|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2024/5658 |
23.9.2024 |
RAPPORT TAL-ATTIVITÀ TAL-KUMITAT TA’ SORVELJANZA TAL-OLAF — 2022
(C/2024/5658)
Il-membri tal-Kumitat
Is-Sinjura Teresa ANJINHO
President tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF
Membru tal-Kumitat mit-23 ta’ Settembru 2022
Eks Viċi Ombudsman u Espert Indipendenti dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Portugall.
Is-Sur Dušan STERLE
Membru tal-Kumitat mit-28 ta’ Marzu 2022
Eks Direttur tal-Uffiċċju tas-Superviżjoni tal-Baġit tar-Repubblika tas-Slovenja, Ministeru tal-Finanzi, is-Slovenja.
Is-Sinjura Marita SALGRĀVE
Membru tal-Kumitat mit-23 ta’ Settembru 2022
Eks Membru tal-Kunsill u Direttur tal-Awditjar, Istituzzjoni Suprema tal-Awditjar, il-Latvja.
Eks Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ċentrali għall-Finanzi u l-Kuntratti (Korp Intermedju tal-FSIE), Ministeru tal-Finanzi, il-Latvja.
Is-Sur Angelo Maria QUAGLINI
Membru tal-Kumitat mit-23 ta’ Settembru 2022
Imħallef tal-Qorti tal-Awdituri, l-Italja.
Is-Sur Thierry CRETIN
Membru tal-Kumitat mid-9 ta’ Settembru 2022
Eks membru Franċiż tal-ġudikatura (imħallef inkwirenti, viċi prosekutur pubbliku, kap prosekutur). Eks direttur kemm tad-DĠ Ġustizzja u Konsumaturi kif ukoll tad-DĠ Migrazzjoni u Affarijiet Interni tal-Kummissjoni Ewropea.
Daħla
|
|
Wara perjodu ta’ aġġustament mill-ġdid segwit minn tiġdid sħiħ tal-Kumitat ta’ Sorveljanza fl-2022, il-Kumitat beda riflessjoni fil-fond fl-2023 dwar il-metodi ta’ ħidma u l-pjan ta’ ħidma tiegħu, il-prijoritajiet tiegħu u l-isfidi ewlenin li għandu jindirizza matul il-mandat tiegħu. Kienet ukoll sena kkaratterizzata mill-bidu tal-ħidma kontinwa tal-Kumitat dwar il-Linji Gwida riveduti tal-OLAF dwar il-Proċeduri ta’ Investigazzjoni (GIPs), kif ukoll dwar it-tlestija importanti tal-ewwel analiżi tal-investigazzjonijiet komplementari mwettqa mill-OLAF sa mill-ħolqien tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE). |
|
|
Wara diversi skambji ta’ fehmiet bejn il-Kumitat u l-OLAF, dejjem fi spirtu kostruttiv, f’Novembru 2023, skont l-Artikolu 17(8) tar-Regolament dwar l-OLAF, id-Direttur Ġenerali tal-OLAF talab formalment lill-Kumitat għall-osservazzjonijiet tiegħu dwar il-GIPs il-ġodda li l-OLAF biħsiebu jadotta fl-2024. Għall-Kumitat, ir-reviżjoni tal-GIPs hija kompitu importanti ħafna għall-OLAF, peress li din għandha twassal għall-adozzjoni ta’ linji gwida aġġornati, dettaljati, ċari u komprensivi. Dawn il-linji gwida għandhom iqisu l-iżviluppi kollha li seħħew mill-adozzjoni tal-GIPs attwali, il-ħafna rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-Kumitat f’dawn l-aħħar snin u l-kooperazzjoni mal-UPPE fi ħdan l-arkitettura usa’ tal-UE kontra l-frodi. |
|
|
B’mod parallel, biex ikun hemm fehim aħjar tal-kooperazzjoni li qed tevolvi bejn l-OLAF u l-UPPE, f’Lulju 2023, il-Kumitat talab lid-Direttur Ġenerali tal-OLAF jipprovdilu lista tal-investigazzjonijiet komplementari kollha miftuħa mill-OLAF mill-bidu tal-attivitajiet tal-UPPE. Abbażi ta’ lista ta’ 70 investigazzjoni komplementari mwettqa mill-OLAF minn Ġunju 2021, meta l-UPPE sar operattiv, f’Diċembru 2023 il-Kumitat adotta l-abbozz ta’ opinjoni tiegħu dwar l-investigazzjonijiet komplementari tal-OLAF. L-opinjoni mbagħad ġiet adottata formalment fi Frar 2024. B’din l-opinjoni, il-Kumitat wettaq l-ewwel analiżi fil-fond ta’ aktar minn 40 investigazzjoni komplementari magħluqa mill-OLAF. Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Kumitat faħħar kemm lill-UPPE kif ukoll lill-OLAF għall-isforzi ġenwini tagħhom biex dan il-mekkaniżmu l-ġdid ikun wieħed ta’ suċċess fil-ġlieda kontra l-frodi. L-analiżi ta’ dawk il-każijiet uriet l-impenn u l-attitudni professjonali taż-żewġ partijiet. Il-Kumitat ħareġ żewġ rakkomandazzjonijiet lill-OLAF biex isaħħaħ it-trasparenza u l-prattiki amministrattivi tajbin fil-mod kif isiru l-kooperazzjoni u l-iskambji mal-UPPE. Minħabba li l-kunċett ta’ investigazzjonijiet komplementari huwa destinat li jevolvi aktar, li jirrifletti l-esperjenza kontinwa miksuba mill-OLAF f’dan il-qasam, il-Kumitat iddeċieda li jkompli jissorvelja l-investigazzjonijiet komplementari tal-OLAF fuq bażi annwali. L-għan huwa li l-leġiżlatur u l-partijiet ikkonċernati tal-UE jingħataw aktar għarfien dwar it-twettiq ta’ investigazzjonijiet komplementari u r-rwol tagħhom bħala għodda importanti fil-kooperazzjoni bejn iż-żewġ pilastri ewlenin tal-arkitettura tal-UE kontra l-frodi. Dan l-għarfien se jkun siewi għar-reviżjoni li jmiss, kemm tar-Regolament dwar l-UPPE kif ukoll tar-Regolament dwar l-OLAF. |
|
|
F’Mejju 2023, il-Kumitat adotta l-Opinjoni 1/2023 dwar il-baġit preliminari tal-OLAF għall-2024. Il-Kumitat kien konxju li l-baġit kien tħejja fl-isfond tal-qafas finanzjarju pluriennali attwali 2021–2027 u l-iskrutinju rigoruż kontinwu tal-Kummissjoni tal-infiq amministrattiv kollu. Wara analiżi bir-reqqa u skambju ta’ fehmiet mal-OLAF, il-Kumitat: (i) fakkar fl-importanza kbira ta’ riżorsi umani adegwati għall-OLAF biex jinżamm livell għoli ta’ prestazzjoni; (ii) ikkunsidra li l-baġit preliminari kien konformi mal-ħtiġijiet irrapportati tiegħu; u (iii) esprima l-appoġġ sħiħ tiegħu għat-talba tal-OLAF għal karigi addizzjonali. B’mod partikolari, dan l-appoġġ qies il-kompiti strateġiċi l-ġodda assenjati lill-OLAF, bħal investigazzjonijiet u appoġġ operazzjonali lill-Istati Membri dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, il-kooperazzjoni operazzjonali mal-UPPE, it-trattament tal-ilmenti ppreżentati lill-Kontrollur ta’ garanziji proċedurali, u l-involviment mistenni tal-OLAF fl-isforzi ta’ rikostruzzjoni fit-tul għall-bini mill-ġdid tal-Ukrajna. |
|
|
Fl-2023, ta’ min isemmi wkoll il-kuntatt u l-laqgħat regolari li jsiru mill-Kumitat mal-istituzzjonijiet tal-UE u s-sħab u l-partijiet ikkonċernati tal-OLAF. Dan mhux biss ikkontribwixxa biex tiżdied il-viżibbiltà tal-Kumitat iżda għen ukoll, fi spirtu kollaborattiv, biex jiżdied il-fluss ta’ informazzjoni u jinkiseb feedback akbar dwar il-prestazzjoni tal-OLAF. |
|
|
Fl-aħħar nett, f’isem il-membri kollha, nixtieq nirringrazzja lid-Direttur Ġenerali tal-OLAF għall-iskambji miftuħa u sinċiera tiegħu mal-Kumitat. Nirrikonoxxi wkoll l-appoġġ siewi li l-membri tas-Segretarjat, li jaġixxu taħt il-ġestjoni tal-Kap tiegħu, ipprovdew lill-Kumitat minkejja s-sitwazzjoni severa ta’ nuqqas ta’ persunal li s-Segretarjat sab ruħu fiha fl-2023. F’dak ir-rigward, il-Kumitat jirrikonoxxi l-isforzi tas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni biex jiżgura li s-Segretarjat ikollu r-riżorsi umani meħtieġa biex jappoġġja kemm lill-Kumitat kif ukoll lill-Kontrollur tal-garanziji proċedurali. |
Teresa ANJINHO
President tal-Kumitat ta’ Sorveljanza
Werrej
| Daħla | 2 |
|
1. |
Il-Kumitat fil-qosor | 5 |
|
2. |
Attivitajiet ta’ monitoraġġ tal-Kumitat ta’ Sorveljanza | 6 |
|
2.1 |
Il-monitoraġġ tal-baġit u tar-riżorsi tal-OLAF: L-Opinjoni 1/2023 dwar l-Abbozz Preliminari tal-Baġit tal-OLAF tal-2024 | 6 |
|
2.2 |
Abbozz ta’ opinjoni dwar investigazzjonijiet komplementari tal-OLAF u l-UPPE | 6 |
|
2.3 |
Monitoraġġ tad-dewmien tal-investigazzjonijiet tal-OLAF | 7 |
|
2.3.1 |
Rapporti dwar investigazzjonijiet li damu aktar minn 12-il xahar li l-Kumitat irċieva fl-2023 | 8 |
|
2.4 |
Il-Kumitat jimmonitorja l-ilmenti individwali sottomessi lill-OLAF | 9 |
|
2.5 |
Reviżjoni tal-Linji Gwida tal-OLAF dwar il-Proċeduri ta’ Investigazzjoni (GIPs) | 10 |
|
3. |
Kooperazzjoni | 11 |
|
3.1 |
Kooperazzjoni mal-OLAF | 11 |
|
3.2 |
Relazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati | 11 |
|
4. |
Amministrazzjoni u riżorsi | 12 |
|
4.1 |
Metodi ta’ ħidma tal-Kumitat ta’ Sorveljanza | 12 |
|
4.2 |
Is-Segretarjat | 12 |
|
4.3 |
Kwistjonijiet baġitarji | 12 |
1. Il-Kumitat fil-qosor
|
1. |
Il-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) (“il-Kumitat”) huwa korp indipendenti stabbilit bir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) (ir-“Regolament dwar l-OLAF”) sabiex isaħħaħ u jiggarantixxi l-indipendenza tal-OLAF billi jimmonitorja regolarment l-implimentazzjoni tal-funzjoni investigattiva tal-OLAF. |
|
2. |
Il-Kumitat huwa magħmul minn ħames esperti esterni indipendenti (“il-membri”), maħtura bi qbil komuni tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea għal 5 snin (2). Il-membri jwettqu r-rwol tagħhom f’indipendenza sħiħa, u la jistgħu jfittxu u lanqas jieħdu struzzjonijiet minn kwalunkwe gvern jew istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija tal-UE. Il-Kumitat huwa appoġġjat fil-ħidma tiegħu minn Segretarjat, li jaħdem fuq bażi permanenti taħt l-awtorità diretta tal-Kumitat, indipendentement mill-Kummissjoni, mill-OLAF jew minn kwalunkwe korp ieħor. Is-Segretarjat għandu rwol ewlieni biex jiffaċilita u jikkontribwixxi għall-kompiti ta’ monitoraġġ tal-Kumitat. |
|
3. |
Minħabba n-natura tal-investigazzjonijiet tal-OLAF, l-ebda rikors quddiem il-Qrati tal-UE ma huwa possibbli kontra d-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali tal-OLAF li jiftaħ jew jagħlaq investigazzjoni (3). Dan ifisser li, flimkien mal-Kontrollur tal-garanziji proċedurali (li jittratta l-ilmenti kontra l-OLAF għal nuqqas ta’ konformità mal-garanziji proċedurali u r-regoli applikabbli għall-investigazzjonijiet (4)), il-Kumitat għandu rwol kruċjali bħala korp indipendenti fdat bis-superviżjoni u l-iskrutinju tal-mod kif l-OLAF iwettaq l-investigazzjonijiet tiegħu. Għaldaqstant, il-Kumitat igawdi pożizzjoni privileġġata peress li jipprovdi lill-istituzzjonijiet tal-UE b’għarfien dwar il-funzjonament tal-OLAF abbażi tar-rwol ta’ monitoraġġ tiegħu, u jipprovdi garanzija li l-OLAF qiegħed jaġixxi fil-limiti tal-legalità u f’konformità mal-garanziji proċedurali applikabbli. |
|
4. |
Skont ir-Regolament dwar l-OLAF, il-Kumitat huwa fdat bi tliet rwoli: (i) li jimmonitorja regolarment il-funzjoni investigattiva tal-OLAF (ii) li jassisti lid-Direttur Ġenerali tal-OLAF fit-twettiq tar-responsabbiltajiet tiegħu; u (iii) li jirraporta lill-istituzzjonijiet tal-UE. |
|
5. |
B’mod partikolari, permezz tal-monitoraġġ regolari tal-investigazzjonijiet tal-OLAF, il-Kumitat ifittex li jiżgura li:
|
|
6. |
Fit-twettiq tal-kompiti tiegħu, il-Kumitat: (i) jindirizza lid-Direttur Ġenerali tal-OLAF opinjonijiet u, fejn xieraq, rakkomandazzjonijiet dwar l-attivitajiet investigattivi tal-OLAF, id-durata tal-investigazzjonijiet tiegħu, u r-riżorsi meħtieġa mill-OLAF sabiex iwettaq l-investigazzjonijiet tiegħu; u (ii) jifformula wkoll osservazzjonijiet dwar l-abbozz tal-linji gwida tal-OLAF dwar proċeduri ta’ investigazzjoni (GIPs). Meta joħroġ l-opinjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu l-Kumitat qatt ma jinterferixxi fit-twettiq tal-investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin. |
2. Attivitajiet ta’ monitoraġġ tal-Kumitat ta’ Sorveljanza
2.1. Il-monitoraġġ tal-baġit u tar-riżorsi tal-OLAF: L-Opinjoni 1/2023 dwar l-Abbozz Preliminari tal-Baġit tal-OLAF tal-2024
|
7. |
Ta’ kull sena, il-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF jadotta opinjoni dwar l-abbozz preliminari tal-baġit tal-OLAF biex jagħti garanzija lill-istituzzjonijiet tal-UE li l-abbozz tal-baġit iqis l-indipendenza tal-funzjoni investigattiva tal-OLAF. L-opinjoni tipprovdi wkoll assigurazzjoni li l-OLAF għandu biżżejjed riżorsi biex jipprovdi servizz interistituzzjonali effettiv u effiċjenti għall-ġlieda kontra l-frodi. Id-Direttur Ġenerali tal-OLAF imbagħad jista’ juża din l-opinjoni fir-rigward tal-awtoritajiet baġitarji u ta’ kwittanza tal-UE. |
|
8. |
Fil-31 ta’ Mejju 2023, il-Kumitat ħareġ l-Opinjoni 1/2023 dwar l-abbozz preliminari tal-baġit tal-OLAF għall-2024. Fiha, il-Kumitat sab li l-baġit preliminari tal-OLAF, miżjud b’4,40 %, irrispetta l-linji gwida tal-Kummissjoni għal aktar miżuri ta’ ffrankar. Madankollu, il-Kumitat esprima tħassib dwar l-impatt ta’ dawk il-miżuri fuq ir-riżorsi umani tal-OLAF, filwaqt li nnota li tnaqqis sinifikanti fil-persunal tiegħu jista’ jċaħħad lill-OLAF milli jkompli jimpjega persunal kwalifikat u speċjalizzat fil-qasam tal-investigazzjonijiet u l-irkupru tal-assi. Għall-Kumitat, huwa importanti li l-OLAF ikollu riżorsi umani adegwati għad-dispożizzjoni tiegħu biex iżomm livell għoli ta’ prestazzjoni, b’mod partikolari fil-kompiti l-ġodda li l-OLAF kien beda jwettaq fir-rigward ta’ għadd ta’ inizjattivi strateġiċi għall-Kummissjoni Ewropea. Dawn l-inizjattivi jinkludu investigazzjonijiet u appoġġ operazzjonali lill-Istati Membri dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, il-Mekkaniżmu ta’ Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt, il-kooperazzjoni mal-UPPE u t-trattament tal-ilmenti lill-Kontrollur tal-garanziji proċedurali. |
|
9. |
Il-Kumitat innota wkoll li, peress li l-Istati Membri kienu qablu dwar impatt finanzjarju żero għat-twaqqif tal-UPPE, kien l-OLAF li kellu jerfa’ r-responsabilità tal-biċċa l-kbira tal-impatt finanzjarju f’termini ta’ riżorsi umani. L-OLAF kien mistenni jittrasferixxi 16-il kariga addizzjonali lill-UPPE qabel Jannar 2023 (parti minn total ta’ 45 kariga li għandhom jiġu allokati għall-istabbiliment tal-UPPE). |
|
10. |
F’dawn iċ-ċirkostanzi, u wara li analizza l-ġustifikazzjonijiet tal-OLAF għat-talba ta’ 16-il kariga addizzjonali, il-Kumitat esprima appoġġ għal din it-talba minħabba l-kompiti l-ġodda assenjati lill-OLAF (il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, il-Faċilità tal-Ukrajna, is-sanzjonijiet, u l-ilmenti lill-Kontrollur tal-garanziji proċedurali). Peress li, fl-2023, l-OLAF kien diġà ttrasferixxa 16-il kariga minn tiegħu stess lill-UPPE, it-talba tal-OLAF għal karigi addizzjonali tqieset aktar bħala miżura biex jiġu kkumpensati r-riżorsi tiegħu li qed jonqsu milli bħala żieda netta tagħhom. |
2.2. Abbozz ta’ opinjoni dwar investigazzjonijiet komplementari tal-OLAF u l-UPPE
|
11. |
Skont ir-Regolament dwar l-OLAF, l-OLAF jista’ jikkomplementa l-attivitajiet tal-UPPE bil-ħsieb li “jiffaċilita l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ prekawzjoni jew ta’ azzjoni finanzjarja, dixxiplinarja jew amministrattiva” (6). |
|
12. |
Sabiex ikun hemm fehim aħjar u komprensiv tal-qafas ġenerali li fih l-OLAF iwettaq investigazzjonijiet komplementari, f’Lulju 2023 il-Kumitat talab lid-Direttur Ġenerali tal-OLAF biex jipprovdilu lista ta’: (i) l-investigazzjonijiet komplementari kollha li nfetħu mill-OLAF sa mill-adozzjoni tar-Regolament dwar l-UPPE; u (ii) informazzjoni dwar it-trattament ta’ dawk l-investigazzjonijiet. Abbażi tal-informazzjoni ppreżentata mill-OLAF, il-Kumitat iddeċieda, fil-plenarja tiegħu tal-20 ta’ Settembru 2023, li joħroġ opinjoni biex jeżamina f’aktar dettall kif l-OLAF applika d-dispożizzjonijiet legali rilevanti dwar l-investigazzjonijiet komplementari u l-kooperazzjoni tiegħu mal-UPPE. |
|
13. |
F’Diċembru 2023, il-Kumitat adotta l-abbozz ta’ opinjoni tiegħu li, wara li rċieva l-kummenti tal-OLAF, ġie adottat formalment fi Frar 2024 (7). Il-Kumitat eżamina 70 investigazzjoni komplementari mwettqa mill-OLAF minn Ġunju 2021 sa Novembru 2023, u ffoka fuq l-investigazzjonijiet komplementari magħluqa (42 każ). |
|
14. |
Il-Kumitat eżamina: (i) in-natura u l-grad ta’ kooperazzjoni bejn il-Prosekuturi Delegati Ewropej ikkonċernati u l-investigaturi tal-OLAF; (ii) il-fluss regolari ta’ informazzjoni bejn iż-żewġ partijiet matul dak il-proċess; (iii) il-konformità mar-regoli applikabbli u d-dispożizzjonijiet tal-Arranġament ta’ Ħidma miftiehem bejn l-OLAF u l-UPPE; u (iv) it-tul tal-investigazzjonijiet komplementari. |
|
15. |
Waħda mill-ewwel sejbiet tal-Kumitat kienet li, fil-prattika, jekk matul skambji informali preċedenti, l-UPPE kellu joġġezzjona għall-intenzjoni tal-OLAF li jiftaħ investigazzjoni komplementari, allura l-OLAF ma jagħmilx talba formali bil-miktub f’dak ir-rigward. B’riżultat ta’ dan, ma jkun hemm l-ebda traċċa formali tal-proposta tal-OLAF u r-raġunijiet tal-UPPE għall-oġġezzjoni tagħha. |
|
16. |
Il-Kumitat għalhekk ikkunsidra li huwa importanti li l-OLAF dejjem jagħmel proposta formali bil-miktub meta jfittex li jiftaħ investigazzjoni komplementari (bl-użu tal-formoli u l-mudelli diġà miftiehma mal-UPPE). Dan jiżgura: (a) il-konformità mal-prinċipju tat-trasparenza; u (b) l-effettività tal-kompiti ta’ monitoraġġ tal-Kumitat tal-funzjoni investigattiva tal-OLAF. |
|
17. |
Il-Kumitat sab ukoll li f’75 % tal-każijiet magħluqa, id-durata ta’ investigazzjoni komplementari kienet inqas minn sena (1) (bħala medja, 8 xhur). Fi ftit każijiet (10–20 %), id-durata qabżet is-sena (1) minħabba raġunijiet oġġettivi, bħan-natura partikolarment kumplessa tal-kwistjonijiet investigati, inkluż l-għadd kbir ta’ persuni kkonċernati u/jew il-pajjiżi involuti. |
|
18. |
Bħala konklużjoni, il-Kumitat sab li dan il-mekkaniżmu sa issa ħadem kif suppost, u wassal għal riżultati promettenti għall-futur. Il-Kumitat faħħar kemm lill-UPPE kif ukoll lill-OLAF (u, rispettivament, lill-EDPs u lill-investigaturi tal-OLAF involuti f’dawn il-każijiet) għall-isforzi tagħhom biex dan il-mekkaniżmu l-ġdid ikun suċċess fil-ġlieda kontra l-frodi. |
|
19. |
Abbażi tas-sejbiet imsemmija iktar ’il fuq, il-Kumitat ħareġ iż-żewġ rakkomandazzjonijiet li ġejjin lill-OLAF. L-ewwel waħda hija li dejjem jintużaw il-formoli u l-mudelli miftiehma mal-UPPE biex issir proposta għall-ftuħ ta’ investigazzjoni komplementari anke meta l-UPPE jkun diġà informa b’mod informali lill-OLAF li kien se joġġezzjona għaliha. It-tieni rakkomandazzjoni hija li jiġi żgurat li din il-proċedura tkun riflessa wkoll fil-GIPs tal-OLAF. |
|
20. |
Il-Kumitat se jkompli jissorvelja l-investigazzjonijiet komplementari tal-OLAF fuq bażi annwali. |
2.3. Monitoraġġ tad-dewmien tal-investigazzjonijiet tal-OLAF
|
21. |
L-Artikolu 7(8) tar-Regolament dwar l-OLAF jirrikjedi li l-Kumitat iwettaq analiżi każ b’każ ta’ kull inkjesta li għandha aktar minn 12-il xahar, biex jiżgura li l-investigazzjonijiet tal-OLAF jitwettqu kontinwament u fuq perjodu proporzjonat għaċ-ċirkostanzi u l-kumplessità tagħhom. |
|
22. |
Billi jimmonitorja regolarment it-tul tal-investigazzjonijiet tal-OLAF u r-raġunijiet għal kwalunkwe dewmien bla bżonn, il-Kumitat ifittex li jivverifika li ma tkun seħħet l-ebda interferenza esterna jew interna fit-twettiq imparzjali ta’ investigazzjoni. Investigazzjoni twila li ma tistax tiġi ġġustifikata jista’ jkollha konsegwenzi negattivi serji: (i) għad-drittijiet proċedurali tal-persuna kkonċernata; u/jew (ii) għas-segwitu għall-investigazzjoni. Permezz tal-monitoraġġ tat-tul tal-investigazzjonijiet, il-Kumitat jivverifika wkoll li r-riżorsi umani u finanzjarji allokati lill-OLAF intużaw b’mod effiċjenti. |
|
23. |
Matul is-snin, il-Kumitat ta attenzjoni partikolari lill-kontinwità u t-tul tal-investigazzjonijiet tal-OLAF. F’dawn l-aħħar snin, il-Kumitat qajjem tħassib dwar in-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet ċari u dettaljati fil-GIPs dwar il-ġestjoni tat-tul tal-investigazzjonijiet tal-OLAF. Tali regoli jsaħħu ċ-ċertezza legali, u l-assenza tagħhom tista’ tkun ta’ detriment biex jiġi żgurat li l-proċeduri tal-OLAF ikunu trasparenti, speċjalment għall-persuni kkonċernati. |
|
24. |
Sabiex iwettaq kif xieraq il-kompiti ta’ monitoraġġ mogħtija lilu skont ir-Regolament dwar l-OLAF, il-Kumitat irid ikollu aċċess għal informazzjoni sinifikanti, komprensiva, suffiċjenti u f’waqtha. L-Artikolu 15(1) il-ġdid tar-Regolament dwar l-OLAF (8) jipprevedi li l-Kumitat għandu jingħata aċċess għall-informazzjoni u d-dokumenti kollha tal-OLAF li jqis meħtieġa biex iwettaq il-kompiti ta’ monitoraġġ u ta’ sorveljanza tiegħu. |
|
25. |
L-arranġamenti ta’ ħidma attwali miftiehma bejn l-OLAF u l-Kumitat (9) jipprovdu lill-Kumitat b’aċċess parzjali dirett għal informazzjoni relatata mal-każijiet li hija disponibbli u rreġistrata fis-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet (OCM) tal-OLAF. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 13(2) tal-arranġamenti ta’ ħidma, il-Kumitat għandu jkollu aċċess sħiħ għal investigazzjonijiet miftuħa li jdumu aktar minn 12-il xahar. |
|
26. |
F’dan ir-rigward, bħal kull sena oħra, il-Kumitat irċieva informazzjoni mill-OLAF dwar investigazzjonijiet li damu aktar minn 12-il xahar. Biex jifhem aħjar għaliex ċerti investigazzjonijiet idumu żmien twil, fi tmiem l-2022 il-Kumitat iddeċieda li jiffoka fuq l-investigazzjonijiet tal-OLAF li jdumu aktar minn 36 xahar. Il-monitoraġġ ta’ dawk il-każijiet għadu għaddej. B’mod parallel, il-Kumitat ikompli jirrifletti dwar kif l-aħjar jiżgura li l-monitoraġġ tiegħu tal-investigazzjonijiet tal-OLAF li jdumu aktar minn 12-il xahar ikun effettiv u komprensiv kemm jista’ jkun. |
2.3.1. Rapporti dwar investigazzjonijiet li damu aktar minn 12-il xahar li l-Kumitat irċieva fl-2023
|
27. |
Jekk investigazzjoni ma tkunx tista’ tingħalaq fi żmien 12-il xahar wara l-ftuħ tagħha, l-Artikolu 7(8) tar-Regolament dwar l-OLAF (10) jirrikjedi li d-Direttur Ġenerali tal-OLAF jirrapporta formalment lill-Kumitat 12-il xahar wara li tkun infetħet l-investigazzjoni u kull 6 xhur wara dan. F’dawn ir-rapporti, l-OLAF jistabbilixxi r-raġunijiet għaliex l-investigazzjoni baqgħet miftuħa u, fejn xieraq (11), il-miżuri ta’ rimedju li għandhom jittieħdu biex titħaffef l-investigazzjoni kif ukoll il-perjodu ta’ żmien mistenni għat-tlestija. |
|
28. |
Fl-2023, il-Kumitat irċieva 620 rapport mill-OLAF madwar 404 investigazzjoni individwali li kienu għaddejjin li damu aktar minn 12-il xahar. Mill-każijiet rrapportati, 53.47 % qabżu l-24 xahar (Illustrazzjoni 1). It-tqassim settorjali tal-investigazzjonijiet tal-OLAF huwa mogħti fl-Illustrazzjoni 2. |
Illustrazzjoni 1
Illustrazzjoni 2
2.4. Il-Kumitat jimmonitorja l-ilmenti individwali sottomessi lill-OLAF
|
29. |
Bħal kull sena, il-Kumitat irċieva rapporti biannwali u d-dokumenti rilevanti dwar ilmenti individwali ttrattati mill-OLAF. Fl-2023, id-Direttur Ġenerali informa lill-Kumitat li l-OLAF ittratta tliet ilmenti b’kollox. Id-Direttur Ġenerali pprovda wkoll ħarsa ġenerali lejn l-ilmenti ttrattati mill-Ombudsman Ewropew. L-OLAF ipprovda aċċess awtomatiku għall-każijiet korrispondenti fis-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet tal-OLAF, li fiha d-dokumenti u l-informazzjoni rilevanti kollha (12). Il-Kumitat iffoka fuq it-tliet ilmenti ttrattati direttament mill-OLAF fl-2023 (ilment wieħed imressaq minn xhud u tnejn minn persuni kkonċernati fl-investigazzjonijiet tal-OLAF). |
|
30. |
Fl-ewwel ilment, imressaq minn xhud, l-ilmentatur argumenta li l-OLAF ma kienx wettaq l-investigazzjonijiet f’perjodu ta’ żmien raġonevoli. Fit-tweġiba tiegħu lill-ilmentatur, l-OLAF argumenta li ma kien hemm l-ebda ksur tar-regoli applikabbli, u li l-OLAF kien wettaq l-investigazzjoni kontinwament u f’limitu ta’ żmien raġonevoli. Il-Kumitat jinnota li l-OLAF ipprovda biżżejjed spjegazzjonijiet biex jiġġustifika t-tul tal-investigazzjoni. B’mod partikolari, l-OLAF irrefera għall-kumplessità tal-każ, għan-natura sensittiva tas-suġġett, għall-volum ta’ informazzjoni miġbura u għad-diversi attivitajiet ta’ investigazzjoni mwettqa. Il-Kumitat jinnota li l-istess xhud ressaq ukoll ilment lill-Ombudsman Ewropew dwar it-tul tal-investigazzjoni u li l-Ombudsman ma sab l-ebda raġuni biex jiftaħ inkjesta dwar l-allegat dewmien twil tal-investigazzjoni tal-OLAF. |
|
31. |
Fit-tieni lment ittrattat mill-OLAF, il-persuna kkonċernata talbet lill-OLAF jissostitwixxi lill-investigatur ewlieni minħabba nuqqas ta’ imparzjalità fit-twettiq tal-investigazzjoni. Wara t-tweġiba negattiva tal-OLAF, il-persuna kkonċernata ressqet ilment quddiem il-Kontrollur tal-garanziji proċedurali. Din il-kwistjoni issa għadha pendenti quddiem il-Kontrollur. |
|
32. |
Fl-aħħar ilment, il-persuna kkonċernata għamlet l-allegazzjonijiet li ġejjin kontra l-OLAF: (i) l-OLAF kiser l-Artikolu 9(4) tar-Regolament dwar l-OLAF peress li ma kienx ta lill-ilmentatur l-opportunità li jikkummenta dwar il-fatti kontrih qabel l-għeluq tal-investigazzjoni; u (ii) l-OLAF kiser l-Artikolu 10(3b) tar-Regolament dwar l-OLAF peress li ma kienx ta lill-persuna kkonċernata aċċess għar-rapport finali tal-każ. Abbażi tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament dwar l-OLAF u l-ħtieġa li tiġi ppreservata l-kunfidenzjalità tal-investigazzjoni, id-Direttur Ġenerali kien iddeċieda li jiddifferixxi d-dritt tal-persuna kkonċernata li tikkummenta dwar is-sommarju tal-fatti (id-dritt li tinstema’). Il-Kumitat jinnota li l-OLAF aġixxa skont ir-regoli u l-proċeduri fis-seħħ u d-deċiżjoni tal-OLAF kienet iġġustifikata mill-ħtieġa li tinżamm il-kunfidenzjalità tal-investigazzjoni. |
|
33. |
Il-Kumitat jinnota wkoll li fl-ilmenti kollha msemmija hawn fuq, l-OLAF ipprovda biżżejjed spjegazzjonijiet lill-ilmentaturi kollha u aġixxa skont l-obbligu tiegħu skont l-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea dwar “l-obbligu tal-amministrazzjoni li tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha”. |
2.5. Reviżjoni tal-Linji Gwida tal-OLAF dwar il-Proċeduri ta’ Investigazzjoni (GIPs)
|
34. |
Wara r-reviżjoni tar-Regolament dwar l-OLAF (EU, Euratom) nr. 882/2013 billi emenda r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2223, l-OLAF iddeċieda li jimmodifika l-GIPs eżistenti biex jittrasponi d-dispożizzjonijiet il-ġodda tar-Regolament f’linji gwida interni ġodda u biex jistabbilixxi qafas ċar u koerenti għall-attivitajiet kollha ta’ investigazzjoni, ta’ appoġġ u ta’ koordinazzjoni. L-OLAF spjega lill-Kumitat li dan il-proċess ta’ rieżami twettaq f’żewġ fażijiet distinti. |
|
35. |
Matul l-ewwel fażi, ir-rieżami kien limitat għal dak li kien strettament meħtieġ sabiex il-GIPs jiġu allinjati mal-emendi introdotti mir-Regolament 2020/2223 u mal-bidu operazzjonali tal-UPPE. Din il-fażi ġiet iffinalizzata, u l-GIPs il-ġodda daħlu fis-seħħ fil-11 ta’ Ottubru 2021. Fl-osservazzjonijiet tiegħu lid-Direttur Ġenerali tal-OLAF dwar ir-rieżami tal-GIPs tas-17 ta’ Awwissu 2022, il-Kumitat għamilha ċara li kien se joħroġ opinjoni dwar il-GIPs riveduti meta t-tieni fażi tal-proċess ta’ rieżami tkun finalment tlestiet biss (13). |
|
36. |
L-OLAF lesta t-tieni fażi tar-rieżami fl-aħħar ta’ Ġunju 2023, u l-abbozz tal-GIPs imbagħad ġie ppreżentat lill-Kumitat ta’ Sorveljanza għall-osservazzjonijiet formali tiegħu (14). Bħala parti minn din il-konsultazzjoni formali, kien hemm skambju bikri kostruttiv ta’ fehmiet bejn l-OLAF u l-Kumitat matul il-perjodu ta’ rapportar. Dan l-iskambju kellu l-għan li jippermetti lill-Kumitat jassisti lid-Direttur Ġenerali tal-OLAF fil-qadi ta’ dmirijietu (15). |
|
37. |
Bħala riżultat ta’ dan l-iskambju, il-Kumitat u l-OLAF kellhom għadd ta’ laqgħat u skambju ulterjuri ta’ fehmiet dwar il-kontenut tal-GIPs futuri. Il-Kumitat għamel analiżi bir-reqqa ta’ xi dispożizzjonijiet speċifiċi u bagħat nota lid-Direttur Ġenerali tal-OLAF fit-28 ta’ Lulju 2023 fejn ippreżenta l-fehmiet preliminari tiegħu dwar xi kwistjonijiet importanti, inkluż il-grad ta’ dettall li l-GIPs għandhom jinkludu u l-istruttura tagħhom. |
|
38. |
Fl-24 ta’ Novembru 2023, l-OLAF ippreżenta l-verżjoni finali riveduta tal-abbozz tal-GIPs. Il-Kumitat beħsiebu joħroġ l-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-abbozz ta’ GIPs matul l-2024. |
3. Kooperazzjoni
3.1. Kooperazzjoni mal-OLAF
|
39. |
Matul l-2023, il-Kumitat ikkonsolida l-kooperazzjoni produttiva tiegħu mal-OLAF billi żamm djalogu miftuħ u sinifikanti mad-Direttur Ġenerali tal-OLAF. |
|
40. |
Il-Kumitat kompla l-prattika li jistieden lid-Direttur Ġenerali tal-OLAF u lill-persunal tiegħu għal-laqgħat regolari tiegħu ta’ kull xahar biex jiddiskutu u jiġu infurmati dwar kwalunkwe kwistjoni rilevanti għall-ħidma tal-Kumitat u tal-OLAF. Il-membri tal-Kumitat u s-Segretarjat kellhom ukoll laqgħat formali u informali mal-maniġment u l-persunal tal-OLAF bħala parti mit-tħejjijiet tal-ħidma tal-Kumitat. |
|
41. |
Matul dawn il-laqgħat u dawn l-iskambji, l-OLAF informa lill-Kumitat b’diversi ostakoli li jiltaqa’ magħhom fl-investigazzjonijiet li jinvolvu membri ta’ ċerti istituzzjonijiet u l-investigazzjonijiet ta’ allegat fastidju fl-istituzzjonijiet, fil-korpi, fl-uffiċċji u fl-aġenziji tal-Unjoni. Il-Kumitat issa ddeċieda li jeżamina dawn iż-żewġ kwistjonijiet u se joħroġ opinjoni dwarhom matul l-2024. |
|
42. |
Il-Kumitat irċieva r-rapporti li ġejjin mingħand l-OLAF f’konformità mar-Regolament dwar l-OLAF u l-prattiki ta’ ħidma stabbiliti: (i) rapporti dwar investigazzjonijiet li jdumu aktar minn 12-il xahar; (ii) rapporti fejn ir-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-OLAF mill-1 ta’ Ottubru 2013 ma ġewx segwiti u li għalihom l-OLAF irċieva tweġibiet mill-awtoritajiet ikkonċernati fl-eżerċizzju annwali ta’ monitoraġġ tal-2022, li l-Kumitat irċieva fit-8 ta’ Ġunju 2023; (iii) rapporti dwar ilmenti magħmula lill-OLAF dwar garanziji proċedurali f’investigazzjonijiet tal-OLAF li jkunu għaddejjin; (iv) rapporti dwar każijiet li għalihom tkun intbagħtet informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali; u (v) rapporti dwar differimenti skont l-Artikolu 4(6) tar-Regolament dwar l-OLAF. |
3.2. Relazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
|
43. |
Il-Kumitat huwa responsabbli lejn l-istituzzjonijiet li ħatru l-membri tiegħu, u huwa wkoll sieħeb fid-djalogu tal-istituzzjonijiet tal-UE. Il-Kumitat jagħti rendikont lill-istituzzjonijiet tal-UE dwar l-attivitajiet tiegħu, jista’ joħroġ opinjonijiet fuq talba tagħhom, jipproduċi rapporti dwar kwistjonijiet investigattivi u jiskambja fehmiet magħhom f’livell politiku (16). |
|
44. |
Il-Kumitat iqis li huwa importanti li jinżamm kuntatt regolari mal-istituzzjonijiet tal-UE u mas-sħab u mal-partijiet ikkonċernati tal-OLAF sabiex jittejjeb il-fluss tal-informazzjoni u jinkiseb feedback dwar il-prestazzjoni tal-OLAF. Il-Kumitat u s-Segretarjat tiegħu kienu f’kuntatt regolari ma’: (i) il-Kummissarju għall-Baġit u l-Amministrazzjoni, responsabbli għall-OLAF (parteċipazzjoni fil-laqgħa plenarja tal-Kumitat fis-16 ta’ Mejju 2023); (ii) is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni (parteċipazzjoni fil-laqgħa plenarja tal-Kumitat tal-14 ta’ Novembru 2023); (iii) il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (CONT) tal-Parlament Ewropew (preżentazzjoni tar-rapport annwali tal-Kumitat għall-2022 mill-President fis-27 ta’ Ġunju 2023 u preżentazzjoni tal-membri kollha tal-Kumitat ta’ Sorveljanza fl-20 ta’ Settembru 2023); u (iv) il-Gruppi ta’ Ħidma tal-Kunsill Kontra l-Frodi (GAF) (preżentazzjoni tar-rapport annwali tal-2022 mill-President fil-21 ta’ Ġunju 2023). Ir-relatur tas-servizz ta’ koordinazzjoni kontra l-frodi (AFCOS) ipparteċipa b’mod attiv fl10 laqgħa tal-AFCOS f’Vilnius, il-Litwanja (18–19 ta’ Ottubru 2023). |
|
45. |
Il-kontrollur tal-garanziji proċedurali ġiet mistiedna għal-laqgħa plenarja tal-Kumitat tal-21 ta’ Settembru 2023 fejn ippreżentat ir-rapport tal-attività tagħha tal-2022. |
|
46. |
Il-Kumitat ipparteċipa wkoll fl-iskambju interistituzzjonali annwali ta’ fehmiet dwar l-OLAF li sar fil-25 ta’ Ottubru 2023. Il-Kumitat ipparteċipa b’mod attiv f’dik il-laqgħa filwaqt li enfasizza, b’mod partikolari, l-importanza li tiġi żgurata kooperazzjoni b’saħħitha bejn l-OLAF, minn naħa waħda, u l-UPPE, il-Eurojust, il-Europol u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri min-naħa l-oħra. Il-Kumitat enfasizza li din il-kooperazzjoni hija element essenzjali fil-ġlieda kontra l-frodi li tinvolvi l-interessi finanzjarji tal-UE fl-Ukrajna u l-effettività tas-sanzjonijiet diġà imposti mill-UE fuq pajjiżi terzi. |
|
47. |
Il-Kumitat għen ukoll lill-Kummissjoni fil-proċeduri tal-għażla għall-ħatra ta’ uffiċjali għolja fl-OLAF. Il-membri tiegħu pparteċipaw ukoll fil-laqgħat tal-Kumitat Konsultattiv tal-Kummissjoni dwar il-Ħatriet. |
4. Amministrazzjoni u riżorsi
4.1. Metodi ta’ ħidma tal-Kumitat ta’ Sorveljanza
|
48. |
Fl-2023, il-Kumitat kellu 12-il laqgħa plenarja, li kienu jew ibridi jew kompletament online (17). Għal kull kwistjoni importanti li eżamina, il-Kumitat ħatar relatur. Ir-relaturi ħadmu mas-Segretarjat biex iħejju abbozzi ta’ rapporti li kellhom jiġu diskussi fil-laqgħat plenarji. Il-President, ir-relaturi u l-membri tas-Segretarjat iltaqgħu wkoll b’mod regolari biex jaħdmu fuq kwistjonijiet partikolari. |
4.2. Is-Segretarjat
|
49. |
Matul l-2023 is-Segretarjat kompla jappoġġa lill-membri tal-Kumitat fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom b’mod effiċjenti, u b’hekk saħħaħ l-indipendenza tal-OLAF.. F’Novembru 2023, il-Kumitat kellu skambju ta’ fehmiet mas-Segretarju Ġenerali dwar in-nuqqas ta’ riżorsi fis-Segretarjat. Dawn ir-riżorsi huma meħtieġa biex jappoġġaw kemm lill-Kumitat Superviżorju kif ukoll lill-Kontrollur tal-garanziji proċedurali u biex jippreservaw is-separazzjoni meħtieġa tal-kompiti bejn iż-żewġ korpi. Il-Kumitat enfasizza li l-kapaċità tiegħu li jwettaq il-kompiti tiegħu fl-2023 kienet ġiet imminata b’mod sostanzjali mill-kwistjonijiet ta’ nuqqas ta’ persunal tas-Segretarjat, li kien involut ukoll fl-iżgurar li l-iskadenzi imposti fuq il-Kontrollur ta’ garanziji proċedurali għat-trattament ta’ lmenti kontra l-OLAF ġew rispettati. Għalhekk, il-Kumitat ħeġġeġ lis-Segretarju Ġenerali jadotta u jimplimenta l-miżuri organizzattivi meħtieġa biex jiżgura li s-Segretarjat ikun mgħammar b’riżorsi umani adegwati biex jappoġġja lill-Kumitat fir-rwol tiegħu. Matul l-2023, is-Segretarjat, bħall-bqija tal-Kummissjoni, kompla jopera b’mod ibridu, billi għaqqad ix-xogħol fuq il-post u dak mill-bogħod, u wettaq il-programm ta’ ħidma kif miftiehem mal-Kumitat ta’ Sorveljanza. |
|
50. |
Is-Segretarjat għadu marbut b’mod amministrattiv (minn Marzu 2017) mal-Uffiċċju għall-Ħlas tal-Intitolamenti Individwali tal-Kummissjoni Ewropea (PMO), għalkemm jinsab f’żona ta’ sigurtà separata fil-bini tal-OLAF. Il-Kumitat ta’ Sorveljanza esprima d-dubji tiegħu f’ħafna okkażjonijiet fil-passat dwar jekk l-hemża “ibrida” tas-Segretarjat tiegħu mal-PMO hijiex l-aktar post xieraq. |
|
51. |
Il-Kumitat jerġa’ jsostni l-fehma tiegħu li, minħabba l-interazzjonijiet ta’ kuljum tas-Segretarjat mal-persunal tal-OLAF għall-finijiet tal-kompiti ta’ monitoraġġ attwali tal-Kumitat, post xieraq fiż-żona ta’ sigurtà tal-OLAF jippermetti lis-Segretarjat jaħdem b’mod aktar effiċjenti. |
4.3. Kwistjonijiet baġitarji
|
52. |
Il-baġit tal-Kumitat għall-2023 kien ta’ EUR 200 000. L-ammont attwali żborżat sa tmiem l-2023 kien ta’ EUR 179 241,67, li huwa madwar 90 % tal-ammont totali. |
|
53. |
L-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni b’sottodelega responsabbli għan-nefqa huwa d-Direttur tal-PMO. |
(1) L-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1) kif emendat bir-Regolament (UE, Euratom) 2016/2030 u r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2223. Disponibbli fuq https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:02013R0883-20210117.
(2) Biex tinżamm l-esperjenza li nbniet fil-Kumitat, il-membri huma sostitwiti fuq bażi li talterna, skont ir-Regolament dwar l-OLAF.
(3) Il-Kawża T-658/17, Stichting Against Child Trafficking vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:T:2018:799.
(4) Ara l-Artikolu 9a(8) tar-Regolament dwar l-OLAF.
(5) https://www.europarl.europa.eu/charter/pdf/text_en.pdf.
(6) L-Artikolu 12f tar-Regolament dwar l-OLAF.
(7) Ara l-Opinjoni 1/2024 fuq:
(8) Kif modifikat bir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2223 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Diċembru 2020 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 fir-rigward tal-kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-effettività tal-investigazzjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (ĠU L 437, 28.12.2020, p. 49).
(9) Arranġamenti ta’ ħidma bejn l-OLAF u l-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF: https://supervisory-committee-olaf.europa.eu/system/files/2021-10/OLAF%20SC%20WA%20signed.pdf.pdf.
(10) L-Artikolu 7(8) tar-Regolament (EU, Euratom) nr. 883/2013 jipprovdi: “Jekk investigazzjoni ma tkunx tista’ tingħalaq fi żmien 12-il xahar wara li tkun infetħet, id-Direttur Ġenerali għandu jirrapporta, malli jiskadi dak il-perijodu ta’ 12-il xahar u f’intervalli ta’ sitt xhur wara dan, lill-Kumitat ta’ Sorveljanza, filwaqt li jindika r-raġunijiet u l-miżuri ta’ rimedju previsti bil-ħsieb li titħaffef l-investigazzjoni.”
(11) Il-kliem “fejn xieraq” ġie miżjud mat-test tal-Artikolu 7(8) tar-Regolament dwar l-OLAF billi ġie emendat ir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2223.
(12) Skont l-Artikolu 6(2) tal-Arranġamenti ta’ Ħidma bejn l-OLAF u l-Kumitat ta’ Sorveljanza.
(13) L-aħħar sentenza tal-Artikolu 17(8) tar-Regolament dwar l-OLAF.
(14) L-osservazzjonijiet tal-Kumitat dwar l-abbozz ta’ GIPs ġodda huma s-suġġett ta’ abbozz ta’ opinjoni tal-Kumitat li għandu jiġi adottat fil-ġimgħat li ġejjin.
(15) Ara l-premessa 37 tar-Regolament dwar l-OLAF.
(16) L-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013: Il-Kumitat ta’ Sorveljanza għandu jindirizza l-opinjonijiet lid-Direttur Ġenerali, inkluż fejn xieraq, ir-rakkomandazzjonijiet dwar, fost l-oħrajn, ir-riżorsi meħtieġa biex titwettaq il-funzjoni investigattiva tal-Uffiċċju, dwar il-prijoritajiet investigattivi tal-Uffiċċju u dwar it-tul tal-investigazzjonijiet. Dawk l-opinjonijiet jistgħu jingħataw fuq l-inizjattiva tagħhom stess, fuq talba tad-Direttur Ġenerali jew fuq talba ta’ istituzzjoni, korp, uffiċċju, jew aġenzija, mingħajr madankollu ma jinterferixxu mat-twettiq tal-investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin. [...]
[...] L-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji għandhom jiġu pprovduti b’kopja tal-opinjonijiet mogħtija skont it-tielet subparagrafu.”
(17) Minn Jannar sa Diċembru 2023.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/5658/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)