3.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 322/13


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1231/2013

tat-28 ta’ Novembru 2013

dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, huwa meħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi fuqu, jew li żżid kwalunkwe subdiviżjoni magħha u li hija stabbilita b’dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan tal-applikazzjoni ta’ tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-prodotti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-prodotti msemmija fil-kolonna (1) tat-tabella li tinsab fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi tan-NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta’ dik it-tabella.

(4)

Huwa xieraq li jiġi pprovdut li informazzjoni tariffarja vinkolanti maħruġa fir-rigward tal-merkanzija kkonċernata minn dan ir-Regolament li ma tkunx konformi ma’ dan ir-Regolament tista’, għal ċertu perjodu, tibqa’ tiġi invokata mid-detentur skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 (2).Dak il-perjodu għandu jkun ta’ [tliet] xhur.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali],

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella li tinsab fl-Anness għandhom ikunu klassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi tan-NM indikat fil-kolonna (2) ta’ dik it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni tariffarja vinkolanti li tkun għadha ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament tista’ tibqa’ tiġi invokata skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 għal perijodu ta’ [tliet] xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Novembru 2013.

Għall-Kummissjoni, F'isem il-President,

Dacian CIOLOȘ

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

L-estratti aromatiċi distillati u trattati (TDAE) għandhom dawn il-karatteristiċi fiżikokimiċi li ġejjin:

—

kontenut ta’ kostitwenti aromatiċi bejn l-74,2 % u l-75 % ta' piż, kif determinat mill-proċess tal-kolonna kromatografika deskritt fl-Anness A tal-Kapitolu 27 tan-Noti ta’ Spjega għan-Nomenklatura Magħquda (CNEN);

—

densità f’temperatura ta’ 15 °C bejn 0,9521 u 0,9590 g/cm3;

—

mhux iktar minn 4 % bil-volum jiddistilla sa 300 °C, kif determinat bil-metodu tal-ASTM D 86-67 (EN ISO 3405).

It-TDAE huwa estratt li jirriżulta mir-raffinar ta’ lubrikanti minn residwi ta’ distillazzjoni f’vakwu.

Il-kostitwenti aromatiċi jiġu prodotti bħala prodotti sekondarji fir-raffinar tal-istokks ta’ bażi taż-żejt ta’ lubrikazzjoni u xama’.

Il-prodott huwa użat bħala plastifikant għall-komposti ta’ lasktu mhux vulkanizzati li jikkostitwixxu materja prima fil-manifattura tat-tajers u prodotti oħra tal-lasktu vulkanizzati.

2707 99 99

Il-klassifikazzjoni hija determinata mir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, u bil-kliem tal-kodiċi NM 2707 , 2707 99 u 2707 99 99 .

Peress li l-prodott ma jkunx direttament miksub permezz tad-distillazzjoni jew raffinar ta’ żjut tal-petroljum mhux raffinati jew ta’ żjut mhux raffinati miksuba minn materjali bituminużi u l-piż tal-kostitwenti aromatiċi fil-prodott jaqbeż dak tal-kostitwenti mhux aromatiċi, il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 2710 bħala żjut tal-petroljum u żjut miksubin minn minerali bituminużi, ħlief dawk mhux raffinati; preparazzjonijiet li mhumiex speċifikati jew inklużi band’oħra li fihom 70 % jew aktar tal-piż ta’ żjut tal-petroljum u żjut miksubin minn minerali bituminużi jew żjut għar-rimi hija eskluża (ara Nota 2 għal Kapitolu 27).

Peress li l-prodott ma nkisibx direttament minn petroljum, żjut tal-petroljum jew miż-żjut ta’ minerali bituminużi u l-kontenut ta’ kostitwenti aromatiċi fil-prodott huwa anqas minn 80 %, il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 2713 bħala kokk tal-petroljum, bitum tal-petroljum u residwi oħrajn minnhom hija eskluża (ara wkoll in-Noti ta’ Spjega għan-Nomenklatura Magħquda (CNEN) għas-subintestaturi 2713 90 10 u 2713 90 90 ).

Il-prodott huwa estratt aromatiku miksub permezz tar-raffinar ta’ lubrikanti minn residwi ta’ distillazzjoni f’vakwu. Minħabba l-kontenut tiegħu ta’ kostitwenti aromatiċi, huwa jappartjeni għall-kategorija ta’ żjut jew prodotti simili li fihom il-piż tal-kostitwenti aromatiċi jaqbeż dak tal-kostitwenti mhux aromatiċi (ara wkoll is-CNEN għas-subintestaturi 2707 99 91 u 2707 99 99 , punt 2).

Għaldaqstant dan għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 2707 99 99 .