|
1.9.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 284/7 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1240
tal-21 ta’ Awwissu 2020
li tawtorizza lill-Bulgarija tapplika estensjoni għal perjodu speċifikat fl-Artikoli 3 tar-Regolament (UE) 2020/698 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(notifikata bid-dokument C(2020) 5674)
(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2020/698 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2020 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi u temporanji fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19 u rigward it-tiġdid jew l-estensjoni ta’ ċerti ċertifikati, liċenzji u awtorizzazzjonijiet u l-posponiment ta’ ċerti kontrolli perjodiċi u taħriġ perjodiku f’ċerti oqsma tal-leġiżlazzjoni dwar it-trasport (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2020/698 jestendi l-validità tal-liċenzji tas-sewqan li kieku skadew jew jiskadu bejn l-1 ta’ Frar 2020 u l-31 ta’ Awwissu 2020. |
|
(2) |
B’ittra bid-data tal-14 ta’ Lulju 2020, il-Bulgarija ppreżentat talba motivata għal awtorizzazzjoni biex tapplika estensjoni ta’ erba’ xhur għall-perjodu bejn l-1 ta’ Frar 2020 u l-31 ta’ Awwissu 2020, kif speċifikat fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2020/698. Il-Bulgarija pprovdiet informazzjoni addizzjonali bħala appoġġ għat-talba tagħha fis-16 u fl-20 ta’ Lulju 2020. |
|
(3) |
Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Bulgarija, it-tiġdid tal-liċenzji tas-sewqan fil-Bulgarija x’aktarx se jibqa’ imprattikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2020 minħabba l-miżuri li ħadet biex jiġi evitat u jitrażżan it-tixrid tal-COVID-19. |
|
(4) |
Fil-kuntest tal-adattament ġenerali għal standards tekniċi ġodda, id-dokumenti personali Bulgari kollha, jiġifieri l-karti tal-identità u l-liċenzji tas-sewqan, inħarġu fl-2010 għal perjodu ta’ 10 snin (bl-eċċezzjoni tal-liċenzji tas-sewqan għal użu professjonali). Għalhekk, dawk id-dokumenti kollha jiskadu fl-2020 u dan ifisser li hemm miljuni ta’ dokumenti personali, inklużi l-liċenzji tas-sewqan, li jridu jiġġeddu fl-2020. |
|
(5) |
Matul l-istat ta’ emerġenza fil-Bulgarija, it-tiġdid tal-liċenzji tas-sewqan twaqqaf temporanjament. Issa reġa’ beda, iżda l-għadd ta’ dokumenti li l-awtoritajiet jistgħu jipproċessaw fi żmien definit huwa inqas mis-soltu, minħabba l-prekawzjonijiet li huma meħtieġa minħabba s-sitwazzjoni epidemjoloġika, b’mod partikolari r-regoli ta’ tbegħid soċjali. |
|
(6) |
F’dawn iċ-ċirkostanzi, l-awtoritajiet kompetenti responsabbli mill-ħruġ u t-tiġdid tal-liċenzji qed jaffaċċjaw diffikultajiet prattiċi sinifikanti fit-twettiq ta’ dmirijiethom. |
|
(7) |
Għalhekk, jenħtieġ li l-Bulgarija tiġi awtorizzata tapplika estensjoni għall-perjodu bejn l-1 ta’ Frar 2020 u l-31 ta’ Awwissu 2020, kif speċifikat fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2020/698. |
|
(8) |
Il-Bulgarija qablet li din id-Deċiżjoni tiġi adottata u nnotifikata bl-Ingliż, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Bulgarija hija awtorizzata tapplika estensjoni ta’ erba’ xhur għall-perjodu bejn l-1 ta’ Frar 2020 u l-31 ta’ Awwissu 2020 kif speċifikat fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2020/698.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Bulgarija.
Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Awwissu 2020.
Għall-Kummissjoni
Adina VĂLEAN
Membru tal-Kummissjoni