Brussell, 13.3.2024

COM(2024) 118 final

2024/0065(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni matul it-58 sessjoni tal-Kumitat ta’ Esperti dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija fir-rigward ta’ ċerti emendi tal-Appendiċi C tal-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat ta’ Esperti dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi (il-Kumitat ta’ Esperti RID) tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF). Hija marbuta mal-adozzjoni prevista ta’ ċerti emendi tad-dispożizzjonijiet tekniċi u amministrattivi li jinsabu fl-Anness tal-Appendiċi C tal-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF). Dawn l-emendi għandhom jiġu deċiżi mill-imsemmi kumitat.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF)

Il-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata bil-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999, hija ftehim internazzjonali li fih, kemm l-Unjoni kif ukoll 25 Stat Membru huma Partijiet Kontraenti (Ċipru u Malta biss mhumiex).

L-Unjoni Ewropea ssieħbet fil-COTIF permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/103/UE tas-16 ta’ Ġunju 2011 1 .

2.2.Ir-Regolament dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi bil-Ferrovija (RID)

Skont l-Artikolu 7 tagħha, il-COTIF tkopri wkoll, fost l-oħrajn, l-Appendiċijiet imsemmija fl-Artikolu 6 tagħha. Dawn jinkludu r-“Regolament dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi bil-Ferrovija (RID)”, li huwa l-Appendiċi C tal-Konvenzjoni. L-RID japplika sakemm ma jsirux dikjarazzjonijiet f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-COTIF 2 .

L-RID jimmira li jirregola t-trasport internazzjonali ta’ oġġetti perikolużi bil-ferrovija bejn l-Istati Membri tal-OTIF li japplikaw ir-regoli tal-RID (l-Istati Kontraenti tal-RID) 3 .

Id-Direttiva 2008/68/KE dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi 4 tistipula li l-RID japplika wkoll għall-ġarr li jsir fl-Istati Membri tal-UE.

2.3.Il-Kumitat ta’ Esperti tal-RID

Il-Kumitat ta’ Esperti tal-RID huwa korp imwaqqaf mill-Artikolu 13(1)(d) tal-COTIF. F’konformità mal-Artikolu 18 tal-COTIF, il-Kumitat ta’ Esperti tal-RID għandu jieħu deċiżjonijiet dwar il-proposti bl-għan li jimmodifikaw il-Konvenzjoni. Il-Kumitat huwa magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri tal-OTIF li japplikaw l-RID, kif ukoll minn rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea.

2.4.L-att previst tal-Kumitat ta’ Esperti tal-RID

Fit-23 ta’ Mejju 2024, waqt it-58 sessjoni tiegħu, il-Kumitat ta’ Esperti tal-RID huwa mistenni jadotta sett ta’ emendi li jaġġornaw l-Anness tal-RID (“l-att previst”) fid-dawl il-progress tekniku u xjentifiku.

L-iskop tal-att previst huwa li jiżgura trasport sikur u sigur tal-oġġetti perikolużi bil-ferrovija, billi jaġġorna ċerti dispożizzjonijiet. Fost l-oħrajn dan jinkludi l-lista ta’ oġġetti perikolużi permessi għat-trasport, l-istruzzjonijiet għall-ippakkjar, il-lista ta’ standards applikabbli, u r-rekwiżiti tekniċi oħra applikabbli għal diversi mezzi ta’ konteniment.

Jista’ jiġi nnutat li d-dispożizzjonijiet internazzjonali dwar it-trasport ta’ oġġetti perikolużi huma stabbiliti f’organizzazzjonijiet internazzjonali varji, bħall-OTIF. Dan jinkludi l-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NUKEE) u l-korpi speċjalizzati varji tan-Nazzjonijiet Uniti, bħas-Sottokumitat ta’ Esperti tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali (ECOSOC) dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi. Minħabba li r-regoli jridu jkunu kompatibbli, ġiet żviluppata sistema internazzjonali kumplessa għall-koordinazzjoni u l-armonizzazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet involuti f’dan ix-xogħol. Id-dispożizzjonijiet jiġu adattati wara ċiklu ta’ sentejn.

Matul it-tħejjija ta’ dawn l-emendi ġiet ikkonsultata firxa wiesgħa ta’ esperti mis-settur pubbliku u privat. Il-laqgħat tekniċi li ġejjin saru matul it-tħejjija ta’ dawn l-emendi:

–Is-Sottokumitat ta’ Esperti dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi tal-ECOSOC tan-NU:

(1)it-58 sessjoni f’Ġinevra, bejn it-28 ta’ Ġunju u t-2 ta’ Lulju 2021;

(2)id-59 sessjoni f’Ġinevra, bejn id-29 ta’ Novembru u t-8 ta’ Diċembru 2021;

(3)is-60 sessjoni f’Ġinevra, bejn is-27 ta’ Ġunju u s-6 ta’ Lulju 2022;

(4)il-61 sessjoni f’Ġinevra, bejn it-28 ta’ Novembru u s-6 ta’ Diċembru 2022;

(5)it-62 sessjoni f’Ġinevra, bejn it-3 u s-7 ta’ Lulju 2023;

–il-Laqgħa Konġunta tal-Kumitat ta’ Esperti tal-RID tan-NUKEE u l-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi:

(1)is-sessjoni tar-rebbiegħa tal-2022 f’Bern, bejn l-14 u t-18 ta’ Marzu 2022;

(2)is-sessjoni tal-ħarifa tal-2022 f’Ġinevra, bejn it-12 u s-16 ta’ Settembru 2022;

(3)is-sessjoni tar-rebbiegħa tal-2023 f’Bern, bejn l-20 u l-24 ta’ Marzu 2023;

(4)is-sessjoni tal-ħarifa tal-2023 f’Ġinevra, bejn id-19 u s-27 ta’ Settembru 2023;

(5)sessjoni oħra tal-Laqgħa Konġunta se ssir f’Bern, bejn il-25 u t-28 ta’ Marzu 2024;

–Il-Grupp ta’ Ħidma Permanenti tal-Kumitat ta’ Esperti tal-RID:

(1)il-15-il sessjoni f’Berm, bejn it-23 u l-24 ta’ Novembru 2022;

(2)is-16-il sessjoni f’Londra, bejn l-20 u t-23 ta’ Novembru 2023.

F’dawn il-laqgħat, il-proposti individwali għall-emendi ġew analizzati u pproċessati mill-esperti tal-kumitati msemmija hawn fuq. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, intlaħaq appoġġ unanimu tal-azzjoni rakkomandata. Għal ċerti proposti, ir-rakkomandazzjonijiet huma appoġġati minn maġġoranza ta’ esperti.

F’konformità mal-Artikolu 35 tal-COTIF, ladarba l-Kumitat ta’ Esperti tal-RID jiddeċiedi, l-emendi għandhom jidħlu fis-seħħ għall-Partijiet Kontraenti kollha fl-ewwel jum tas-sitt xahar wara dak li matulu s-Segretarju Ġenerali jkun innotifika lill-Partijiet Kontraenti dwarhom. Parti Kontraenti tista’ tifformola oġġezzjoni fi żmien erba’ xhur mill-jum tan-notifika. F’każ ta’ oġġezzjoni minn kwart tal-Partijiet Kontraenti, l-emenda ma tidħolx fis-seħħ.

L-Artikolu 38 tal-COTIF jistabbilixxi li, għall-finijiet tal-eżerċizzju tad-dritt tal-vot u tad-dritt għal oġġezzjoni previsti fl-Artikolu 35(4), organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika bħall-Unjoni Ewropea “għandu jkollha għadd ta’ voti daqs l-għadd tal-voti tal-membri tagħha li huma wkoll Stati Membri tal-Organizzazzjoni”.

Sakemm ma jsirux biżżejjed oġġezzjonijiet mill-Partijiet, l-emendi kkonċernati skont din il-proposta huma mistennija jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2025 u jkunu vinkolanti għall-Unjoni u għall-Istati Membri, u b’hekk isiru parti integrali mill-acquis tal-Unjoni.

3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

3.1.Kompetenza esklużiva tal-Unjoni

L-Unjoni hija Parti Kontraenti sħiħa fil-COTIF.

Barra minn hekk, l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/68/KE jipprevedi li l-Anness tal-RID għandu japplika għat-trasport ta’ oġġetti perikolużi bil-ferrovija fl-Istati Membri jew bejniethom, għajr dawk l-Istati Membri li ma għandhomx sistema ferrovjarja. L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/68/KE rigward il-pajjiżi terzi jistabbilixxi li t-“trasport ta’ oġġetti perikolużi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi għandu jiġi awtorizzat kemm-il darba jkun konformi mar-rekwiżiti tal-ADR, 5 l-RID jew l-ADN 6 , ħlief jekk ikun indikat mod ieħor fl-Annessi”.

Għal dan il-għan, il-Kummissjoni ngħatat is-setgħa li tadatta l-Anness II, it-Taqsima II.1 tad-Direttiva 2008/68/KE permezz ta’ att delegat, skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva.

Jista’ jiġi nnutat ukoll li d-Direttiva 2008/68/KE dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi 7 tinsab fuq il-lista ta’ strumenti tal-Unjoni li permezz tagħhom l-Unjoni eżerċitat il-kompetenza tagħha u li kienu fis-seħħ fi żmien tal-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-UE u l-OTIF 8 .

3.2.Pożizzjoni li għandha tittieħed

L-emendi tal-RID jaqgħu għalkollox fi ħdan il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, u jeħtieġ tiġi stabbilita pożizzjoni tal-Unjoni.

L-emendi previsti jitqiesu xierqa għat-trasport sikur ta’ oġġetti perikolużi b’mod kosteffettiv, filwaqt li jitqies il-progress teknoloġiku, u għalhekk jistgħu jiġu appoġġati.

4.Bażi legali

4.1.Bażi legali proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim”.

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li għandhom effetti legali bis-saħħa ta’ regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw is-sede inkwistjoni. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “ jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni” 9 .

4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-att li l-Kumitat ta’ Esperti tal-RID huwa mitlub jadotta jikkostitwixxi att li għandu effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti fuq l-Unjoni skont id-dritt internazzjonali, f’konformità mal-Artikolu 6 tal-RID, li skontu l-Anness li għandu jiġi emendat, jifforma parti integrali mir-Regolament.

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/68/KE, l-Anness tal-RID għandu japplika għat-trasport ta’ oġġetti perikolużi bil-ferrovija fl-Istati Membri jew bejniethom, għajr dawk l-Istati Membri li ma għandhomx sistema ferrovjarja. L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/68/KE rigward il-pajjiżi terzi jistabbilixxi li t-“trasport ta’ oġġetti perikolużi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi għandu jiġi awtorizzat kemm-il darba jkun konformi mar-rekwiżiti tal-ADR, l-RID jew l-ADN, ħlief jekk ikun indikat mod ieħor fl-Annessi”.

L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Għalhekk, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi legali sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi legali sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi qabelxejn mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni.

4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-objettiv u l-kontenut ewlenin tad-Deċiżjoni proposta huma marbuta mat-trasport ta’ oġġetti perikolużi bil-ferrovija.

Għalhekk, il-bażi legali sostantiva tad-Deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 91 tat-TFUE.

4.3.Konklużjoni

Il-bażi legali tad-deċiżjoni proposta għandha tkun l-Artikolu 91, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

5.Pubblikazzjoni tal-att previst

Peress li d-Deċiżjoni proposta tal-Kumitat ta’ Esperti tal-RID se temenda l-Anness tal-RID, jixraq li wara l-adozzjoni tagħha l-informazzjoni dwar l-eżitu tal-laqgħa tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2024/0065 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni matul it-58 sessjoni tal-Kumitat ta’ Esperti dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija fir-rigward ta’ ċerti emendi tal-Appendiċi C tal-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)L-Unjoni ssieħbet fil-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata bil-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999 (“COTIF”), permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/103/UE 10 .

(2)Skont l-Artikolu 6 tal-COTIF, it-traffiku ferrovjarju internazzjonali, u l-ammissjoni ta’ materjal ferrovjarju fit-traffiku internazzjonali, għandhom ikunu rregolati minn regoli li huma elenkati fl-istess Artikolu, b’mod partikolari r-“Regolament dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi bil-Ferrovija (RID)”, li jifforma l-Appendiċi C tal-Konvenzjoni.

(3)Id-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 11 tistabbilixxi r-rekwiżiti għat-trasport ta’ oġġetti perikolużi bit-triq, bil-ferrovija jew bil-passaġġi fuq l-ilmijiet interni fl-Istati Membri jew bejniethom, billi tirreferi għall-RID.

(4)Skont l-Artikolu 13(1)(d) tal-COTIF, il-Kumitat ta’ Esperti dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi (“il-Kumitat ta’ Esperti tal-RID”) tal-Organizzazzjoni għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (“OTIF”) jista’ jadotta emendi għall-Anness tar-RID.

(5)Il-Kumitat ta’ Esperti tal-RID, fit-58 sessjoni tiegħu fit-23 ta’ Mejju 2024, se jadotta emendi biex jadatta l-Anness tal-RID skont il-progress xjentifiku u tekniku.

(6)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat ta’ Esperti tal-RID, peress li l-emendi tal-RID se jkunu vinkolanti għall-Unjoni.

(7)L-emendi previsti għandhom l-għan li jiżguraw it-trasport sikur u effiċjenti ta’ oġġetti perikolużi filwaqt li jitqies il-progress xjentifiku u tekniku fis-settur, kif ukoll l-iżvilupp ta’ sustanzi u oġġetti ġodda li jistgħu joħolqu periklu matul it-trasport tagħhom.

(8)L-emendi previsti jitqiesu xierqa għat-trasport sikur ta’ oġġetti perikolużi b’mod kosteffettiv, u għalhekk jistgħu jiġu appoġġati.

(9)It-tibdiliet minuri fid-dokumenti msemmija fl-Anness jista’ jintlaħaq qbil dwarhom f’livell tekniku waqt is-17-il sessjoni tal-grupp ta’ ħidma permanenti tal-Kumitat ta’ Esperti tal-RID tat-22 ta’ Mejju 2024, inkluż abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tal-Laqgħa Konġunta tal-UNECE tal-Kumitat ta’ Esperti tal-RID u l-Grupp ta' Ħidma dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni waqt it-58 sessjoni tal-Kumitat ta’ Esperti dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi (“il-Kumitat ta’ Esperti tal-RID”) tal-Organizzazzjoni għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (“OTIF”), fil-qafas tal-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata bil-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999, hija stabbilita fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat ta’ Esperti tal-RID jistgħu jaqblu fuq bidliet minuri fid-dokumenti msemmija fl-Anness, mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 2

Ladarba jiġu adottati, id-deċiżjonijiet tal-Kumitat ta’ Esperti tal-RID għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, b’indikazzjoni tad-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/103/UE tas-16 ta’ Ġunju 2011 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija dwar l-Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata mill-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999, ĠU L 51, 23.2.2013, p. 1.
(2)    L-Artikolu 42(1) tal-COTIF.
(3)    Attwalment, hemm 50 Stat Membru tal-OTIF u 45 Stat Kontraenti tal-RID.
(4)    Id-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi, ĠU L 260, 30.9.2008, p. 13.
(5)    Il-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi bit-Triq, konkluż f’Ġinevra fit-30 ta’ Settembru 1957.
(6)    Il-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi fuq Passaġġi tal-Ilma Interni, konkluż f’Ġinevra fis-26 ta’ Mejju 2000.
(7)    Id-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi, ĠU L 260, 30.9.2008, p. 13.
(8)    L-Appendiċi tal-Anness I tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/103/UE tas-16 ta’ Ġunju 2011.
(9)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi 61 sa 64.
(10)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/103/UE tas-16 ta’ Ġunju 2011 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija dwar l-Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata mill-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999, ĠU L 51, 23.2.2013, p. 1.
(11)    Id-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi, ĠU L 260, 30.9.2008, p. 13.