26.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 173/46


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-21 ta’ Ġunju 2013

li tħassar id-Deċiżjoni 2009/588/KE dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv fil-Litwanja

(2013/316/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 126(12) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fis-7 ta' Lulju 2009, wara rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 104(6) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (TKE), il-Kunsill iddeċieda, fid-Deċiżjoni 2009/588/KE (1), li fil-Litwanja kien hemm defiċit eċċessiv. Il-Kunsill innota li d-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika kien laħaq 3,2 % tal-PDG fl-2008, ogħla mit-3 % tal-valur ta' referenza tal-PDG skont it-Trattat u skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2009 tas-servizzi tal-Kummissjoni jitla' għal 5,4 % tal-PDG fl-2009 u jitla' aktar għal 8 % tal-PDG fl-2010. Id-dejn gross tal-amministrazzjoni pubblika kien jammonta għal 15,6 % tal-PDG fl-2008, ħafna inqas mis-60% tal-valur ta’ referenza tal-PDG skont it-Trattat.

(2)

Fis-7 ta' Lulju 2009, skont l-Artikolu 104(7) TKE u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (2), il-Kunsill, fuq il-bażi tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, għamel rakkomandazzjoni indirizzata lil-Litwanja bl-għan li s-sitwazzjoni tad-defiċit eċċessiv titwaqqaf sal-2011 (“Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2009”). Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2009 ġiet ippubblikata.

(3)

Fid-9 ta' Frar 2010, skont l-Artikolu 126(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997, il-Kunsill, fuq il-bażi ta' Rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni li fiha rrikonoxxa li l-awtoritajiet Litwani ħadu azzjoni effettiva skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2009 u li avvenimenti ekonomiċi negattivi mhux mistennija b'konsegwenzi negattivi kbar għall-finanzi tal-gvern seħħew fil-Litwanja, indirizza Rakkomandazzjoni riveduta lil-Litwanija bl-għan li twaqqaf is-sitwazzjoni tad-defiċit eċċessiv, l-aktar tard sal-2012. Din ir-Rakkomandazzjoni riveduta ġiet ippubblikata.

(4)

Skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll dwar il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv mehmuż mat-Trattati, il-Kummissjoni tipprovdi d-data għall-implimentazzjoni ta' din il-proċedura. Bħala parti mill-applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll, l-Istati Membri għandhom jinnotifika data dwar id-defiċit u d-dejn tal-gvern tagħhom u dwar varjabbli assoċjati oħra darbtejn fis-sena, jiġifieri qabel l-1 ta’ April u qabel l-1 ta' Ottubru, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv mehmuż mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (3).

(5)

Meta jqis jekk deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv għandhiex titħassar, il-Kunsill għandu jieħu deċiżjoni fuq il-bażi tad-data notifikata. Barra minn hekk, Deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv għandha titħassar biss jekk it-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni jindikaw li d-defiċit ma jkunx se jaqbeż il-limitu ta’ 3 % tal-PDG tul il-perjodu mbassar (4).

(6)

Fuq il-bażi tad-data pprovduta mill-Kummissjoni (Eurostat) skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 479/2009 wara n-notifka mil-Litwanija qabel l-1 ta’ April 2013 u fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni, il-konklużjonijiet li ġejjin huma ġġustifikati:

—

Wara li laħaq l-ogħla punt tiegħu b'9,4 % tal-PDG fl-2009 d-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika fil-Litwanja tnaqqas għal 7,2 % tal-PDG fl-2010, u wara għal 5,5 % tal-PDG fl-2011 u għal 3,2 % tal-PDG fl-2012. Dan it-titjib ġie xprunat mill-miżuri ta' konsolidazzjoni fuq in-naħa tal-infiq, b'mod partikolari restrizzjoni kontinwa skont il-Liġi tal-Litwanja dwar id-Dixxipplina Fiskali, u kondizzjonijiet ċikliċi favorevoli.

—

Peress li d-defiċit ta' 3,2 % tal-PDG jista' jitqies li huwa qrib il-valur ta' referenza u l-proporzjon bejn id-dejn u l-PDG tal-Litwanja huwa inqas mis-60 % tal-valur ta' referenza tal-PDG b'mod sostenut, il-Litwanja hija eliġibbli għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir fir-Regolament (KE) Nru 1467/97 rigward ir-riformi ta' pensjonijiet sistematiċi. Għaldaqstant, il-kost nett dirett tar-riforma tal-pensjonijiet għandha titqies meta tiġi vvalutata l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv. Hekk kif il-kostijiet netti tar-riformi ta' pensjonijiet sistematiċi tal-Litwanja kienu 0,2 % tal-PDG fl-2012, kif ikkonfermat mill-Kummissjoni (Eurostat), dawn il-kostijiet jispjegaw il-valur ogħla ta' 3 % tal-valur ta' referenza tal-PDG skont it-Trattat fl-2012.

—

Il-Programm ta' Konverġenza 2013-2016 tal-Litwanja jbassar li d-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika se jibqa' jonqos għal 2,5 % tal-PDG fl-2013 u 1,5 % tal-PDG fl-2014, filwaqt li tbassir tar-rebbiegħa 2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni jbassar titjib, minkejja li aktar bil-mod, tad-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika għal 2,9 % tal-PDG fl-2013 u għal 2,4 % tal-PDG fl-2014, fil-bażi ta' suppożizzjoni li ma jkunx hemm tibdil ta' politika. B’hekk id-defiċit għandu jibqa’ taħt il-valur ta’ referenza ta’ 3 % tal-PDG skont it-Trattat fil-perijodu mbassar.

—

It-tbassir tar-rebbiegħa 2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni jbassar li d-dejn gross tal-amministrazzjoni pubblika jonqos moderatament minn 40,7 % tal-PDG fl-2013 għal 40,1 % tal-PDG fl-2014.

(7)

Mill-2013, li hija s-sena li ssegwi l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, il-Litwanja għandha timxi lejn il-mira baġitarja tagħha ta' perijodu medju b'pass xieraq, kif ukoll li tirrispetta l-punt ta' referenza tan-nefqa

(8)

Skont l-Artikolu 126(12) TFUE, Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv għandha titħassar meta d-defiċit eċċessiv tal-Istat Membru konċernat, fil-fehma tal-Kunsill ġie kkoreġut.

(9)

Fil-fehma tal-Kunsill id-defiċit eċċessiv fil-Litwanja ġie kkoreġut u għalhekk id-Deċiżjoni 2009/588/KE għandha titħassar.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Minn valutazzjoni kumplessiva jirriżulta li s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv fil-Litwanja ġiet ikkoreġuta.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni 2009/588/KE hija b'dan imħassra.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lir-Repubblika tal-Litwanja.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-21 ta’ Ġunju 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

M. NOONAN


(1)   ĠU L 202, 4.8.2009, p. 44.

(2)   ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6.

(3)   ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1.

(4)  Skont l-“Ispeċifikazzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u l-Linji Gwida dwar il-format u l-kontenut ta' Programmi ta' Stabbiltà u Konverġenza”, tat-3 ta’ Settembru 2012. Ara: http://ec.europa.eu/economy_finance/economic_governance/sgp/pdf/coc/code_of_conduct_en.pdf