IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 19.6.2024
COM(2024) 610 final
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji ta’ Franza
{SWD(2024) 600 final} - {SWD(2024) 610 final}
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 19.6.2024
COM(2024) 610 final
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji ta’ Franza
{SWD(2024) 600 final} - {SWD(2024) 610 final}
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji ta’ Franza
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi 2 , u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
(1)Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 3 , li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti, li jinvolvu impuls fiskali ffinanzjat mill-UE. F’konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew, hija tgħin biex jinkiseb l-irkupru ekonomiku u soċjali u biex jiġu implimentati riformi u investimenti sostenibbli, b’mod partikolari biex tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-UE u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.
(2)Ir-Regolament REPowerEU 4 , adottat fis-27 ta’ Frar 2023, għandu l-għan li jelimina d-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi gradwalment. B’hekk tkun tista’ tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-UE, filwaqt li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza enerġetika. Franza żiedet kapitolu REPowerEU ġdid mal-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex tiffinanzja riformi u investimenti ewlenin li se jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU.
(3)Fis-16 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjoni dwar “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030” 5 , sabiex jiġu infurmati d-deċiżjonijiet ta’ politika u jinħolqu l-kundizzjonijiet qafas għaż-żieda fit-tkabbir. Il-Komunikazzjoni tinkwadra l-kompetittività fuq disa’ fatturi li jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku. Fost dawn il-fatturi, l-aċċess għall-kapital privat, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-ħiliet, u s-suq uniku jirriżultaw bħala prijoritajiet ta’ politika ta’ importanza kbira għar-riforma u l-investiment biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali tal-produttività kif ukoll biex tinbena l-kompetittività fit-tul tal-UE u tal-Istati Membri tagħha. Fl-14 ta’ Frar 2024, il-Kummissjoni segwiet din il-Komunikazzjoni bir-Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku u l-Kompetittività 6 . Ir-rapport jagħti dettalji dwar il-punti b’saħħithom u l-isfidi tal-kompetittività tas-Suq Uniku tal-Ewropa, filwaqt li jsegwi l-iżviluppi annwali skont id-disa’ xprunaturi tal-kompetittività identifikati.
(4)Fil-21 ta’ Novembru 2023, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2024 7 , li ta bidu għaċ-ċiklu tal-2024 tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-istħarriġ madwar l-erba’ dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva fit-22 ta’ Marzu 2024. Fil-21 ta’ Novembru 2023, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija 2024, li fih identifikat lil Franza bħala wieħed mill-Istati Membri li jista’ jiġi affettwat jew li jista’ jkun f’riskju li jiġi affettwat minn żbilanċi, u li għalih tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat opinjoni dwar l-abbozz ta’ pjan baġitarju ta’ Franza għall-2024. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, li l-Kunsill adotta fit-12 ta’ April 2024, kif ukoll il-proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2024 li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li l-Kunsill adotta fil-11 ta’ Marzu 2024.
(5)Fit-30 ta’ April 2024, daħal fis-seħħ il-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomika tal-UE. Il-qafas jinkludi r-Regolament il-ġdid tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) 2024/1263 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u s-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97. Barra minn hekk jinkludi r-Regolament (KE) Nru 1467/97 emendat dwar l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv u d-Direttiva 2011/85/UE emendata dwar l-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri 8 . L-objettivi tal-qafas il-ġdid huma s-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv permezz ta’ konsolidazzjoni fiskali gradwali kif ukoll ta’ riformi u investimenti. Jippromwovi s-sjieda nazzjonali u l-fokus jinsab aktar fuq it-terminu medju, flimkien ma’ infurzar aktar effettiv u koerenti. Kull Stat Membru għandu jissottometti pjan fiskali-strutturali nazzjonali ta’ terminu medju lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali ta’ terminu medju fihom l-impenji fiskali, ta’ riforma u ta’ investiment ta’ Stat Membru, li jkopru orizzont ta’ ppjanar ta’ 4 snin jew 5 snin skont it-tul regolari tal-leġiżlatura nazzjonali. Il-perkors tan-nefqa netta 9 fil-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali ta’ terminu medju għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263, inkluż ir-rekwiżiti biex id-dejn tal-gvern estiż jitpoġġa jew jinżamm f’perkors plawżibbli ’l isfel sa mhux aktar tard minn tmiem il-perjodu ta’ aġġustament, jew biex jibqa’ f’livelli prudenti taħt is-60 % tal-PDG, u biex id-defiċit tal-gvern jinġieb u/jew jinżamm taħt it-3 % tal-valur referenzjarju tal-PDG tul it-terminu medju. Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta’ riformi u investimenti f’konformità mal-kriterji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2024/1263, il-perjodu ta’ aġġustament jista’ jiġi estiż b’mhux aktar minn 3 snin. Għall-fini tal-appoġġ għat-tħejjija ta’ dawk il-pjanijiet, fil-[21 ta’ Ġunju] 2024, il-Kummissjoni hija mistennija tipprovdi lill-Istati Membri bi gwida dwar il-kontenut tal-pjanijiet u r-rapporti ta’ progress annwali sussegwenti li se jkollhom jissottomettu u, f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2024/1263, se tibgħatilhom gwida teknika dwar l-aġġustamenti fiskali (trajettorji ta’ referenza u informazzjoni teknika, fejn applikabbli). L-Istati Membri għandhom jissottomettu l-pjanijiet fiskali-strutturali tagħhom ta’ terminu medju sal-20 ta’ Settembru 2024, sakemm l-Istat Membru u l-Kummissjoni ma jaqblux li jestendu l-iskadenza b’perjodu ta’ żmien raġonevoli. L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-involviment tal-parlamenti nazzjonali tagħhom, u l-konsultazzjoni ta’ istituzzjonijiet fiskali indipendenti, tas-sħab soċjali u partijiet ikkonċernati nazzjonali oħra, kif xieraq.
(6)Fl-2024, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jevolvi f’konformità mal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa’ essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jgħinu biex jindirizzaw b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f’dawn l-aħħar snin. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019, l-2020, l-2022 u l-2023 jibqgħu ugwalment rilevanti wkoll għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza riveduti, aġġornati jew emendati f’konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.
(7)Fit-28 ta’ April 2021, Franza ppreżentat il-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament. Fit-13 ta Lulju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għal Franza 10 , li ġiet emendata fl-14 ta’ Lulju 2023 għall-konformità mal-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) 2021/241 għall-aġġornament tal-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli, kif ukoll biex jiġi inkluż il-kapitolu REPowerEU 11 . Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq deċiżjoni mill-Kummissjoni, meħuda f’konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li Franza laħqet b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. L-ilħuq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura.
(8)Fit-2 ta’ Mejju 2024, Franza ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha tal-2024 u l-Programm ta’ Stabbiltà tagħha tal-2024, f’konformità mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97. F’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2024 jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali ta’ Franza dwar il-progress li sar fil-kisba tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.
(9)Il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2024 għal Franza 12 fid-19 ta’ Ġunju 2024. Huwa vvaluta l-progress ta’ Franza fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti adottati mill-Kunsill bejn l-2019 u l-2023, u ħa kont tal-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza ta’ Franza. Fuq il-bażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta’ dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti. Huwa vvaluta wkoll il-progress ta’ Franza fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-UE dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.
(10)Il-Kummissjoni wettqet analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 għal Franza. Is-sejbiet ewlenin tal-valutazzjoni tal-persunal tal-Kummissjoni tal-vulnerabbiltajiet makroekonomiċi għal Franza għall-finijiet ta’ dak ir-Regolament ġew ippubblikati f’April 2024 13 . Fid-19 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni kkonkludiet li Franza ma għadhiex tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi. B’mod partikolari, l-azzjoni ta’ politika għenet fit-tnaqqis tal-vulnerabbiltajiet, li kellhom rilevanza transfruntiera, relatati mal-kompetittività f’kuntest ta’ tkabbir baxx fil-produttività, iżda jeħtieġ li jitkomplew l-isforzi, filwaqt li għad hemm vulnerabbiltajiet relatati ma’ dejn pubbliku għoli. Il-kompetittività tal-prezzijiet evolviet b’mod favorevoli mill-2021, parzjalment minħabba inflazzjoni aktar baxxa mis-sħab kummerċjali. Madankollu, l-eżiti tal-kompetittività tal-kostijiet kienu aktar imħallta peress li l-produttività tax-xogħol ġiet limitata b’fatturi temporanji wara l-kriżi tal-COVID-19, inkluż iż-żamma persistenti tal-ħaddiema f’xi setturi ewlenin, u politiki mmirati lejn iż-żieda fl-impjiegi. Dawn irriżultaw fi tkabbir qawwi fl-impjiegi f’dawn l-aħħar snin. Il-produttività tax-xogħol u l-kompetittività huma mistennija li jitjiebu fil-futur, megħjuna minn investimenti u riformi ppjanati, li għandhom jirfdu d-diżingranaġġ tad-dejn. Id-dejn tas-settur privat żdied b’mod sinifikanti matul il-pandemija, iżda kien akkumpanjat minn żieda fir-rata tat-tfaddil tal-unitajiet domestiċi, u minn żidiet fl-ekwità u l-akkumulazzjoni ta’ riżervi ta’ likwidità fid-ditti, li issa qed jintużaw. Il-kreditu għall-investiment korporattiv għadu dinamiku minkejja l-kundizzjonijiet finanzjarji aktar stretti. Id-dejn pubbliku għall-PDG naqas xi ftit bl-irkupru fil-PDG mill-2021, għal ftit aktar minn 110 % fl-2023. Huwa pproġettat li jibqa’ ġeneralment stabbli fl-2024 iżda li jerġa’ jiżdied fl-2025 fost defiċits tal-gvern kbar kontinwi. Ir-rispons politiku għall-vulnerabbiltajiet identifikati relatati mal-kompetittività f’kuntest ta’ tkabbir baxx fil-produttività kien ġeneralment xieraq u għandu jappoġġa t-tkabbir tal-produttività fis-snin li ġejjin, iżda jeħtieġ li jitkomplew l-isforzi. L-implimentazzjoni tal-RRP se tgħin biex jiġu indirizzati aktar l-isfidi tal-kompetittività filwaqt li jittejjeb it-tkabbir tal-produttività. Filwaqt li ttieħdet azzjoni ta’ politika biex jissaħħu l-finanzi pubbliċi, huwa ċar li jenħtieġu aktar sforzi biex jitnaqqas id-dejn pubbliku għoli. Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir riformat, inkluża l-applikazzjoni tal-Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv, joffri mekkaniżmu ta’ sorveljanza xieraq u b’saħħtu biex jindirizza r-riskji għas-sostenibbiltà fiskali.
(11)Fuq il-bażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat 14 , id-defiċit tal-gvern estiż ta’ Franza żdied minn 4,8 % tal-PDG fl-2022 għal 5,5 % fl-2023 15 , filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż naqas minn 111,9 % tal-PDG fi tmiem l-2022 għal 110,6 % fi tmiem l-2023. Kif imħabbar fil-gwida għall-politika fiskali għall-2024 16 , il-Kummissjoni qed tieħu l-ewwel pass għall-ftuħ ta’ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit fuq il-bażi tad-data tal-eżitu għall-2023, f’konformità ma’ dispożizzjonijiet legali eżistenti. Fid-19 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni adottat rapport skont l-Artikolu 126(3) TFUE 17 . Dak ir-rapport evalwa l-qagħda baġitarja ta’ Franza, billi fl-2023 id-defiċit tal-gvern estiż tagħha qabeż il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG. Ir-rapport ikkonkluda li, fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, u wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju kif stabbilit skont l-Artikolu 126(4) tat-TFUE, f’Lulju l-Kummissjoni biħsiebha tipproponi li tiftaħ proċedura ta’ defiċit eċċessiv, billi tirrakkomanda lill-Kunsill jadotta Deċiżjoni skont l-Artikolu 126(6) li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv għal Franza.
(12)Fit-12 ta’ Lulju 2022, il-Kunsill irrakkomanda 18 li Franza tiżgura politika fiskali prudenti fl-2023, b’mod partikolari billi tillimita t-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali għal taħt it-tkabbir potenzjali tal-output fuq terminu medju 19 , filwaqt li tqis l-appoġġ temporanju u mmirat kontinwu għall-unitajiet domestiċi u għad-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. Fl-istess ħin, Franza ġiet irrakkomandata li tkun lesta biex taġġusta l-infiq kurrenti għas-sitwazzjoni li qed tevolvi. Ġie rrakkomandat ukoll li Franza tespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija filwaqt li tqis l-inizjattiva REPowerEU, inkluż billi tuża l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni. Fl-2023, skont l-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali 20 kienet restrittiva, b’0,5 % tal-PDG, f’kuntest ta’ inflazzjoni għolja. It-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (netta minn miżuri tad-dħul diskrezzjonali) fl-2023 ipprovda kontribuzzjoni restrittiva għall-pożizzjoni fiskali ta’ 0,3 % tal-PDG u kien konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE kienet tammonta għal 0,4 % tal-PDG fl-2023. L-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali kien jammonta għal 4,1 % tal-PDG fl-2023, li jirrappreżenta żieda ta’ 0,1 punti perċentwali meta mqabbel mal-2022. Franza ffinanzjat investiment addizzjonali permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE. Iffinanzjat l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija, bħal għall-iżvilupp u l-użu industrijali ta’ soluzzjonijiet tal-idroġenu rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, proġetti ta’ innovazzjoni f’sistemi agrikoli sostenibbli, materjali riċiklati, bini innovattiv, id-diġitalizzazzjoni u d-dekarbonizzazzjoni tal-mobbiltà kif ukoll investimenti għar-rinnovazzjoni termali tal-bini, li huma parzjalment iffinanzjati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE.
(13)Il-projezzjonijiet ewlenin fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-2024 jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji jipprevedi tkabbir tal-PDG reali ta’ 1,0 % fl-2024 u 1,4 % fl-2025, filwaqt li jipproġetta inflazzjoni tas-CPI ta’ 2,5 % fl-2024 u 1,7 % fl-2025. Id-defiċit tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos għal 5,1 % tal-PDG fl-2024 u 4,1 % tal-PDG fl-2025, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied għal 112,3 % sa tmiem l-2024 u 113,1 % sa tmiem l-2025. Wara l-2025, id-defiċit tal-gvern estiż huwa pproġettat li jonqos b’mod gradwali għal 3,6 % tal-PDG fl-2026 u 2,9 % fl-2027. Għaldaqstant, il-bilanċ tal-gvern estiż huwa ppjanat li jinżel taħt il-valur referenzjarju tad-defiċit ta’ 3 % tal-PDG fl-2027. Minħabba f’hekk, wara l-2025, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa pproġettat li jonqos gradwalment għal 112,9 % fl-2026 u 112,0 % fl-2027.
(14)It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipproġetta li l-PDG reali jikber b’0,7 % fl-2024 u 1,3 % fl-2025, u l-inflazzjoni tal-HICP se tkun ta’ 2,5 % fl-2024 u 2,0 % fl-2025.
(15)It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern ta’ 5,3 % tal-PDG fl-2024, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied għal 112,4 % sa tmiem l-2024. It-tnaqqis tad-defiċit fl-2024 jirrifletti prinċipalment l-irtirar tal-biċċa l-kbira tal-miżuri ta’ emerġenza relatati mal-enerġija u 0,3 % tal-iffrankar fin-nefqa tal-PDG adottati fi Frar, parzjalment ikkumpensati miż-żieda f’daqqa pproġettata fil-pagamenti tal-imgħax fuq id-dejn pubbliku għal madwar 2,0 % tal-PDG, xprunata minn rati ogħla fuq kwistjonijiet ġodda. Barra minn hekk, il-projezzjoni tinkludi wkoll l-impatt ta’ 0,1 % tal-PDG ta’ taxxa eċċezzjonali fuq il-produtturi tal-enerġija u l-profitti finanzjarji. Iż-żieda tal-proporzjon tad-dejn għall-PDG fl-2024 tirrifletti prinċipalment l-impatt ta’ defiċit primarju għoli u pagamenti tal-imgħax li qed jiżdiedu, filwaqt li l-effett tat-tnaqqis tad-dejn li jirriżulta mit-tkabbir nominali jkun aktar moderat milli fis-snin reċenti. Fuq il-bażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali hija pproġettata li tkun restrittiva b’1,1 % tal-PDG fl-2024.
(16)In-nefqa li tammonta għal 0,2 % tal-PDG hija mistennija li tiġi ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (“għotjiet”) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2024, meta mqabbel ma’ 0,2 % tal-PDG fl-2023, skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni. In-nefqa ffinanzjata mil-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se tippermetti investiment ta’ kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr impatt dirett fuq il-bilanċ tal-gvern estiż u d-dejn ta’ Franza.
(17)Fl-14 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill irrakkomanda 21 li Franza tiżgura politika fiskali prudenti, b’mod partikolari billi tillimita ż-żieda nominali fin-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali 22 fl-2024 għal mhux aktar minn 2,3 %. Meta jeżegwixxu l-baġits tagħhom għall-2023 u jħejju l-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji/baġits tagħhom għall-2024, l-Istati Membri ġew mistiedna jqisu li l-Kummissjoni se tipproponi lill-Kunsill il-ftuħ ta’ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit abbażi tad-data tal-eżitu għall-2023. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni, in-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali ta’ Franza hija pproġettata li tiżdied b’1,8 % fl-2024 23 , li hija taħt ir-rata ta’ tkabbir massima rakkomandata. Dan huwa konformi ma’ dak rakkomandat mill-Kunsill.
(18)Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda li Franza tieħu azzjoni biex telimina b’mod gradwali l-miżuri fis-seħħ ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija, u tuża l-iffrankar relatat biex tnaqqas id-defiċit tal-gvern, kemm jista’ jkun malajr fl-2023 u fl-2024. Il-Kunsill speċifika wkoll li jekk, minħabba żidiet mill-ġdid fil-prezzijiet tal-enerġija, ikun hemm bżonn li jitkomplew il-miżuri ta’ appoġġ jew li jkun hemm miżuri ġodda ta’ appoġġ, jenħtieġ li Franza tiżgura li dawn ikunu mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli, ikunu fiskalment affordabbli, u jippreservaw l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni, il-kost baġitarju nett 24 tal-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija huwa stmat fil-livell ta’ 0,9 % tal-PDG fl-2023, u proġettat fil-livell ta’ 0,2 % fl-2024 u 0,0 % fl-2025. B’mod partikolari, il-limitu massimu fuq il-prezzijiet regolati tal-elettriku, implimentat permezz ta’ tnaqqis fit-taxxa domestika fuq il-konsum finali tal-elettriku (TICFE, taxe intérieure sur la consommation finale d’électricité) u s-sussidji diretti biex jikkumpensaw lill-fornituri tal-elettriku, huwa preżunt li jibqa’ fis-seħħ fl-2024. Jekk l-iffrankar relatat jintuża biex inaqqas id-defiċit tal-gvern, kif irrakkomandat mill-Kunsill, dawn il-proġettazzjonijiet jimplikaw aġġustament fiskali ta’ 0,6 % tal-PDG fl-2024, billi n-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali 25 tipprovdi kontribuzzjoni restrittiva għall-pożizzjoni fiskali ta’ 1,0 % tal-PDG f’dik is-sena. Il-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija huma pproġettati li jiġu eliminati b’mod gradwali kemm jista’ jkun malajr fl-2023 u fl-2024. Dan huwa konformi ma’ dak rakkomandat mill-Kunsill. Barra minn hekk, l-iffrankar relatat huwa pproġettat li jintuża kollu kemm hu biex inaqqas id-defiċit tal-gvern. Dan huwa konformi wkoll mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill.
(19)Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda wkoll li Franza tippreserva l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali u tiżgura l-assorbiment effettiv tal-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħrajn tal-UE, b’mod partikolari għat-trawwim tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni, l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali huwa pproġettat li jibqa’ stabbli fil-livell ta’ 4,1 % tal-PDG fl-2024. Dan huwa konformi ma’ dak rakkomandat mill-Kunsill. Minħabba f’hekk, in-nefqa pubblika ffinanzjata mid-dħul mill-fondi tal-UE, fosthom l-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, hija mistennija tibqa’ stabbli fil-livell ta’ 0,4 % tal-PDG fl-2024.
(20)Fuq il-bażi ta’ miżuri ta’ politika magħrufa fid-data tal-għeluq tat-tbassir u fuq suppożizzjoni ta’ ebda bidla fil-politika, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern ta’ 5,0 % tal-PDG fl-2025. It-tnaqqis tad-defiċit fl-2025 b’politiki mhux mibdula jirrifletti prinċipalment l-irkupru mistenni tat-tkabbir. Il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied għal 113,8 % sa tmiem l-2025. Iż-żieda tal-proporzjon tad-dejn għall-PDG hija prinċipalment xprunata minn defiċits primarji għoljin u pagamenti tal-imgħax li qed jiżdiedu.
(21)In-nefqiet tat-taxxa fi Franza huma numerużi u jimplikaw piż baġitarju kbir. Il-liġi tal-baġit għall-2023 stmat li l-kost baġitarju tal-465 nefqiet tat-taxxa elenkati fl-2022 kien jammonta għal EUR 88 biljun (3,3 % tal-PDG), mingħajr l-effett tal-kreditu tat-taxxa fuq l-impjiegi u l-kompetittività (CICE, crédit d'impôt pour la compétitivité et l'emploi), li ġie rtirat fl-2019. B’mod partikolari, il-kreditu tat-taxxa fuq ir-riċerka (crédit d’impôt recherche, madwar EUR 7 biljun), il-kreditu tat-taxxa għall-impjegati mid-dar (crédit d’impôt pour l’emploi d’un salarié à domicile, EUR 5,7 biljun), il-provvediment ta’ 10 % fuq il-pensjonijiet u l-arranġamenti tal-irtirar (abattement de 10 % sur les pensions et retraites, EUR 4,4 biljun) u r-rata ta’ 10 % għat-titjib, il-konverżjoni, is-sistemazzjoni u x-xogħlijiet ta’ manutenzjoni (taux de 10 % pour les travaux d’amélioration, de transformation, d’aménagement et d’entretien, EUR 4,3 biljun) kienu l-akbar fil-liġi tal-baġit tal-2023. Mill-2013, minkejja ħafna tentattivi biex jiġi kontrollat il-kost u l-għadd tan-nefqiet tat-taxxa, dawn żdiedu b’aktar minn 16 % f’termini reali. Filwaqt li n-nefqiet tat-taxxa jistgħu jiġu motivati minn objettivi ta’ politika ekonomika u soċjali, dawn mhumiex neċessarjament l-istrument l-aktar kosteffiċjenti u f’xi każijiet jistgħu jwasslu għal distorsjonijiet ekonomiċi severi. Kif sinjalat mill-Qorti tal-Awdituri ta’ Franza, in-nefqiet tat-taxxa jnaqqsu l-effiċjenza u t-trasparenza tas-sistema fiskali ta’ Franza, jintroduċu livell sinifikanti ta’ kumplessità u, b’mod aktar mifrux, jikkaġunaw telf ta’ effiċjenza minħabba d-distorsjoni f’deċiżjonijiet individwali. Il-liġi dwar il-programmazzjoni tal-finanzi pubbliċi pluriennali għall-2023-2027, adottata f’Novembru 2023, introduċiet dispożizzjonijiet speċifiċi biex jiġi limitat l-impatt baġitarju tan-nefqiet tat-taxxa, jiġi kontrollat l-għadd tagħhom u jsiru aktar effiċjenti, filwaqt li għandhom l-għan ukoll li jtejbu t-trasparenza tal-komunikazzjoni mal-Parlament fil-kuntest tal-proċess baġitarju annwali. Madankollu, tentattivi passati wrew suċċess limitat fit-tnaqqis tal-kumplessità tat-taxxa u l-kost baġitarju assoċjat man-nefqiet tat-taxxa. Billi n-nefqiet tat-taxxa mid-definizzjoni tagħhom jaqgħu barra mill-ambitu tal-kontrolli baġitarji fuq in-nefqa, it-trażżin tagħhom ikun jeħtieġ livell simili ta’ monitoraġġ, b’mod kumplimentari għar-rieżami tal-infiq imniedi mill-gvern taħt il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.
(22)In-nefqa pubblika ta’ Franza fl-2023, fil-livell ta’ 57,3 % tal-PDG, għadha ħafna ogħla mill-medja tal-UE. It-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipproġetta diskrepanza simili fl-2024 u l-2025. B’hekk, il-konsolidazzjoni fiskali fi Franza titlob azzjoni deċiżiva fuq l-infiq pubbliku. Il-mekkaniżmu l-ġdid tar-rieżami tal-infiq, li ġie adottat bil-liġi tal-baġit tal-2023 fil-kuntest tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, għandu l-potenzjal li jappoġġa tali konsolidazzjoni u tnaqqis tad-dejn pubbliku. L-objettiv ewlieni ta’ dan il-mekkaniżmu huwa li jwettaq evalwazzjonijiet regolari għall-infiq pubbliku bil-ħsieb li jidentifika l-aktar nefqiet effiċjenti li jiffavorixxu t-tkabbir, l-inklużjoni soċjali u t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, filwaqt li jiġu ffrankati nefqiet fejn jiġu identifikati ineffiċjenzi. F’Lulju 2023 ġie ppreżentat l-ewwel rapport bi proposti konkreti lill-Parlament. Madankollu, jidher li l-konverżjoni f’miżuri ta’ ffrankar konkreti u kwantifikati fil-liġi tal-baġit tal-2024 huma limitati. ’Il quddiem, il-konsolidazzjoni fiskali tibbenefika minn integrazzjoni regolari ta’ miri ta’ ffrankar kwantifikat tan-nefqiet mir-rieżamijiet ta’ nfiq fi ppjanar baġitarju annwali u pluriennali futur.
(23)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b) u l-Anness V, il-kriterju 2.2, tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawn mistennijin jgħinu biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. F’dan il-perjodu ta’ żmien strett, it-tkomplija rapida tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan, inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul ta’ Franza permezz tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali. Sabiex twettaq l-impenji tal-pjan sa Awwissu 2026, huwa essenzjali li Franza tkompli l-implimentazzjoni ta' riformi u investimenti. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa’ essenzjali biex tiġi żgurata responsabbiltà wiesgħa għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.
(24)Bħala parti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1060, Franza hija meħtieġa tirrieżamina kull programm sa Marzu 2025, filwaqt li tqis, fost affarijiet oħrajn, l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2024, kif ukoll il-pjan nazzjonali tagħha għall-enerġija u l-klima. Dan ir-rieżami jifforma l-bażi għall-allokazzjoni definittiva tal-finanzjament tal-UE inkluż f’kull programm. Filwaqt li Franza għamlet progress fl-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, għad hemm sfidi. Fl-2023, Franza rreġistrat tkabbir moderat fil-pajjiż, għalkemm b’differenzi persistenti sinifikanti bejn ir-reġjuni, li wħud minnhom juru tkabbir kajman fit-tul. Hemm disparitajiet konsiderevoli fl-iżvilupp bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi u dwak metropolitani, kif ukoll iż-żoni urbani u dawk mhux urbani. L-aċċellerazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni hija kruċjali. Il-prijoritajiet maqbula fil-programmi għadhom rilevanti. Huwa partikolarment importanti li l-attivitajiet ta’ riċerka, żvilupp u innovazzjoni fil-livell reġjonali jibqgħu jiġu appoġġati, b’mod partikolari billi jiġu xprunati l-ekosistemi tal-innovazzjoni reġjonali, il-ħiliet strateġiċi u l-attirar tat-talent. Il-ħtieġa li tiżdied id-diġitalizzazzjoni u l-kapaċità tal-innovazzjoni tan-negozji, speċjalment fir-reġjuni f’nassa tal-iżvilupp, ukoll ħaqqha attenzjoni speċifika. Il-prijoritajiet li jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni ekoloġika għadhom kruċjali, b’enfasi partikolari fuq il-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, l-iżvilupp tas-sistemi tal-enerġija intelliġenti u l-miżuri tal-effiċjenza enerġetika, u l-adattament għat-tibdil fil-klima. Fir-reġjun ultraperiferiċi, il-provvista tal-ilma tax-xorb, it-trattament tal-ilma mormi u l-ġbir u l-ġestjoni tal-iskart muniċipali għadhom fundamentali. L-inklużjoni attiva tal-gruppi żvantaġġati bħan-nies li ġejjin minn kuntest ta’ migrazzjoni għadha importanti, kif ukoll investimenti mmirati fit-titjib tal-ħiliet u fit-taħriġ mill-ġdid ta’ ħiliet f’konformità mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u b’attenzjoni partikolari għall-gruppi żvantaġġati. Huwa kruċjali wkoll li jitkomplew il-miżuri kontra l-faqar u ta’ inklużjoni soċjali, b’attenzjoni partikolari għat-tfal, l-aċċess għall-akkomodazzjoni affordabbli u l-prevenzjoni tal-iżgumbramenti. Franza tista’ tuża wkoll l-inizjattiva Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa biex tappoġġa t-trasformazzjoni industrijali. B’mod partikolari, Franza tista’ tiżviluppa l-ħiliet, it-teknoloġiji u l-infrastruttura meħtieġa u tistimula l-involviment fi ktajjen tal-valur strateġiċi ġodda (industrija b’emissjonijiet żero netti, materja prima kritika, dekarbonizzazzjoni tal-industriji intensivi fl-enerġija).
(25)Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u fondi oħrajn tal-UE, Franza tiffaċċja diversi sfidi addizzjonali relatati man-nuqqas tal-ħiliet, l-inugwaljanzi fis-sistema edukattiva u d-deterjorament ta’ eżiti edukattivi, il-kundizzjonijiet u t-taħriġ tal-għalliema, kif ukoll sfidi relatati mal-ambjent tan-negozju, ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni u t-tranżizzjoni ekoloġika. L-indirizzar ta’ dawn l-isfidi jgħin biex jiġu xprunati l-ħiliet tal-ħaddiema u l-eżiti tal-apprendiment u tiżdied il-produttività tax-xogħol. Barra minn hekk, jista’ jtejjeb ukoll l-effiċjenza tan-negozji Franċiżi, li min-naħa tagħhom iżidu l-kompetittività tal-ekonomija Franċiża. Xprunar ulterjuri tal-kompetittività u l-produttività tax-xogħol jikkontribwixxi wkoll għall-irfid tas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi.
(26)In-nuqqas ta’ ħaddiema tas-sengħa huwa fost l-ostakli ewlenin għar-reklutaġġ. Fl-2022, dan kien il-każ partikolarment fl-industrija, fis-setturi tal-ICT u tas-saħħa kif ukoll f’impjiegi li jeħtieġu ħiliet għat-tranżizzjoni ekoloġika 26 . Barra minn hekk, 45 % tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs, small and medium-sized enterprises) irrapportaw li sabuha diffiċli ħafna biex jimpjegaw persunal bil-ħiliet it-tajba, meta mqabbel ma’ 38 % fl-UE. Kien hemm 83 % tad-ditti Franċiżi li semmew in-nuqqasijiet fil-ħaddiema u fil-ħiliet bħala waħda mill-ostakli ewlenin għall-investiment, meta mqabbel ma’ 81 % fl-UE. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ ħiliet adegwati jxekkel l-investimenti fid-dekarbonizzazzjoni tal-industrija. Minkejja l-investiment fit-titjib tal-ħiliet u fit-taħriġ mill-ġdid ta’ ħiliet tal-ħaddiema, li huwa appoġġat ukoll mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, għad hemm diffikultajiet, b’mod partikolari biex jintlaħqu l-ħaddiema b’livell baxx ta’ ħiliet 27 u jiġi mmirat dħul fit-taħriġ għas-setturi prijoritarji. L-evalwazzjoni tal-investimenti passati u riċenti, bħall-Pjan ta’ Investiment fil-Ħiliet (plan d’investissement dans les compétences), tenfasizza li 25 % tat-taħriġ biss jikkonċerna settur prijoritarju u 20 % tat-taħriġ huwa mmirat lejn impjiegi li jbatu minn nuqqas ta’ ħiliet. Barra minn hekk, madwar 25 % tal-adulti bi kwalifiki baxxi biss ipparteċipaw fl-apprendiment fl-2022. L-effettività tal-miżuri li jappoġġaw it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-ħiliet tista’ tbati minn tnaqqis fil-prestazzjoni fis-sistema edukattiva, billi l-ħiliet bażiċi jiffurmaw il-bażi għal benefiċċju mill-edukazzjoni u t-taħriġ ulterjuri. Filwaqt li l-Pjan ta’ Investiment fil-Ħiliet iġġedded sal-2027, il-mezzi ddedikati għalih tnaqqsu.
(27)Minkejja n-nefqa pubblika fl-edukazzjoni, is-sistema edukattiva ta’ Franza dan l-aħħar irreġistrat tnaqqis notevoli fil-prestazzjoni, li kienet immarkata aktar bl-impatt sinifikanti tal-isfond soċjoekonomiku tal-istudenti. Skont l-istħarriġ tal-2022 tal-Programm għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti (PISA, Programme for International Student Assessment), 28,8 % ta’ dawk li għandhom 15-il sena kellhom prestazzjoni baxxa fil-matematika fi Franza vs 29,5 % fl-UE, 26,9 % kellhom prestazzjoni baxxa fil-qari vs 26,2 % fl-UE u 23,8 % kellhom prestazzjoni baxxa fix-xjenza vs 24,2 % fl-UE. Dan jirriżulta f’punteġġi bejn wieħed u ieħor fil-medja tal-UE, li wkoll marru għall-agħar b’mod konsiderevoli. Is-sehem tal-istudenti bi prestazzjoni baxxa żdied b’mod sinifikanti mill-2018 fit-tliet suġġetti. Fl-istess ħin, hemm tnaqqis sinifikanti fis-sehem tal-istudenti bi prestazzjoni għolja, speċjalment fil-matematika u fil-qari. It-tnaqqis fil-profiċjenza fil-ħiliet bażiċi huwa evidenti aktar fost l-istudenti żvantaġġati ta’ 15-il sena, inkluż dawk bi sfond ta’ migrazzjoni li jiffaċċjaw riskju doppju ta’ progress insuffiċjenti mill-pari nattivi tagħhom b’ġenituri nattivi. It-titjib tal-prestazzjoni tal-istudenti fil-ħiliet bażiċi hija kruċjali, u tibda minn età bikrija. In-nefqa totali fl-edukazzjoni primarja fi Franza hija kemxejn aktar baxxa milli fl-OECD bħala medja 28 . Ġew implimentati diversi miżuri f’dawn l-aħħar snin biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi fl-iskejjel, bħat-tnaqqis bin-nofs tad-daqs tal-iskejjel f’“żoni ta’ edukazzjoni ta’ prijorità”. Filwaqt li l-ewwel evalwazzjonijiet jindikaw l-impatt pożittiv tal-miżura fuq l-eżiti edukattivi tal-istudenti, 70 % tal-istudenti żvantaġġati li jgħixu barra miż-żoni prijoritarji ma jibbenefikawx minn din il-miżura. Fl-2023, il-Ministeru tal-Edukazzjoni ħeġġeġ taħlita soċjali aħjar billi stabbilixxa mira mhux vinkolanti biex tonqos is-segregazzjoni soċjali fl-iskejjel pubbliċi b’20 % sal-2027 u ffirma memorandum ta’ qbil mal-iskejjel privati. Barra minn hekk, il-miżura adottata f’Settembru 2023, li introduċiet siegħa fil-ġimgħa ta’ tagħlim differenzjat fil-Franċiż u l-matematika għall-istudenti kollha, għandha l-potenzjal li ssaħħaħ il-ħiliet bażiċi. Madankollu, l-impatt ta’ dawn il-miżuri fuq l-eżiti tal-apprendiment għadhom iridu jinħassu, u se jkunu ġustifikati aktar evalwazzjonijiet. L-adattament tar-riżorsi u l-metodi għal ċirkustanzi lokali u l-ħtiġijiet tal-istudenti jista’ jkompli jgħin biex jitjiebu l-prestazzjoni u l-ekwità tas-sistema edukattiva.
(28)Għalkemm l-għalliema bbenefikaw minn żieda fil-paga fl-2023, għad hemm tħassib fuq l-attraenza tal-professjoni, u n-nuqqas ta’ għalliema huwa ta’ piż fuq l-eżiti edukattivi. Franza għandha wieħed mill-ogħla rati ta’ studenti għal kull għalliem fl-UE. Barra minn hekk, iż-żieda fid-dipendenza fuq l-għalliema temporanji b’livelli aktar baxxi ta’ kwalifiki u esperjenza u b’inqas aċċess għal taħriġ minn dawk permanenti tista’ taffettwa l-kwalità tat-tagħlim. Ittieħdu passi biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tat-tagħlim, inkluż l-infurzar tat-taħriġ fil-Franċiż u l-matematika għall-għalliema tal-primarja. Madankollu, hemm lok biex ikomplu jiġu estiżi dawn il-miżuri, partikolarment billi t-taħriġ inizjali u kontinwu jiġu allinjati aħjar mal-ħtiġijiet li qed jevolvu tal-istudenti kollha u l-għalliema u l-iskejjel jingħataw aktar awtonomija. B’mod partikolari, filwaqt li r-rapport tal-OECD 29 juri li livell għoli ta’ awtonomija lill-iskejjel jista’ jkollu impatt pożittiv fuq il-prestazzjoni tal-istudenti (meta jingħaqad mar-responsabbiltà), il-Qorti tal-Awdituri twissi li fil-prattika l-kapijiet tal-iskejjel għandhom ambitu limitat biex jadattaw għall-ħtiġijiet tal-istudenti u ċ-ċirkustanzi lokali 30 .
(29)Minkejja diversi riformi għal simplifikazzjoni amministrattiva, id-ditti fi Franza għadhom iqisu l-piż amministrattiv bħala kbir, u dan huwa ta’ piż fuq l-innovazzjoni u l-produttività. Skont stħarriġ tal-2022, 49 % tan-negozji jsibu l-kumplessità tal-proċeduri amministrattivi bħala “problema serja ħafna” (fost l-ogħla persentaġġi fl-UE u ogħla mill-medja tal-UE ta’ 33 %) 31 . Franza tistma li l-għadd eċċessiv ta’ regoli jiswew mill-inqas 3 % tal-PDG fis-sena 32 . F’konformità mas-suġġerimenti tal-partijiet ikkonċernati 33 biex jittaffa l-piż amministrattiv, tista’ tingħata prijorità biex jiġi limitat l-għadd ta’ dokumenti li għandhom jiġu sottomessi (“il-prinċipju ta’ darba biss”), u dan jiġġeneralizza d-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri filwaqt li jinżamm punt ta’ kuntatt dirett mal-amministrazzjoni. Tista’ tingħata prijorità wkoll lis-sostituzzjoni tal-iskemi ta’ awtorizzazzjoni b’dikjarazzjonijiet sempliċi ta’ konformità ma’ kundizzjonijiet applikabbli jew, għas-setturi aktar sensittivi, is-simplifikazzjoni ta’ awtorizzazzjonijiet billi jitnaqqas iż-żmien tad-deċiżjonijiet u tiġi adottata approvazzjoni taċita fejn dan ikun għadu mhux applikabbli.
(30)Franza tipprovdi finanzjament pubbliku sostanzjali biex tappoġġa r-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni. Fost il-pajjiżi tal-UE, tiddedika wieħed mill-ogħla ishma tal-PDG tagħha biex tappoġġa r-riċerka u l-iżvilupp tan-negozji (0,45 % tal-PDG fl-2021) 34 . Madankollu, ir-riċerka u l-iżvilupp tan-negozji qed jistaġnaw u għadhom taħt il-medja tal-UE (1,43 % tal-PDG fl-2022). Skont l-Istħarriġ tal-2023 tal-BEI dwar l-Investiment, 30 % tad-ditti Franċiżi biss (li 99,8 % minnhom huma SMEs) investew fl-iżvilupp ta’ prodotti, proċessi u servizzi ġodda. Dan huwa wieħed mill-aktar ishma baxxi fl-UE. Fl-isfond ta’ indikaturi relatati mal-kooperazzjoni bejn l-akkademja u n-negozji li qed jistaġnaw 35 u tnaqqis fl-attraenza tal-karrieri akkademiċi, il-Liġi dwar l-Ipprogrammar tar-Riċerka u miżuri oħra mħabbra, li wħud minnhom huma inklużi fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, huma mistennija jtejbu l-effiċjenza tas-sistema tar-riċerka billi jsaħħu r-rabta bejn ix-xjenza u l-ekonomija, u jagħmlu l-karrieri tar-riċerka aktar attraenti. Madankollu, l-impatt ta’ dawn il-miżuri se jieħu ż-żmien biex jimmaterjalizza u mbagħad ikun viżibbli fl-indikaturi. Kreditu tat-taxxa fuq ir-riċerka li jiswa ħafna huwa fis-seħħ, għalkemm l-evalwazzjonijiet kixfu dgħufijiet kbar 36 . L-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Evalwazzjoni ta’ Politiki dwar l-Innovazzjoni fl-2021 indikaw li l-iskema ma kellha l-ebda effett sinifikanti fuq ditti akbar, minkejja li l-appoġġ kien ikkonċentrat fuqhom. Għaldaqstant, hemm lok biex din l-iskema ta’ riċerka u żvilupp tiġi mmirata aħjar sabiex iżżid l-output tar-riċerka u l-iżvilupp, filwaqt li jitrażżnu l-kostijiet tagħha. Miżuri oħra biex tiġi appoġġata l-innovazzjoni huma ħafna iżgħar, iżda huma mmirati aħjar lejn l-SMEs. Dawn jinkludu b’mod partikolari l-kreditu tat-taxxa fuq l-innovazzjoni u l-istatus ta’ kumpaniji innovattivi ġodda (Jeunes Entreprises Innovantes), li jipprovdi benefiċċji soċjali u fiskali għan-negozji ġodda li jissodisfaw kriterji speċifiċi dwar l-intensità tar-riċerka u l-iżvilupp u t-tkabbir.
(31)Fit-taħlita enerġetika ta’ Franza, is-sehem tal-fjuwils fossili żdied kemxejn fl-2022, filwaqt li s-sehem tal-fjuwils rinnovabbli kien baxx fil-livell ta’ 14,6 %. Barra minn hekk, Franza ma laħqitx l-objettiv tal-UE tagħha għall-2020 rigward l-enerġija rinnovabbli b’ammont sinifikanti. Minkejja żieda fil-kapaċità rinnovabbli installata fl-2022 xprunata miż-żieda sinifikanti fl-enerġija solari, Franza għadha lura fl-użu tal-enerġija rinnovabbli, speċjalment għall-produzzjoni tal-elettriku u t-tisħin, bil-ħsieb tal-miri għall-2030. F’kuntest fejn l-impjanti tal-enerġija nukleari addizzjonali mħabbra jieħdu ż-żmien biex jinbnew u l-ħtiġijiet tal-elettrifikazzjoni huma mistennija jikbru b’mod rapidu 37 , l-użu rapidu tal-enerġija rinnovabbli jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija ta’ Franza filwaqt li jnaqqas id-dipendenza tagħha fuq il-fjuwils fossili. F’Marzu 2023, Franza ppromulgat liġi dwar l-aċċellerazzjoni tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, li teħtieġ identifikazzjoni minn isfel għal fuq marbuta maż-żmien ta’ “żoni ta’ aċċellerazzjoni għall-enerġija rinnovabbli” mill-muniċipalitajiet. L-implimentazzjoni rapida tagħha hija ġustifikata. Madankollu, sa nofs April 2024, inqas minn 20 % tal-muniċipalitajiet kienu bdew jidentifikaw dawn iż-żoni. Barra minn hekk, wieħed mill-atti tal-implimentazzjoni għadu ma stabbiliex l-objettivi reġjonalizzati tal-pjan tal-enerġija pluriennali (programmation pluriannuelle de l’énergie), li għadu mhuwiex ippubblikat. Hemm ħtieġa wkoll li jiġu simplifikati l-proċeduri ta’ konnessjoni għall-grid ta’ distribuzzjoni għall-awtokonsum. Jenħtieġ aktar investiment fil-grilji elettriċi u soluzzjonijiet ta’ flessibbiltà bħal ħżin biex jiġu integrati volumi akbar ta’ enerġija rinnovabbli u tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista.
(32)Fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-kontribuzzjoni kollettiva tagħhom għall-funzjonament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, fl-2024 il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. Għal Franza, ir-rakkomandazzjonijiet (1), (2), (3) u (4) jgħinu biex jiġu implimentati l-ewwel, it-tieni, it-tielet u r-raba’ rakkomandazzjonijiet għaż-żona euro.
B’DAN JIRRAKKOMANDA li Franza tieħu azzjoni fl-2024 u l-2025 biex:
1.Tissottometti l-pjan fiskali-strutturali ta’ terminu medju fil-ħin. F’konformità mar-rekwiżiti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir riformat, tillimita t-tkabbir fin-nefqa netta 38 fl-2025 għal rata konsistenti mat-tqegħid tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika fuq perkors plawżibbli ta’ tnaqqis fuq terminu medju u mat-tnaqqis tad-defiċit tal-gvern estiż lejn il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG skont it-Trattat. Tnaqqas il-kumplessità tas-sistema tat-taxxa billi timmira aħjar in-nefqiet tat-taxxa, tneħħi dawk l-inqas effiċjenti u tillimita l-impatt baġitarju kumplessiv. Tkompli bl-isforzi tagħha biex ittejjeb il-kwalità tal-miżuri baġitarji, inkluż billi twaqqaf miri kwantitattivi għall-iffrankar tan-nefqiet fl-ippjanar baġitarju fil-qafas stabbilit għar-rieżamijiet tal-infiq.
2.Tkompli bl-implimentazzjoni rapida u effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, u tiżgura t-tlestija tar-riformi u l-investimenti sa Awwissu 2026. Taċċellera l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni. Fil-kuntest tar-rieżami ta’ nofs it-terminu tagħha, tkompli tiffoka fuq il-prijoritajiet maqbula, filwaqt li tqis l-opportunitajiet ipprovduti mill-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa biex titjieb il-kompetittività.
3.Tkompli tindirizza n-nuqqas ta’ ħiliet, inkluż fl-impjiegi tat-tranżizzjoni ekoloġika, u trawwem il-parteċipazzjoni fit-taħriġ, b’mod partikolari fost il-ħaddiem b’livell baxx ta’ ħiliet. Ittejjeb il-prestazzjoni u l-ekwità tas-sistema edukattiva. Issaħħaħ il-professjoni tat-tagħlim, inkluż billi ttejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol u t-taħriġ.
4.Ittejjeb l-ambjent tan-negozju billi tnaqqas il-piż amministrattiv. Trawwem l-intensità tar-riċerka u l-iżvilupp tan-negozji, inkluż billi timmira aħjar lejn skemi pubbliċi ta’ appoġġ. Taċċellera t-tranżizzjoni tal-enerġija billi tniedi l-enerġiji rinnovabbli aktar malajr, inkluż billi tadotta leġiżlazzjoni sekondarja, tistabbilixxi ż-“żoni ta’ aċċellerazzjoni għall-enerġija rinnovabbli” u tippromwovi teknoloġiji ta’ ħżin.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President