European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/6815

29.11.2024

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-21 ta’ Ottubru 2024

dwar il-politiki ekonomiċi, baġitarji, tal-impjiegi u strutturali tal-Greċja

(C/2024/6815)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li stabbilixxa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (“il-Faċilità”), daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Il-Faċilità tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti, li jinvolvu impuls fiskali ffinanzjat mill-Unjoni. F’konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, il-Faċilità tgħin biex jinkiseb l-irkupru ekonomiku u soċjali u biex jiġu implimentati riformi u investimenti sostenibbli, b’mod partikolari riformi u investimenti biex tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali u biex tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-Unjoni u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) (“ir-Regolament REPowerEU”), li ġie adottat fis-27 ta’ Frar 2023, għandu l-għan li jelimina gradwalment id-dipendenza tal-Unjoni fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi. B’hekk tkun tista’ tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni, filwaqt li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza fl-enerġija. Il-Greċja żiedet kapitolu ġdid tar-REPowerEU mal-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex tiffinanzja riformi u investimenti ewlenin li ser jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU.

(3)

Fis-16 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni intitolata “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030”, sabiex jiġu orjentati d-deċiżjonijiet politiċi u jinħolqu l-kundizzjonijiet qafas għal żieda fit-tkabbir. Il-komunikazzjoni tinkwadra l-kompetittività f’termini ta’ disa’ fatturi ewlenin li jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku. Fost dawk il-fatturi ewlenin, l-aċċess għall-kapital privat, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-ħiliet, u suq uniku funzjonanti jirriżultaw bħala prijoritajiet ta’ politika ta’ importanza kbira għar-riforma u l-investiment biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali tal-produttività kif ukoll biex tinbena l-kompetittività fit-tul tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. Fl-14 ta’ Frar 2024, il-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni intitolata “Ir-Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku u l-Kompetittività għall-2024”. Dik il-komunikazzjoni tagħti dettalji dwar il-punti b’saħħithom u l-isfidi tal-kompetittività tas-suq uniku Ewropew, filwaqt li ssegwi l-iżviluppi annwali skont id-disa’ fatturi ewlenin tal-kompetittività identifikati.

(4)

Fil-21 ta’ Novembru 2023, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2024, li ta bidu għas-Semestru Ewropew 2024 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Fit-22 ta’ Marzu 2024, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2024, li huma ffukati fuq l-erba’ dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva. Fil-21 ta’ Novembru 2023, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija 2024, li fih identifikat lill-Greċja bħala wieħed mill-Istati Membri li jista’ jiġi affettwat, jew li jista’ jkun f’riskju li jiġi affettwat, minn żbilanċi u li għalih tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll opinjoni dwar l-abbozz ta’ pjan baġitarju tal-2024 tal-Greċja. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro u proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2024, li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (5) (“ir-Rakkomandazzjoni tal-2024 dwar iż-żona tal-euro”) fit-12 ta’ April 2024 u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi fil-11 ta’ Marzu 2024.

(5)

Fit-30 ta’ April 2024, daħal fis-seħħ il-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomika tal-Unjoni. Il-qafas jinkludi r-Regolament il-ġdid (UE) 2024/1263 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 (6) emendat dwar it-tħaffif u l-kjarifika tal-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, u d-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE (7) emendata dwar ir-rekwiżiti għall-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri. L-objettivi tal-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomika huma li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli, tkabbir sostenibbli u inklużiv u reżiljenza permezz ta’ riformi u investimenti, u jipprevjeni defiċits eċċessivi tal-gvernijiet. Il-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomika jippromwovi ukoll is-sjieda nazzjonali u l-fokus jinsab aktar fuq it-terminu medju, flimkien ma’ infurzar aktar effettiv u koerenti. Kull Stat Membru għandu jippreżenta lill-Kunsill u lill-Kummissjoni pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju. Pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju fih l-impenji fiskali, ta’ riforma u ta’ investiment ta’ Stat Membru, li jkopru orizzont ta’ ppjanar ta’ erba’ jew ħames snin, skont it-tul regolari tat-terminu leġiżlattiv nazzjonali. Il-perkors tan-nefqa netta (8) fil-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju għandu jkun konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263, inkluż mar-rekwiżiti li d-dejn tal-gvern estiż jitqiegħed jew jinżamm fuq perkors plawżibbli ‘l isfel sat-tmiem tal-perjodu ta’ aġġustament, jew li jibqa’ f’livelli prudenti taħt is-60 % tal-prodott domestiku gross (PDG), u li d-defiċit tal-gvern estiż jinġieb u/jew jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG skont it-Trattat fuq terminu medju. Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta’ riformi u investimenti f’konformità mal-kriterji stipulati fir-Regolament (UE) 2024/1263, il-perjodu ta’ aġġustament jista’ jiġi estiż b’mhux aktar minn tliet snin. Għall-fini ta’ appoġġ għat-tħejjija ta’ dawk il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju, fil-21 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni ppubblikat gwida dwar l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-Istati Membri fil-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tagħhom u fir-rapporti ta’ progress annwali tagħhom. F’konformità mal-Artikoli 5 u 36 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-Kummissjoni bagħtet lill-Istati Membri t-trajettorji referenzjarji u l-informazzjoni teknika, fejn applikabbli. L-Istati Membri għandhom jippreżentaw il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tagħhom sal-20 ta’ Settembru 2024, sakemm l-Istat Membru u l-Kummissjoni ma jaqblux li jestendu l-iskadenza b’perjodu ta’ żmien raġonevoli. F’konformità mal-oqfsa legali nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jiddibattu l-abbozzi tal-pjanijiet tagħhom fuq perjodu medju mal-parlamenti nazzjonali tagħhom, jistgħu jitolbu lill-istituzzjonijiet fiskali indipendenti biex joħorġu opinjoni, u jistgħu jwettqu konsultazzjoni mas-sħab soċjali u ma’ partijiet ikkonċernati nazzjonali oħra.

(6)

Fl-2024, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jevolvi f’konformità mal-implimentazzjoni tal-Faċilità. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa’ essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jgħinu biex jindirizzaw b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f’dawn l-aħħar snin. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019, l-2020, l-2022 u l-2023 jibqgħu ugwalment rilevanti għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza li ġew riveduti, aġġornati jew emendati f’konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.

(7)

Fis-27 ta’ April 2021, il-Greċja ppreżentat il-pjan tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni stipulati fl-Anness V ta’ dak ir-Regolament. Fit-13 ta’ Lulju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Greċja (9), li ġiet emendata fit-8 ta’ Diċembru 2023 skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) 2021/241 biex il-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli tiġi aġġornata, kif ukoll biex jiġi inkluż il-kapitolu REPowerEU (10). Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq l-adozzjoni ta’ deċiżjoni mill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li tiddikjara li l-Greċja tkun laħqet b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stipulati fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. It-twettiq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura.

(8)

Fit-30 ta’ April 2024, il-Greċja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha tal-2024 u l-Programm ta’ Stabbiltà tagħha tal-2024, f’konformità mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (11). F’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2024 jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tal-Greċja dwar il-progress li sar fit-twettiq tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha.

(9)

Fid-19 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2024 għall-Greċja. Dan ivvaluta l-progress tal-Greċja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti adottati mill-Kunsill bejn l-2019 u l-2023 u evalwa l-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Greċja. Abbażi ta’ dik l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta’ dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti. Huwa vvaluta wkoll il-progress tal-Greċja fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-Unjoni dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti.

(10)

Il-Kummissjoni wettqet analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 għall-Greċja. Is-sejbiet ewlenin tal-valutazzjoni mill-persunal tal-Kummissjoni tal-vulnerabbiltajiet makroekonomiċi għall-Greċja għall-finijiet ta’ dak ir-Regolament ġew ippubblikati f’April 2024. Fid-19 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Greċja qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi wara li ġiet identifikata bi żbilanċi eċċessivi fl-2023. B’mod partikolari, il-Greċja qed tiffaċċa vulnerabbiltajiet relatati ma’ dejn għoli tal-gvern u stokk għoli ta’ self improduttiv fil-kuntest ta’ qgħad għoli, li għadhom rilevanti iżda naqsu b’mod sinifikanti u huma mistennija jonqsu aktar. Madankollu, il-pożizzjoni esterna għadha dgħajfa. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern għall-PDG kompla jonqos, u filwaqt li għadu għoli fil-livell ta’ kważi 162 % fl-2023, ir-riskji fuq terminu qasir għas-sostenibbiltà tad-dejn jidhru baxxi. It-tkabbir tal-PDG nominali kien fattur ewlieni tal-proporzjon tad-dejn għall-PDG li qed jonqos b’rata mgħaġġla f’dawn l-aħħar snin, u t-titjib ulterjuri mistenni fil-bilanċi fiskali huwa mistenni li jiżgura li dan ikompli jonqos. Id-defiċit fil-kont kurrenti, li kien kiber b’mod sinifikanti matul is-snin 2020 sa 2022, naqas b’mod sinifikanti fl-2023, iżda għadu għoli f’kuntest ta’ domanda domestika qawwija. Titjib marġinali biss fil-kont kurrenti huwa mistenni din is-sena u s-sena d-dieħla, peress li t-tkabbir robust fl-investiment huwa mbassar li jżomm l-importazzjonijiet għoljin. Il-proporzjon negattiv ħafna tal-pożizzjoni ta’ investiment internazzjonali netta (PIIN) għall-PDG tjieb ukoll is-sena l-oħra bis-saħħa ta’ tkabbir għoli tal-PDG nominali, iżda għadu l-aktar dgħajjef fl-UE. Is-self improduttiv wera tnaqqis qawwi f’dawn l-aħħar snin u kompla jonqos fl-2023, iżda r-riżoluzzjoni tas-self improduttiv barra mis-settur bankarju għadha kajmana, u b’riżultat ta’ dan ikompli jkun ta’ piż fuq l-ekonomija. L-impjiegi żdiedu u l-qgħad kompla jonqos iżda għadu relattivament għoli. Is-snin ta’ azzjoni politika sostnuta u riformi strutturali estensivi ffavorew b’mod ċar tnaqqis tal-vulnerabbiltajiet identifikati. Iż-żamma tal-pożizzjoni fiskali prudenti u li titkompla l-implimentazzjoni f’waqtha tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għadhom kruċjali biex tittejjeb il-kompetittività u jiġi żgurat l-ibbilanċjar mill-ġdid tal-ekonomija, inkluż dwar il-pożizzjoni esterna.

(11)

Skont id-data vvalidata mill-Eurostat, id-defiċit tal-gvern estiż tal-Greċja naqas minn 2,5 % tal-PDG fl-2022 għal 1,6 % fl-2023, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż naqas minn 172,7 % tal-PDG fi tmiem l-2022 għal 161,9 % fi tmiem l-2023.

(12)

Fit-12 ta’ Lulju 2022, il-Kunsill irrakkomanda (12) li l-Greċja tieħu azzjoni biex tiżgura politika fiskali prudenti fl-2023, b’mod partikolari billi tillimita t-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali għal taħt it-tkabbir tal-output potenzjali fuq terminu medju (13), filwaqt li tqis l-appoġġ temporanju u mmirat ulterjuri għall-unitajiet domestiċi u għad-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. Fl-istess ħin, il-Greċja ngħatat rakkomandazzjoni biex taġġusta l-infiq attwali għas-sitwazzjoni li qed tevolvi. Il-Greċja ngħatat ukoll rakkomandazzjoni li għandha tespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija filwaqt li tqis l-inizjattiva REPowerEU, inkluż billi tuża l-Faċilità u fondi oħra tal-Unjoni. Fl-2023, skont l-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali (14) kienet espansjonarja, b’0,5 % tal-PDG, f’kuntest ta’ inflazzjoni għolja. It-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (netta minn miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul) fl-2023 ipprovda kontribuzzjoni restrittiva għall-pożizzjoni fiskali ta’ 0,6 % tal-PDG u kien konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2022. Il-kontribuzzjoni restrittiva tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali kienet dovuta għat-tnaqqis bi 2,7 % tal-PDG fil-kost tal-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza (immirati u mhux immirati) għall-unitajiet domestiċi u d-ditti b’reazzjoni għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija. Il-fatturi ewlenin tat-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (netta minn miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul) kienu t-trasferimenti soċjali, inkluż il-pensjonijiet. In-nefqa ffinanzjata minn għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità u fondi oħra tal-Unjoni ammontat għal 2,5 % tal-PDG fl-2023. L-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali kien jammonta għal 2,6 % tal-PDG fl-2023, li jirrappreżenta żieda ta’ 0,2 punti perċentwali meta mqabbla mal-2022. Il-Greċja ffinanzjat investiment addizzjonali permezz tal-Faċilità u ta’ fondi oħra tal-Unjoni. Hija ffinanzjat l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali u għas-sigurtà tal-enerġija, bħall-appoġġ għall-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli ġodda fil-grilja tal-elettriku, li huwa ffaċilitat permezz tal-aġġornament tal-infrastruttura tat-trażmissjoni u l-għoti ta’ assistenza finanzjarja lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju biex ikunu jistgħu jadottaw soluzzjonijiet diġitali. Dak l-investiment pubbliku huwa ffinanzjat mill-Faċilità u minn fondi oħra tal-Unjoni.

(13)

Fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-2024, ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji jipprojetta li l-PDG reali ser jikber bi 2,5 % fl-2024 u 2,6 % fl-2025, filwaqt li jipprojetta inflazzjoni mkejla mill-indiċi armonizzat tal-prezzijiet għall-konsumatur (HICP) ta’ 2,6 % fl-2024 u 2,0 % fl-2025. Id-defiċit tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos għal 1,2 % tal-PDG fl-2024 u 0,9 % tal-PDG fl-2025, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa mistenni li jonqos għal 152,7 % sa tmiem l-2024 u 146,3 % sa tmiem l-2025. Il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2024 ma jinkludux projezzjonijiet baġitarji lil hinn mill-2025.

(14)

It-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta li l-PDG reali ser jikber bi 2,2 % fl-2024 u 2,3 % fl-2025, u l-inflazzjoni mkejla mill-HICP ser tkun ta’ 2,8 % fl-2024 u 2,1 % fl-2025.

(15)

It-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern estiż ta’ 1,2 % tal-PDG fl-2024, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa mistenni li jonqos għal 153,9 % sa tmiem l-2024. It-tnaqqis tad-defiċit fl-2024 jirrifletti prinċipalment it-tkabbir baxx tal-benefiċċji soċjali meta mqabbel mat-tkabbir fid-dħul. Skont l-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali hija pprojettata li tkun espansjonarja b’0,3 % tal-PDG fl-2024.

(16)

In-nefqa li tammonta għal 1,5 % tal-PDG mistennija li tiġi ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (“għotjiet”) fl-ambitu tal-Faċilità fl-2024, meta mqabbla ma’ 1,0 % tal-PDG fl-2023, skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni. In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità ser tippermetti investiment ta’ kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr impatt dirett fuq il-bilanċ jew id-dejn tal-gvern estiż tal-Greċja. In-nefqa li tammonta għal inqas minn 0,1 % tal-PDG hija mistennija li tiġi appoġġata minn self mill-Faċilità, kemm fl-2023 kif ukoll fl-2024, skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni.

(17)

Fl-14 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill irrakkomanda (15) li l-Greċja tiżgura politika fiskali prudenti, b’mod partikolari billi tillimita ż-żieda nominali fin-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali (16) fl-2024 għal mhux aktar minn 2,6 %. Meta jeżegwixxu l-baġits tagħhom għall-2023 u jħejju l-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji tagħhom għall-2024, l-Istati Membri ġew mistiedna jqisu li l-Kummissjoni ser tipproponi lill-Kunsill il-ftuħ tal-proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit abbażi tad-data tal-eżitu għall-2023. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, in-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali tal-Greċja hija pprojettata li tiżdied b’1,8 % fl-2024 (17), li hija taħt ir-rata massima ta’ tkabbir rakkomandata. Dan huwa konformi ma’ dak li ġie rrakkomandat mill-Kunsill.

(18)

Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda li l-Greċja tieħu azzjoni biex tnaqqas b’mod gradwali l-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija fis-seħħ, u tuża l-iffrankar relatat biex tnaqqas id-defiċit tal-gvern, kemm jista’ jkun malajr fl-2023 u fl-2024. Il-Kunsill irrakkomanda wkoll li, jekk iż-żidiet mill-ġdid fil-prezzijiet tal-enerġija jkunu jeħtieġu li jitkomplew il-miżuri ta’ appoġġ jew li jkun hemm miżuri ġodda ta’ appoġġ, il-Greċja tiżgura li tali miżuri ta’ appoġġ ikunu mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli, ikunu fiskalment affordabbli, u jippreservaw l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, il-kost baġitarju nett (18) tal-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija huwa stmat fil-livell ta’ 0,0 % tal-PDG fl-2023 u pprojettat li jkun fil-livell ta’ 0,1 % fl-2024 u 0,1 % fl-2025. B’mod partikolari, iż-żieda fil-benefiċċji għat-tisħin u r-ritorn ta’ imposta speċjali fuq id-diżil lill-bdiewa huma preżunti li jibqgħu fis-seħħ fl-2024 u l-2025, għalkemm b’impatt żgħir (19). Il-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija ġew eliminati gradwalment fl-2023 u l-2024. Dan huwa konformi ma’ dak li ġie rrakkomandat mill-Kunsill.

(19)

Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda wkoll li l-Greċja tippreserva l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali u tiżgura l-assorbiment effettiv tal-għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità u ta’ fondi oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari biex trawwem it-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali huwa pprojettat li jonqos minn 2,6 % tal-PDG fl-2023 għal 2,4 % tal-PDG fl-2024. Dan huwa minħabba ż-żmien partikolari tal-perjodu ta’ programmazzjoni tal-fondi strutturali tal-UE. B’mod partikolari, ir-rata ta’ kofinanzjament tal-Unjoni tal-investimenti taħt il-programm il-ġdid hija preżunta li hija ogħla minn dik tal-investimenti taħt il-perjodu ta’ programmazzjoni preċedenti. Dan iwassal għal tnaqqis fin-nefqa nazzjonali kofinanzjata fuq l-investimenti. L-aġġustament fiskali fl-2024 mhuwiex primarjament dovut għat-tnaqqis fl-investiment. B’kont meħud ta’ dawk il-fatturi addizzjonali, l-investiment pubbliku fl-2024 huwa vvalutat bħala li jikkonforma ma’ dak li ġie rrakkomandat mill-Kunsill. Min-naħa tagħha, in-nefqa pubblika ffinanzjata mid-dħul mill-fondi tal-Unjoni, inkluż l-għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità, hija mistennija li tiżdied minn 2,5 % tal-PDG fl-2023 għal 3,4 % tal-PDG fl-2024.

(20)

Abbażi tal-miżuri ta’ politika magħrufa fid-data limitu tat-tbassir, u ta’ suppożizzjoni ta’ ebda bidla fil-politika, it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern ta’ 0,8 % tal-PDG fl-2025. It-tnaqqis fid-defiċit fl-2025 jirrifletti prinċipalment it-tnaqqis fin-nefqa fuq l-imgħax u t-tkabbir baxx tal-kont tal-pagi tas-settur pubbliku. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa mistenni li jonqos għal 149,3 % sa tmiem l-2025. It-tnaqqis fil-proporzjon tad-dejn għall-PDG fl-2025 jirrifletti prinċipalment surplus primarju li qed jiżdied u tkabbir tal-PDG nominali, kif ukoll aġġustamenti bejn l-istokk u l-flussi. Politika fiskali prudenti għandha tikkontribwixxi wkoll għat-tisħiħ tal-pożizzjoni esterna.

(21)

Filwaqt li tibni fuq l-aħjar prattiki u r-riformi mwettqa bħala parti mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż riforma ġdida li għandha l-għan li tkompli ssaħħaħ l-isforzi tal-Greċja biex tiġġieled l-evażjoni tat-taxxa, għad hemm lok biex il-qafas tal-politika tat-taxxa jkompli jissaħħaħ biex il-Greċja tkun tista’ tattira aktar investimenti, u b’hekk tnaqqas id-diskrepanza fl-investiment, li għadha sinifikanti. B’mod partikolari, l-introduzzjoni ta’ sistema usa’ ta’ deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem f’konformità mal-aħjar prattiki tal-Unjoni tista’ tagħti lill-kontribwenti interpretazzjoni trasparenti tal-liġi tat-taxxa eżistenti, u b’hekk tagħti aktar ċertezza legali lill-investituri. Barra minn hekk, żieda fl-isforzi biex tiġi estiża l-kapaċità tal-Awtorità Indipendenti għall-Introjtu Pubbliku tista’ tgħin biex tkompli tiżdied il-konformità mar-regoli tat-taxxa.

(22)

Il-Greċja kompliet tieħu passi biex timmodernizza l-amministrazzjoni pubblika tagħha, iżda għad hemm lok biex tkompli żżid l-effiċjenza tagħha. Wara aġġustament sinifikanti wara l-2010, id-daqs u l-kost tal-amministrazzjoni pubblika tagħha ġew allinjati b’mod ġenerali mal-medja tal-Unjoni. Fl-2023, il-kont tal-pagi tas-settur pubbliku tal-Greċja baqa’ stabbli fil-livell ta’ 10,8 % tal-PDG, kemxejn ogħla mill-medja tal-Unjoni (10,2 % tal-PDG). L-aġġustament tal-benefiċċji, inkluż għal pożizzjonijiet ta’ responsabbiltà maniġerjali, li daħal fis-seħħ fil-bidu tal-2024 kien konsistenti mal-grilja tal-pagi unifikata, peress li ġew applikati fl-amministrazzjoni pubblika kollha. Biex dawk il-kisbiet jiġu ssalvagwardjati fil-futur, huwa kruċjali li: tiġi żgurata t-tkomplija tal-applikazzjoni tal-grilja tal-pagi unifikata, filwaqt li jinżammu l-livelli attwali tal-persunal billi tkompli tiġi applikata r-regola ta’ reklutaġġ “one-in-one-out” għall-persunal permanenti; u jinżamm il-limitu massimu għall-persunal temporanju li ġie introdott fl-2022. Il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza fih miżuri biex tittejjeb l-effettività tal-amministrazzjoni pubblika, inkluż l-istabbiliment ta’ qafas ta’ governanza f’diversi livelli li ġie adottat fl-2023. Biex jimmaterjalizza t-titjib mistenni fil-koordinazzjoni bejn il-livelli ċentrali, reġjonali u lokali, dak il-qafas, inkluż l-istrutturi ta’ governanza u s-sistema ta’ informazzjoni previsti, huwa mistenni li jsir kompletament operazzjonali matul l-2024.

(23)

F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/241 u l-kriterju 2.2 tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawk ir-riformi u l-investimenti huma mistennijin jgħinu biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. F’dan il-perjodu ta’ żmien strett, it-tkomplija rapida tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul tal-Greċja permezz tat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali. Biex twettaq l-impenji tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza sa Awwissu 2026, huwa essenzjali li l-Greċja tkompli timplimenta r-riformi u taċċellera l-investimenti billi tindirizza l-isfidi rilevanti filwaqt li tiżgura kapaċità amministrattiva b’saħħitha. L-awtoritajiet Griegi adottaw miżuri biex itejbu l-implimentazzjoni u jagħtu spinta lill-kapaċità amministrattiva, filwaqt li l-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza fih aktar miżuri speċifiċi li huma mistennija jgħinu biex jintlaħaq dak l-objettiv. Sfidi speċifiċi għall-Greċja jinkludu: (i) proċessi twal ta’ litigazzjoni biex jiġu indirizzati pretensjonijiet legali kontra proċeduri ta’ akkwist pubbliku li jirriskjaw dewmien fid-data ppjanata għat-tlestija tal-investimenti lil hinn minn Awwissu 2026; (ii) it-trasferiment bil-mod tad-drittijiet tal-proprjetà; u (iii) koordinazzjoni dgħajfa, li hija partikolarment evidenti fir-rigward tal-investiment u r-riformi li jkopru oqsma ta’ politika li jmorru lil hinn mill-mandat ta’ ministeru wieħed. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa’ essenzjali sabiex tiġi żgurata responsabbiltà wiesgħa għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.

(24)

Bħala parti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20), il-Greċja hija meħtieġa li tagħmel rieżami ta’ kull programm appoġġat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), mill-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), mill-Fond ta’ Koeżjoni u mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF) sa Marzu 2025, billi tqis, fost affarijiet oħra, l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2024, kif ukoll il-pjan nazzjonali tagħha dwar l-enerġija u l-klima. Dak ir-rieżami jifforma l-bażi għall-allokazzjoni definittiva tal-finanzjament tal-Unjoni inkluża f’kull programm. Il-Greċja għamlet progress fl-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, iżda għad fadal sfidi. B’mod partikolari, il-Greċja qed tkompli tirreġistra tkabbir bil-mod f’reġjuni aktar periferiċi u disparitajiet sinifikanti bejn iż-żoni urbani u dawk mhux urbani. L-aċċellerazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni flimkien mat-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva fil-livell nazzjonali u reġjonali hija kruċjali. Il-prijoritajiet miftiehma fil-programm jibqgħu rilevanti. B’mod partikolari, azzjonijiet li jtejbu l-kapaċità tal-kumpaniji li jinnovaw u jiffukaw fuq appoġġ immirat għan-negozju huma t-tnejn essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività. Bħala parti mit-tranżizzjoni ekoloġika, l-investiment fil-ġestjoni tal-iskart huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-miri tar-riċiklaġġ u jitnaqqas ir-rimi fil-landfills. Huwa essenzjali li l-ġestjoni tal-ilma tittejjeb b’mod komprensiv, li jinkludi l-ġestjoni tal-ilma u tal-ilma mormi, l-irkupru tal-enerġija, id-diġitalizzazzjoni, l-użu mill-ġdid tal-ilma, l-ilma tax-xita u d-desalinizzazzjoni sostenibbli bbażata fuq sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. It-tranżizzjoni tal-enerġija tirrikjedi sehem akbar ta’ enerġija rinnovabbli, soluzzjonijiet ta’ ħżin u żieda fl-effiċjenza enerġetika, kif ukoll l-indirizzar tal-faqar enerġetiku. Iż-żieda fis-sehem tat-trasport urban nadif hija kruċjali wkoll biex tinkiseb in-newtralità karbonika. Il-programmi tal-politika ta’ koeżjoni għandhom ikomplu jinvestu fil-ħiliet, abbażi ta’ strateġija komprensiva, biex jimplimentaw il-Garanzija għat-Tfal, jippromwovu servizzi tal-kura fit-tul u akkomodazzjoni soċjali ta’ kwalità u affordabbli, u jtejbu l-attivazzjoni tas-suq tax-xogħol u l-integrazzjoni soċjali ta’ komunitajiet emarġinati, bħar-Rom u l-persuni bi sfond ta’ migrazzjoni. Fil-kuntest tar-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, il-prevenzjoni tar-riskji relatati mat-tibdil fil-klima u t-tħejjija għalihom jistħoqqilhom aktar attenzjoni. Il-Greċja tista’ tuża wkoll il-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa, stabbilita bir-Regolament (UE) 2024/795 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21), biex tappoġġa t-trasformazzjoni industrijali tagħha, b’mod partikolari l-produzzjoni u l-ħżin tal-enerġija nadifa, it-tbaħħir ekoloġiku u l-bijoteknoloġija, u l-iżvilupp ta’ ħiliet ekoloġiċi u diġitali.

(25)

Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni, il-Greċja qed tiffaċċa diversi sfidi addizzjonali relatati mat-tkabbir ekonomiku, il-qafas regolatorju u t-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol li, jekk jiġu indirizzati, jistgħu jagħtu spinta lill-kompetittività tal-pajjiż. Għalkemm qed tiżdied, ir-rata tal-impjiegi hija fost l-aktar baxxi fl-Unjoni u l-aċċess għas-suq tax-xogħol għadu ta’ sfida speċjalment għan-nisa u ż-żgħażagħ. Rigward l-edukazzjoni, il-Greċja ħadet passi matul dawn l-aħħar snin biex tirrevedi l-kurrikuli, inkluż fil-kuntest tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, u tintegra fihom xi korsijiet dwar il-ħiliet personali u diġitali. Madankollu, il-prestazzjoni fil-ħiliet bażiċi għadha partikolarment baxxa, u ddgħajjef l-eżiti tas-suq tax-xogħol, il-produttività u l-kompetittività. Dan jidher mill-prestazzjoni tal-istudenti ta’ 15-il sena fil-matematika, il-qari u x-xjenza, li ilha tiddeterjora drastikament mill-2012 u hija fost l-aktar baxxi fl-Unjoni, skont l-aħħar Programm tal-OECD għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti. Is-sehem għoli u dejjem akbar ta’ studenti bi prestazzjoni baxxa, inkluż fost dawk li jiġu minn sfondi aktar vantaġġati, u s-sehem baxx ta’ studenti bl-aqwa prestazzjoni jindikaw sfidi strutturali rigward il-kwalità u l-ekwità tas-sistema edukattiva. Il-Greċja tinsab ukoll fl-aħħar post fost l-Istati Membri fir-rigward ta’ parteċipazzjoni fl-edukazzjoni bikrija tat-tfal, skont id-data tal-Eurostat tal-2019 għat-tfal ta’ 3 snin u aktar, u fost il-firxa medja ta’ Stati Membri, b’rata ta’ parteċipazzjoni ta’ 29,6 %, fir-rigward ta’ indukrar formali tat-tfal taħt it-3 snin (abbażi tad-data tal-2023). Instab li dan jaffettwa b’mod pożittiv l-eżiti sussegwenti tal-edukazzjoni. L-isfidi li jdgħajfu l-eżiti tal-edukazzjoni tal-Greċja jistgħu jkunu marbuta ma’: (i) in-nuqqas ta’ finanzjament tas-sistema edukattiva; (ii) enfasi insuffiċjenti fuq metodi ta’ tagħlim ibbażati fuq il-kompetenza b’enfasi qawwija fuq il-ħiliet intraprenditorjali, personali u trażversali; (iii) livelli baxxi ta’ awtonomija skolastika; u (iv) progress limitat fl-evalwazzjoni sistematika tal-għalliema.

(26)

It-titjib tas-servizzi għall-pubbliku u ż-żieda fis-sostenibbiltà ekonomika, fiskali u klimatika għadhom prijoritajiet importanti. F’dan il-kuntest, hemm lok biex tkompli tittejjeb il-ġestjoni tal-assi tal-Istat, inkluż permezz tal-modernizzazzjoni tal-intrapriżi tal-Istat (SOEs) u l-iżvilupp ta’ proprjetà immobbli pubblika. F’ċerti SOEs, xi riformi ġew implimentati b’suċċess, u dan għen biex jiżdiedu l-flessibbiltà operazzjonali u l-awtonomija kummerċjali, jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ ġestjoni interna tagħhom u jittejbu l-politiki u l-proċessi tal-akkwist, tar-remunerazzjoni u tar-reklutaġġ tagħhom. Ir-replikazzjoni ta’ tali prattiki tkun ta’ benefiċċju għal SOEs oħra biex iwasslu valur miżjud kemm għas-soċjetà kif ukoll għall-ekonomija. Il-Hellenic Corporation of Assets and Participations u s-sussidjarji tagħha għandhom rwol ċentrali fil-ġestjoni ta’ dawn l-assi tal-Istat. Hemm riflessjonijiet dwar kif jistgħu jittejbu aktar l-effiċjenza u l-effettività ta’ dik il-korporazzjoni, pereżempju billi tiżdied il-kapaċità organizzattiva u funzjonali tagħha, u billi jissaħħu l-awtonomija operazzjonali u l-għarfien espert intern tagħha dwar l-investiment.

(27)

Il-liċenzjar ambjentali bil-mod minħabba, fost affarijiet oħra, lakuni regolatorji, ikompli jimpedixxi l-investiment fil-livell ċentrali u reġjonali. Il-liċenzjar ambjentali huwa parti integrali mill-proċess ġenerali ta’ liċenzjar għal kwalunkwe tip ta’ investiment u l-proċess għall-kisba ta’ permess ambjentali huwa kumpless u twil. B’mod partikolari, għad ma hemm l-ebda klassifikazzjoni ambjentali għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jew kundizzjonijiet li jiddeterminaw taħt liema ċirkostanzi l-attivitajiet industrijali b’impatt ambjentali limitat jistgħu jiġu liċenzjati. Jeħtieġ li jiġu stipulati wkoll il-kriterji għall-każijiet li jeħtieġu proċess simplifikat għall-għoti ta’ permessi minħabba bidliet mhux sostanzjali. In-nuqqas ta’ atti regolatorji biex jgħinu biex jissolvew dawk il-kwistjonijiet jipprevjeni li t-titjib leġiżlattiv, introdott qabel biex il-liċenzjar ambjentali jiġi bbażat fuq kriterji aktar razzjonali u bbażati fuq ir-riskju, ikollu xi impatt. L-adozzjoni ta’ dawk l-atti regolatorji pendenti tista’ tagħmel impatt materjali fuq iż-żmien u l-kwalità tal-valutazzjonijiet ambjentali kemm għal permessi ġodda kif ukoll għal permessi emendati/imġedda għall-investimenti kkonċernati. Barra minn hekk, minkejja t-tlestija tal-qafas regolatorju biex jintużaw assessuri ambjentali mis-settur privat, ir-reġistru rilevanti għadu mhux sfruttat u s-sistema għadha ma ġietx stabbilita. It-tlestija tal-qafas regolatorju bl-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni sekondarja nieqsa u l-operazzjonalizzazzjoni tas-sistema ta’ assessuri ambjentali privati ċċertifikati tgħin biex jissaħħaħ l-ambjent tan-negozju tal-Greċja, peress li dawn huma mistennija jnaqqsu l-ostakli fil-proċess ta’ liċenzjar ambjentali u jagħtu spinta lill-fiduċja tal-investituri. L-azzjonijiet ta’ politika msemmija hawn fuq huma mistennija li jiffaċilitaw l-investimenti intenzjonati li jżidu l-produttività u jwessgħu l-bażi tal-esportazzjoni, u b’hekk inaqqsu d-dipendenza fuq l-importazzjoni, itejbu l-prospettiva tat-tkabbir u jappoġġaw l-ibbilanċjar mill-ġdid estern kif ukoll it-tneħħija tal-iżbilanċi tal-istokkijiet.

(28)

Minkejja l-isforzi li saru, b’mod partikolari permezz tal-espansjoni tas-sehem tas-sorsi rinnovabbli fil-produzzjoni ġenerali tal-elettriku tagħha, il-Greċja għadha dipendenti ħafna fuq il-fjuwils fossili, biż-żejt u l-gass jirrappreżentaw 55 % u 20 %, rispettivament, tat-taħlita tal-enerġija tagħha fl-2022. Filwaqt li l-kapitolu REPowerEU miżjud mal-pjan rivedut għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Greċja fih diversi riformi u investimenti li huma mistennija jaċċelleraw l-isforzi ta’ dekarbonizzazzjoni tal-Greċja, għadhom meħtieġa aktar azzjonijiet biex titnaqqas id-dipendenza tal-Greċja fuq il-fjuwils fossili. Il-Greċja għandha waħda mill-eqdem flotot tal-vetturi tal-Unjoni u l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fit-trasport għadu baxx ħafna. B’riżultat ta’ dan, is-settur tat-trasport tal-Greċja għadu wieħed mill-akbar emittenti tad-diossidu tal-karbonju. Biex titħaffef l-elettrifikazzjoni tas-settur tat-trasport, jista’ jingħata l-eżempju b’politika aktar ambizzjuża. Dan jista’ jinkludi l-espansjoni tal-kategoriji ta’ vetturi meħtieġa skont il-Liġi nazzjonali dwar il-Klima biex issir bidla minn magni tal-kombustjoni għal muturi elettriċi u l-infurzar tal-irtirar ta’ vetturi li jniġġsu ħafna.

(29)

Iż-żieda fil-frekwenza u s-severità tad-diżastri naturali li jaffettwaw lill-Greċja poġġew pressjoni kbira fuq is-sistema tal-protezzjoni ċivili. Fl-2023, il-Greċja sfat vittma ta’ nirien severi fil-foresti u għargħar, li kkawżaw fatalitajiet tal-bnedmin, ħsara katastrofika lill-ambjent naturali u ħsara estensiva lill-proprjetà u l-infrastruttura. L-investimenti fil-protezzjoni ċivili skont il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u l-fondi tal-politika ta’ koeżjoni huma mistennija li jagħtu spinta lill-kapaċitajiet ta’ rispons għad-diżastri. Madankollu, hemm lok għal aktar tisħiħ tal-isforzi ta’ prevenzjoni. Ir-riformi u l-investimenti biex jittejbu l-effettività u l-effiċjenza ta’ twissija bikrija, infrastruttura ta’ reżistenza klimatika u miżuri oħra ta’ prevenzjoni tar-riskju jistgħu jikkomplementaw il-miżuri ta’ tħejjija u jgħinu biex titnaqqas il-ħsara kkawżata minn diżastri naturali futuri. Barra minn hekk, l-ambitu tal-investimenti jista’ jiffoka fuq azzjonijiet li jibnu r-reżiljenza billi jindirizzaw il-prevenzjoni u t-tħejjija kif ukoll permezz tal-użu ta’ approċċi bbażati fuq l-ekosistema.

(30)

Fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-kontribuzzjoni kollettiva tagħhom għall-funzjonament tal-unjoni ekonomika u monetarja, fl-2024 il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-2024 dwar iż-żona tal-euro. Fil-każ tal-Greċja, ir-rakkomandazzjonijiet (1), (2) u (3) jgħinu fl-implimentazzjoni tal-ewwel, it-tieni, it-tielet, ir-raba’ u l-ħames rakkomandazzjoni stipulati fir-Rakkomandazzjoni tal-2024 dwar iż-żona tal-euro.

(31)

Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u l-konklużjonijiet dwar l-eżistenza ta’ żbilanċi, ir-rakkomandazzjonijiet skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1), (2) u (3). Il-politiki msemmija fir-rakkomandazzjoni (1) jgħinu biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet marbuta mad-dejn tal-gvern, il-pożizzjoni esterna u s-self improduttiv. Il-politiki msemmija fir-rakkomandazzjonijiet (2) u (3) jappoġġaw it-tkabbir potenzjali tal-PDG, u b’riżultat ta’ dan jikkontribwixxu wkoll biex tiġi indirizzata r-rakkomandazzjoni (1). Ir-rakkomandazzjonijiet (1), (2) u (3) jikkontribwixxu kemm għall-indirizzar tal-iżbilanċi kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet stipulati fir-Rakkomandazzjoni tal-2024 dwar iż-żona tal-euro, f’konformità mal-premessa 30,

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Greċja tieħu azzjoni fl-2024 u fl-2025 biex:

1.

Tippreżenta l-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju f’waqtu. F’konformità mar-rekwiżiti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir riformat, tillimita t-tkabbir fin-nefqa netta (22) fl-2025 għal rata konsistenti, fost oħrajn, mat-tqegħid tad-dejn tal-gvern estiż fuq trajettorja ta’ tnaqqis plawżibbli fuq terminu medju u ż-żamma tad-defiċit tal-gvern estiż taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG skont it-Trattat. Tkompli ttejjeb il-faċilità tal-investiment tas-sistema tat-tassazzjoni billi ssaħħaħ iċ-ċertezza legali tagħha u tkompli żżid l-awtonomija operazzjonali tal-awtorità tat-taxxa. Tissalvagwardja l-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika filwaqt li tiżgura li tkun tista’ tattira l-ħiliet it-tajba, tippreserva l-konsistenza mal-grilja tal-pagi unifikata, u tħaddem il-qafas ta’ governanza f’diversi livelli. Tiżgura li l-bilanċi esterni jkomplu fit-triq li qed titjieb b’mod kostanti billi tippromwovi tkabbir bilanċjat u tappoġġa l-investiment domestiku produttiv. Issegwi t-tnaqqis kontinwu tal-istokk ta’ self improduttiv miżmum mill-banek u s-servizzjanti tal-kreditu, inkluż billi ttejjeb aktar il-proċessi tal-irkant elettroniku biex jitnaqqas il-proporzjon ta’ rkantijiet li ma jirnexxux.

2.

Issaħħaħ il-kapaċità amministrattiva għall-ġestjoni tal-fondi tal-Unjoni, taċċellera l-investimenti u żżomm il-momentum fl-implimentazzjoni tar-riformi. Tindirizza l-isfidi rilevanti biex tippermetti l-implimentazzjoni kontinwa, rapida u effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż tal-kapitolu REPowerEU, filwaqt li tiżgura t-tlestija tar-riformi u l-investimenti sa Awwissu 2026. Taċċellera l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni. Fil-kuntest tar-rieżami ta’ nofs it-terminu ta’ dawk il-programmi, tkompli tiffoka fuq il-prijoritajiet maqbula, tieħu azzjoni biex tindirizza aħjar il-ħtiġijiet fir-rigward tal-prevenzjoni tar-riskji relatati mat-tibdil fil-klima u t-tħejjija għalihom, filwaqt li tikkunsidra l-opportunitajiet ipprovduti mill-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa biex tittejjeb il-kompetittività.

3.

Tagħti spinta lill-kompetittività billi tindirizza n-nuqqas ta’ kisbiet fil-ħiliet bażiċi, issaħħaħ il-ġestjoni tal-assi tal-Istat u tlesti l-qafas regolatorju għal-liċenzjar ambjentali.

4.

Tnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili billi taċċellera d-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport. Issaħħaħ il-ġestjoni tad-diżastri naturali billi tiġi stabbilita sistema effettiva ta’ twissija bikrija u ta’ prevenzjoni tar-riskju.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-21 ta’ Ottubru 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

NAGY I.


(1)   ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj.

(2)   ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1176/oj.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 63, 28.2.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/435/oj).

(5)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ April 2024 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (ĠU C, C/2024/2807, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2807/oj).

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1997/1467/oj).

(7)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta’ Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 41, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/85/oj).

(8)  Nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (2) tar-Regolament (UE) 2024/1263: “nefqa netta” tfisser in-nefqa tal-gvern netta minn (i) in-nefqa fuq l-imgħax, (ii) il-miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul, (iii) in-nefqa fuq programmi tal-Unjoni ffinanzjati bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni, (iv) in-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta’ programmi ffinanzjati mill-Unjoni, (v) l-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad, u (vi) miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħra.

(9)  ST 10152/21 INIT; ST 10152/21 ADD 1.

(10)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Diċembru 2023 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tat-13 ta’ Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Greċja (ST 15831/23 INIT; ST 15831/23 ADD 1).

(11)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1997/1466/oj).

(12)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2022 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Greċja tal-2022 u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Greċja tal-2022 (ĠU C 334, 1.9.2022, p. 60).

(13)  Abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, it-tkabbir tal-output potenzjali fuq terminu medju tal-Greċja fl-2023 huwa stmat fil-livell ta’ 4,5 % f’termini nominali, abbażi tar-rata ta’ tkabbir potenzjali reali medja ta’ 10 snin u d-deflatur tal-PDG tal-2023.

(14)  Il-pożizzjoni fiskali hija definita bħala kejl tal-bidla annwali fil-pożizzjoni baġitarja sottostanti tal-gvern estiż. Hija għandha l-għan li tivvaluta l-impuls ekonomiku li jirriżulta mill-politiki fiskali, kemm dawk li huma ffinanzjati fil-livell nazzjonali kif ukoll dawk li huma ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni. Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala d-differenza bejn (i) it-tkabbir potenzjali fuq terminu medju u (ii) il-bidla fin-nefqa primarja netta minn miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul (u bl-esklużjoni tal-miżuri ta’ emerġenza temporanji relatati mal-kriżi tal-COVID-19) u bl-inklużjoni tan-nefqa ffinanzjata minn appoġġ (għotjiet) mhux ripagabbli fl-ambitu tal-Faċilità u fondi oħra tal-Unjoni.

(15)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Lulju 2023 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2023 tal-Greċja u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2023 tal-Greċja (ĠU C 312, 1.9.2023, p. 67).

(16)  In-nefqa primarja netta hija definita bħala nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali netta minn (i) miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul, (ii) nefqa fuq l-imgħax, (iii) nefqa ċiklika fuq il-qgħad, u (iv) miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħra.

(17)  Dan iqis 0,1 % tal-miżuri ta’ darba tal-PDG fl-2024, relatati man-nefqiet fuq il-mitigazzjoni tal-impatt tad-diżastri naturali (kif ukoll 0,2 % tal-PDG fl-2023, relatati wkoll man-nefqiet wara d-diżastri naturali). Fl-14 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill irrefera wkoll għall-għargħar devastanti li laqat lill-Italja f’Mejju 2023 u qabel li l-kost tal-appoġġ dirett ta’ emerġenza relatat ma’ dak l-għargħar jitqies f’valutazzjonijiet sussegwenti tal-konformità u, fil-prinċipju, jitqies bħala miżuri temporanji u ta’ darba. Ġie segwit approċċ simili fir-rigward tal-għargħar fil-Greċja.

(18)  Iċ-ċifra tirrappreżenta l-livell tal-kost baġitarju annwali ta’ dawk il-miżuri, inkluż id-dħul u n-nefqa u, meta jkun applikabbli, nett mid-dħul mit-taxxi fuq il-profitti mhux mistennija tal-fornituri tal-enerġija.

(19)  Il-miżuri li, skont il-Greċja, jibqgħu fis-seħħ sa tmiem l-2024 huma, fil-prinċipju, meqjusa fit-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni bħala li għandhom impatt baġitarju fl-2025 ukoll.

(20)  Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159, http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1060/oj).

(21)  Ir-Regolament (UE) 2024/795 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Frar 2024 li jistabbilixxi l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (“STEP”), u li jemenda d-Direttiva 2003/87/KE u r-Regolamenti (UE) 2021/1058, (UE) 2021/1056, (UE) 2021/1057, (UE) 1303/2013, (UE) 223/2014, (UE) 2021/1060, (UE) 2021/523, (UE) 2021/695, (UE) 2021/697 u (UE) 2021/241 (ĠU L, 2024/795, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/795/oj).

(22)  Skont l-Artikolu 2, il-punt (2) tar-Regolament (UE) 2024/1263, “nefqa netta” tfisser in-nefqa tal-gvern, netta min-nefqa fuq l-imgħax, mill-miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul, min-nefqa fuq programmi tal-Unjoni ffinanzjati bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni, min-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta’ programmi ffinanzjati mill-Unjoni, mill-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad, u minn miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħra.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6815/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)