IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 7.6.2022
COM(2022) 256 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Is-Sittax-il Rapport Annwali tal-2021 dwar l-implimentazzjoni tal-assistenza tal-Unjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 389/2006 tas-27 ta’ Frar 2006 li jistabbilixxi strument ta’ sostenn finanzjarju għall-inkoraġġiment tal-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Turko-Ċiprijotta
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Is-Sittax-il Rapport Annwali tal-2021 dwar l-implimentazzjoni tal-assistenza tal-Unjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 389/2006 tas-27 ta’ Frar 2006 li jistabbilixxi strument ta’ sostenn finanzjarju għall-inkoraġġiment tal-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Turko-Ċiprijotta
1.Introduzzjoni
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 389/2006
(ir-“Regolament dwar l-Għajnuna”) huwa l-bażi għall-għoti ta’ assistenza lill-Komunità Turko-Ċiprijotta (TCc) u jirrikjedi rapportar annwali lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew.
2.Ipprogrammar tal-assistenza
Bejn l-2006 u l-aħħar tal-2021, ġew ipprogrammati EUR 623 miljun għall-operazzjonijiet skont ir-Regolament dwar l-Għajnuna. L-ammont impenjat f’Diċembru 2021 għall-programm ta’ azzjoni annwali tal-2021 kien ta’ EUR 30,7 miljun
. Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2021-2027 ipprovda perspettiva pluriennali għall-programm b’dispożizzjoni għal finanzjament stabbli u annwali. Madankollu, il-programm ta’ assistenza huwa ta’ natura eċċezzjonali u tranżizzjonali, li għandu l-għan li jħejji u jiffaċilita, kif xieraq, l-applikazzjoni sħiħa tal-acquis communautaire fl-oqsma tar-Repubblika ta’ Ċipru fejn il-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru ma jeżerċitax kontroll effettiv wara soluzzjoni għall-problema ta’ Ċipru, u kemm ir-Regolament dwar l-Għajnuna kif ukoll ir-Regolament tal-Kunsill Nru 2020/2093
li jistabbilixxi l-QFP ippermettew reviżjoni f’każ ta’ riunifikazzjoni.
3.Mekkaniżmi ta’ implimentazzjoni
Il-programm huwa implimentat fiż-żoni tar-Repubblika ta’ Ċipru li fihom il-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru ma jeżerċita l-ebda kontroll effettiv u fejn l-applikazzjoni tal-acquis hija temporanjament sospiża skont il-Protokoll 10 tat-Trattat tal-Adeżjoni. L-assistenza hija implimentata f’ġestjoni diretta u indiretta.
Il-Kummissjoni topera f’kuntest politiku, legali u diplomatiku uniku. L-għoti ta’ tali għajnuna ma għandux jimplika r-rikonoxximent ta’ kwalunkwe awtorità pubblika fiż-żoni barra mill-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru. Biex jiġi implimentat il-programm, huma meħtieġa arranġamenti ad hoc filwaqt li jiġu rrispettati l-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba. Fi programmi ta’ għajnuna ffinanzjati mill-UE, f’ċirkostanzi normali, ftehimiet ma’ gvern benefiċjarju jistabbilixxu l-qafas legali għall-iżvilupp tal-assistenza. Ma jista’ jsir l-ebda ftehim bħal dan għall-assistenza lit-TCc. Il-ġestjoni u l-mitigazzjoni tar-riskju inerenti huma parti mir-responsabbiltà tal-Kummissjoni u l-miżuri adottati jinkludu l-monitoraġġ intensiv tal-kuntratti u l-għoti ta’ appoġġ lill-benefiċjarji, kundizzjonijiet ta’ pagament riveduti u approċċ bir-reqqa għall-użu tal-garanziji bankarji. L-assistenza tinkludi ammont sinifikanti ta’ appoġġ għall-għotjiet, li jirrikjedi ġestjoni intensiva fir-riżorsi.
Sabiex jiġi żgurat l-impatt, it-TCc trid ikun involuta bis-sħiħ fit-tħejjija għall-implimentazzjoni tal-acquis fid-dawl tal-irtirar tas-sospensjoni tiegħu f’konformità mal-Protokoll 10, wara s-saldu.
It-tim tal-programm jopera permezz tal-Uffiċċju tal-UE ta’ Appoġġ għall-Programmi fl-oqsma li ma humiex taħt il-kontroll effettiv f’Nikosija. Ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni f’Ċipru tospita wkoll laqgħat, seminars u konferenzi stampa u tikkomunika mal-pubbliku Ċiprijott fil-gżira kollha, inkluż dwar il-Programm ta’ Għajnuna. Barra minn hekk, il-Punt ta’ informazzjoni tal-UE, iffinanzjat taħt il-Programm ta’ Għajnuna, iwettaq firxa ta’ azzjonijiet ta’ komunikazzjoni u viżibbiltà, jipprovdi informazzjoni dwar il-politiki, il-prijoritajiet u l-azzjonijiet tal-UE b’appoġġ għat-TCc, u jippromovi l-kultura Ewropea.
4.Implimentazzjoni matul il-perjodu ta’ rappurtar
4.1.Ħarsa ġenerali
Il-Kummissjoni tkompli timplimenta r-Regolament dwar l-Għajnuna bl-għan ġenerali li tappoġġa r-riunifikazzjoni. Fil-każ ta’ soluzzjoni komprensiva għall-problema ta’ Ċipru, il-Kunsill għandu, abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni, jiddeċiedi b’mod unanimu dwar l-adattamenti meħtieġa f’dan ir-Regolament.
L-operazzjonijiet fl-2021 inkludew il-kontinwazzjoni ta’ għadd ta’ proġetti stabbiliti u ta’ suċċess, bħall-boroż ta’ studju tal-UE u l-miżuri għat-tisħiħ tal-fiduċja b’appoġġ għall-Kumitat Tekniku għall-Wirt Kulturali u l-Kumitat għall-Persuni Neqsin. Faċilità dedikata kompliet tiffinanzja l-inizjattivi bikomunali tal-Kumitati Tekniċi.
L-appoġġ għall-għotjiet jibqa’ element essenzjali tal-programm. Ingħatat assistenza akbar lis-setturi ekonomiċi ewlenin li qed iħejju għal soluzzjoni permezz ta’ proġetti mmirati lejn is-settur privat, iż-żoni rurali u l-iżvilupp tar-riżorsi umani. Saru sforzi biex ikomplu jtejbu b’mod tanġibbli s-sitwazzjoni attwali fl-eradikazzjoni tal-mard tal-annimali u fis-sikurezza tal-ikel.
F’April tal-2021, il-Kummissjoni adottat żewġ atti legali: Ir-Regolament (UE) 2021/591 li jdaħħal il-Halloumi/Hellim fir-reġistru tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti u d-Deċiżjoni (UE) 2021/586 li tippermetti li l-Halloumi/Hellim jiġi nnegozjat fuq in-naħa l-oħra tal-Linja l-Ħadra ladarba l-produtturi Turko-Ċiprijotti jkunu allinjaw l-istandards ta’ produzzjoni tagħhom mal-istandards tas-saħħa tal-annimali u tas-sikurezza tal-ikel tal-UE. Mill-1 ta’ Ottubru 2021, huwa biss il-Haloumi/Hellim prodott f’Ċipru skont ir-riċetta tradizzjonali li jista’ jitqiegħed fis-suq tal-UE bl-użu ta’ dak l-isem. Sussegwentement tnediet sensiela ta’ miżuri ta’ appoġġ biex tgħin fl-implimentazzjoni tal-pakkett tad-DOP Halloumi/Hellim fit-TCc.
Għad hemm lakuni konsiderevoli fil-kapaċità tal-benefiċjarji li jimplimentaw b’mod effettiv l-acquis, wara soluzzjoni komprensiva. Madankollu, it-TCc kompliet tagħmel progress tajjeb f’għadd ta’ oqsma u kisbet fehim aktar sod tal-isfidi.
Kwistjoni waħda li għadha għaddejja tirrigwarda l-kostruzzjoni tan-network tad-dranaġġ ta’ Famagusta; dan il-kuntratt ġie tterminat mill-Kummissjoni f’Diċembru tal-2013. It-tilwima mal-kuntrattur preċedenti tressqet għall-arbitraġġ u l-proċedimenti għadhom għaddejjin. B’mod parallel, ġie konkluż kuntratt għax-xogħlijiet ta’ rimedju relatati u x-xogħlijiet bdew.
Il-pandemija tal-COVID-19 fixklet l-implimentazzjoni tal-Programm ta’ Għajnuna. Il-Kummissjoni kompliet tiżgura li l-programm ikun twettaq minkejja ċ-ċirkostanzi, billi stabbiliet miżuri ta’ mitigazzjoni biex tiżgura li l-proġetti jkunu jistgħu jkomplu mingħajr xkiel. Pakkett ta’ emerġenza għen biex jiġu pprovduti l-aktar provvisti mediċi urġenti, appoġġ ekonomiku lill-mikrointrapriżi u lill-SMEs, u pariri esperti lit-TCc.
Fi tmiem is-sena, kienu qed joperaw 191 kuntratt taħt il-Programm ta’ Għajnuna.
4.2.Progress skont l-objettivi
L-objettiv ġenerali tal-Programm ta’ Għajnuna huwa li jiffaċilita r-riunifikazzjoni ta’ Ċipru billi jħeġġeġ l-iżvilupp ekonomiku tat-TCc, b’enfasi partikolari fuq l-integrazzjoni ekonomika tal-gżira, fuq it-titjib tal-kuntatti bejn iż-żewġ komunitajiet u mal-UE, u fuq it-tħejjija għall-acquis.
L-attivitajiet imwettqa fl-2021 huma deskritti hawn taħt, għal kull objettiv tar-Regolament dwar l-Għajnuna.
4.2.1.Objettiv 1: L-iżvilupp u r-ristrutturar tal-infrastruttura
Il-Programm ta’ Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (United Nations Development Programme, UNPD) kompla jimplimenta l-“Faċilità għall-Infrastruttura Lokali” (LIF) permezz ta’ ftehimiet ta’ kontribuzzjoni kontinwati ffirmati mal-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni, għal EUR 23,4 miljun. Il-faċilità tipprovdi appoġġ għat-tħejjija u għall-implimentazzjoni tal-investimenti fl-infrastruttura lokali rilevanti. Minbarra t-13-il proġett sinifikanti appoġġati mil-LIF, is-sena 2021 rat ukoll it-tlestija tat-tielet sejħa ottimizzata għal proposti għall-komunitajiet lokali, li rriżultat f’erba’ proġetti addizzjonali potenzjali għall-pipeline tal-LIF. Fl-2021, beda x-xogħol tal-kostruzzjoni fuq iċ-Ċentru ta’ Kormakitis għall-Kooperazzjoni, filwaqt li ġie ffirmat il-kuntratt tad-disinn u l-bini għall-estensjoni tal-impjant tat-trattament tal-ilma mormi ta’ Morphou.
Fis-settur tal-ilma, il-kostruzzjoni tal-kollettur prinċipali tad-dranaġġ ġdid ta’ Nikosija (NNTS) tlestiet f’Novembru tal-2021. Il-proġett jinvolvi l-kostruzzjoni ta’ 13-il km ta’ kanali tad-dranaġġ biex l-ilma mormi miż-żona ta’ Nikosija jittieħed fl-impjant għat-trattament tal-ilma mormi bikomunali ta’ Nikosija, proġett iffinanzjat mill-UE li tlesta fl-2013. Il-proġett se jnaqqas il-kontaminazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art u se jipproteġi r-riżorsi tal-ilma kondiviżi għall-gżira kollha.
Ix-xogħlijiet ta’ rimedju fuq in-networks tad-dranaġġ ta’ Famagusta bdew f’Lulju tal-2021, meta l-kundizzjonijiet kienu xierqa għall-implimentazzjoni effettiva tal-kuntratt.
Iż-żewġ kuntratti emendati ta’ xogħlijiet – għall-estensjoni tal-landfill u għall-impjant għat-tneħħija tal-gass minn landfill, li issa jirrappreżentaw investiment ta’ aktar minn EUR 4,5 miljun fil-ġestjoni tal-iskart solidu – għamlu progress tajjeb minkejja l-pandemija tal-COVID-19. L-emendi ppermettew il-possibbiltà ta’ produzzjoni ta’ enerġija elettrika li tlaħħaq sa 0,8 MW minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli (il-ġbir, it-trattament u l-kombustjoni tal-gass tal-landfill). L-enerġija elettrika prodotta tħaddem it-trattament sostenibbli tal-ilma mormi mil-landfills (lissija) fil-faċilità ta’ trattament li għadha kif ġiet ikkummissjonata.
Sfortunatament, il-benefiċjarju ma rnexxilux juża l-faċilità tal-landfill kif kienet oriġinarjament maħsuba, inkluż l-impjant tat-trattament tal-lissija. Għalkemm ikkummissjonat fl-2021, l-impjant tat-trattament tal-lissija sussegwentement ingħalaq u nżamm mhux użat għal aktar minn 10 xhur. Dan inevitabbilment wassal għal deterjorament sinifikanti tal-investiment. Il-Kummissjoni qiegħda taħdem bla heda biex tirrettifika din is-sitwazzjoni u biex iġġib l-operat tal-faċilità lura fit-triq it-tajba.
Il-kuntratt ta’ servizzi għall-bini tal-kapaċitajiet introduċa prinċipji ta’ ekonomija ċirkolari fil-prattiki tal-ġestjoni tal-iskart fil-komunitajiet lokali. Beda x-xogħol fuq l-istabbiliment tal-ewwel organizzazzjoni b’responsabbiltà tal-produtturi mhux għall-profitt għar-riċiklaġġ tal-iskart mill-imballaġġ. Dan il-proċess issa wasal biex jitlesta. Bħala parti minn din l-inizjattiva, l-użu tal-ħama tal-ilma mormi mill-impjant tat-trattament tal-ilma mormi ta’ Nikosija ġie ppruvat b’suċċess u tqiegħed fil-prattika mill-bdiewa lokali.
F’konformità mal-pjan integrat ta’ ġestjoni tal-iskart solidu ffinanzjat mill-UE, l-għotjiet li jgħinu lil tmien komunitajiet lokali biex itejbu l-infrastruttura tal-ġestjoni tal-iskart tagħhom jinsabu fil-fażi finali tal-implimentazzjoni.
Il-kapaċità teknika lokali għall-monitoraġġ tal-kwalità ambjentali ssaħħet permezz tar-rinnovazzjoni tan-network għall-monitoraġġ tal-kwalità tal-arja u l-istabbiliment ta’ laboratorju ta’ referenza tal-kwalità tal-arja u tal-fjuwil. In-network ta’ monitoraġġ tal-kwalità tal-arja, li ħadem bis-sħiħ matul l-2021, issa jipprovdi kejl għal aktar sustanzi niġġiesa f’għadd akbar ta’ lokazzjonijiet.
4.2.2.Objettiv 2: Il-promozzjoni tal-iżvilupp soċjali u ekonomiku
Il-Programm ta’ Għajnuna kompla jkopri l-aktar ħtiġijiet urġenti identifikati mis-settur tas-saħħa biex tiġi miġġielda l-pandemija tal-COVID-19 u pprovda pakkett ekonomiku ta’ emerġenza ta’ EUR 11-il miljun biex jittaffa l-impatt soċjoekonomiku tagħha.
Il-proġett “Intraprenditorija u Djalogu Innovattivi”, implimentat mal-Kooperazzjoni Extra-Ewropea tal-Irlanda ta’ Fuq (NI-CO), kien il-mezz ewlieni biex jgħin fil-ġlieda kontra l-effetti ekonomiċi negattivi tal-pandemija. Ġie allokat total ta’ EUR 7,2 miljun għall-iskema ta’ għotjiet “Salvagwardja u Ħolqien tal-Impjiegi” li se tara 86 negozju mikro u żgħir ta’ suċċess jirċievu finanzjament sa valur massimu ta’ EUR 60 000.
Fil-qasam tal-iżvilupp rurali, ġie estiż proġett ta’ assistenza teknika dwar servizzi ta’ konsulenza għall-azjendi agrikoli (FAS) u se jintemm f’Jannar tal-2024. Għandu l-għan li jgħin lill-bdiewa Turko-Ċiprijotti bl-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-FAS, li tinkludi l-għoti ta’ pariri, taħriġ u bini tal-kapaċitajiet lill-konsulenti lokali.
Fl-2021, bil-għan li tiġi appoġġata l-implimentazzjoni tal-pakkett tad-DOP Halloumi/Hellim, ġie kkuntrattat intervent ewlieni dwar is-sikurezza tal-ikel u t-tħejjija għall-kriżijiet li jiswa EUR 3,1 miljun. Il-proġett ta’ assistenza teknika għandu l-għan li jaċċellera l-implimentazzjoni tal-istandards allinjati tal-UE dwar l-iġjene tal-ikel u s-sikurezza tal-ikel fit-TCc, u li jtejjeb it-tħejjija għal kriżijiet possibbli tal-mard tal-annimali.
Barra minn hekk, proġett ta’ assistenza teknika biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ speċjalisti veterinarji għall-prevenzjoni, għall-kontroll u għall-eradikazzjoni tal-mard tal-annimali lesta t-tieni kampjunar u ttestjar fuq skala kbira tal-annimali għall-mard ta’ prijorità (bruċellożi u tuberkulożi). Il-Kummissjoni pprovdiet testijiet fil-laboratorji, oġġetti tal-konsum veterinarji, u servizzi għall-kampjunar u għall-ittestjar tal-annimali. Ġew ikkampjunati aktar minn 6 100 merħla u aktar minn 427 000 annimal (bhejjem tal-ifrat, nagħaġ u mogħoż) biex jiġu identifikati annimali infettati u biex dawn jitneħħew mill-farms. B’riżultat ta’ dan, il-prevalenza tal-bruċellożi fit-TCc qiegħda tonqos.
L-appoġġ tal-UE kkontribwixxa wkoll għal aktar progress fl-involviment ta’ veterinarji privati biex jimplimentaw il-kampjunar u l-ittestjar tal-annimali. Barra minn hekk, ġie akkwistat tagħmir tal-laboratorju ta’ kważi EUR 500 000 biex jgħin biex jiżdiedu l-ambitu u l-affidabbiltà tal-ittestjar fil-laboratorji tal-ikel u tas-saħħa.
Fis-settur tal-edukazzjoni, proġett ta’ assistenza teknika fit-titjib tat-tagħlim u tal-apprendiment għen biex titwettaq analiżi tas-sitwazzjoni tal-iżvilupp professjonali kontinwu u analiżi tal-użu tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni fit-TCc. Il-Kummissjoni tkompli ssegwi l-għan fit-tul tagħha li tallinja l-edukazzjoni għat-tfal Turko-Ċiprijotti mal-aqwa prattika internazzjonali.
Il-proġett, li jiswa EUR 1,1 miljun, biex l-iskejjel primarji jiġu mgħammra b’laboratorji tax-xjenza tlesta. L-għamara u t-tagħmir twasslu u ġew installati fi 48 skola primarja. Laboratorju mobbli (xarabank mgħammra apposta) ngħata wkoll lill-benefiċjarju. Ġiet organizzata serje ta’ taħriġ prattiku għall-għalliema tal-iskejjel primarji li se jkunu qed jagħtu l-lezzjonijiet fil-laboratorji. B’mod parallel, tnediet miżura ta’ akkumpanjament għal gwida dwar l-użu effettiv u s-sostenibbiltà tal-laboratorji. It-tħejjijiet komplew jipprovdu laboratorji lil skejjel sekondarji.
Għalkemm ġie interrott xi ftit mill-pandemija tal-COVID-19, il-proġett dwar l-iżvilupp tal-kurrikulu għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali kompla fl-oqsma magħżula tal-edukazzjoni vokazzjonali bil-għan li tissaħħaħ l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ. Il-benefiċjarji kkomunikaw ripetutament is-sodisfazzjon tagħhom bl-attivitajiet tal-proġett u talbu li dan jiġi estiż għal sentejn oħra.
Il-programm ta’ monitoraġġ ekonomiku mwettaq mill-Bank Dinji kompla jipprovdi analiżi fil-fond, assistenza teknika u proposti għal titjib. Il-programm iffoka fuq l-analiżi makroekonomika u fuq l-iżvilupp sostenibbli, l-ambjent tan-negozju u l-effetti relatati mal-kummerċ tar-riunifikazzjoni, l-impjegabbiltà u l-ħiliet b’enfasi speċjali fuq l-awtonomizzazzjoni ekonomika tan-nisa, u analiżi fil-fond ta’ aspetti speċifiċi tal-produzzjoni agrikola.
Fl-2021, fil-qasam tal-istatistika, ġew iffirmati żewġ kuntratti biex jipprovdu infrastruttura tat-teknoloġija tal-informatika u assistenza teknika, bil-għan li jtejbu l-operat tan-negozju u l-ġestjoni tas-sorsi ta’ data amministrattiva. Dawn il-proġetti huma kkomplementati minn assistenza mmirata pprovduta permezz tal-istrument tal-Kummissjoni għall-Assistenza Teknika u Skambju ta’ Informazzjoni (TAIEX) u l-Bank Dinji. Il-proġetti jiffurmaw parti minn strateġija usa’ tal-UE biex ittejjeb il-produzzjoni tal-istatistika fit-TCc.
4.2.3.Objettiv 3: Trawwim tar-rikonċiljazzjoni, miżuri għat-tisħiħ tal-fiduċja, u appoġġ għas-soċjetà ċivili
Il-Kumitat għall-Persuni Neqsin (Committee on Missing Persons, CMP), appoġġat mill-Programm ta’ Għajnuna permezz ta’ ftehim ta’ kontribuzzjoni mal-UNDP, kompla l-ħidma tiegħu fuq il-post u fil-laboratorju. Sa tmiem l-2021, minn total ta’ 2 002 persuni neqsin, is-CMP eżuma 1 184 sett ta’ fdalijiet. Minn dawn, 1 023 ġew identifikati ġenetikament u ġew irritornati lill-familji tagħhom. Fl-2021, il-pandemija u t-temp sħun estrem naqqsu b’mod sinifikanti x-xogħlijiet ta’ skavar, u wasslu lill-membri tas-CMP biex ikomplu jimplimentaw l-istrateġija ta’ skavar kontinġenti f’każ ta’ avvenimenti mhux previsti.
F’Diċembru tal-2021, ġie ffirmat ftehim ta’ kontribuzzjoni ta’ EUR 2,6 miljun biex jiġi pprovdut finanzjament għall-operat tas-CMP fl-2022. B’mod ġenerali, fil-perjodu 2006-2021, l-UE kkontribwiet aktar minn EUR 30 miljun, li jammonta għal 75 % tal-finanzjament globali tas-CMP f’dan il-perjodu.
Il-protezzjoni tal-wirt kulturali permezz tal-Kumitat Tekniku għall-Wirt Kulturali (TCCH) bikomunali baqgħet komponent ewlieni fil-miżuri ta’ rikonċiljazzjoni u ta’ tisħiħ tal-fiduċja appoġġati mill-Programm ta’ Għajnuna, bi 18-il proġett jitlestew fl-2021. B’mod ġenerali, il-programm ta’ wirt kulturali rċieva madwar EUR 22 miljun f’fondi tal-UE. Dan ippermetta li jiġu kkonservati, li jiġu appoġġati strutturalment, li jiġu protetti fiżikament jew restawrati, aktar minn 107 siti ta’ wirt kulturali madwar il-gżira.
Il-faċilità għall-appoġġ tal-Kumitati Tekniċi bikomunali kompliet tlaqqa’ liż-żewġ komunitajiet flimkien u ssolvi l-isfidi ta’ kuljum taċ-Ċiprijotti. Minkejja l-pandemija, ġew implimentati għadd ta’ attivitajiet immirati mill-Kumitati għall-Kultura, l-Ambjent, l-Edukazzjoni u s-Saħħa.
Wara l-implimentazzjoni b’suċċess ta’ skema pilota ta’ boroż ta’ studju bikomunali mill-United World Colleges (UWC), ftehim ġdid ippermetta lil 10 studenti Turko-Ċiprijotti u lil 10 studenti Griegi Ċiprijotti biex jibdew il-programm internazzjonali tad-diploma tal-bakkalawrjat f’diversi pajjiżi fl-2021. L-azzjonijiet implimentati mill-UWC jinkludu wkoll attivitajiet ta’ involviment taż-żgħażagħ minn komunitajiet differenti u korsijiet qosra mmirati biex jagħtu s-setgħa liż-żgħażagħ biex iġibu bidla pożittiva fis-soċjetajiet tagħhom.
L-appoġġ għas-soċjetà ċivili kompla fl-2021. L-Ispazju Ċiviku, permezz tal-assistenza teknika għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ), kompla jgħin jibni l-kapaċitajiet tal-OSĊ, jippromovi ambjent abilitanti għall-iżvilupp tas-soċjetà ċivili, u jistimula n-networking u l-azzjonijiet konġunti mal-OSĊ Ċiprijotti Griegi u oħrajn tal-UE. Il-komponent taċ-ċittadinanza attiva tal-ispazju ċiviku, magħruf ukoll bħala “Grow Civic”, ġie rrieżaminat u se jappoġġa l-azzjonijiet ibbażati fuq id-drittijiet tal-OSĊ u tal-attivisti.
Total ta’ 11-il għotja ġdida, l-aktar għal OSĊ iżgħar u lokali, ingħataw taħt “Is-soċjetà ċivili Ċiprijotta fl-azzjoni VII”. Il-biċċa l-kbira tal-proġetti mis-sejħa preċedenti u mis-sejħa kontra t-traffikar tlestew b’suċċess fl-2021. Dawk li jifdal jinsabu fil-fażi finali tal-implimentazzjoni tagħhom. Il-benefiċjarji li applikaw ma’ sħab bikomunali komplew jikkollaboraw mal-kontropartijiet Griegi Ċiprijotti tagħhom.
F’Ottubru tal-2021, l-assoċjazzjoni tal-Pjattaforma tad-Drittijiet tal-Bniedem bdiet timplimenta l-għotja diretta ffinanzjata mill-UE tagħha. Il-pjattaforma se timmonitorja u se tirrapporta dwar il-ġlieda kontra t-traffikar, id-drittijiet tar-refuġjati, id-drittijiet tal-LGBTI+, il-parteċipazzjoni rilevanti tal-partijiet ikkonċernati, il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni u l-libertà mit-tortura. Se tappoġġa wkoll lill-vittmi u se tirrinforza l-kapaċitajiet tas-soċjetà ċivili dwar kwistjonijiet ibbażati fuq id-drittijiet b’mod ġenerali.
Bħala parti mill-iskema ta’ għotjiet lill-komunità lokali, f’Nikosija nbena kenn biex jakkomoda vittmi ta’ vjolenza domestika. Il-proġett għen ukoll fit-tqajjim ta’ kuxjenzja u fis-simplifikazzjoni tal-proċeduri ta’ appoġġ fit-TCc.
4.2.4.Objettiv 4: It-TCc tinġieb eqreb tal-UE
Il-ġestjoni ta’ “Programm ta’ Boroż ta’ Studju tal-UE” ġiet iddelegata lill-Kunsill Brittaniku mis-sena akkademika 2014-2015. Il-baġit disponibbli taħt l-aħħar sejħa ippermetta l-finanzjament ta’ 136 borża ta’ studju għas-sena akkademika 2021-2022. Dawn il-boroż ta’ studju jappoġġaw lill-istudenti matul l-ewwel sena ta’ studji fl-ewwel livell universitarju, lill-istudenti gradwati fil-programm ta’ masters jew ta’ dottorat tagħhom, u lir-riċerkaturi u lill-professjonisti biex ikomplu jiżviluppaw il-ħiliet lingwistiċi u professjonali tagħhom fl-Istati Membri tal-UE.
Mill-2007 ’l hawn, ingħataw madwar 2 000 skema ta’ għotjiet biex jippermettu studju f’aktar minn 100 post ta’ tagħlim tal-UE li jinvolvu lil aktar minn 100 università, li jkopru 23 destinazzjoni f’pajjiżi tal-UE u taħriġ f’aktar minn 20 professjoni differenti. Mill-2022, il-Kunsill Brittaniku se jiġi ssostitwit mill-Istitut Goethe bħala s-sieħeb ta’ implimentazzjoni. Ġie ffinalizzat ftehim mal-College of Europe għall-boroż ta’ studju għal mhux aktar minn tliet ċittadini Turko-Ċiprijotti, sakemm dawn jissodisfaw il-kriterji ta’ ammissjoni.
Il-punt ta’ informazzjoni tal-UE, ġestit mill-Uffiċċju ta’ Appoġġ għall-Programmi tal-UE flimkien mar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni f’Ċipru, kiseb livell għoli ta’ viżibbiltà għall-UE matul l-2021 permezz tal-attivitajiet tiegħu kemm online kif ukoll offline. Dan kopra aktar minn 20 tema relatata mal-UE, inkluż l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru, id-drittijiet tal-LGBTI+, id-drittijiet għall-persuni b’diżabilità, id-diżinformazzjoni, u s-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew ġie promoss permezz ta’ webinars dwar l-enerġija sostenibbli, l-effiċjenza enerġetika, il-prevenzjoni tan-nirien, it-tniġġis żero, il-ġestjoni tal-iskart u l-iskart mill-imballaġġ.
Il-Punt ta’ informazzjoni tal-UE organizza 32 avveniment, inkluża kampanja online fuq skala kbira dwar Jum l-Ewropa u 79 avveniment rikorrenti, inkluż serje ta’ kunċerti online, introduzzjoni għal lingwi Ewropej ġodda, u workshops tal-arti. L-avvenimenti attiraw aktar minn 15 000 parteċipant. Inbdiet u ġiet implimentata kampanja ta’ informazzjoni fuq skala kbira dwar “stil ta’ ħajja san għal kulħadd”. Fl-aħħar nett, ġew prodotti 12-il bullettin u 9 infografiċi/pubblikazzjonijiet, tqassmu 471 prodott ta’ informazzjoni, u dehru 289 artiklu tal-aħbarijiet u 11-il riklam televiżiv fil-media lokali.
It-traffiku fuq il-paġna ta’ Facebook “Abbilgi” jikkonferma l-popolarità tal-attivitajiet, b’aktar minn 2 000 segwaċi ġodda fl-2021, biex b’hekk l-għadd totali ta’ segwaċi minn meta nfetħet tela’ għal 22 812.
4.2.5. Objettivi 5-6: It-tħejjija tal-komunità Turko-Ċiprijotta biex tintroduċi u timplimenta l-acquis
L-istrument tal-Kummissjoni għal Assistenza Teknika u Skambju ta’ Informazzjoni (TAIEX) jintuża biex jimplimenta l-objettivi 5 u 6 tar-Regolament dwar l-Għajnuna u b’hekk jgħin fit-tħejjija tat-TCc għall-implimentazzjoni tal-acquis fid-dawl tal-irtirar tas-sospensjoni tiegħu mad-dħul fis-seħħ ta’ soluzzjoni komprensiva għall-problema ta’ Ċipru.
L-assistenza kompliet fl-2021 fi 12-il qasam ewlieni, jew “setturi”, tal-acquis. L-appoġġ tat-TAIEX aġġustat b’suċċess għall-ambjent online, b’interess akbar fi kważi s-setturi kollha. B’kollox, fl-2021 ġew organizzati 147 avveniment tat-TAIEX, żieda qawwija ħafna meta mqabbel ma’ 49 avveniment fl-2020. Minbarra l-attivitajiet regolari tat-TAIEX, saru sforzi biex tiġi żviluppata bażi tad-data tat-testi legali kollha abbozzati bl-appoġġ tat-TAIEX u biex tittejjeb il-kwalità tat-traduzzjoni u tal-interpretazzjoni fit-TCc.
L-esperti tas-saħħa tat-TAIEX ipprovdew assistenza kontinwa bħala parti mir-rispons tal-COVID-19. L-appoġġ iffoka fuq miżuri ta’ detezzjoni u mitigazzjoni, primarjament miżuri tas-saħħa pubblika, strateġija effettiva ta’ ttestjar u pjanijiet ta’ tilqim. L-esperti għenu wkoll biex itejbu l-kapaċità tal-laboratorju u biex jistabbilixxu network ta’ notifika dwar il-farmakoviġilanza fit-TCc.
L-appoġġ għall-kummerċ minn naħa għall-oħra tal-Linja l-Ħadra (ir-Regolament 866/2004) kompla. Fl-2021, l-esperti indipendenti b’mandat mill-Kummissjoni reġgħu bdew spezzjonijiet regolari tal-patata, tal-għasel u tal-ħut frisk.
4.3.Eżekuzzjoni finanzjarja (kuntratti u pagamenti)
4.3.1.Ikkuntrattar
Fl-2021, il-Kummissjoni ffirmat impenji legali li jammontaw għal EUR 30 miljun. Dan ifisser li l-arretrati kontraenti ġew eliminati, filwaqt li tqiesu l-limitazzjonijiet umani u finanzjarji, id-diskrepanzi fit-tħejjija għat-tnedija futura tal-acquis u s-sostenibbiltà tal-proġetti.
4.3.2.Pagamenti
Fl-2021, il-pagamenti totali kienu ta’ EUR 38 miljun (EUR 41 miljun fl-2020).
4.4.Monitoraġġ
Il-Kummissjoni hija direttament responsabbli għall-implimentazzjoni tal-biċċa l-kbira tal-proġetti (ġestjoni diretta). Il-livell ta’ monitoraġġ mill-persunal tal-Kummissjoni huwa għoli ħafna, b’kuntatti kostanti mal-kuntratturi, żjarat ta’ “verifika fuq il-post”, laqgħat fuq il-post u laqgħat mal-kumitati ta’ tmexxija. L-assistenza teknika pprovduta mit-Tim ta’ Appoġġ għall-Għotjiet (GST) kompliet tappoġġa lill-Kummissjoni fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-kuntratti ta’ għotja, filwaqt li għenet ukoll lill-benefiċjarji tal-għotjiet fl-applikazzjoni tar-regoli tal-UE għall-implimentazzjoni tal-kuntratti ta’ għotja, inkluż għar-regoli sekondarji tal-akkwist.
Il-Kummissjoni timplimenta wkoll għadd ta’ kuntratti permezz ta’ ġestjoni indiretta. L-entitajiet ta’ implimentazzjoni bħall-UNDP, il-British Council, u n-NI-CO, jirrapportaw lill-Kummissjoni f’konformità mal-ftehimiet qafas rispettivi. Il-Kummissjoni hija involuta mill-qrib fil-monitoraġġ ta’ kuljum ta’ dawn l-azzjonijiet.
4.5.Awditjar u kontrolli
Ir-rakkomandazzjonijiet tal-aħħar awditu mwettaq mis-Servizz tal-Awditjar Intern li sar fl-2017, relatati mal-arranġamenti ta’ kontroll intern fil-qasam tal-akkwist pubbliku ġew implimentati bis-sħiħ.
4.1.Evalwazzjoni
Il-proġett ta’ monitoraġġ orjentat lejn ir-riżultati (MOR) kompla jirrieżamina l-azzjonijiet magħżula u ta t-taħriġ previst dwar kapaċità ta’ monitoraġġ interna mtejba tal-partijiet ikkonċernati rilevanti. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-esperti tal-MOR dwar ir-rilevanza, l-effiċjenza, l-effettività u s-sostenibbiltà qegħdin jiġu inkorporati fl-azzjonijiet rieżaminati u lil hinn minnhom.
L-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Programm ta’ Għajnuna tkompla fl-2021. L-għan tiegħu huwa li jipprovdi valutazzjoni indipendenti ġenerali u li jiġbor evidenza dwar il-progress li sar lejn l-ilħuq tal-objettivi tar-Regolament dwar l-Għajnuna għall-2013-2018. Ir-rapport finali kkonkluda li l-Programm ta’ Għajnuna jista’ jitqies bħala rilevanti ħafna u, minħabba ċ-ċirkostanzi pekulari tal-kuntest tat-TCc, jista’ jitqies bħala inizjattiva relattivament ta’ suċċess, b’valur miżjud sostanzjali tal-UE.
4.2.Informazzjoni, Pubbliċità u Viżibbiltà
B’mod ġenerali, fl-2021 ġew implimentati 394 azzjoni ta’ viżibbiltà u komunikazzjoni, prinċiparjament online minħabba r-restrizzjonijiet tal-COVID-19. It-tħejjijiet imxew għall-fuljetti dwar l-appoġġ tal-UE b’reazzjoni għall-COVID-19 u dwar l-iżvilupp tas-settur privat.
4.3.Konsultazzjonijiet mal-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru
Saru laqgħat ma’ rappreżentanti tal-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru, kemm personalment kif ukoll online. Il-Kummissjoni tkompli tibbaża fuq il-kooperazzjoni tal-Gvern għall-verifika tad-drittijiet tal-proprjetà u għall-faċilitazzjoni tal-ħidma tal-kumitati tekniċi bikomunali. Il-Kummissjoni tiltaqa’ regolarment mar-Rappreżentanza Permanenti.
5.Konklużjonijiet
Il-Kummissjoni tkompli tagħti assistenza skont ir-Regolament dwar l-Għajnuna biex tiffaċilita r-riunifikazzjoni ta’ Ċipru billi tinkoraġġixxi l-iżvilupp ekonomiku tat-TCc, permezz tax-xogħol li tagħmel f’konformità mas-sitt objettivi tar-Regolament dwar l-Għajnuna. Matul l-2021, l-assistenza kompliet tiffoka fuq oqsma li jippreżentaw problemi partikolari għall-konformità futura mal-acquis.
Ir-rekord tal-assistenza tal-passat u l-maturità tal-proġetti se jkunu riflessi kontinwament fl-eżerċizzji ta’ programmar futuri. L-isforzi se jkomplu jiffokaw fuq it-twettiq ta’ impatt akbar fl-oqsma prijoritarji permezz ta’ inqas azzjonijiet iżda permezz ta’ azzjonijiet akbar.
Il-Kummissjoni tinsab lesta li tuża r-riżorsi, inkluż taħt il-Programm ta’ Għajnuna, biex tappoġġa negozjati għal soluzzjoni taħt l-awspiċji tan-NU kif meħtieġ.