|
8.6.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 178/21 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/750
tal-5 ta’ Ġunju 2020
li jistabbilixxi proċedura għall-estensjoni tal-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447 għall-applikazzjoni tas-sistema tal-esportatur irreġistrat f’xi pajjiżi benefiċjarji tas-Sistema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 66(a) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (2) jistabbilixxi r-regoli proċedurali, imsemmija fl-Artikolu 64(1) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, biex jiġi ffaċilitat l-istabbiliment fl-Unjoni tal-oriġini preferenzjali tal-merkanzija, inklużi r-regoli proċedurali tal-oriġini għall-iskop tal-iSkema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi (SĠP) tal-Unjoni. |
|
(2) |
L-Artikolu 79(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447 jistipula li l-pajjiżi benefiċjarji kollha tas-SĠP għandhom japplikaw is-sistema tal-esportatur irreġistrat (is-sistema REX) sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2020 għaċ-ċertifikazzjoni tal-istatus oriġinarju preferenzjali tas-SĠP. Wara dik id-data, iċ-ċertifikati tal-oriġini, Formola A ma jistgħux jinħarġu aktar mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dawk il-pajjiżi. |
|
(3) |
Sabiex jitrażżan it-tixrid tal-Coronovirus - COVID-19, li fil-11 ta’ Marzu 2020 ġiet iddikjarata pandemija mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, ġie stabbilit sett ta’ miżuri bla preċedent, b’mod partikolari miżuri ta’ kofinament u tbegħid soċjali bejn persuna u oħra. Dawk il-miżuri affettwaw ukoll il-persunal fil-kumpaniji u l-amministrazzjonijiet pubbliċi ta’ pajjiżi benefiċjarji tas-SĠP, involuti fil-ġestjoni ta’ proċeduri ta’ oriġini SĠP u l-istabbiliment u l-operazzjoni tas-sistema REX, u laqtu ħażin il-proċeduri tax-xogħol, il-produzzjoni u l-kummerċ regolari. |
|
(4) |
Filwaqt li jirrikonoxxu l-impatt fuq is-sħab kummerċjali, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà stabbilixxew pjanijiet għal rispons tal-Unjoni b’saħħtu u mmirat biex jiġu appoġġati l-isforzi tal-pajjiżi sħab fl-indirizzar tal-pandemija tal-COVID-19 f’Komunikazzjoni Konġunta dwar ir-rispons globali tal-UE għall-COVID-19 (3). |
|
(5) |
Minħabba l-pandemija tal-COVID-19 xi pajjiżi li jibbenefikaw mis-SĠP qed jiffaċċjaw diffikultajiet serji biex jirrispettaw il-limitu ta’ żmien tat-30 ta’ Ġunju 2020 għall-applikazzjoni tas-sistema REX. Il-pajjiżi benefiċjarji li fihom is-sistema REX ma setgħetx tiġi skjerata jew ma setgħetx tintuża minħabba l-pandemija għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn estensjoni tal-perjodu ta’ tranżizzjoni. |
|
(6) |
Meta jitqies li estensjoni bħal din tkun miżura eċċezzjonali li tidderoga mit-tul massimu tal-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447, il-pajjiż benefiċjarju jenħtieġ li jikkumplimenta n-notifika li għandu bżonn jibbenefika minn estensjoni, b’ġustifikazzjoni dovuta għall-ħtieġa li jiġi estiż il-perjodu ta’ tranżizzjoni, flimkien ma’ pjan ta’ ħidma li jagħti dettalji dwar kif biħsiebu japplika b’mod sħiħ is-sistema REX sa tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni estiż previst. Għall-istess raġunijiet, kwalunkwe estensjoni tal-perjodu ta’ tranżizzjoni għall-applikazzjoni tas-sistema REX għandha tkun limitata fiż-żmien. |
|
(7) |
Jenħtieġ li jiġi previst mekkaniżmu ta’ rappurtar li jiżgura li l-pajjiżi benefiċjarji li għalihom il-perjodu ta’ tranżizzjoni jkun ġie estiż ikomplu bit-tħejjijiet tagħhom għall-applikazzjoni tas-sistema REX sabiex jintlaħaq il-limitu ta’ żmien ġdid. |
|
(8) |
Fid-dawl tad-diffikultajiet li ċerti pajjiżi benefiċjarji għandhom fit-twettiq tal-obbligi tagħhom minħabba l-pandemija tal-COVID-19, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ b’urġenza. |
|
(9) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
(1) Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 79(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447, pajjiż benefiċjarju tas-Sistema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi li jesperjenza, minħabba l-pandemija tal-COVID-19, diffikultajiet fl-issodisfar tal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 70 u 72 ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, jew fit-tlestija tal-proċess ta’ reġistrazzjoni tal-esportaturi tiegħu sat-30 ta’ Ġunju 2020, jista’ jinnotifika l-ħtieġa għal estensjoni tal-perjodu ta’ tranżizzjoni għall-applikazzjoni tas-sistema REX.
(2) Notifika skont il-paragrafu 1 għandha ssir bil-miktub lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Lulju 2020. Għandha tipprovdi spjegazzjoni dwar in-neċessità ta’ estensjoni tal-perjodu ta’ tranżizzjoni kkawżat mill-pandemija tal-COVID-19. In-notifika għandha tkun akkumpanjata minn pjan ta’ ħidma li jikkonsisti f’informazzjoni dettaljata dwar kif il-pajjiż li jkun qed jagħmel in-notifika għandu l-intenzjoni li japplika b’mod sħiħ is-sistema REX sal-31 ta’ Diċembru 2020.
(3) Meta n-notifika li ssir skont il-paragrafu 1 tkun kompluta, il-perjodu ta’ tranżizzjoni għall-applikazzjoni tas-sistema REX mill-pajjiż benefiċjarju rilevanti għandu jiġi estiż sal-31 ta’ Diċembru 2020.
(4) Il-Kummissjoni għandha tippubblika fuq is-sit web tagħha lista tal-pajjiżi benefiċjarji li għalihom ġie estiż il-perjodu ta’ tranżizzjoni.
(5) Sal-31 ta’ Diċembru 2020, l-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiż benefiċjarju li għalih ikun ġie estiż il-perjodu ta’ tranżizzjoni skont il-paragrafi minn 1 sa 4 għandhom jibqgħu joħorġu ċ-ċertifikat tal-oriġini, formola A fuq talba tal-esportaturi li jkunu għadhom mhumiex irreġistrati fil-mument tat-talba għaċ-ċertifikat.
Artikolu 2
Kull pajjiż benefiċjarju li l-perjodu ta’ tranżizzjoni tiegħu jkun ġie estiż skont l-Artikolu 1 għandu jippreżenta lill-Kummissjoni, sat-30 ta’ Settembru 2020, rapport li jagħti fid-dettall il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 1(2), u li jelabora fuq kwalunkwe miżura korrettiva meħtieġa biex jiġi ssodisfat il-limitu ta’ żmien sal-31 ta’ Diċembru 2020 għall-applikazzjoni tas-sistema REX.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Ġunju 2020.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).
(3) JOIN (2020) 11 final, Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Komunikazzjoni dwar ir-rispons globali tal-UE għall-COVID-19.