17.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 286/175


DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-10 ta’ Mejju 2012

dwar kwittanza b'rabta mal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għas-sena finanzjarja 2010

(2012/570/UE)

IL-PARLAMENT EWROPEW,

—

wara li kkunsidra l-kontijiet finali annwali tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għas-sena finanzjarja 2010,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet tal-Aġenzija (1),

—

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Frar 2012 (06083/2012 — C7–0051/2012),

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

—

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,

—

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u b'mod partikolari l-Artikolu 60 tiegħu,

—

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4), u partikolarment għall-Artikolu 94 tiegħu,

—

wara li kkunsidra r-Regola 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A7-0124/2012),

1.   

Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2010;

2.   

Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.   

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deciżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

Il-President

Martin SCHULZ

Is-Segretarju Ġenerali

Klaus WELLE


(1)   ĠU C 366, 15.12.2011, p. 21.

(2)   ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(3)   ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1.

(4)   ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.


RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-10 ta’ Mejju 2012

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-Deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għas-sena finanzjarja 2010

IL-PARLAMENT EWROPEW,

—

wara li kkunsidra l-kontijiet finali annwali tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għas-sena finanzjarja 2010,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet tal-Aġenzija (1),

—

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Frar 2012 (06083/2012 —C7–0051/2012),

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

—

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,

—

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 60 tiegħu,

—

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4), u partikolarment għall-Artikolu 94 tiegħu,

—

wara li kkunsidra r-Regola 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A7-0124/2012),

A.

billi l-Qorti tal-Awdituri stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (“l-Aġenzija”) għas-sena finanzjarja 2010 huma affidabbli, u li t-tranżazzjonijiet sottostanti huma legali u regolari,

B.

billi fl-10 ta’ Mejju 2011 il-Parlament ta l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-implimentazzjoni tal-baġit tagħha għas-sena finanzjarja 2009 (5), u fir-riżoluzzjoni tiegħu li takkumpanja d-deċiżjoni dwar il-kwittanza, fost affarijiet oħra:

—

ħeġġeġ lill-Aġenzija timplimenta struttura bbażata fuq l-attività għall-baġit operattiv sabiex tistabbilixxi rabta ċara bejn il-programm ta’ ħidma u l-previżjonijiet finanzjarji u ttejjeb il-monitoraġġ u r-rappurtar tal-prestazzjoni,

—

ġibed l-attenzjoni għall-fatt li għal darb’oħra l-Aġenzija riportat għal 2010 livell għoli ta’ approprjazzjonijiet għan-nefqa operattiva,

—

talab li mal-baġit ta’ kull sena jiġi mehmuż rapport dwar il-bilanċ pożittiv trasferit minn snin preċedenti, li jispjega għalfejn l-approprjazzjonijiet imsemmija ma ntużawx, u kif u meta se jintużaw,

—

innota nuqqasijiet fil-proċeduri ta’ għażla tal-persunal li jipperikolaw it-trasparenza ta’ dawn il-proċeduri,

C.

billi l-Aġenzija hija ffinanzjata minn drittijiet u ħlasijiet u kontribuzzjoni mill-Unjoni,

D.

billi l-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2010 kien ta’ EUR 137 200 000 meta mqabbel ma’ EUR 122 200 000 fl-2009, li jfisser żieda ta’ 12,27 %; billi l-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-baġit tal-Aġenzija għall-2010 kienet ta’ EUR 34 197 000 (6), li tfisser żieda ta’ 0,87 % meta mqabbla mal-2009,

Il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.

Ifakkar li żewġ terzi mill-baġit tal-Aġenzija jiġu minn miżati u imposti mħallsa mill-industrija, terz minn sussidji tal-Unjoni u l-kontribuzzjoni inizjali tal-Unjoni lill-Aġenzija għall-2010 ammontat għal EUR 32 879 000; jinnota madankollu li ma’ din is-somma żdiedu EUR 1 318 000, li ġejjin mill-irkupru tal-bilanċ pożittiv, u konsegwentement, il-kontribuzzjoni totali tal-Unjoni laħqet it-total ta’ EUR 34 197 000;

2.

Jinnota li l-baġit tal-Aġenzija żdied b’61 % minn EUR 85 200 000 għal EUR 137 200 000 mill-2007 sal-2010 u li l-għadd tal-persunal żdied minn 333 għal 524;

3.

Jinnota li skont l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 593/2007 tal-31 ta’ Mejju 2007 dwar drittijiet u ħlasijiet imposti mill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (7), d-dħul mid-drittijiet jikkostitwixxi dħul assenjat li jista’ jiġi riportat mill-Aġenzija sakemm ma jkunx intuża; jinnota li l-irċevuti tal-industrija jistgħu jkunu relatati ma’ iktar minn sena finanzjarja waħda; jinnota li r-riżerva li tista’ tintuża matul is-snin sussegwenti hija aġġustata fuq ir-riżultat tal-baġit għas-sena; jinnota li l-ammont tar-riżerva naqas f’dawn l-aħħar sentejn minn EUR 29 000 000 fl-aħħar tal-2008 għal EUR 21 000 000 fl-aħħar tal-2010;

4.

Jinnota mill-kontijiet finali għas-sena finanzjarja 2010, li l-Aġenzija użat biss approprjazzjonijiet mhux differenzjati u li għalhekk l-approprjazzjonijiet għall-impenji kienu daqs l-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet; barra minn hekk jinnota li r-rata globali tal-implimentazzjoni tal-baġit kienet ta’ 99,51 % għall-approprjazzjonijiet tal-2010;

5.

Jistieden lill-Aġenzija biex tieħu miżuri adegwati ulterjuri sabiex tevita n-nuqqasijiet li jipperikolaw it-trasparenza tal-proċess ta’ akkwist kif ukoll il-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja fis-sod;

Kontabilità

6.

Jaċċerta mill-kontijiet finali, li fl-2010 l-Aġenzija biddlet il-metodu tagħha tar-rikonoxximent tad-dħul minn metodu bbażat fuq il-kost għal metodu bbażat fuq il-metodu tal-linja dritta propost fir-Regola numru 4 tal-Kontabilità tal-KE;

7.

Jifhem mill-Aġenzija li l-bidla saret biex ittejjeb l-eżatezza u t-trasparenza dwar kif inhu bbażat id-dħul akkwistat u biex titqies ir-rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri tal-2009 sabiex jiġi applikat metodu li jirrifletti b’mod aktar eżatt l-ammont ta’ dħul allokat għal sena finanzjarja;

8.

Jirrikonoxxi mir-Rapport Annwali ta’ Attività tal-Aġenzija, li s-sistema tal-Ippjanar tar-Riżorsi għall-Intrapriżi ssaħħet iktar u ġiet użata sistematikament għat-tipi kollha ta’ transazzjonijiet finanzjarji u l-għeluq ta’ tmiem is-sena;

Il-proċedura tal-akkwist

9.

Jinnota mir-Rapport Annwali ta’ Attività li 23 proċedura ta’ offerti ta’ valur għoli li jkopru kemm il-ħtiġijiet operattivi kif ukoll dawk amministrattivi kienu amministrati matul l-2010, li 20 minnhom ġew finalizzati u 29 kuntratt ta’ valur għoli kienu ffirmati b’valur ta’ bejn wieħed u ieħor EUR 14 000 000; barra minn hekk jinnota li 428 kuntratt ġew iffirmati wara l-proċeduri ta’ akkwist ta’ valur baxx li jammontaw għal bejn wieħed u ieħor EUR 1 650 000;

10.

Jirrikonoxxi, b’mod partikolari, mill-Qorti tal-Awdituri li, għal żewġ proċeduri kbar tal-akkwist, il-metodu ta’ evalwazzjoni ma ppermettiex lill-offerti li tefgħu l-aqwa offerta finanzjarja jiksbu l-ogħla punteġġ ta’ prezz; jinnota mill-Aġenzija li dawn iż-żewġ proċeduri tal-akkwist jirreferu għal:

—

it-tiġdid ta’ kuntratt ta’ servizzi ta’ tindif għal erba’ snin li jammonta għal EUR 1 000 000;

—

Kuntratt Qafas ta’ massimu ta’ erba’ snin għal studji dwar rekwiżiti u standards għal ċertifikazzjoni rigward il-magni tal-inġenji tal-ajru b’valur massimu ta’ EUR 2 500 000 li għalih il-kuntrattur magħżul ma kkompletax l-elementi kollha tal-kostijiet fl-applikazzjoni tiegħu;

jinnota li l-Aġenzija wieġbet li l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżultat m’għandu jiġi rrappurtat u li madankollu se tqis il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti u fil-ġejjieni se tindirizza r-riskju identifikat billi tagħti saħansitra iktar attenzjoni lill-formuli tal-evalwazzjoni finanzjarja;

Ir-riżorsi umani

11.

Jinnota li, għal darba oħra, l-awtorità ta’ kwittanza sabet nuqqasijiet fil-proċeduri għall-għażla tal-persunal li jipperikolaw it-trasparenza ta’ dawk il-proċeduri; jirrikonoxxi mill-Qorti tal-Awdituri li ma kien hemm l-ebda evidenza li l-limiti biex wieħed jiġi mistieden għall-intervista jew biex jitpoġġa fuq il-lista ta’ riżerva ġew definiti qabel ma bdiet l-eżaminazzjoni tal-applikazzjonijiet; jinnota li dan jista’ jaħbi sitwazzjoni ta’ nepotiżmu jew kunflitt ta’ interessi; jitlob li jsir dak kollu possibbli sabiex ikunu evitati l-kunflitti ta’ interessi; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Aġenzija tapplika korrettement ir-regoli tal-Unjoni; jenfasizza l-importanza tat-trasparenza tal-proċedura tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi u tal-proċeduri ta’ reklutaġġ;

12.

Jinnota li l-Aġenzija ma infurmatx lill-awtorità tal-kwittanza dwar l-azzjonijiet li ttieħdu biex il-proċeduri tal-għażla tal-esperti/istaff tagħha jsiru aktar trasparenti kif mitlub fl-2009, għalkemm jifhem li l-kwistjoni ġiet indirizzata fl-2010 wara li l-Qorti tal-Awdituri reġgħet enfasizzat il-kwistjoni fir-rapport tagħha; jenfasizza, għal darb’oħra, li l-impatt ta’ dawn in-nuqqasijiet huwa saħansitra aktar kruċjali meta jitqies li l-Aġenzija għandha l-objettivi li ġejjin: li toħroġ speċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni, tieħu deċiżjonijiet rigward l-ajrunavigabbiltà u ċ-ċertifikazzjoni ambjentali, u twettaq spezzjonijiet ta’ standardizzazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri;

13.

Jinnota t-tweġiba tal-Aġenzija lill-Qorti li fil-linji gwida tagħha għall-membri tal-bord indikat b’mod ċar il-limitu minimu li l-kandidati għandhom jilħqu sabiex jiġu mistiedna għall-intervista (50 %) jew sabiex jitpoġġew fil-lista tar-riżerva (65 %) iżda li hi żomm id-dritt li tiddeċiedi x’jikkostitwixxi n-numru massimu raġonevoli ta’ kandidati li għandhom jiġu mistiedna skont il-pożizzjoni li jkunu kisbu fil-lista;

14.

Ifakkar lill-Aġenzija dwar l-importanza li tiżgura taħriġ adegwat u kriterji ta’ kwalifikazzjoni għat-timijiet ta’ spezzjoni u mexxejja tat-tims; jistieden lill-Aġenzija tieħu passi konkreti u tinforma lill-awtorità tal-kwittanza dwarhom;

15.

Jinnota li, mill-2009 sal-2010, n-numru tal-persunal fl-Aġenzija żdied minn 509 għal 578, inklużi aġenti temporanji u kontrattwali;

Kunflitt ta’ interess

16.

Jinnota li l-membri tal-persunal tekniku tal-Aġenzija jeħtieġu jiġu normalment reklutati minn awtoritajiet nazzjonali tal-avjazzjoni u l-industrija tal-avjazzjoni; jifhem li l-membri tal-persunal irid ikollhom biżżejjed esperjenza teknika aġġornata ta’ ħidma fil-qasam tal-avjazzjoni sabiex iwettqu verifika teknika tal-konformità mad-dokumenti ta’ ċertifikazzjoni ta’ konformità sabiex ikunu jistgħu jiżguraw il-livell adegwat ta’ sikurezza fl-avjazzjoni kif mitlub mil-leġiżlazzjoni Ewropea applikabbli; madankollu jinsab imħasseb li din is-sitwazzjoni tista’ tikkawża kunflitti ta’ interess jekk membru tal-persunal reklutat minn manifattur tal-inġenji tal-ajru jaħdem u jieħu deċiżjonijiet fi ħdan l-Aġenzija dwar iċ-ċertifikazzjoni tal-inġenju tal-ajru li hu seta’ kien qed jaħdem fuqu waqt li kien impjegat mal-manifattur u, sitwazzjoni li jekk wieħed ma jindunax biha u jimmaniġjaha adegwatament, tista’ tirriżulta f’kunflitt tal-interessi; jirrikonoxxi madankollu li l-Aġenzija stabbiliet proċedura ta’ ċertifikazzjoni fejn l-imparzjalità tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet hija ggarantita permezz tal-kolleġjalità tal-evalwazzjonijiet tekniċi u tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet innifsu; jifhem ukoll li l-Aġenzija tinsab fil-proċess li tistabbilixxi politika li tapplika għall-Aġenzija kollha fil-qasam tal-kodiċijiet tal-kondotta li tinkludi l-identifikazzjoni, il-prevenzjoni, il-monitoraġġ u t-trattament tal-konsegwenzi ta’ każijiet ta’ kunflitt ta’ interessi potenzjali li se tgħin lill-Aġenzija tkompli ttejjeb l-identifikazzjoni u t-trattament ta’ sitwazzjonijiet ta’ kunflitti ta’ interessi b’tali mod li s-sikurezza tal-avjazzjoni ma titqiegħedx f’periklu fl-ebda mument;

17.

Jistieden lill-Aġenzija tikkunsidra b’mod xieraq l-isfond professjonali tal-membri tal-persunal tagħha sabiex tevita kull kunflitt ta’ interess; huwa tal-opinjoni li l-politika tal-kunflitti tal-interessi tal-Aġenzija għandha tispjega sa liema punt u taħt liema kundizzjonijiet impjegat tal-Aġenzija jista’ jkun involut fiċ-ċertifikazzjoni ta’ inġenju tal-ajru li kien ħadem fuqu qabel ma ssieħeb mal-Aġenzija;

18.

Jistieden lill-Aġenzija tadotta proċessi effettivi li jindirizzaw kif dovut każijiet potenzjali ta’ allegazzjonijiet ta’ kunflitti ta’ interessi fl-Aġenzija; jistieden ukoll lill-Aġenzija tippubblika fuq il-websajt tagħha d-dikjarazzjoni tal-interessi u l-isfond professjonali tal-esperti, il-persunal maniġerjali u l-Membri tal-Bord tagħha u ta’ kwalunkwe persuna oħra li l-attività tagħha hi relatata mal-proċess ta’ ċertifikazzjoni; jindika li l-Aġenzija għandha ssegwi l-linji gwida tal-OKŻE fil-qasam tal-kunflitti ta’ interessi;

19.

Jinnota li l-Aġenzija hija involuta f’deċiżjonijiet ta’ importanza vitali għaċ-ċittadini kollha u b’kunsiderazzjoni għall-viżibilità tagħha minħabba l-importanza tagħha għall-industrija, l-awtorità ta’ kwittanza qed tistenna bil-ħerqa li tirċievi u tiddiskuti s-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet mir-Rapport Speċjali dwar sitwazzjonijiet ta’ kunflitti ta’ interess li għandu jkun rilaxxat mill-Qorti tal-Awdituri qabel tmiem Ġunju 2012;

Il-Prestazzjoni

20.

Jistieden lill-Aġenzija tkompli timplimenta l-istruttura eżistenti bbażata fuq l-attività għall-baġit operattiv sabiex tistabbilixxi rabta ċara bejn il-programm ta’ ħidma u l-previżjonijiet finanzjarji u tkompli ttejjeb il-monitoraġġ u r-rappurtar tal-prestazzjoni,

21.

Jistieden lill-Aġenzija tagħmel dijagramma ta’ Gantt parti mill-programmazzjoni tal-attività operattiva tagħha fejn ikun relevanti; jisħaq ukoll fuq l-importanza li l-Aġenzija tfassal objettivi SMART u indikaturi RACER fil-programmazzjoni tagħha kif għamlet fil-Programm Annwali ta’ Ħidma u r-Rapport Annwali ta’ Attività tagħha sa mill-2008;

Kontroll Intern

22.

Jinnota mir-Rapport Annwali ta’ Attività li l-Aġenzija kkonsolidat is-Sistema Integrata ta’ Ġestjoni tagħha fl-2010 u fiha nkludiet il-kunċett ta’ “kontroll intern”, li għandu l-għan li jiżgura li r-riskji jitnaqqsu b’mod korrett, sabiex tissaħħaħ l-abilità tal-Aġenzija biex tikseb objettivi operattivi, ta’ kwalità, ta’ konformità jew finanzjarji;

23.

Jinnota li, f’Diċembru 2010, is-Sistema Integrata ta’ Ġestjoni tal-Aġenzija kisbet ċertifikazzjoni kontra l-Istandard tal-Ġestjoni tal-Kwalità ISO 9001:2008 rikonoxxut internazzjonalment;

Proċess ta’ spezzjonijiet tal-istandardizzazzjoni

24.

Jistieden lill-Aġenzija tkompli ttejjeb id-dokumentazzjoni tal-ippjanar ta’ spezzjoni u l-programmazzjoni tal-ispezzjoni; ifakkar lill-Aġenzija dwar l-importanza tad-dokumentazzjoni tal-valutazzjoni tar-riskju u l-kriterji użati meta tistabbilixxi l-ippjanar ta’ spezzjoni tagħha sabiex tiġġustifika l-proċess intern tagħha tat-teħid ta’ deċiżjonijiet għall-każijiet li jippreżentaw nuqqasijiet sinifikanti li jaffettwaw is-sikurezza taċ-ċittadini tal-Unjoni;

25.

Jistieden lill-Aġenzija tkompli ttejjeb l-effikaċja tagħha fil-ġestjoni ta’ tħassib ewlieni tas-sikurezza billi:

—

timmonitorja l-informazzjoni,

—

tnaqqas it-tul ta’ żmien tar-rappurtar u ta’ implimentazzjoni,

—

tiddokumenta l-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet bejn l-Aġenzija u l-Kummissjoni,

—

timmitiga b’mod adegwat ir-riskji ta’ kwalunkwe sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interess potenzjali;

26.

Barra minn hekk jistieden lill-Aġenzija tikklassifika, timmonitorja u ssegwi s-sejbiet tagħha ta’ spezzjoni kklassifikati bħala “Kummenti”; jinnota li l-Aġenzija żviluppat proċedura operattiva biex tiddefinixxi dawk is-sejbiet u tikkomunikahom lill-Kummissjoni; jitlob għalhekk lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità tal-kwittanza bl-azzjoni meħuda;

L-awditjar intern

27.

Jirrikonoxxi li diversi rakkomandazzjonijiet “importanti ħafna” mis-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) maħsuba biex inaqqsu r-riskji pendenti lill-Aġenzija għadhom miftuħa u attwalment taħt eżami mill-IAS;

28.

Jinnota b’mod partikolari li fl-2010 l-IAS wettaq awditjar dwar il-Proċess ta’ Spezzjoni tal-Istandardizzazzjoni sabiex jivvaluta u jipprovdi assigurazzjoni indipendenti dwar is-sistema ta’ kontroll intern relatata mal-proċess ta’ spezzjoni tal-istandardizzazzjoni fl-Aġenzija, sabiex jissorvelja l-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Unjoni mill-awtoritajiet nazzjonali tal-avjazzjoni u jirrapporta lill-Kummissjoni; jinnota wkoll li l-Aġenzija diġà żviluppat pjan ta’ azzjoni korrettiva li l-IAS qabel miegħu u li diġà pprovdiet lill-IAS għall-eżami minn naħa tiegħu l-evidenza tal-implimentazzjoni rigward dawk ir-rakkomandazzjonijiet imniżżla fil-paragrafi 25 sa 27 ta’ dan ir-rapport;

29.

F’dan ir-rigward jistieden lill-Aġenzija biex tkompli:

—

tiddokumenta l-valutazzjoni tar-riskju tagħha wara l-programmi ta’ spezzjoni annwali u ż-żjara ta’ spezzjoni,

—

ittejjeb is-sorveljanza u r-rappurtar dwar in-nuqqasijiet sinifikanti li jqajmu tħassib dwar is-sikurezza,

—

issegwi u timmonitorja l-kummenti tagħha wara ż-żjarat ta’ spezzjoni;

30.

Jagħti attenzjoni lir-rakkomandazzjonijiet tiegħu mir-rapporti dwar il-kwittanza preċedenti, kif stabbilit fl-Anness ta’ din ir-riżoluzzjoni;

31.

Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta’ natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2012 (8) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1)   ĠU C 366, 15.12.2011, p. 21.

(2)   ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(3)   ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1.

(4)   ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(5)   ĠU L 250, 27.9.2011, p. 140.

(6)   ĠU L 64, 12.3.2010, p. 613.

(7)   ĠU L 140, 1.6.2007, p. 3.

(8)  Testi adottati, P7_TA(2012)0164 (Ara l-paġna 388ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).


ANNESS

RAKKOMANDAZZJONIJIET TAL-PARLAMENT EWROPEW TA’ DAWN L-AĦĦAR SNIN

Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni

2006

2007

2008

2009

Il-Prestazzjoni

L-Aġenzija għandha tiċċekkja bir-reqqa l-konsistenza tal-previżjonijiet tan-nefqa: is-sistema ta’ analiżi tal-kostijiet tal-Aġenzija wriet kostijiet ta’ madwar EUR 48 000 000 u dħul ta’ madwar EUR 35 000 000 ; ipprogrammar insuffiċjenti

L-Aġenzija għandha tiċċekkja bir-reqqa l-konsistenza tal-previżjonijiet tan-nefqa li ser ikunu ppreżentati għal adozzjoni mill-awtorità tal-baġit

—

Jistieden lill-Aġenzija tistabbilixxi analiżi dijakronika tal-operazzjonijiet imwettqa f’din is-sena u f’dik preċedenti

—

Jistieden lill-Aġenzija tistabbilixxi objettivi SMART u indikaturi RACER

—

Jistieden lill-Aġenzija tagħmel dijagramma ta’ Gantt

—

Jistieden lill-Aġenzija tistabbilixxi objettivi SMART u indikaturi RACER

—

Jistieden lill-Aġenzija tikkunsidra l-fatt li tagħmel dijagramma ta’ Gantt parti mill-programmazzjoni ta’ kull attività operattiva, bil-għan li tindika sintetikament l-ammont ta’ ħin li kull membru tal-persunal iqatta’ fuq proġett

—

Iħeġġeġ lill-Aġenzija timplimenta struttura bbażata fuq l-attività għall-baġit operattiv sabiex tistabbilixxi rabta ċara bejn il-programm ta’ ħidma u l-previżjonijiet finanzjarji u ttejjeb il-monitoraġġ u r-rappurtar tal-prestazzjoni,

—

Jistieden lill-Aġenzija tippreżenta tqabbil tal-operazzjonijiet li saru matul is-sena li għaliha għandha tingħata l-kwittanza u dawk li saru matul is-sena finanzjarja ta’ qabel

Ir-Regolament dwar id-drittijiet u l-ħlasijiet

mhux applikabbli

L-Aġenzija m’għandhiex tfixkel l-użu tar-regolament preċedenti dwar it-tariffa imposta mar-regolament il-ġdid.

—

Jistieden lill-Aġenzija tistabbilixxi sistema ta’ monitoraġġ fil-livell tal-proġetti ta’ ċertifikazzjoni

—

Jistieden lill-Aġenzija tressaq pjan dettaljat biex tiggarantixxi li s-sistema ta’ drittijiet fissi annwali tista’ ma tiġġenerax introjtu li jkun b’mod sinifikanti ogħla mill-kostjiet annwali tas-servizzi mogħtija

—

Jistieden lill-Aġenzija ttejjeb is-sistema ta’ monitoraġġ tagħha għal proġetti ta’ ċertifikazzjoni biex tiżgura li, matul il-perjodu kollu tal-proġett, id-drittijiet imposti ma jvarjawx mill-kost reali b’mod sinifikanti;

—

Jistieden lill-Aġenzija tistima b’mod korrett, għall-istabbiliment tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-2010, l-ispiża relatata mal-ġesjoni ta’ xogħlijiet ta’ ċertifikazzjoni li jiġu esternalizzati lill-awtoritajiet tal-avjazzjoni nazzjonali.

Riporti tal-approprjazzjonijiet/kwistjonijiet ta’ akkwist

Il-prinċipju baġitarju tal-annwalità ma kienx osservat: għall-kuntrarju tar-regolament finanzjarju tagħha, l-Aġenzija użat l-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet differenzjati riportati mill-2005 minkejja li kellha biżżejjed approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet għall-2006

Kwistjonijiet ta’ trasparenza dwar il-kriterji tal-għoti u l-metodu tal-evalwazzjoni finanzjarju

—

Jistieden lill-Aġenzija tirrimedja s-sistema tal-ippjanar tar-riżorsi tal-impriża li tirriżulta minn dewmien fl-iffirmar tal-kuntratt ta’ servizz. (Jistieden lill-Aġenzija tippreżenta previżjoni ħafna iktar realistika lill-Kummissjoni u lill-Parlament matul is-snin li ġejjin)

—

Jitlob lill-Kummissjoni teżamina modi kif tiżgura li l-prinċipju ta’ ġestjoni tal-flus kontanti bbażata fuq il-ħtiġijiet ikun implimentat bis-sħiħ, sabiex tiżgura li r-riżervi tal-flus kontanti tal-Aġenzija jinżammu kemm jista’ jkun baxxi

—

L-Aġenzija riportat għall-2010 livell għoli ta’ approprjazzjonijiet għall-infiq operattiv (65 % mit-Titolu III, Attivitajiet Operattivi. Il-persentaġġ tal-impenji riportati huwa ta’ 13 %)

—

Jitlob li l-kuntratti jiġu ġestiti b’mod aktar eżatt u f’waqtu u li tiġi ppreżentata previżjoni ħafna aktar realistika lill-Parlament u lill-Kummissjoni għas-sena finanzjarja li jmiss.

—

Talab li mal-baġit ta’ kull sena jiġi mehmuż rapport dwar l-approprjazzjonijiet li ma ntefqux riportati minn snin preċedenti, li jispjega għalfejn dawn il-flus ma ntużawx, u kif u meta se jintużaw.

Riżorsi Umani

mhux applikabbli

Jistieden lill-Aġenzija ttejjeb s-sistemi ta’ reklutaġġ u ppjanar tar-riżorsi

Jistieden lill-Aġenzija ttejjeb s-sistemi ta’ reklutaġġ u ppjanar tar-riżorsi

—

Jinnota nuqqasijiet fil-proċeduri ta’ għażla tal-persunal li jipperikolaw it-trasparenza ta’ dawn il-proċeduri. Il-Qorti tal-Awdituri rrappurtat li d-deċiżjonijiet tal-bordijiet tal-għażla ma kinux iġġustifikati u dokumentati b’mod suffiċjenti minħabba li l-limiti biex wieħed jiġi mistieden għal intervista jew imqiegħed fuq il-lista tar-riżerva ma ġewx stabbiliti bil-quddiem u l-minuti kienu nieqsa.

—

Iħeġġeġ lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità tal-kwittanza dwar l-azzjonijiet meħuda biex tirrimedja din is-sitwazzjoni u tagħmel il-proċeduri ta’ għażla tal-esperti/persunal tagħha iktar trasparenti.

Il-Verifika Interna

L-Aġenzija għadha ma implimentatx sistema effikaċi tal-ġestjoni tal-klejms, possibbilment inkluż interess fuq ħlas tard.

mhux applikabbli

Jistieden lill-Aġenzija tieħu passi biex tissodisfa 13 (2 huma kkunsidrati kritiċi) minn 28 rakkomandazzjoni magħmula mis-Servizz tal-Awditjar Intern → jiġifieri r-rakkomandazzjonijiet jikkonċernaw l-inċertezza baġitarja, in-nuqqas ta’ analiżi tar-riskju, in-nuqqas ta’ politika ta’ evalwazzjoni u ta’ promozzjoni, il-proċedura ta’ qtugħ u n-nuqqas ta’ proċedura biex jiġu rreġistrati eċċezzjonijiet li ġew magħluqa

Jirrikonoxxi li l-Aġenzija implimentat 20 mis-26 rakkomandazzjoni magħmula mill-IAS mill-2006