European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/4279

1.7.2024

DEĊIŻJONI TAL-BUREAU TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-24 ta’ Ġunju 2024

li temenda l-Miżuri ta’ Implimentazzjoni tal-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew

(C/2024/4279)

IL-BUREAU TAL-PARLAMENT EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 223(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-Artikolu 25 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 69(2) tal-Miżuri ta’ Implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew (2) (“il-Miżuri ta’ Implimentazzjoni”), l-ammont massimu fix-xahar li jista’ jitħallas fir-rigward tal-persunal personali li jipprovdi l-assistenza parlamentari msemmija fl-Artikolu 29(4) tal-Miżuri ta’ Implimentazzjoni, fejn xieraq, għandu jiġi indiċizzat kull sena mill-Bureau abbażi tal-Indiċi Konġunt stabbilit mill-Eurostat biex titkejjel il-bidla fl-għoli tal-ħajja għall-uffiċjali tal-UE (“Indiċi Konġunt”) skont l-Artikolu 65 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra, u f’konformità mal-Anness XI tagħhom, stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (3) (“ir-Regolamenti tal-Persunal”). Dak l-indiċjar normalment jiġi deċiż mill-Bureau f’Diċembru, u jieħu effett b’mod retroattiv minn Lulju tas-sena inkwistjoni. Madankollu, minħabba l-inflazzjoni straordinarja f’dawn l-aħħar snin, huwa meħtieġ adattament intermedju.

(2)

Skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal imsemmija hawn fuq, il-limitu speċifiku biex jiskatta aġġornament intermedju fir-remunerazzjoni tal-uffiċjali tal-UE huwa żieda fl-inflazzjoni ta’ ± 3.0 % jew aktar għall-perjodu ta’ sitt xhur mill-1 ta’ Lulju sal-1 ta’ Jannar. Għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2023 sal-1 ta’ Jannar 2024, l-Indiċi Konġunt stabbilit mill-Eurostat huwa ffissat għal 103.0 (+ 3.0 %). Peress li din il-bidla tilħaq il-limitu ta’ 3 %, huwa meħtieġ aġġornament intermedju ġenerali tar-remunerazzjoni nominali tal-uffiċjali tal-UE, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2024.

(3)

Dak l-aġġornament jikkonċerna wkoll is-salarji tal-assistenti parlamentari akkreditati (APA) tal-Membri li huma koperti mir-Regolamenti tal-Persunal. Peress li s-salarji tal-APAs jitħallsu mill-pakkett tal-Membri għall-ispejjeż tal-assistenza parlamentari, huwa meħtieġ li dan il-pakkett jiġi aġġornat kif xieraq.

(4)

Il-Kummissjoni, f’dan ir-rigward, iffissat ir-rata ta’ aġġustament għall-perjodu minn Jannar sa Ġunju 2024 għal +3,0 %. Għalhekk, l-ammont massimu ta’ kull xahar li jista’ jitħallas fir-rigward tal-ispejjeż għall-assistenza parlamentari għandu għalhekk jiżdied għal EUR 29 557 b’effett mill-1 ta’ Jannar 2024 u l-Miżuri ta’ Implimentazzjoni għandhom jiġu emendati kif xieraq,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 29 tal-Miżuri ta’ Implimentazzjoni, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   L-ammont massimu kull xahar li jista’ jitħallas fir-rigward tal-istaff personali msemmi fl-Artikolu 30 għandu jkun EUR 29 557 b’effett mill-1 ta’ Jannar 2024.”;

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2024.

 


(1)  Id-Deċiżjoni 2005/684/KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tat-28 ta’ Settembru 2005 li tadotta l-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew (ĠU L 262, 7.10.2005, p. 1, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/dec/2005/684/oj).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Mejju u tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew (ĠU C 159, 13.7.2009, p. 1).

(3)   ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4279/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)