13.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 161/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 538/2013

tal-11 ta’ Ġunju 2013

li jistabbilixxi miżuri tranżitorji għal ċerti liċenzji ta’ importazzjoni u ta’ esportazzjoni u ċertifikati ta’ ffissar ta’ rati minn qabel għall-kummerċ ta’ prodotti agrikoli bejn l-Unjoni kif ikkostitwita fit-30 ta’ Ġunju 2013 u l-Kroazja

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat tal-Adeżjoni tal-Kroazja, u b’mod partikolari l-Artikolu 3(4) tiegħu,

Wara li kkunsidrat l-Att tal-Adeżjoni tal-Kroazja, u b’mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu,

Billi:

(1)

Qabel l-1 ta’ Lulju 2013, il-kummerċ f’ċerti prodotti agrikoli bejn l-Unjoni u l-Kroazja huwa soġġett għall-preżentazzjoni ta’ liċenzja ta’ importazzjoni jew ta’ esportazzjoni. Mill-1 ta’ Lulju 2013, dawn il-liċenzji ma jistgħux jibqgħu jintużaw għal dan il-kummerċ.

(2)

Ċerti liċenzji u ċertifikati ta’ ffissar ta’ rati minn qabel li se jkunu għadhom validi wara t-30 ta’ Ġunju 2013 mhux se jkunu ntużaw jew se jkunu ntużaw biss parzjalment. L-obbligi li ddaħħlu fl-ambitu ta’ dawn il-liċenzji u ċertifikati għandhom jiġu onorati, u f’nuqqas ta’ dan il-garanziji mogħtija jintilfu. Peress li tali obbligi ma jistgħux jibqgħu jiġu onorati wara l-adeżjoni tal-Kroazja, jidher li huwa meħtieġ li jiġi stabbilit, b’effett mid-data ta’ dik l-adeżjoni, miżura tranżitorja li tipprovdi għar-rilaxx tal-garanziji mogħtija.

(3)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fuq talba mill-partijiet interessati, il-garanziji li ġew mogħtija għall-ħruġ ta’ liċenzji ta’ importazzjoni u ta’ esportazzjoni u ta’ ċertifikati ta’ ffissar ta’ rati minn qabel, għandhom jiġu rilaxxati, skont il-kundizzjonijiet li ġejjien:

(a)

il-pajjiż esportatur jew il-pajjiż riċevitur indikat fuq il-liċenzji jew fuq iċ-ċertifikati ta’ ffissar minn qabel huwa l-Kroazja. Fejn l-indikazzjoni pajjiż esportatur jew pajjiż riċevitur mhiex obbligatorja fuq il-liċenzja jew ċertifikat ta’ ffissar ta’ rati minn qabel, l-operatur għandu jagħti prova għas-sodisfazzjoni tal-awtorità kompetenti illi l-pajjiż esportatur jew il-pajjiż riċevitur huwa l-Kroazja;

(b)

il-validità tal-liċenzji jew ċertifikati ta’ ffissar ta’ rati minn qabel ma tiskadix qabel l-1 ta’ Lulju 2013;

(c)

il-liċenzji jew iċ-ċertifikati tal-iffissar ta’ rati minn qabel se jkunu ntużaw biss parzjalment jew xejn affattu sal-1 ta’ Lulju 2013.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ suġġett għat-Trattat tal-Adeżjoni tal-Kroazja u fid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Ġunju 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO