|
5.7.2006 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea |
208 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1678/2004
ta’ l-24 ta' Settembru 2004
dwar is-sospensjoni tal-kwoti tat-tariffa applikabbli għall-importazzjoni fil-Komunità ta’ ċerti prodotti agrikoli pproċessati li joriġinaw mill-Bulgarija
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3448/93 tas-6 ta’ Diċembru 1993 li jistipula l-arranġamenti tal-kummerċ applikabbli għal ċerti oġġetti li jirriżultaw mill-ipproċessar ta’ prodotti agrikoli (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(2) tiegħu,
Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/278/KE tad-9 ta’ Marzu 1999 relatata mal-konklużjoni tal-Protokoll li jaġġusta aspetti tal-kummerċ tal-Ftehim ta’ l-Ewropa bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Bulgarija, fuq in-naħa l-oħra, biex tiġi kkunsidrata l-adeżjoni tar-Repubblika ta’ l-Awstrija, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju ta’ l-Isvezja fl-Unjoni Ewropea u r-riżultat tan-negozjati agrikoli ta’ l-Uruguay Round, inkluż titjib fl-arranġamenti preferenzjali eżistenti (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 2 tagħha,
Billi:
|
(1) |
Il-Protokoll 3 tal-Ftehim ta’ l-Ewropa bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Bulgarija, approvat bid-Deċiżjoni 94/908/KE, KEFA, Euratom tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ l-Ewropa li jwaqqaf assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Bulgarija, fuq in-naħa l-oħra (3), jistipula l-arranġamenti tal-Kummerċ għall-prodotti agrikoli pproċessati li huma elenkati fih. |
|
(2) |
Il-Protokoll 3 kien emendat bil-Protokoll li jaġġusta l-aspetti tal-kummerċ tal-Ftehim ta’ l-Ewropa bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Bulgarija (4), approvat bid-Deċiżjoni 1999/278/KE u emendat bid-Deċiżjoni Nru 2/2002 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Bulgarija. (5) |
|
(3) |
Il-kwoti annwali msemmija f’Anness I tal-Protokoll 3 ġew adottati bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1446/2002 tat-8 ta’ Awissu 2002 dwar is-sospensjoni u l-ftuħ ta’ kwoti ta’ tariffi applikabbli għall-importazzjoni fil-Komunità ta’ ċerti prodotti agrikoli pproċessati li joriġinaw mill-Bulgarija u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1477/2000 (6). L-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament isemmi li dawn il-kwoti ta’ tariffi għandhom jinfetħu kull sena mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru. |
|
(4) |
Reċentement ġew innegozjati arranġamenti ġodda kummerċjali li għandhom l-għan li jtejbu l-konverġenza ekonomika bi preparazzjoni għall-adeżjoni tal-Bulgarija fl-Unjoni Ewropea. Sar ftehim fuq konċessjonijiet fil-forma ta’ liberalizazzjoni sħiħa jew progressiva fil-kummerċ ta’ ċerti prodotti agrikoli pproċessati u fuq kwoti mingħajr dazju għal oħrajn. |
|
(5) |
Il-konċessjonijiet mogħtija mill-Komunità daħlu fis-seħħ fil-forma ta’ miżuri awtonomi u miżuri transitorji fl-1 ta' Ottubru 2004 skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1676/2004 ta’ l-24 ta' Settembru 2004 li jadotta miżuri awtonomi u transitorji li jikkonċernaw l-importazzjoni ta’ ċerti prodotti agrikoli pproċessati li joriġinaw mill-Bulgarija u l-esportazzjoni ta’ ċerti prodotti agrikoli pproċessati lejn il-Bulgarija (7). |
|
(6) |
Huwa għalhekk meħtieġ li tiġi sospiża l-applikazzjoni tal-kwoti ta’ tariffi, miftuħa għas-sena 2004 għall-importazzjoni fil-Komunità ta’ prodotti li joriġinaw fil-Bulgarija bir-Regolament (KE) Nru 1446/2002. |
|
(7) |
Il-miżuri msemmija f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Amministrattiv dwar mistoqsijiet orizzontali li jikkonċernaw il-kummerċ ta’ prodotti agrikoli pproċessati mhux elenkati f’Anness I, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-applikazzjoni tal-kwoti tat-tariffa għal oġġetti li joriġinaw mill-Bulgarija, miftuħa bir-Regolament (KE) Nru 1446/2002, għandha tkun sospiża b’effett mill- 1 ta' Ottubtu 2004.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta' Ottubtu 2004.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussel, nhar l-24 ta' Settembru 2004.
Għall-Kummissjoni
Olli REHN
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 318, tal-20.12.1993, p. 18. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2580/2000 (ĠU L 298, tal-25.11.2000, p.5).
(2) ĠU L 112, tad-29.4.1999, p. 1.
(3) ĠU L 358,tal-31.12.1994, p. 1.
(4) ĠU L 112, tad-29.4.1999, p. 3.
(5) ĠU L 18, tat-23.1.2003, p. 21.
(6) ĠU L 213,tad-9.8.2002, p.3.
(7) ĠU L (għadu mhux ippubblikat).