9.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 243/37


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1121

tat-8 ta’ Lulju 2021

li jispeċifika d-dettalji tad-data statistika li għandha tiġi sottomessa mill-Istati Membri fir-rigward tal-kontrolli tal-prodotti li jidħlu fis-suq tal-Unjoni fir-rigward tas-sikurezza u l-konformità tal-prodotti

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti u li jemenda d-Direttiva 2004/42/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 765/2008 u (UE) Nru 305/2011 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 25(9) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) 2019/1020 jitlob lill-Istati Membri biex jissottomettu lill-Kummissjoni data statistika dettaljata li tkopri l-kontrolli mwettqa mill-awtoritajiet iddeżinjati skont l-Artikolu 25(1) ta’ dak ir-Regolament fir-rigward ta’ prodotti soġġetti għal-liġi tal-Unjoni li jidħlu fis-suq tal-Unjoni. B’mod partikolari, ir-Regolament (UE) 2019/1020 jitlob li d-data statistika għandha tkopri n-numru ta’ interventi fil-qasam ta’ kontrolli fuq it-tali prodotti fir-rigward tas-sikurezza u l-konformità tal-prodotti.

(2)

Huwa neċessarju li jiġu speċifikati d-dettalji ta’ din id-data statistika.

(3)

Fejn intervent mill-awtoritajiet iddeżinjati skont l-Artikolu 25(1) tar-Regolament (UE) 2019/1020 irriżulta f’rekwiżit mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq biex ma jirrilaxxawx prodott għaċ-ċirkolazzjoni libera skont l-Artikolu 28(1) u (2) ta’ dak ir-Regolament, jenħtieġ li d-data statistika dwar in-numru ta’ interventi tkun ikkomplementata minn informazzjoni aktar dettaljata dwar il-prodott ikkonċernat sabiex jinftiehmu aħjar il-kwistjonijiet u x-xejriet fis-sikurezza u l-konformità tal-prodott. Id-data statistika sottomessa tista’ tikkontribwixxi wkoll għat-titjib fil-ġestjoni tar-riskju.

(4)

Filwaqt li d-data statistika sottomessa lill-Kummissjoni dwar l-interventi fil-qasam tal-kontrolli jenħtieġ li tkopri l-kontrolli kollha dwar il-prodotti li jidħlu fis-suq tal-Unjoni, madankollu, jenħtieġ li tkopri biss dawk il-kontrolli fejn fil-fatt ikun seħħ intervent mill-awtoritajiet iddeżinjati. Għaldaqstant, jenħtieġ li d-data statistika ma tinkludix data dwar kontrolli li jitwettqu esklussivament permezz ta’ tekniki ta’ proċessar elettroniku tad-data.

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) 2019/1020,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Id-data statistika li għandha tiġi sottomessa skont l-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) 2019/1020 għandha tinkludi d-dettalji ta’ interventi li ġejjin fil-qasam tal-kontrolli fuq il-prodotti soġġetti għal-liġi tal-Unjoni fir-rigward tas-sikurezza u l-konformità tal-prodott:

(a)

in-numru totali ta’ interventi;

(b)

in-numru totali ta’ interventi li rriżultaw għal sospensjoni tar-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera skont l-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) 2019/1020;

(c)

għal kull intervent li jkun irriżulta jew f’rekwiżit mill-awtoritajiet rilevanti għal azzjonijiet speċifiċi li għandhom jitwettqu mill-operaturi ekonomiċi kkonċernati jew f’rekwiżit minn awtorità tas-sorveljanza tas-suq biex ma tirrilaxxax prodott għaċ-ċirkolazzjoni libera skont l-Artikolu 28(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2019/1020:

(i)

id-data ta’ meta d-dikjarazzjoni doganali ġiet aċċettata mill-awtoritajiet doganali;

(ii)

indikatur tat-tip ta’ dikjarazzjoni doganali fil-każ ta’ dikjarazzjoni doganali b’sett tad-data mnaqqas skont l-Artikoli 143a u 144 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 (2);

(iii)

il-pajjiż tal-oriġini (element tad-data 16 08 000 000) jew, jekk mhux disponibbli, il-pajjiż tal-esportatur (subelement tad-data 13 01 018 020);

(iv)

il-kodiċi tas-subintestatura tas-Sistema Armonizzata (subelement tad-data 18 09 056 000);

(v)

fejn disponibbli, il-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda (subelement tad-data 18 09 057 000);

(vi)

l-unitajiet supplimentari (element tad-data 18 02 000 000) jew, jekk mhux disponibbli, il-massa netta (subelement tad-data 18 01 000 000);

(vii)

il-mezz tat-trasport fil-fruntiera (l-element tad-data 19 03 000 000);

(viii)

il-kategorija ewlenija tal-prodotti kkonċernati;

(ix)

il-leġiżlazzjoni ewlenija miksura tal-Unjoni kif stabbilit mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq;

(x)

indikatur dwar jekk il-prodott jistax jiġi rilaxxat għaċ-ċirkolazzjoni libera jekk l-operaturi ekonomiċi kkonċernati jlestu azzjonijiet speċifiċi kif mitlub mill-awtoritajiet relevanti.

2.   Id-data msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi d-data dwar il-kontrolli kollha, filwaqt li teskludi l-kontrolli mwettqa esklussivament mit-tekniki ta’ proċessar elettroniku tad-data.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, fejn dikjarazzjoni doganali tkopri prodotti li jaqgħu taħt żewġ punti jew aktar f’dik id-dikjarazzjoni doganali, l-intervent fuq kull wieħed mill-oġġetti għandu jiġi kkunsidrat bħala intervent separat.

4.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-punt (c), il-punti (iii) sa (vii), ta’ dan l-Artikolu, id-data li għandha tiġi sottomessa għandha tkun l-informazzjoni disponibbli fid-dikjarazzjoni doganali skont l-element tad-data korrispondenti tal-Anness B tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446. Madankollu, fejn l-Istati Membri, f’konformità mal-Artikoli 2, 143a u 144 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 jew kwalunkwe regoli tranżizzjonali oħrajn stabbiliti f’dak ir-Regolament, japplikaw rekwiżiti differenti ta’ data għad-dikjarazzjoni doganali, id-data li għandha tiġi sottomessa għandha tkun l-informazzjoni ekwivalenti disponibbli fid-dikjarazzjoni doganali soġġetta għal dawk ir-rekwiżiti tad-data.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mis-16 ta’ Lulju 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Lulju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 169, 25.6.2019, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 1).