22.10.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 374/60


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/1856

tat-18 ta’ Ottubru 2021

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit bil-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-estensjoni tal-validità tal-prijoritajiet strateġiċi UE-Tuneżija sakemm jiġu adottati prijoritajiet strateġiċi aġġornati ġodda mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 217 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra (1) (“il-Ftehim”) ġie ffirmat fis-17 ta’ Lulju 1995 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 1998.

(2)

Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni adottata il-prijoritajiet strateġiċi UE-Tuneżija bid-Deċiżjoni Nru 1/2018 tiegħu (2).

(3)

Fi skambju ta’ ittri, iż-żewġ naħat qablu li jenħtieġ li tiġi estiża l-validità tal-prijoritajiet strateġiċi UE-Tuneżija bħala dokument ta’ gwida biex tiġi kkonsolidata s-sħubija sakemm jiġu adottati prijoritajiet strateġiċi aġġornati ġodda.

(4)

Skont l-Artikolu 80 tal-Ftehim, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu s-setgħa jieħu deċiżjonijiet għall-finijiet tal-ilħuq tal-objettivi tal-Ftehim.

(5)

Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu jadotta deċiżjoni permezz ta’ proċedura bil-miktub biex jestendi l-validità tal-prijoritajiet strateġiċi sakemm jiġu adottati prijoritajiet strateġiċi aġġornati ġodda mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni.

(6)

Għalhekk ikun xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, billi d-deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni ser ikollha effetti legali

(7)

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għalhekk jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill ta’Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-estensjoni tal-validità tal-prijoritajiet strateġiċi UE-Tuneżija sakemm jiġu adottati prijoritajiet strateġiċi aġġornati ġodda mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni (3).

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-18 ta’ Ottubru 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)   ĠU L 97, 30.3.1998, p. 2.

(2)  Id-Deċiżjoni Nru 1/2018 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Tuneżija tad-9 ta’ Novembru 2018 li tadotta l-prijoritajiet strateġiċi UE-Tuneżija għall-perijodu 2018-2020 (ĠU L 293, 20.11.2018, p. 39).

(3)  Ara d-dokument ST 12265/21 fuq http://register.consilium.europa.eu.