European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1980

16.7.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2024/1980

tal-15 ta’ Lulju 2024

dwar miżura ta' assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex jiġu appoġġati l-Forzi Armati tal-Benin b'tagħmir militari mfassal biex iwassal forza letali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 28(1) u l-Artikolu 41(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 (1) tistabbilixxi l-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) għall-finanzjament mill-Istati Membri tal-azzjonijiet tal-Unjoni taħt il-politika estera u ta' sigurtà komuni biex tinżamm il-paċi, jiġu pprevenuti l-konflitti u tissaħħaħ is-sigurtà internazzjonali skont l-Artikolu 21(2), il-punt (c), tat-Trattat. B'mod partikolari, skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, l-EPF għandha tintuża biex tiffinanzja miżuri ta' assistenza bħal azzjonijiet biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta' Stati terzi u organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali b'rabta ma' kwistjonijiet militari u ta' difiża.

(2)

Ir-reġjuni tat-Tramuntana tal-pajjiżi kostali tal-Golf tal-Guinea, jiġifieri l-Ghana, il-Kosta tal-Avorju, il-Benin u t-Togo qed jesperjenzaw kundizzjonijiet ta' sigurtà li qed jiddeterjoraw b'rabta mal-kriżi li qed taffettwa s-Saħel ċentrali.

(3)

Fid-dawl tal-ambjent tas-sigurtà li qed jiddeterjora fir-reġjun usa’, it-tisħiħ tal-forzi tad-difiża u tas-sigurtà tal-Benin huwa importanti sabiex ikunu jistgħu jsiru u jiġu appoġġati l-isforzi ta’ stabbilizzazzjoni f’dak il-pajjiż. F'dak il-kuntest, u b'għarfien sħiħ tal-ħtieġa ta’ rispons integrat għal dak l-ambjent ta’ sigurtà, hija prijorità ewlenija għall-Unjoni li tiżgura paċi u sigurtà fit-tul fil-Benin.

(4)

Fil-5 ta' Jannar 2024, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà rċieva talba mill-Benin biex l-Unjoni tassisti lill-Forzi Armati Beniniżi b'munizzjon ta' taħriġ u armi żgħar għall-użu operazzjonali, biex issaħħaħ it-taħriġ ta' qabel l-iskjerament u l-kapaċitajiet operazzjonali tal-unitajiet militari skjerati fit-Tramuntana tal-Benin fl-Operazzjoni Mirador, sabiex tappoġġa l-isforzi tagħhom biex irażżnu l-espansjoni tat-theddida ppreżentata minn gruppi armati mhux statali mill-Burkina Faso u n-Niġer, u biex jiġġieldu u jnaqqsu l-opportunitajiet għal dawk il-gruppi li jwettqu attakki terroristiċi.

(5)

Miżuri ta' assistenza għandhom jiġu implimentati b'kont meħud tal-prinċipji u r-rekwiżiti stipulati fid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, b'mod partikolari f'konformità mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK (2), u f'konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjati taħt l-EPF.

(6)

Il-Kunsill jafferma mill-ġdid id-determinazzjoni tiegħu li jipproteġi, jippromwovi u jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-prinċipji demokratiċi u li jsaħħaħ l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, f'konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u mal-liġi internazzjonali, b'mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Stabbiliment, objettivi, kamp ta' applikazzjoni u durata

1.   Hija b'dan stabbilita miżura ta' assistenza (il-“miżura ta' assistenza”) għall-benefiċċju tal-Benin (il-“benefiċjarju”), li għandha tiġi ffinanzjata taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF).

2.   L-objettivi tal-miżura ta' assistenza huma dawn li ġejjin:

(a)

li jissaħħu l-kapaċitajiet tal-Forzi Armati tal-Benin biex jipproteġu l-integrità territorjali u s-sovranità tal-Benin u l-popolazzjoni ċivili tiegħu kontra aggressjoni interna u esterna;

(b)

biex jikkontribwixxu għall-paċi u l-istabbiltà fir-reġjun.

3.   Sabiex jintlaħqu l-objettivi stipulati fil-paragrafu 2, il-miżura ta' assistenza għandha tiffinanzja t-tipi ta' tagħmir li ġejjin imfassla biex iwasslu forza letali:

(a)

munizzjon għall-unitajiet tal-Forzi Armati Beniniżi li jinsabu fit-tramuntana tal-Benin għall-fini speċifiku ta' taħriġ ta' qabel l-iskjerament;

(b)

armi żgħar għall-unitajiet tal-Forzi Armati Beniniżi skjerati fit-tramuntana tal-Benin fl-Operazzjoni Mirador għal finijiet operazzjonali.

4.   Id-durata tal-miżura ta' assistenza għandha tkun ta' 24 xahar mill-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Arranġamenti finanzjarji

1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub sabiex ikopri n-nefqa relatata mal-miżura ta' assistenza għandu jkun ta' EUR 5 000 000.

2.   In-nefqa kollha għandha tiġi ġestita f'konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 u f'konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjati taħt l-EPF.

Artikolu 3

Arranġamenti mal-benefiċjarju

1.   Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) għandu jagħmel l-arranġamenti neċessarji mal-benefiċjarju biex jiżgura li dan ikun f'konformità mar-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet stabbiliti b'din id-Deċiżjoni bħala kundizzjoni għall-għoti ta' appoġġ taħt il-miżura ta' assistenza.

2.   L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-benefiċjarju jiżgura:

(a)

konformità tal-unitajiet tal-Forzi Armati Beniniżi appoġġati taħt il-miżura ta' assistenza mad-dritt internazzjonali rilevanti, b'mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali;

(b)

użu xieraq u effiċjenti tal-assi kollha pprovduti taħt il-miżura ta' assistenza għall-finijiet li għalihom ikunu ġew ipprovduti;

(c)

manutenzjoni suffiċjenti tal-assi kollha pprovduti taħt il-miżura ta' assistenza biex jiġi żgurat l-użu u d-disponibbiltà operazzjonali tagħhom matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom;

(d)

li l-assi kollha pprovduti taħt il-miżura ta' assistenza ma jintilfux, jew jiġu ttrasferiti mingħajr l-approvazzjoni tal-Kumitat tal-Faċilità stabbilit bid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 lil persuni jew entitajiet oħra għajr dawk identifikati f'dawk l-arranġamenti, fi tmiem iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom.

3.   L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar is-sospensjoni u t-terminazzjoni tal-appoġġ taħt il-miżura ta' assistenza f'każ li l-benefiċjarju jinstab li jkun kiser l-obbligi stipulati fil-paragrafu 2.

Artikolu 4

Implimentazzjoni

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun responsabbli li jiżgura l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni f'konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 u f'konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa taħt l-EPF, u l-Qafas Metodoloġiku Integrat għall-valutazzjoni u l-identifikazzjoni tal-miżuri u l-kontrolli meħtieġa għall-miżuri ta' assistenza taħt l-EPF.

2.   L-implimentazzjoni tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(3) għandha titwettaq minn Défense Conseil International — DCI Group.

Artikolu 5

Monitoraġġ, kontroll u evalwazzjoni

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jimmonitorja l-konformità mill-benefiċjarju tal-obbligi stipulati fl-Artikolu 3. Dak il-monitoraġġ għandu jintuża biex jipprovdi għarfien tal-kuntest u r-riskji ta' ksur tal-obbligi stipulati fl-Artikolu 3, u biex jikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta' tali ksur, inkluż ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali mill-unitajiet tal-Forzi Armati Beniniżi appoġġati taħt il-miżura ta' assistenza.

2.   Il-kontroll ta' wara t-trasportazzjoni tat-tagħmir u tal-provvisti għandu jiġi organizzat kif ġej:

(a)

il-verifika tal-konsenja, fejn iċ-ċertifikati tal-konsenja tal-EPF għandhom jiġu ffirmati mill-forzi tal-utent finali mat-trasferiment tas-sjieda;

(b)

ir-rappurtar, fejn il-benefiċjarju għandu jirrapporta b'mod annwali dwar l-attivitajiet imwettqa bit-tagħmir ipprovdut taħt il-miżura ta' assistenza u dwar l-inventarju ta' oġġetti deżinjati, sakemm it-tali rappurtar ma jibqax jitqies meħtieġ mill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS);

(c)

żjarat fuq il-post, fejn, fuq talba, dan il-benefiċjarju għandu jagħti aċċess lir-Rappreżentant Għoli u lill-awdituri tal-EPF biex iwettqu verifiki fuq il-post u awditi tal-EPF.

3.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jwettaq evalwazzjoni finali mat-tlestija tal-miżura ta' assistenza biex jivvaluta jekk il-miżura ta' assistenza kkontribwietx biex jintlaħaq l-objettiv stipulat fl-Artikolu 1(2).

Artikolu 6

Rappurtar

Matul il-perjodu ta' implimentazzjoni, ir-Rappreżentant Għoli għandu jipprovdi lill-KPS rapporti ta' kull sitt xhur dwar l-implimentazzjoni tal-miżura ta' assistenza, f'konformità mal-Artikolu 63 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509. L-amministratur għall-miżuri ta' assistenza għandu jinforma regolarment lill-Kumitat tal-Faċilità stabbilit bid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 dwar l-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa f'konformità mal-Artikolu 38 ta' dik id-Deċiżjoni, inkluż billi jipprovdi informazzjoni dwar il-fornituri u s-sottokuntratturi involuti.

Artikolu 7

Sospensjoni u terminazzjoni

1.   Il-KPS jista' jiddeċiedi li jissospendi kompletament jew parzjalment l-implimentazzjoni tal-miżura ta' assistenza skont l-Artikolu 64 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.

2.   Il-KPS jista' jirrakkomanda li l-Kunsill jittermina l-miżura ta' assistenza.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Lulju 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

NAGY I.


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta' Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14).

(2)  Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1980/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)