|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/1071 |
4.6.2025 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1071
tat-2 ta’ Ġunju 2025
dwar l-estensjoni tal-azzjoni meħuda mill-Ministeru Netherlandiż għall-Infrastruttura u l-Ġestjoni tal-Ilma li tippermetti t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali Biobor JF f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(notifikata bid-dokument C(2025) 1071)
(It-test bl-Olandiż biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 55(1), it-tielet subparagrafu, tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Fl-4 ta’ Settembru 2024, f’konformità mal-Artikolu 55(1), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, il-Ministeru Netherlandiż għall-Infrastruttura u l-Ġestjoni tal-Ilma (“l-awtorità kompetenti Netherlandiża”) adotta Deċiżjoni għat-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali Biobor JF mill-utenti professjonali għat-trattament antimikrobiku tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru (“l-azzjoni”) sat-3 ta’ Marzu 2025. F’konformità mal-Artikolu 55(1), it-tieni subparagrafu ta’ dak ir-Regolament, l-awtorità kompetenti Netherlandiża għarrfet lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra bl-azzjoni u bil-ġustifikazzjoni għaliha. |
|
(2) |
F’konformità mal-informazzjoni li tat l-awtorità kompetenti Netherlandiża, l-azzjoni kienet meħtieġa biex titħares is-saħħa pubblika. Il-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru hija kkawżata minn mikroorganiżmi, bħall-batterji, il-moffa u l-ħmira, li joktru fl-ilma qiegħed u li jikbru permezz tal-idrokarburi tal-fjuwil fl-interfaċċa bejn il-fjuwil u l-ilma. Mingħajr trattament, il-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru tista’ twassal għal ħsara fil-magna tal-inġenju tal-ajru, u tipperikola l-ajrunavigabbiltà tal-inġenju tal-ajru, u b’hekk tipperikola s-sikurezza tal-passiġġieri u tal-ekwipaġġ. Id-detezzjoni, il-prevenzjoni u t-trattament tal-kontaminazzjoni mikrobijoloġika huma għalhekk kruċjali sabiex jiġu evitati l-problemi operattivi fl-inġenji tal-ajru. |
|
(3) |
Biobor JF fih 2,2’-(1-metiltrimetilendiossi)bis-(4-metil-1,3,2-diossaborinan) (in-numru CAS 2665-13-6) u 2,2’-ossibis (4,4,6-trimetil-1,3,2-diossaborinan) (in-numru CAS 14697-50-8) bħala sustanzi attivi. Il-Biobor JF huwa prodott bijoċidali tat-tip ta’ prodott 6, (“preżervattivi għall-prodotti matul il-ħżin”), kif iddefinit fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. 2,2’-(1-metiltrimetilendiossi)bis-(4-metil-1,3,2-diossaborinan) u 2,2’-ossibis (4,4,6-trimetil-1,3,2-diossaborinan) ma ġewx evalwati għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 6. Billi dawk is-sustanzi mhumiex elenkati fost il-kombinamenti ta’ sustanzi/tipi ta’ prodotti inklużi fil-programm ta’ rieżami fis-17 ta’ Marzu 2022, kif stabbilit fl-Anness II tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014 (2), huma mhumiex inklużi fil-programm ta’ ħidma tal-eżami sistematiku tas-sustanzi attivi eżistenti kollha li hemm fil-prodotti bijoċidali msemmija fir-Regolament (UE) Nru 528/2012. Għalhekk, l-Artiklu 89 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 ma japplikax għal dawk is-sustanzi attivi u dawn għandhom jiġu vvalutati u approvati qabel ma l-prodotti bijoċidali li jkunu fihom ikunu jistgħu jiġu awtorizzati wkoll fil-livell nazzjonali. |
|
(4) |
Fl-14 ta’ Frar 2025, il-Kummissjoni rċeviet talba motivata mingħand l-awtorità kompetenti Netherlandiża għall-estensjoni tal-azzjoni f’konformità mal-Artikolu 55(1), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. It-talba motivata saret abbażi ta’ tħassib li s-sikurezza tat-trasport tal-ajru tista’ tkompli tiġi pperikolata mill-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru u abbażi tal-argument li l-BOKOR JF huwa essenzjali biex tiġi kkontrollata din il-kontaminazzjoni mikrobijoloġika. |
|
(5) |
Skont l-informazzjoni mogħtija mill-awtorità kompetenti Netherlandiża, l-uniku prodott bijoċidali alternattiv rakkomandat mill-manifatturi tal-inġenji tal-ajru u tal-magni tal-inġenji tal-ajru għat-trattament tal-kontaminazzjoni mikrobijoloġika, b’mod partikolari Kathon™ FP 1.5 ġie rtirat mis-suq f’Marzu tal-2020 minħabba l-anomaliji severi fl-imġiba tal-magni tal-inġenji tal-ajru li kienu osservati wara t-trattament tal-magni tal-inġenji tal-ajru b’dak il-prodott. Għalhekk, Biobor JF huwa l-uniku prodott disponibbli għal dak l-użu rrakkomandat mill-manifatturi tal-inġenji tal-ajru u tal-magni tal-inġenji tal-ajru. |
|
(6) |
Kif indikat mill-awtorità kompetenti Netherlandiża, it-trattament mekkaniku tal-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru mhux dejjem ikun possibbli u l-proċeduri rrakkomandati mill-manifatturi tal-magni jeħtieġu t-trattament bi prodott bijoċidali saħansitra meta jkun possibbli t-tindif mekkaniku. Barra minn hekk, it-trattament mekkaniku jesponi lill-ħaddiema għall-gassijiet tossiċi u għalhekk jenħtieġ li jkun evitat. |
|
(7) |
Skont l-informazzjoni disponibbli mogħtija lill-Kummissjoni, il-manifattur tal-Biobor JF ħa l-passi sabiex jikseb l-awtorizzazzjoni tal-prodott. Applikazzjoni għall-approvazzjoni tas-sustanzi attivi li fih il-Biobor JF hija mistennija li tiġi ppreżentata sa nofs l-2025. L-approvazzjoni tas-sustanzi attivi u l-awtorizzazzjoni tal-prodott bijoċidali jkunu jikkostitwixxu soluzzjoni permanenti iżda jkun meħtieġ ammont sinifikanti ta’ żmien għat-tlestija tal-proċeduri ta’ approvazzjoni u ta’ awtorizzazzjoni. |
|
(8) |
In-nuqqas ta’ kontroll tal-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru jista’ jipperikola s-sikurezza tat-trasport bl-ajru, u dak il-periklu ma jistax jiġi kkontrollat biżżejjed bl-użu ta’ prodott bijoċidali ieħor jew b’mezzi oħra. Għaldaqstant jixraq li l-awtorità kompetenti Netherlandiża titħalla testendi l-azzjoni. |
|
(9) |
Peress li l-azzjoni skadiet fit-3 ta’ Marzu 2025, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tapplika b’mod retroattiv. |
|
(10) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Ministeru Netherlandiż għall-Infrastruttura u l-Ġestjoni tal-Ilma jista’ jestendi l-azzjoni għat-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali Biobor JF mill-utenti professjonali għat-trattament antimikrobiku tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru sal-5 ta’ Settembru 2026.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Ministeru Netherlandiż għall-Infrastruttura u l-Ġestjoni tal-Ilma.
Għandha tapplika mill-4 ta’ Marzu 2025.
Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Ġunju 2025.
Għall-Kummissjoni
Olivér VÁRHELYI
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/528/oj.
(2) Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014 tal-4 ta’ Awwissu 2014 dwar il-programm ta’ ħidma għall-evalwazzjoni sistematika tas-sustanzi attivi bijoċidali kollha li jeżistu fil-prodotti bijoċidali msemmijin fir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 294, 10.10.2014, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2014/1062/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/1071/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)