneru u lill-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi fl-Unjoni u fl-Istati Membri tagħha.

(7)      Sabiex tiġġustifika u tappoġġa l-aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna, il-Federazzjoni Russa impenjat ruħha f’azzjonijiet ta’ propaganda kontinwi u miftiehma mmirati lejn is-soċjetà ċivili fl-Unjoni u l-pajjiżi ġirien, li jgħawwġu u jimmanipulaw b’mod gravi l-fatti.

(8)      Dawk l-azzjonijiet ta’ propaganda għaddew minn għadd ta’ mezzi tal-media taħt il-kontroll permanenti dirett jew indirett tat-tmexxija tal-Federazzjoni Russa. Tali azzjonijiet jikkostitwixxu theddida sinifikanti u diretta għall-ordni pubbliku u s-sigurtà tal-Unjoni.

(9)      Dawk il-mezzi tal-media huma essenzjali u strumentali biex imexxu ’l quddiem u jappoġġaw l-aggressjoni kontra l-Ukrajna, u għad-destabbilizzazzjoni tal-pajjiżi ġirien tagħha.

(10)      Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, u b’reazzjoni għall-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna, huwa meħtieġ, b’mod konsistenti mad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, b’mod partikolari mad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni kif rikonoxxut fl-Artikolu 11 tagħha, li jiġu introdotti aktar miżuri restrittivi biex jiġu sospiżi b’mod urġenti l-attivitajiet tax-xandir ta’ tali mezzi tal-media fl-Unjoni, jew diretti lejn l-Unjoni. Dawn il-miżuri jenħtieġ li jinżammu sakemm tintemm l-aggressjoni kontra l-Ukrajna, u sakemm il-Federazzjoni Russa, u l-mezzi tal-media assoċjati tagħha, jieqfu jwettqu azzjonijiet ta’ propaganda kontra l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.”

B.      Id‑dritt Ġermaniż

9.        Skont l-Artikolu 18(1)(1)(b) tal-Außenwirtschaftsgesetz (il-Liġi dwar il-Kummerċ Barrani), tas‑6 ta’ Ġunju 2013 (5), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, kull persuna li tikser projbizzjoni ta’ ħruġ, ta’ trażmissjoni, ta’ xandir jew ta’ provvista ta’ servizzi, prevista minn att legali tal-Komunitajiet Ewropej jew tal-Unjoni Ewropea direttament applikabbli, li huwa ppubblikat fil-Journal officiel des Communautés européennes jew f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u li huwa intiż li jimplimenta sanzjoni ekonomika adottata mill-Kunsill fil-qasam tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni, tista’ tingħata piena ta’ priġunerija ta’ bejn tliet xhur u ħames snin.

10.      Konformement mal-ewwel każ tal-punt 2 tal-Artikolu 18(7) ta’ din il-liġi, persuna li tkun aġixxiet f’kapaċità professjonali fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu tista’ tingħata piena ta’ priġunerija ta’ mill-inqas sena.

III. Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali, il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11.      Il-proċedura fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kuntest ta’ investigazzjoni preliminari mibdija kontra tliet persuni fiżiċi, R, N u K, li, matul is-sena 2023, xandru erba’ darbiet, permezz tal-blog “Live-Ticker” pubblikament aċċessibbli fuq is-sit internet www.traugott-ickeroth.com (iktar ’il quddiem is-“sit internet traugott-ickeroth”), videos maħruġa mill-istazzjon RT Deutschland. Peress li l-pubblikazzjonijiet ta’ dan l-istazzjon huma suġġetti għall-projbizzjoni tax-xandir prevista fl-Artikolu 2f(1) tar-Regolament Nru 833/2014, il-fatt li dawn ġew magħmula aċċessibbli għall-pubbliku jikkostitwixxi, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, reat punibbli b’piena kriminali.

12.      R, li b’mod partikolari jippubblika kotba taħt il-psewdonimu “Traugott Ickeroth”, mibjugħa fuq il-pjattaforma tal-kummerċ online Amazon, irrikonoxxa, matul l-investigazzjoni, li kien responsabbli mid-disinn editorjali tas-sit internet traugott-ickeroth.

13.      Il-kontenut ippubblikat fuq dan is-sit internet kien aċċessibbli mingħajr ħlas. Madankollu, l-utenti kienu jiġu mistiedna jsostnu finanzjarjament l-operat tal-imsemmi sit permezz ta’ sejħa għal donazzjonijiet. Bejn l‑1 ta’ April 2022 u t‑3 ta’ Awwissu 2023, l-imputati R u N b’hekk irċevew, fil-kontijiet rispettivi tagħhom, numru kbir ta’ pagamenti magħmula minn utenti li wieġbu għal din is-sejħa, il-maġġoranza f’ammont bejn wieħed u tliet ċifri, għal total ta’ EUR 60 038.65.

14.      Il-qorti tar-rinviju tindika li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2f(1) tar-Regolament Nru 833/2014, taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja u li din għadha ma ddeċidietx fuq dan il-punt. Hija żżid tgħid li l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “operatur”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma hijiex evidenti biżżejjed biex teskludi kwalunkwe dubju raġonevoli.

15.      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirreferi għad-dokument ippreparat mis-servizzi tal-Kummissjoni, intitolat “Consolidated FAQs on the implementation of Council Regulation No 833/2014 and Council Regulation No 269/2014” (Mistoqsijiet u tweġibiet ikkonsolidati dwar l-implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill Nru 833/2014 u Nru 269/2014, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-Kummissjoni”), li jgħid li l-kunċett ta’ “operatur” ikopri kull persuna fiżika jew ġuridika jew kull entità li l-attività kummerċjali jew professjonali tagħha tikkonsisti f’li xxandar, tgħin, tiffaċilita jew tagħti kontribut biex jixxandar b’xi mod ieħor kontenut mhux awtorizzat.

16.      Fil-fehma ta’ din il-qorti, il-ġbir ta’ donazzjonijiet privati, li jikkostitwixxu rigali fis-sens tad-dritt ċivili, ukoll jista’ jiġi kklassifikat bħala “attività professjonali”, peress li huwa eżerċitat, bħal f’dan il-każ, b’tali mod li l-benefiċjarji jiġbdu ammonti sinjifikattivi li jippermettulhom jiżguraw, tal-inqas parzjalment, l-għajxien tagħhom. Tali interpretazzjoni hija kkorroborata mill-fatt li s-sejħa għal donazzjonijiet kienet intiża li tiġġenera riżorsi finanzjarji intiżi għat-tkomplija tal-operat tas-sit internet traugott-ickeroth, u, għaldaqstant, sabiex tikkostitwixxi sors ta’ dħul sostenibbli, li huwa karatteristika ta’ attività professjonali.

17.      Madankollu, l-imsemmija qorti tosserva, minn naħa, li l-aċċess għal dan is-sit internet kien, bħala prinċipju, mingħajr ħlas, jiġifieri mhux suġġett għall-provvista ta’ korrispettiv fi flus mill-utenti tiegħu, u, min-naħa l-oħra, li l-użu tiegħu ma kienx iffinanzjat minn riżorsi indipendenti mill-kontribuzzjonijiet volontarji tal-utenti, bħal dħul mir-reklamar, li madankollu huwa komuni f’dan il-qasam. Għaldaqstant, l-attività tal-imputat R tista’ tiġi kklassifikata wkoll bħala purament privata.

18.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Landgericht Saarbrücken (il-Qorti Reġjonali ta’ Saarbrücken) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 2f(1) tar-[Regolament Nru 833/2014] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-operaturi f’dan is-sens jinkludu wkoll persuni fiżiċi li joperaw sit internet u jiġġeneraw dħul unikament fil-forma ta’ kontribuzzjonijiet volontarji minn terzi (donazzjonijiet jew rigali)?”

IV.    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

19.      Id-deċiżjoni tar-rinviju datata l‑20 ta’ Diċembru 2024 waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑31 ta’ Jannar 2025.

20.      K u R bħala imputati fil-kawża prinċipali, is-Staatsanwaltschaft Saarbrücken (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Saarbrücken, il-Ġermanja), il-Gvern Franċiż, il-Gvern Estonjan u l-Gvern Latvjan kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fit-terminu mogħti skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

21.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ma qisitx li kien meħtieġ li ssir seduta għas-sottomissjonijiet orali konformement mal-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.

V.      Analiżi ġuridika

A.      Kummenti preliminari

22.      L-Unjoni Ewropea, li hija bbażata fuq il-valuri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE – b’mod partikolari l-libertà, id-demokrazija u l-pluraliżmu – tagħti importanza essenzjali lir-rispett tal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni. Id-dritt tal-Unjoni jistabbilixxi dan il-kunċett billi jirrikonoxxi, fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), il-protezzjoni ta’ dawn il-libertajiet bħala element fundamentali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Madankollu, is-soċjetajiet miftuħa u demokratiċi għadhom vulnerabbli għat-tixrid tad-diżinformazzjoni, speċjalment meta jintużaw deliberatament biex jimmanipulaw l-opinjoni pubblika u jinfluwenzaw il-proċess demokratiku (6).

23.      Il-gwerra ta’ aggressjoni mwettqa mill-Federazzjoni Russa kontra l-Ukraina bi ksur tad-dritt internazzjonali kkonfrontat lill-Unjoni bi sfidi mingħajr preċedent (7). Sabiex iżżid l-ispiża tar-Russja għall-azzjonijiet tagħha li għandhom l-għan li jdgħajfu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina u biex tippromwovi soluzzjoni paċifika tal-kriżi (8), l-Unjoni adottat sensiela ta’ miżuri restrittivi kontra ċerti persuni fiżiċi u ġuridiċi (9). Hija implimentat ukoll strumenti biex issaħħaħ ir-reżiljenza tagħha għal theddid ibridu, inklużi kampanji ta’ diżinformazzjoni u manipulazzjoni tal-informazzjoni orkestrati mill-Federazzjoni Russa.

24.      Dawn l-istrumenti jinkludu b’mod partikolari l-miżuri previsti fir-Regolament 833/2014, li jissospendu l-attivitajiet ta’ xandir ta’ ċerti mezzi tal-media li jaġixxu f’isem il-Federazzjoni Russa u li jmexxu, permezz ta’ kampanji ta’ diżinformazzjoni, strateġija ta’ destabilizzazzjoni tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, inkluż l-istazzjoni RT Deutschland (10). Il-ġustifikazzjoni ta’ dawn il-miżuri, li b’mod partikolari jirrestrinġu d-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, tinsab fit-theddida serja u diretta għall-ordni pubbliku u s-sigurtà tal-Unjoni maħluqa minn tali attivitajiet ta’ propaganda (11). L-Artikolu 52(1) tal-Karta jippermetti tali restrizzjonijiet (12).

25.      Din il-kawża taqa’ fil-kuntest usa’ tal-ġlieda mmexxija mill-Unjoni kontra l-kampanji ta’ diżinformazzjoni marbuta mal-kunflitt bejn ir-Russja u l-Ukraina sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-Artikolu 2f(1) tar-Regolament Nru 833/2014 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “operatur”, għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni, jinkludi wkoll il-persuni fiżiċi li joperaw sit internet u jiġġeneraw dħul unikament fil-forma ta’ kontribuzzjonijiet volontarji minn terzi (donazzjonijiet jew rigali).

26.      Kif diġà rrilevajt fl-introduzzjoni tiegħi (13), l-effikaċja tal-miżuri restrittivi hija suġġetta għal perijodu ta’ prova, l-istess bħall-prinċipji fundamentali tal-istat tad-dritt, peress li, fid-dawl tal-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege certa, għandu jiġi ddefinit preċiżament l-aġir li jista’ jwassal għal piena kriminali. Dan il-prinċipju, stabbilit fl-Artikolu 49(1) tal-Karta, jeżiġi li l-leġiżlatur jiddefinixxi bi preċiżjoni suffiċjenti l-aġir li jikkostitwixxi ksur kif ukoll il-pieni li huma applikabbli għalihom, sabiex jiġi żgurat li d-determinazzjoni tal-atti punibbli taqa’ taħt l-awtorità leġiżlattiva, mingħajr madankollu ma jeskludi l-interpretazzjoni tal-qorti, dment li din tibqa’ prevedibbli u strettament irregolata mit-test ġuridiku (14).

27.      Kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju tal-legalità tar-reati u l-pieni, li jirrikjedi ċ-ċarezza u l-prevedibbiltà tad-dritt kriminali, jipprekludi l-prosekuzzjoni ta’ aġir li n-natura oġġezzjonabbli tiegħu ma hijiex ċara u inekwivoka biżżejjed fil-liġi (15). Dan il-prinċipju għandu wkoll l-għan li jiżgura l-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali taċ-ċittadini, billi jippermettilhom ikunu jafu, fil-ħin li jaġixxu, il-konsegwenzi kriminali li jistgħu jirriżultaw mill-aġir tagħhom. Dan għandu importanza partikolari f’kuntest bħal dak ineżami, li fih l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 833/2014 jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jistabbilixxu s-sistema ta’ sanzjonijiet, inkluż, jekk ikun il-każ, pieni kriminali, li għandhom jiġu applikati fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament. Dawn il-konklużjonijiet huma intiżi li jiċċaraw il-portata tal-Artikolu 2f(1) tal-imsemmi regolament.

28.      Ser neżamina din il-kwistjoni wara li nindirizza r-riżervi mqajma mis-Staatsanwaltschaft Saarbrücken (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Saarbrücken) dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

B.      Fuq l-ammissibbiltà

29.      Mingħajr ma jinvoka formalment l-inammissibbiltà tad-domanda preliminari, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Saarbrücken madankollu jikkontesta n-neċessità tagħha. Huwa jsostni, minn naħa, li d-deċiżjoni li tinfetaħ il-fażi tal-proċess quddiem l-awla kompetenti tal-qorti tar-rinviju xorta tista’ tkun is-suġġett ta’ azzjoni ġudizzjarja nazzjonali, b’tali mod li ma tkunx finali. Min-naħa l-oħra, huwa jqis li ma huwiex indispensabbli li l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita b’domanda preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “operatur”, fis-sens tal-Artikolu 2f(1) tar-Regolament Nru 833/2014, peress li, fil-fehma tiegħu, il-metodi klassiċi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jippermettu li tiġi identifikata t-tifsira tiegħu, li barra minn hekk tidher evidenti.

30.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li fil-kuntest ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tat-tqassim tal-funzjonijiet bejnha u l-qorti nazzjonali, li għandha tivverifika jekk id-deċiżjoni tar-rinviju tteħditx skont ir-regoli nazzjonali ta’ organizzazzjoni u ta’ proċedura ġudizzjarja. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tillimita ruħha għad-deċiżjoni tar-rinviju maħruġa minn qorti ta’ Stat Membru, sakemm din ma tkunx ġiet irtirata fil-kuntest tar-rimedji li jistgħu jkunu possibbilment previsti mid-dritt nazzjonali (16).

31.      Issa, xejn fil-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermetti li jiġi preżunt li, f’dan il-każ, id-deċiżjoni tar-rinviju kienet se tiġi rtirata.

32.      Fit-tieni lok, għalkemm l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Saarbrücken kellu l-intenzjoni li jsostni li talba għal deċiżjoni preliminari tista’ titressaq biss wara li jkunu ġew eżawriti r-rimedji nazzjonali, tali argument ma jistax jintlaqa’. Tabilħaqq, il-possibbiltà li jiġu kkontestati deċiżjonijiet nazzjonali konformement mar-regoli tad-dritt nazzjonali ma jistax jirrestrinġi l-kompetenza tal-qorti nazzjonali li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’domanda għal deċiżjoni preliminari meta tqis li t-tilwima quddiemha tqajjem kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jirrikjedu deċiżjoni minn din tal-aħħar (17). Fir-rigward tal-funzjonament tas-sistema ta’ kooperazzjoni stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, huwa xieraq, għall-kuntrarju, li l-qorti nazzjonali tingħata d-dritt li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja, fi kwalunkwe stadju tal-proċedura li tqis xieraq, bi kwalunkwe domanda preliminari li tqis meħtieġa biex tissolva t-tilwima quddiemha (18).

33.      F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li din l-għażla hija tal-qorti nazzjonali indipendentement mill-evalwazzjoni tal-partijiet dwar kemm hu opportun tali approċċ. Minn dan isegwi li ma huwa bl-ebda mod ipprojbit li qorti nazzjonali li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domanda preliminari li, fl-opinjoni ta’ waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali, ir-risposta għaliha ma jkun hemm l-ebda dubju raġonevoli dwarha. Anki jekk jitqies li ma hemm l-ebda diffikultà ta’ interpretazzjoni, tali domanda ma tistax, madankollu, tiġi ddikjarata inammissibbli (19).

34.      Fit-tielet lok, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, hija marbuta li tirrispondiha. Hija tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi fuq tali domanda biss jekk l-interpretazzjoni mitluba jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt jew ta’ liġi neċessarji sabiex tagħti risposta utli għad-domanda magħmula lilha (20).

35.      Madankollu, dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża, peress li l-qorti tar-rinviju esponiet b’mod suffiċjenti r-rilevanza tad-domanda preliminari għall-finijiet tal-evalwazzjoni tar-responsabbiltà kriminali tal-imputati.

36.      Kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tesprimi inċertezza dwar jekk l-imputati jistgħux jitqiesu bħala “operaturi” fis-sens tal-Artikolu 2f(1) tar-Regolament Nru 833/2014. Fid-dawl tal-fatt li l-linji gwida tal-Kummissjoni jippreżupponu l-eżistenza ta’ “attività kummerċjali jew professjonali”, ma huwiex, fil-fehma ta’ din il-qorti, evidenti li din id-domanda għandha tingħata risposta fl-affermattiv. Minn naħa, l-użu tas-sit internet huwa, bħala prinċipju, mingħajr ħlas; min-naħa l-oħra, il-funzjonament tiegħu huwa ffinanzjat minn kontribuzzjonijiet volontarji. Għalkemm l-imsemmija qorti għandha t-tendenza li tikkunsidra li l-aġir tal-imputati jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-dispożizzjoni, hija adixxiet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikseb kjarifika definittiva.

37.      Konsegwentement, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha, fil-fehma tiegħi, titqies li hija ammissibbli.

C.      Fuq il-mertu

1.      Fuq l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “operatur” fis-sens tal-Artikolu 2f(1) tar-Regolament Nru 833/2014

38.      Permezz tad-domanda unika tagħha, il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina l-portata tat-terminu “operatur” li jinsab fl-Artikolu 2f(1) tar-Regolament Nru 833/2014. Għandu jiġi kkonstatat, qabelxejn, li dan it-terminu la huwa ddefinit f’dan ir-regolament u lanqas b’riferiment għal kwalunkwe definizzjoni possibbli fid-dritt tal-Istati Membri. Bl-istess mod, l-imsemmi terminu, sal-lum, ma kienx is-suġġett ta’ interpretazzjoni mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

39.      Skont ġurisprudenza stabbilita, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tagħmel l-ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata tagħha normalment iridu jiġu interpretati b’mod awtonomu u uniformi fl-Unjoni kollha. Din l-interpretazzjoni għandha titfittex billi jitqiesu mhux biss it-termini ta’ din id-dispożizzjoni, iżda wkoll il-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (21). Fil-bqija ta’ dawn il-konklużjonijiet, għalhekk ser niddependi, għall-interpretazzjoni tat-terminu “operatur”, fuq il-metodi ta’ interpretazzjoni rikonoxxuti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

a)      Interpretazzjoni letterali

40.      Fir-rigward tal-metodu letterali ta’ interpretazzjoni, għandu jitfakkar li d-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata tat-termini li għalihom id-dritt tal-Unjoni ma jipprovdi ebda definizzjoni għandha tiġi stabbilita konformement mas-sens abitwali fil-lingwa ta’ kuljum tagħhom, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha jifformaw parti (22).

41.      It-terminu “operatur” fit-tifsira komuni tiegħu jfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li topera, tamministra jew tiżgura l-funzjonament ta’ servizz jew attività partikolari, li tinvolvi ċertu kontroll funzjonali jew intervent attiv fl-implimentazzjoni tagħha. Applikat għall-qasam tal-komunikazzjoni u t-tixrid tal-kontenut, għandu jirreferi għal kwalunkwe attur involut, direttament jew indirettament, fit-tqegħid għad-dispożizzjoni jew fit-trażmissjoni ta’ tali kontenut lill-pubbliku. Kif irrilevaw diversi partijiet ikkonċernati fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, dan it-terminu jaqa’ f’qasam li qabelxejn huwa tekniku u funzjonali. Is-sorsi kkonsultati għall-finijiet ta’ din l-analiżi jikkonverġu lejn fehim funzjonali iktar milli strettament legali ta’ dan il-kunċett, li jinkludi kull attur li, permezz tal-attività teknika – bħat-tħaddim tat-tagħmir – jew organizzattiva tiegħu, jirrendi materjalment possibbli t-tixrid tal-kontenut, indipendentement mill-istatus tiegħu, mill-istruttura jew mill-għan tal-attività tiegħu (23).

42.      Fuq il-bażi ta’ din l-interpretazzjoni, jidher li t-terminu ma huwiex assoċjat mal-attività ekonomika, u lanqas, a fortiori, mat-tfittxija tal-profitt, iżda jirreferi pjuttost għall-eżerċizzju ta’ funzjoni ta’ kontroll, ta’ direzzjoni jew ta’ ġestjoni tal-proċess ta’ xandir. Dan il-qari huwa, fil-fehma tiegħi, ikkorroborat bl-użu, fl-Artikolu 2f(1) tar-Regolament Nru 833/2014, tat-terminu “operatur” fil-kuntest ta’ attività ta’ tixrid, użat mingħajr il-kwalifikatur “ekonomiku” (24). Din l-għażla terminoloġika tissuġġerixxi li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jagħti lil dan il-kunċett portata usa’ minn dik limitata għal atturi li jsegwu skop ekonomiku, sabiex jinkludi wkoll persuni fiżiċi jew entitajiet li jipparteċipaw materjalment fit-tixrid tal-kontenut, irrispettivament min-natura kummerċjali jew mhux kummerċjali tal-attività tagħhom.

43.      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-projbizzjoni tat-tixrid testendi espressament għall-pjattaformi u għall-applikazzjonijiet ta’ video-sharing online, jiġifieri għal modi ta’ tixrid kontemporanji spiss użati minn individwi fil-kuntest ta’ attivitajiet mhux neċessarjament bi ħlas, inklużi dawk tal-kreaturi ta’ kontenut online, bħal dawk li jtellgħu l-videos jew l-influwenzaturi. Din l-estensjoni tikkonferma, fil-fehma tiegħi, ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jadotta approċċ kemm funzjonali kif ukoll teknoloġikament newtrali għat-terminu “operatur”.

44.      Qari letterali tal-Artikolu 2f(1) tar-Regolament Nru 833/2014 iwassal għalhekk sabiex jitqies li l-kunċett ta’ “operatur” għandu jinftiehem bħala li jinkludi wkoll persuna fiżika li xxerred il-kontenut imsemmi f’din id-dispożizzjoni fil-kuntest ta’ attività mingħajr ħlas, bħal dik ta’ operatur ta’ sit internet iffinanzjat minn kontribuzzjonijiet volontarji ta’ terzi.

45.      Din l-evalwazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt li l-linji gwida tal-Kummissjoni, li għalihom tirreferi l-qorti tar-rinviju fid-deċiżjoni tagħha ta’ talba għal deċiżjoni preliminari (25), jidhru li jindikaw il-kuntrarju. Dawn jippreċiżaw, fil-fatt, li “l-projbizzjoni tapplika għal kull persuna fiżika jew ġuridika, jew għal kull organu involut f’attività kummerċjali jew professjonali” (korsiv miżjud minni) [traduzzjoni mhux uffiċjali], li jista’ jagħti x’jifhem li jintroduċu rekwiżit mhux previst mill-kliem tad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq u li huwa intiż li jirrestrinġi bla bżonn il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tagħha.

46.      Xorta jibqa’ l-fatt li, minn naħa, dawn il-linji gwida ma joriġinawx mill-Kunsill, l-awtur tar-Regolament Nru 833/2014 u unikament kompetenti għall-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi skont il-bażi legali prevista fl-Artikolu 215(2) TFUE (26), u li, min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-kontenut tagħhom stess, huma jikkostitwixxu biss “dokument ta’ ħidma” imfassal mis-servizzi tal-Kummissjoni, li għandu l-għan li jipprovdi gwida lill-awtoritajiet nazzjonali, lill-operaturi tal-Unjoni u liċ-ċittadini f’dak li jirrigwarda l-implimentazzjoni u l-interpretazzjoni ta’ dan ir-regolament.

47.      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrikonoxxi b’mod espliċitu li hija biss il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha ġurisdizzjoni biex tinterpreta d-dritt tal-Unjoni (27). Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat, kif għamlet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li l-imsemmija linji gwida jenfasizzaw ukoll li l-imsemmi regolament jistabbilixxi projbizzjoni wiesgħa u kompleta, fis-sens li jipprojbixxi t-tixrid (lato sensu), filwaqt li jipprojbixxi wkoll lill-operaturi milli jgħinu jew jiffaċilitaw it-tixrid jew milli jagħtu kontribut għalih b’xi mod ieħor (28).

48.      Għaldaqstant, il-linji gwida tal-Kummissjoni ma jistax ikollhom l-effett li jbiddlu l-portata legali tal-miżuri restrittivi previsti mir-Regolament Nru 833/2014, u lanqas ma jistgħu jkunu ta’ natura determinanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża.

b)      Interpretazzjoni kuntestwali

49.      L-interpretazzjoni tal-kelma “operatur” adottata f’dan il-każ hija sostnuta wkoll minn interpretazzjoni kuntestwali. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 2f(1) tar-Regolament Nru 833/2014 jipprojbixxi ċerti forom ta’ aġir mill-operaturi, jiġifieri t-tixrid tal-kontenut ikkonċernat jew li jgħinu, jiffaċilitaw jew jagħtu kontribut, bi kwalunkwe mod, għat-tixrid tiegħu, b’mod partikolari permezz tat-trażmissjoni jew tat-tixrid permezz ta’ diversi mezzi ta’ komunikazzjoni speċifikament imsemmija. Il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għalhekk tirrigwarda attività ta’ natura teknika jew organizzattiva.

50.      Min-naħa l-oħra, dan l-artikolu la jeżiġi li din l-attività jkollha skop ta’ qligħ, u lanqas li l-operatur ixerred il-kontenut ikkonċernat fil-kuntest ta’ attività professjonali li taqa’ taħt il-qasam tal-komunikazzjoni pubblika. Minn dan isegwi li l-kunċett ta’ “operatur” jista’ jinkludi wkoll persuni fiżiċi li jxerrdu informazzjoni fil-kuntest ta’ attività ta’ rikreazzjoni jew li jixtiequ, għal raġunijiet ideali jew ta’ twemmin, jikkontribwixxu għall-formazzjoni tal-opinjoni pubblika.

51.      Għandu jiġi rrilevat li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-dispożizzjoni huwa partikolarment wiesa’, sa fejn din tipprojbixxi – kif diġà ġie indikat – sett varjat ta’ modalitajiet ta’ tixrid tal-kontenut ikkonċernat, kemm jekk dan it-tixrid isir direttament mill-operatur jew permezz ta’ terzi. Il-livell ta’ preċiżjoni tal-formulazzjoni tagħha, kif ukoll l-użu ta’ diversi verbi intiżi li jiddeskrivu l-aġir ipprojbit, jixhdu l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jipprekludi li l-imsemmi kontenut jixxandar jew jiġi magħmul aċċessibbli fit-territorju tal-Unjoni. Din id-dispożizzjoni għandha, għaldaqstant, tinftiehem bħala regola ta’ projbizzjoni ta’ portata ġenerali, ta’ natura preventiva intiża li tiġi evitata kull forma ta’ tixrid, kemm permezz ta’ mezzi tekniċi kif ukoll permezz tal-intervent ta’ terzi.

52.      L-effikaċja tagħha għalhekk tiġi kompromessa jekk jiġi aċċettat li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha jista’ jiġi ristrett minn kundizzjonijiet addizzjonali li ma humiex espressament previsti fir-Regolament Nru 833/2014, bħar-rekwiżit ta’ tixrid tal-kontenut għal skopijiet ta’ qligħ jew fil-kuntest ta’ attività professjonali. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ dimensjoni ekonomika jew professjonali ma tirriżulta minn ebda element tal-imsemmija dispożizzjoni, peress li l-projbizzjoni li hija tistabbilixxi hija marbuta esklużivament mal-funzjoni ta’ tixrid, indipendentement mill-istatus ġuridiku jew ekonomiku tal-persuna kkonċernata. Il-kunċett ta’ “operatur” għandu, għaldaqstant, jiġi interpretat b’mod funzjonali u teknoloġikament newtrali, konformement mal-għan tad-dispożizzjoni. Fi kliem ieħor, il-klassifikazzjoni adottata tiddependi esklużivament mill-funzjoni eżerċitata mis-suġġett tad-data fil-proċess ta’ xandir, peress li din l-interpretazzjoni għandha tapplika b’mod uniformi, irrispettivament mill-mezzi tekniċi użati jew mill-modalità ta’ finanzjament użata.

53.      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 2f(1) tar-Regolament Nru 833/2014 huwa differenti minn dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-regolament, li, fil-kuntest tal-miżuri restrittivi li huma jistabbilixxu, jirreferu espressament għal attivitajiet ta’ natura ekonomika, jew saħansitra direttament għal operaturi ekonomiċi. Dan huwa b’mod partikolari l-każ fl-Artikolu 3r(4) tal-imsemmi regolament (29) li jsemmi l-pajjiż ta’ reġistrazzjoni tal-operaturi ekonomiċi kkonċernati fil-kuntest tal-adozzjoni tar-regoli nazzjonali ta’ diliġenza raġonevoli dwar l-applikazzjoni tal-projbizzjoni tat-trasbord tal-gass naturali likwifikat li joriġina mir-Russja jew jiġi esportat minn dan il-pajjiż (30). Din id-differenza fil-formulazzjoni turi li, meta l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jillimita miżura restrittiva għal kamp ta’ applikazzjoni ekonomiku partikolari, huwa għamel dan b’mod espliċitu. Min-naħa l-oħra, dan ma huwiex manifestament il-każ fl-Artikolu 2f(1) tal-istess regolament, li l-portata ġenerali tiegħu tirrifletti r-rieda li jiġi adottat approċċ funzjonali u teknoloġikament newtrali għat-terminu “operatur”, indipendenti minn kull kunsiderazzjoni ekonomika jew professjonali.

54.      Din l-interpretazzjoni hija konformi mas-sistema u mal-koerenza interna tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, fi strumenti legali oħra tal-Unjoni, il-leġiżlatur jadotta approċċ funzjonali, pjuttost milli ekonomiku jew istituzzjonali, sabiex jiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ kunċetti simili. Dan huwa b’mod partikolari l-każ tad-Direttiva 2010/13/UE dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva (31), li l-Artikolu 1(1)(d) tagħha jiddefinixxi l-“fornitur ta’ servizzi tal-media” bħala “il-persuna fiżika jew ġuridika li għandha r-responsabbiltà editorjali għall-għażla tal-kontenut awdjoviżiv tas-servizz tal-media awdjoviżiv u li tiddetermina l-mod kif dan huwa organizzat”. Din id-definizzjoni ma tagħmel ebda distinzjoni skont l-istatus ġuridiku, u lanqas skont l-għan ekonomiku tal-attività tal-persuna kkonċernata, iżda hija bbażata esklużivament fuq l-eżerċizzju ta’ kontroll effettiv fuq l-għażla u t-tixrid tal-kontenut.

55.      Din il-perspettiva mad-Direttiva 2010/13 hija ġġustifikata, minn perspettiva sistematika, mill-fatt li dawn iż-żewġ strumenti għandhom l-istess għan funzjonali, sa fejn huma intiżi li jirregolaw l-atturi li jeżerċitaw kontroll fuq it-tixrid ta’ kontenut fost il-pubbliku. Filwaqt li d-Direttiva 2010/13 tiddetermina r-responsabbiltajiet editorjali tal-“fornituri ta’ servizzi tal-media”, l-Artikolu 2f tar-Regolament Nru 833/2014 jidentifika l-“operaturi” li l-attivitajiet ta’ tixrid tagħhom jistgħu jkunu suġġetti għal restrizzjonijiet meta jservu għanijiet ta’ propaganda li jmorru kontra s-sigurtà u l-ordni pubbliku tal-Unjoni. Fiż-żewġ każijiet, il-kriterju deċiżiv ma jinsabx fin-natura ekonomika tal-attività, iżda fil-kontroll effettiv tal-proċess tat-tixrid (32).

56.      Anki jekk jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest normattiv li fih ġie adottat ir-Regolament Nru 833/2014, jidher ċar li, sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna tistax tiġi kklassifikata bħala “operatur”, ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt jekk hija teżerċitax attività ekonomika jew professjonali jew le. Kif osserva b’mod rilevanti l-Gvern Estonjan fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, dan ir-regolament ma għandux l-għan li jirregola s-suq intern, jiġifieri r-relazzjonijiet bejn l-operaturi ekonomiċi u l-konsumaturi, li jista’ possibbilment jiġġustifika l-impożizzjoni fuq il-professjonisti ta’ projbizzjoni li jxerrdu l-kontenut li ġej minn ċerti stazzjonijiet propagandeski. Ir-Regolament Nru 833/2014, għall-kuntrarju – kif diġà esponejt fir-rimarki preliminari tiegħi – jifforma parti minn numru ta’ miżuri restrittivi bbażati fuq l-Artikolu 215 TFUE, intiżi, għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà, li jiksbu l-waqfien immedjat tal-attivitajiet ta’ xandir tal-media mqiegħda taħt il-kontroll permanenti, dirett jew indirett, tal-mexxejja tal-Federazzjoni Russa (33).

c)      Approċċ teleoloġiku

57.      Dan iwassalna għal interpretazzjoni fid-dawl tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur tal-Unjoni. F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-Artikolu 2f(1) tar-Regolament Nru 833/2014 ġie introdott bir-Regolament 2022/350, adottat fl‑1 ta’ Marzu 2022, b’reazzjoni immedjata għall-aggressjoni militari mhux ipprovokata u mhux iġġustifikata mibdija ġimgħa qabel mill-Federazzjoni Russa kontra l-Ukraina. Biex jistabbilixxi l-projbizzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni, il-Kunsill ibbaża ruħu fuq l-appell tal-Kunsill Ewropew lir-Russja fl‑24 ta’ Frar 2022 biex ittemm il-kampanja ta’ diżinformazzjoni tagħha, kif ukoll fuq il-konklużjonijiet tiegħu stess tal‑10 ta’ Mejju 2021, li jgħidu li huwa meħtieġ li tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-Unjoni u tal-Istati Membri, kif ukoll il-kapaċità tagħhom li jiġġieldu t-theddid ibridu, inkluża d-diżinformazzjoni, u li jissaħħu r-risponsi possibbli fil-qasam tat-theddid ibridu, inkluż l-indħil barrani u l-operazzjonijiet ta’ influwenza barranija.

58.      Il-projbizzjoni ta’ portata ġenerali stabbilita fl-Artikolu 2f(1) tar-Regolament Nru 833/2014 tirrifletti r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jġib fi tmiemha il-kampanja ta’ diżinformazzjoni mmexxija mir-Russja, billi jeskludi t-tixrid ta’ ċertu kontenut mit-territorju tal-Unjoni. Il-protezzjoni effettiva tal-ordni pubbliku u tas-sigurtà madankollu teħtieġ li ma tkunx limitata għall-mezzi tal-media taħt il-kontroll tal-Istat, iżda wkoll li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-mezzi tal-media hekk imsejħa “alternattivi”, li l-operaturi tagħhom isiru – konxjament jew le – dawk li jmexxu din il-kampanja ta’ diżinformazzjoni. Jekk dan l-aspett jiġi injorat, dan iwassal sabiex isir possibbli li t-tixrid ta’ kontenut ipprojbit jgħaddi gradwalment għal dawn l-istazzjonijiet alternattivi, u b’hekk jevita, eventwalment, kull forma ta’ kontroll jew ta’ superviżjoni statali (34).

59.      Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-fatt li l-Artikolu 2f(1) tar-Regolament Nru 833/2014 jirrigwarda l-fornituri ta’ servizzi tal-internet kif ukoll il-pjattaformi u l-applikazzjonijiet ta’ video-sharing online jixhed ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jieħu inkunsiderazzjoni l-importanza dejjem tikber li għandhom illum il-media diġitali fit-tixrid tal-informazzjoni u tal-aħbarijiet. Madankollu, l-użu ta’ dawn il-mezzi ta’ komunikazzjoni jinvolvi r-riskju li l-utenti jiġu influwenzati fl-opinjonijiet tagħhom mingħajr ma jkollhom il-mezzi li jippermettulhom jevalwaw b’mod kritiku l-veraċità tal-informazzjoni kkomunikata lilhom. Ċerti kategoriji ta’ persuni, bħall-adolexxenti (35) jew l-anzjani, f’dan ir-rigward jidhru li huma partikolarment esposti għall-manipulazzjoni. L-eżistenza ta’ tali riskju, li l-portata tiegħu għandha titkejjel, għalhekk tirrendi neċessarju li jiġi kkunsidrat li siti internet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

60.      Anki jekk, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni bħala “operatur”, ma tkun meħtieġa l-ebda attività ekonomika jew ġenerazzjoni ta’ dħul, il-kuntest ta’ sejħa għal donazzjonijiet li tippermetti l-ġbir ta’ tali somom jistħoqqlu xi osservazzjonijiet. Il-fatt li ċerti siti internet huma ffinanzjati minn donazzjonijiet, pjuttost milli minn attività kummerċjali rreġistrata, jiġġustifika viġilanza ikbar fir-rigward tal-istrumentalizzazzjoni possibbli tagħhom għal finijiet ta’ propaganda, b’mod partikolari meta dawn ikunu kampanji ta’ diżinformazzjoni ta’ oriġini statali. Dan il-metodu ta’ finanzjament huwa kkaratterizzat, fil-fatt, mill-assenza ta’ qafas legali jew istituzzjonali ddefinit b’mod ċar, peress li la huwa akkumpanjat minn obbligi ta’ trasparenza finanzjarja u lanqas minn mekkaniżmi ta’ kontroll paragunabbli ma’ dawk li huma suġġetti għalihom l-operaturi tal-media professjonali. Din l-opaċità tagħmilha iktar diffiċli li jiġu identifikati l-flussi finanzjarji u b’hekk l-atturi li jistgħu jinfluwenzaw il-linja editorjali jew il-kontenut imxerred. B’hekk toħloq ambjent li jiffavorixxi l-indħil minn interessi esterni, inklużi Stati terzi, li jistgħu jintervjenu b’mod dirett jew indirett fil-produzzjoni jew fit-tixrid tal-kontenut.

61.      Barra minn hekk, il-preżentazzjoni ta’ dawn il-pjattaformi bħala “indipendenti” jew “alternattivi” ssaħħaħ il-kredibbiltà tagħhom ma’ udjenza partikolari, li ħafna drabi ma jafdawx il-media tradizzjonali jew l-istituzzjonijiet pubbliċi. Din l-awtentiċità apparenti tagħti lill-messaġġi tagħhom saħħa persważiva ikbar, li tagħmilhom iktar diffiċli biex jiġu kkontestati meta jwasslu narrattivi parzjalment manipulati jew qarrieqa (36). Minn din il-perspettiva, il-pretensjoni ta’ indipendenza, pjuttost milli garanzija tan-newtralità, tista’ paradossalment issir għodda effettiva li taqdi strateġiji tad-diżinformazzjoni.

62.      F’dan il-kuntest, in-natura mhux kummerċjali tal-finanzjament ma tistax titqies bħala sempliċi element newtrali, iżda bħala fattur determinanti fil-valutazzjoni tar-riskju ta’ manipulazzjoni tal-informazzjoni (37). Dan jikkostitwixxi indikatur ta’ vulnerabbiltà strutturali li, flimkien man-nuqqas ta’ superviżjoni u t-tfittxija għal leġittimità “alternattiva”, jippromwovi t-tixrid ta’ kontenut allinjat mal-għanijiet tal-propaganda barranija. Din il-konfigurazzjoni tippermetti, b’mod partikolari, li jiġu evitati l-miżuri restrittivi imposti fuq il-media mqiegħda taħt il-kontroll tal-Istat, billi jintużaw stazzjonijiet ppreżentati bħala indipendenti iżda funzjonalment integrati fl-istrateġija tad-diżinformazzjoni.

63.      L-introduzzjoni, permezz ta’ interpretazzjoni, ta’ rekwiżit li jiġi segwit għan ekonomiku jew skop ta’ qligħ tirriskja li ddgħajjef b’mod sinjifikattiv il-portata tal-Artikolu 2f(1) tar-Regolament Nru 833/2014. Tali rekwiżit, li ma huwiex relatat mat-test u mal-loġika funzjonali magħżula mil-leġiżlatur tal-Unjoni, iwassal sabiex tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura parti sinjifikattiva tal-mezzi ta’ komunikazzjoni online, li, minkejja li ma għandhomx skop ekonomiku, jipparteċipaw b’mod attiv fix-xandir tal-kontenut ikkonċernat. Barra minn hekk, joħloq riskju ta’ evażjoni, sa fejn ċerti operaturi jistgħu jinvokaw l-assenza ta’ għan ekonomiku sabiex ikomplu jxerrdu messaġġi ta’ diżinformazzjoni. Tali interpretazzjoni għalhekk tikkomprometti l-effikaċja u l-għan preventiv tad-dispożizzjoni, li hija intiża li tipprekludi t-tixrid ta’ kontenut ta’ propaganda fit-territorju tal-Unjoni, indipendentement mill-istatus ekonomiku jew mill-mod ta’ finanzjament ta’ min ixerrdu.

64.      Kriterju bbażat fuq it-tfittxija ta’ għan ekonomiku huwa, fi kwalunkwe każ, nieqes miċ-ċarezza u mill-prevedibbiltà, u għalhekk ikun diffiċli li jiġi rikonċiljat mar-rekwiżiti taċ-ċertezza legali. Fil-prattika, id-determinazzjoni tal-limitu finanzjarju li ’l fuq minnu attività ta’ xandir tista’ tiġi kklassifikata bħala “ekonomika” hija partikolarment kumplessa. Il-forom ta’ finanzjament tal-media online huma tabilħaqq multipli u spiss ibridi, peress li xi pjattaformi jiddependu esklużivament fuq donazzjonijiet privati, filwaqt li oħrajn jgħaqqdu id-dħul mir-reklamar, l-abbonamenti, sħubijiet okkażjonali jew kampanji ta’ finanzjament kollettiv (38). F’dawn il-kundizzjonijiet, id-distinzjoni bejn attività “ekonomika” u attività “mhux ekonomika” neċessarjament issir arbitrarja u suġġetta għal interpretazzjoni.

65.      Tali inċertezza tikkomprometti l-applikazzjoni uniformi tad-dispożizzjoni u twitti t-triq għal kontestazzjonijiet frekwenti, peress li kull operatur jista’ jinvoka n-natura aleatorja, marġinali jew irregolari tar-riżorsi tiegħu sabiex jevita l-projbizzjoni. L-istabbiliment ta’ limitu kwantitattiv jew proporzjonali – ibbażat, pereżempju, fuq l-ammont totali ta’ donazzjonijiet jew fuq il-proporzjon bejn id-dħul u l-ispejjeż operatorji – lanqas ma jiggarantixxi ċ-ċertezza legali, peress li s-sitwazzjonijiet ekonomiċi tal-operaturi jvarjaw skont id-daqs, l-istruttura u l-udjenza fil-mira tagħhom.

66.      Barra minn hekk, l-introduzzjoni ta’ tali kriterju toħloq riskju evidenti ta’ evażjoni. L-operaturi kkonċernati jistgħu jaġġustaw il-mudell ta’ finanzjament tagħhom biex jibqgħu taħt il-limitu magħżul jew jużaw mekkaniżmi ta’ finanzjament indiretti, inkluż billi jirrikorru għal terzi jew pjattaformi barranin. Tali żvilupp iċaħħad lill-miżura mis-sustanza tagħha u jippreġudika l-effettività preventiva tagħha, billi jippermetti t-tkomplija tat-tixrid tal-kontenut previst bl-iskuża tal-assenza apparenti ta’ għan ekonomiku. Għaldaqstant, l-adozzjoni ta’ kriterju daqstant inċert u faċilment manipulabbli tmur kontra l-għan tal-koerenza, tat-trasparenza u tal-effikaċja mfittex mir-Regolament Nru 833/2014.

67.      Għandu jiġi kkunsidrat li l-operaturi ta’ siti internet li jxandru kontenut ipprojbit jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2f(1) tar-Regolament Nru 833/2014, inkluż meta l-attività tagħhom tkun iffinanzjata esklużivament jew prinċipalment minn kontribuzzjonijiet volontarji. Tali finanzjamenti jistgħu fil-fatt ikollhom rwol determinanti fiż-żamma tal-eżistenza u tal-funzjonament ta’ dawn is-siti u, għaldaqstant, jippreġudikaw l-effettività tal-miżuri restrittivi adottati kontra l-mezzi ta’ propaganda Russi.

68.       Huwa importanti wkoll li jiġi evitat ir-riskju li ċ-ċittadini in bona fide jiġu mħeġġa, permezz ta’ kampanji mmirati ta’ diżinformazzjoni, jagħmlu tali kontributi, u b’hekk isiru, mingħajr ma jkunu jafu, ħatja ta’ ksur tas-sistema ta’ sanzjonijiet tal-Unjoni u, għaldaqstant, ta’ ksur possibbli fir-rigward tad-dritt nazzjonali. Fl-aħħar nett, l-istrumentalizzazzjoni intenzjonata ta’ sejħiet għal donazzjonijiet privati fil-kuntest ta’ narrattiva propagandista bbażata fuq pożizzjoni li tpinġi ruħha bħala vittma jkollha l-effett mhux biss li tinnewtralizza, fil-fatti, l-miżuri restrittivi adottati mill-Unjoni, iżda wkoll li ssaħħaħ il-portata u l-kredibbiltà tad-diżinformazzjoni tal-media tal-Istat Russu, billi tisfrutta l-appoġġ taċ-ċittadini bħala mezz ta’ influwenza informattiva.

69.      Għalkemm it-tfittxija ta’ għan ekonomiku ma tikkostitwixxix, fil-fehma tiegħi, kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 2f(1) tar-Regolament Nru 833/2014, inqis li l-volum ta’ donazzjonijiet irċevuti minn operatur jista’ madankollu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni konkreta tal-attività tiegħu. Fil-fatt, ammont sinjifikattiv – bħalma huwa l-każ f’din il-kawża fejn inġabru iktar minn EUR 60 000 f’sena – jista’ jiżvela organizzazzjoni strutturata kif ukoll attività ta’ xandir regolari, li tmur lil hinn mill-kuntest ta’ sempliċi espressjoni individwali jew volontarja.

70.      Tali livell ta’ finanzjament jista’ jindika wkoll dipendenza ekonomika fuq il-pubbliku jew fuq ċerti kontributuri, li tista’ tinfluwenza l-kontenut imxerred jew iżżid is-sensittività tal-media għal pressjoni esterna. Mingħajr ma tiġi kkontestata n-newtralità tal-kriterju funzjonali, dan l-element jista’ għalhekk jitqies bħala indizju kuntestwali rilevanti sabiex tiġi evalwata l-portata tal-attività eżerċitata u, jekk ikun il-każ, ir-riskju ta’ manipulazzjoni informattiva jew ta’ evażjoni tal-miżuri restrittivi imposti fuq il-mezzi ta’ komunikazzjoni mqiegħda taħt il-kontroll tal-Istat.

71.      L-elementi msemmija iktar ’il fuq jistgħu jkunu partikolarment rilevanti fil-kuntest tal-eżami ta’ applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 833/2014, li jipprojbixxi kull attività li għandha l-għan jew l-effett li tevita l-miżuri restrittivi adottati mill-Unjoni. L-assenza tat-trasparenza finanzjarja, id-dipendenza fuq sorsi ta’ finanzjament kollettiv jew anki l-pretensjoni ta’ indipendenza editorjali jistgħu, f’dan il-kuntest, jikkostitwixxu indizji rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk l-aġir inkwistjoni huwiex oġġettivament ta’ natura li jinnewtralizza l-effetti tal-miżuri previsti fl-Artikolu 2f ta’ dan ir-regolament u jekk jagħmilx parti suġġettivament minn loġika ta’ evażjoni tas-sanzjonijiet imposti fuq il-media li taġixxi f’isem il-Federazzjoni Russa.

72.      Min-naħa l-oħra, jidher diffiċli li tiġi adottata interpretazzjoni, bħal dik proposta mill-imputat R, li tgħid li l-kunċett ta’ “operatur”, fis-sens tal-Artikolu 2f tar-Regolament Nru 833/2014, għandu jkun suġġett għat-tul, għall-portata jew għall-intensità tal-attività eżerċitata. Fil-fatt, it-test ta’ dan ir-Regolament ma jagħmel ebda riferiment għal tali kriterji, li jeskludi kull distinzjoni bejn persuni fiżiċi u ġuridiċi li jeżerċitaw attività regolari u dawk li l-parteċipazzjoni tagħhom fit-tixrid hija okkażjonali. L-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett għandha, għall-kuntrarju, tkun ibbażata fuq kriterju esklużivament funzjonali, marbut mar-rwol eżerċitat effettivament fil-proċess ta’ xandir jew ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-kontenut ikkonċernat.

73.      L-għan imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni jiġġustifika tali approċċ. L-Artikolu 2f tar-Regolament Nru 833/2014 huwa intiż li jipprevjeni u jipprojbixxi kull forma ta’ tixrid tal-kontenut imsemmi, indipendentement mid-daqs jew mill-frekwenza tal-attività eżerċitata mill-operatur. Fil-kuntest diġitali attwali, it-tixrid iżolat jew fuq skala żgħira jista’ jilħaq udjenza wiesgħa u jkollu l-istess effetti bħal attività regolari. L-issuġġettar tal-applikazzjoni tal-miżura għal ċertu livell ta’ intensità jwassal sabiex il-projbizzjoni tiġi mċaħħda mill-effettività tagħha u sabiex jinħolqu żoni ta’ impunità li jistgħu jiġu sfruttati sabiex tiġi evitata l-leġiżlazzjoni.

74.      Fl-aħħar nett, l-introduzzjoni ta’ tali kriterju kwantitattiv tmur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali, billi toħloq inċertezza fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura u billi tikkomprometti l-applikazzjoni uniformi tagħha fi ħdan l-Unjoni. Tali approċċ jirriskja, barra minn hekk, li jinkoraġġixxi aġir ta’ ħabi jew ta’ frammentazzjoni artifiċjali tal-attivitajiet ta’ tixrid, li jkun inkompatibbli mal-għan preventiv u l-effikaċja mfittxija mir-Regolament Nru 833/2014. Għaldaqstant, għandha titqies bħala “operatur” kull persuna fiżika jew ġuridika li tipparteċipa, anki b’mod okkażjonali, fit-tixrid, fit-trażmissjoni jew fit-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-kontenut kopert, ikunu xi jkunu l-mezzi tekniċi użati u l-portata tal-intervent. Huwa irrilevanti, għall-finijiet ta’ din il-klassifikazzjoni, jekk tali persuna tibbenefikax jew le minn din il-parteċipazzjoni minn dħul ta’ kwalunkwe forma.

75.      Interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 2f tar-Regolament Nru 833/2014 jidhirli għalhekk li timmilita wkoll favur interpretazzjoni wiesgħa tal-projbizzjoni li huwa jipprevedi.

D.      Kunsiderazzjonijiet addizzjonali dwar il-portata normattiva tal-projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 2f(1) tar-Regolament Nru 833/2014

76.      L-eżami preċedenti, imwettaq fid-dawl tal-formulazzjoni (39), tal-kuntest (40) u tal-għanijiet imfittxija (41) mill-Artikolu 2f tar-Regolament Nru 833/2014, iwassal sabiex jiġi kkunsidrat li l-kunċett ta’ “operatur”, fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet, għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’. Dan japplika għal kull persuna fiżika jew ġuridika li tiżgura l-ġestjoni teknika u operattiva tan-networks jew tas-servizzi ta’ komunikazzjoni, jew li teżerċita kontroll effettiv fuq il-funzjonament tagħhom jew il-forniment tagħhom.

77.      Il-klassifikazzjoni bħala “operatur” skont din id-dispożizzjoni ma tistax, barra minn hekk, tkun suġġetta la għat-tfittxija ta’ għan ekonomiku, la għall-eżerċizzju ta’ attività professjonali, u lanqas għat-tul tagħha. Tinkludi wkoll persuni fiżiċi li joperaw sit internet jew li jiżguraw it-tixrid ta’ kontenut online, irrispettivament minn jekk id-dħul huwiex limitat għal kontribuzzjonijiet volontarji minn terzi, bħal donazzjonijiet jew rigali.

78.      Ċertament, l-interpretazzjoni wiesgħa tal-Artikolu 2f tar-Regolament Nru 833/2014 adottata f’din l-analiżi neċessarjament timplika indħil fl-eżerċizzju tal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni ggarantita fl-Artikolu 11 tal-Karta (42). Tabilħaqq, il-projbizzjoni tat-tixrid li tirriżulta tirrestrinġi, sa ċertu punt, il-possibbiltà għall-operaturi kkonċernati li jikkomunikaw l-informazzjoni, kif ukoll għall-pubbliku li jirċeviha. F’dan ir-rigward, għandha tiġi rrikonoxxuta r-rilevanza tal-oġġezzjonijiet imqajma miż-żewġ imputati fir-rigward tal-portata ta’ tali projbizzjoni.

79.      Madankollu, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, tali ndħil jista’ jiġi aċċettat jekk jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti minn din id-dispożizzjoni, jiġifieri li jkun previst mil-liġi, li josserva l-kontenut essenzjali tad-dritt inkwistjoni u li jissodisfa għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni, b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. F’dan il-każ, l-indħil jirriżulta direttament mir-Regolament Nru 833/2014, adottat abbażi tal-Artikolu 215 TFUE sabiex tiġi implimentata d-Deċiżjoni 2014/512/PESK (43). Għalhekk huwa “previst mil-liġi” fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, u jagħmel parti minn qafas normattiv ċar, aċċessibbli u prevedibbli (44).

80.      L-għan segwit huwa, min-naħa tiegħu, leġittimu u ta’ interess ġenerali, peress li huwa kwistjoni ta’ preservazzjoni tal-ordni pubbliku u tas-sigurtà tal-Unjoni kontra kampanji ta’ diżinformazzjoni, li għandhom l-għan li jiddestabbilizzaw l-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri permezz tal-manipulazzjoni tal-informazzjoni (45). Fl-aħħar nett, il-miżura inkwistjoni tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità (46), peress li tillimita ruħha għal li tipprojbixxi temporanjament it-tixrid ta’ kontenut speċifikament identifikat bħala propaganda u diżinformazzjoni, mingħajr ma tirrestrinġi moviment liberu ta’ informazzjoni jew opinjonijiet oħra (47). Għalhekk ma taffettwax il-kontenut essenzjali tad-dritt garantit fl-Artikolu 11 tal-Karta, iżda hija maħsuba biss biex tipprevjeni attakki serji u diretti fuq is-sigurtà u l-ordni pubbliku tal-Unjoni (48).

81.      Għaldaqstant, hemm lok li tiġi aċċettata l-pożizzjoni tal-Gvern Franċiż, jiġifieri li l-interpretazzjoni wiesgħa adottata f’dan il-każ taqa’ fil-qafas stabbilit mid-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, din l-interpretazzjoni tibqa’ konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw kemm mir-Regolament Nru 833/2014 stess kif ukoll mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari minn dawk ta’ legalità, ta’ ċertezza legali u ta’ proporzjonalità. Barra minn hekk, hija tiżgura bilanċ xieraq bejn in-neċessità li jiġu ppreżervati l-ordni pubbliku u s-sigurtà tal-Unjoni fid-dawl tal-kampanji ta’ diżinformazzjoni orkestrati       f’isem il-Federazzjoni Russa, minn naħa, u l-protezzjoni tal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni stabbilita fl-Artikolu 11 tal-Karta, min-naħa l-oħra.

VI.    Konklużjoni

82.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mil-Landgericht Saarbrücken (il-Qorti Reġjonali ta’ Saarbrücken, il-Ġermanja):

L-Artikolu 2f(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal‑31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/350 tal‑1 ta’ Marzu 2022,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-kunċett ta’ “operatur”, għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni, jinkludi wkoll il-persuni fiżiċi li joperaw sit internet. Huwa irrilevanti, għall-finijiet ta’ din il-klassifikazzjoni, jekk tali persuni jibbenefikawx jew le minn dan l-operat minn dħul ta’ kwalunkwe forma.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      ĠU 2014, L 229, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2014, L 246, p. 59, fil-ĠU 2022, L 114, p. 214.


3      ĠU 2022, L 65, p. 1.


4      It-terminu “diżinformazzjoni” huwa traduzzjoni tal-kelma Russa “дезинформация” (dezinformatsiya), ivvintata fil-bidu tas-snin għoxrin mis-servizzi tal-intelligence Sovjetiċi. Jingħad li Joseph Stalin ħoloq dan it-terminu, u li volontarjament tah bixra Franċiża sabiex jagħtih oriġini li tinstema’ mill-Punent u b’hekk isaħħaħ il-kredibbiltà tiegħu. Dan kien jirreferi għal tattika ta’ propaganda strateġika użata mill-KGB u minn aġenziji Sovjetiċi oħra biex ixerrdu informazzjoni falza jew qarrieqa bl-għan li jimmanipulaw l-opinjoni pubblika. Għall-kuntrarju ta’ sempliċi gideb, id-diżinformazzjoni spiss tħallat dak li hu veru u dak li mhux biex toħloq konfużjoni, iddgħajjef il-fiduċja u tiddestabbilizza l-avversarji (Barela, S. u Duberry, J., “Understanding Disinformation Operations in the Twenty-First Century”, Defending Democracies: Combating Foreign Election Interference in a Digital Age, Oxford 2021, p. 41).


5      BGBl. 2013 I, p. 1482.


6      Kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fis-sentenzi tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs IlKunsill (T‑125/22, EU:T:2022:483, punt 56), u tas‑26 ta’ Marzu 2025, A2B Connect et vs IlKunsill (T‑307/22, EU:T:2025:331, punt 53), il-propaganda u l-kampanji ta’ diżinformazzjoni huma ta’ natura li jisfidaw il-pedamenti tas-soċjetajiet demokratiċi u jagħmlu parti integrali mill-arsenal tal-gwerra moderna.


7      Ara s-sentenza tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs IlKunsill (T‑125/22, EU:T:2022:483, punti 86 et seq.).


8      Ara l-premessa 2 tar-Regolament Nru 833/2014. Ara wkoll is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft (C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 123).


9      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Čiekuri-Shishki (C‑480/24, EU:C:2025:672, punti 26 et seq.).


10      L-adozzjoni tar-Regolament 2022/350, adottat abbażi tal-Artikolu 215 TFUE, saret skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/351 tal‑1 ta’ Marzu 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2022, L 65, p. 5), adottata abbażi tal-Artikolu 29 TUE.


11      Ara l-premessi 8, 10 u 11 tar-Regolament 2022/350.


12      Ara s-sentenzi tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs IlKunsill (T‑125/22, EU:T:2022:483, punti 161 et seq.), u tas‑26 ta’ Marzu 2025, A2B Connect et vs IlKunsill (T‑307/22, EU:T:2025:331, punt 140).


13      Ara l-punt 3 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


14      Wabnitz, H.-B., Janovsky, T., u Schmitt, L., Handbuch des Wirtschafts- und Steuerstrafrechts, München 2025, Kapitolu 2, punt 288.


15      Ara s-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 1996, X (C‑74/95 u C‑129/95, EU:C:1996:491, punt 25), u tas‑26 ta’ Ġunju 2025, Makeleio u Zougla (C‑555/23 u C‑556/23, EU:C:2025:484, punt 89).


16      Sentenzi tas‑7 ta’ Novembru 2024, Prezes Urzędu Ochrony Konkurencji i Konsumentów (C‑326/23, EU:C:2024:940, punt 22), u tal‑10 ta’ Lulju 2025, Farmacija (C‑715/23, EU:C:2025:548, punt 39).


17      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio (C‑210/06, EU:C:2008:723, punt 93).


18      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Adusbef et (C‑686/18, EU:C:2020:567, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).


19      Ara s-sentenzi tal‑24 ta’ Frar 2022, Viva Telecom Bulgaria (C‑257/20, EU:C:2022:125, punt 42), u tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Inspectoratul General pentru Imigrări (Xiri ta’ nuċċalijiet minn ħaddiem) (C‑392/21, EU:C:2022:1020, punt 26).


20      Ara s-sentenzi tal‑14 ta’ Ottubru 2021, Viesgo Infraestructuras Energéticas (C‑683/19, EU:C:2021:847, punt 23), u tal‑14 ta’ Mejju 2024, Stachev (C‑15/24 PPU, EU:C:2024:399, punt 82).


21      Ara s-sentenzi tat‑30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 37), u tat‑13 ta’ Marzu 2025, APS Beta Bulgaria et Agentsia za kontrol na prosrocheni zadalzhenia (C‑337/23, EU:C:2025:183, punt 49).


22      Ara s-sentenzi tat‑22 ta’ April 2021, Austrian Airlines (C‑826/19, EU:C:2021:318, punt 22), u tas‑16 ta’ Frar 2023, Zamestnik izpalnitelen direktor na Darzhaven fond “Zemedelie” (C‑343/21, EU:C:2023:111, punt 35).


23      Id-dizzjunarju Larousse jiddefinixxi t-terminu “opérateur” bħala “impriża li topera network tat-telekomunikazzjoni” [traduzzjoni libera]. Fl-istess sens, id-dizzjunarju Duden jiddeskrivi t-terminu “Betreiber” bħala “impriża li topera installazzjonijiet tekniċi, impriżi ekonomiċi jew attivitajiet simili oħra” [traduzzjoni libera]. Id-Diccionario panhispánico del español jurídico jispeċifika li t-terminu “operador” jirreferi għal “persuna fiżika jew ġuridika li topera networks pubbliċi tat-telekomunikazzjoni jew li tipprovdi servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet aċċessibbli għall-pubbliku” [traduzzjoni libera]. Min-naħa tiegħu, il-Cambridge Dictionary ifisser “operator” bħala “persuna li x-xogħol tagħha jikkonsisti fl-użu u l-kontroll ta’ magna jew vettura” [traduzzjoni libera]. Fl-aħħar nett, id-dizzjunarju Treccani jiddefinixxi t-terminu “operatóre” bħala “persuna li twettaq ċerti azzjonijiet jew tranżazzjonijiet, ħafna drabi b’mod abitwali. Fil-klassifikazzjoni tal-okkupazzjonijiet, din hija, b’mod ġenerali, il-persuna responsabbli mill-funzjonament u mill-kontroll ta’ ċerti tipi ta’ magni, ta’ apparat jew ta’ installazzjonijiet, bħall-operatur tar-radju, l-operatur tat-televiżjoni jew l-operatur ta’ networks telefoniċi” [traduzzjoni libera].


24      Għandu jiġi rrilevat li l-verżjoni bil-lingwa Litwana tal-Artikolu 2f(1) tar-Regolament Nru 833/2014 tuża t-terminu “ūkio subjektas”, li jirreferi għall-entità jew għall-persuna involuta fl-attività ekonomika. Madankollu, dan ir-riferiment ma huwiex ikkorroborat minn verżjonijiet lingwistiċi oħra. Il-verżjoni bil-lingwa Pollakka ta’ dan ir-regolament bl-ebda mod ma tippreċiża lil min hija indirizzata l-projbizzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni, u ma tuża l-ebda suġġett addizzjonali: “Zakazuje się nadawania lub umożliwiania, ułatwiania lub w inny sposób przyczyniania się do nadawania jakichkolwiek treści przez osoby prawne, podmioty lub organy wymienione w załączniku XV […]”, (“Għandu jkun ipprojbit għall-operaturi li jxandru jew jgħinu, jiffaċilitaw jew inkella li jagħtu kontribut biex jixxandar kwalunkwe kontenut mill-persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness XV”), li jimplika projbizzjoni ġenerali indipendenti mid-destinatarju tagħha.


25      Ara l-punt 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


26      Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2025, A2B Connect et vs IlKunsill (T‑307/22, EU:T:2025:331, punti 61 u 62).


27      Ċirkustanza rrilevata wkoll mill-Avukata Ġenerali Medina fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Jemerak (C‑109/23, EU:C:2024:307, punt 69).


28      Ara r-risposta għas-sitt domanda fit-Taqsima “G. Sector-specific questions – 1. Media”, fil-paġna 311 tal-linji gwida.


29      Din id-dispożizzjoni ġiet introdotta mir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1745 tal‑24 ta’ Ġunju 2024 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 833/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L, 2024/1745, rettifiki fil-ĠU L, 2024/90435, fil-ĠU L, 2024/90606, fil-ĠU L, 2024/90647, fil-ĠU L, 2025/90057).


30      Għandu jiġi rrilevat li dan l-argument huwa bbażat fuq interpretazzjoni letterali li, għalkemm tidher koerenti f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi, ma tikkonfermax ruħha fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha tad-dritt tal-Unjoni.


31      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva) (ĠU 2010, L 95, p. 1, rettifika fil-ĠU 2010, L 263, p. 15).


32      Ċertament, id-Direttiva 2010/13 tirrigwarda, skont il-premessa 21 tagħha, attivitajiet ta’ natura ekonomika fis-sens tal-Artikoli 56 u 57 TFUE. Madankollu, id-definizzjoni li hija tuża ta’ “fornitur ta’ servizzi tal-media” hija bbażata fuq kriterju funzjonali – ir-responsabbiltà editorjali u l-kontroll effettiv tat-tixrid – li jibqa’ rilevanti, b’analoġija, għall-interpretazzjoni tat-terminu “operatur” li jinsab fl-Artikolu 2f tar-Regolament Nru 833/2014.


33      Ferreau, F., “Das EU-Verbot russischer Staatsmedien aus der Perspektive des Medienrechts”, Verfassungsblog (l‑10 ta’ Marzu 2022), jenfasizza li l-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva ċertament jista’ jikkostitwixxi attività ekonomika. L-awtur ġustament josserva, madankollu, li l-miżuri inkwistjoni – għall-kuntrarju tas-sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji adottati reċentement – ma għandhomx l-għan li jiddixxiplinaw lir-Russja. Għall-kuntrarju, l-iskop reali tagħhom huwa “li jħarsu ’l ġewwa”: huma għandhom l-għan li jipprevjenu d-destabbilizzazzjoni tal-Unjoni permezz tat-tixrid tad-diżinformazzjoni.


34      Spahn, S., “Russia’s Narratives and Disinformation in the War on Ukraine”, Russia’s War of Aggression against Ukraine, Baden-Baden 2023, p. 40, jispjega li, minkejja s-sanzjonijiet imposti fuq il-media propagandeska Russa, din għadha aċċessibbli fuq l-internet. RT Deutschland ħoloq sensiela ta’ siti web taħt ismijiet ta’ dominji ġodda, fejn wieħed jista’ jara l-programm televiżiv dirett ukoll permezz ta’ network privat virtwali (VPN). Barra minn hekk, il-videos ta’ RT huma aċċessibbli fuq diversi pjattaformi online.


35      Garner, I., “Putin’s youth and the TikTok war – Creating the militarized self in Russian adolescents”, The Russian-Ukrainian Conflict and War Crimes, Kapitolu 6, Londra 2024, p. 99, jispjega kif l-awtoritajiet Russi qegħdin ifittxu li jimmilitarizzaw is-soċjetà billi jippreparaw liż-żgħażagħ għall-gwerra, b’mod partikolari permezz tal-mekkaniżmi ta’ soċjalizzazzjoni deskritti fl-analiżi tiegħu tat-“tiktokers” żgħażagħ patrijottiċi.


36      Boberg, S., Quandt, T., Schatto-Eckrodt, T., u Frischlich, L., “Pandemic Populism: Facebook Pages of Alternative News Media and the Corona Crisis”, New Media & Society, vol. 23, Nru 11, 2021, p. 2945.


37      Wright, K., Scott, M., u Bunce, M., “Foundation-funded Journalism, Philanthrocapitalism and Tainted Donors”, Journalism Studies, vol. 20, Nru 5, 2019, p. 690, jeżaminaw il-finanzjament tal-mezzi tal-media mingħajr skop ta’ qligħ mill-fondazzjonijiet u jenfasizzaw diversi riskji etiċi, fosthom id-dipendenza fuq id-donaturi, kif ukoll konverġenza possibbli bejn il-prijoritajiet editorjali tal-media u l-aġendi tal-fondazzjonijiet.


38      Vara-Miguel, A., Sánchez-Blanco, C., Sádaba Chalezquer, C. u Negredo, S., “Funding Sustainable Online News: Sources of Revenue in Digital-Native and Traditional Media in Spain”, Sustainability, Nru 20, 2021, p. 2, jispjegaw id-diversi forom attwali ta’ finanzjament tal-media online.


39      Ara l-punti 40 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.


40      Ara l-punti 49 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.


41      Ara l-punti 57 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.


42      Ara s-sentenzi tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs IlKunsill (T‑125/22, EU:T:2022:483, punt 143), u tas‑26 ta’ Marzu 2025, A2B Connect et vs IlKunsill (T‑307/22, EU:T:2025:331, punt 111).


43      Deċiżjoni tal-Kunsill tal‑31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 229, p. 13, rettifika fil-ĠU 2014, L 263, p. 35).


44      Ara s-sentenzi tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs IlKunsill (T‑125/22, EU:T:2022:483, punt 152), u tas‑26 ta’ Marzu 2025, A2B Connect et vs IlKunsill (T‑307/22, EU:T:2025:331, punt 112).


45      Ara s-sentenzi tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs IlKunsill (T‑125/22, EU:T:2022:483, punt 162), u tas‑26 ta’ Marzu 2025, A2B Connect et vs IlKunsill (T‑307/22, EU:T:2025:331, punti 52 u 53).


46      Ara s-sentenzi tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs IlKunsill (T‑125/22, EU:T:2022:483, punt 213), u tas‑26 ta’ Marzu 2025, A2B Connect et vs IlKunsill (T‑307/22, EU:T:2025:331, punti 135 u 140).


47      Ara, f’dan is-sens, Baade, B., “The EU’s ‘Ban’ of RT and Sputnik: A Lawful Measure Against Propaganda for War”, Verfassungsblog (it‑8 ta’ Marzu 2022), li tenfasizza li, skont ir-Regolament 2022/350, l-użu ta’ siti internet ma huwiex ipprojbit, sakemm dawn ma jxandrux il-kontenut ipprojbit u ma jippermettux, ma jiffaċilitawx jew ma jikkontribwixxux b’mod ieħor għat-tixrid tiegħu.


48      Ara s-sentenzi tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs IlKunsill (T‑125/22, EU:T:2022:483, punt 159), u tas‑26 ta’ Marzu 2025, A2B Connect et vs IlKunsill (T‑307/22, EU:T:2025:331, punt 121).