Brussell, 17.2.2025

COM(2025) 44 final

2025/0025(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Parteċipanti fil-Ftehim Settorjali dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni għall-Inġenji tal-Ajru Ċivili


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-laqgħat tal-Parteċipanti fil-Ftehim Settorjali dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni għal Inġenji tal-Ajru Ċivili, l-Anness III tal-Arranġament tal-OECD dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati (“l-Arranġament”) fir-rigward tal-emendi tal-Ftehim Settorjali dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni għal Inġenji tal-Ajru Ċivili (“il-Ftehim Settorjali għall-Inġenji tal-Ajru” jew , “ASU”, Aircraft Sector Understanding).

2.Kuntest tal-proposta

2.1.L-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati u l-Ftehim Settorjali għall-Inġenji tal-Ajru

L-Arranġament huwa ftehim informali bejn l-Unjoni, l-Istati Uniti, il-Kanada, il-Ġappun, il-Korea, in-Norveġja, l-Iżvizzera, l-Awstralja, New Zealand, it-Turkija u r-Renju Unit (il-“Parteċipanti”), li jipprovdi qafas għall-użu ordnat ta’ krediti għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġati. Fil-prattika dan ifisser li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ekwi ta’ kompetizzjoni bejn il-Parteċipanti (li permezz tagħhom il-kompetizzjoni tkun ibbażata fuq il-prezz u l-kwalità tal-prodotti u s-servizzi esportati u mhux fuq it-termini finanzjarji offruti) u ħidma biex jiġu eliminati s-sussidji u d-distorsjonijiet kummerċjali relatati ma’ krediti għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġati. L-Arranġament daħal fis-seħħ f’April 1978, huwa ta’ durata indefinita, u għalkemm is-Segretarjat tal-OECD jipprovdi appoġġ għall-implimentazzjoni tiegħu, mhuwiex Att tal-OECD 1 .

Uħud mir-regoli stabbiliti fl-Arranġament huma speċifiċi għas-settur u dettaljati fl-annessi settorjali tal-Arranġament (imsejħa “Ftehimiet Settorjali”). L-ASU huwa ftehim awtonomu għal krediti għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġati relatati ma’ inġenji tal-ajru ċivili. Huwa jopera b’mod indipendenti mill-Arranġament.

L-ASU huwa ġestit mill-Parteċipanti tiegħu stess, li huma l-Awstralja, il-Brażil, il-Kanada, l-Unjoni Ewropea, il-Ġappun, il-Korea, New Zealand, in-Norveġja, l-Iżvizzera, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti.

L-ASU huwa soġġett għal aġġornamenti regolari, filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi tas-suq finanzjarju u tal-politika li jaffettwaw l-għoti ta’ krediti għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġati. L-ASU ġie traspost, u għalhekk sar legalment vinkolanti fl-Unjoni bis-saħħa tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 2 . Reviżjonijiet tal-patti u l-kundizzjonijiet tal-Arranġament huma inkorporati fid-dritt tal-UE permezz ta’ Atti Delegati skont l-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament.

2.2.Il-Parteċipanti fil-Ftehim Settorjali għall-Inġenji tal-Ajru u t-teħid tad-deċiżjonijiet

Il-Kummissjoni Ewropea tirrappreżenta lill-Unjoni fil-laqgħat tal-Parteċipanti tal-ASU, kif ukoll fil-proċeduri bil-miktub għat-teħid ta’ deċiżjonijiet mill-Parteċipanti tal-ASU. Id-deċiżjonijiet kollha dwar l-emendi tal-Arranġament jittieħdu b’kunsens.

2.3.L-att previst tal-Parteċipanti fl-ASU

Għalkemm l-ASU huwa ffukat fuq krediti għall-esportazzjoni relatati mal-esportazzjonijiet ta’ inġenji tal-ajru ċivili, il-Parteċipanti jipprovdu wkoll appoġġ taħt l-ASU għal tranżazzjonijiet li jinvolvu l-forniment ta’ manutenzjoni u servizzi oħra, kif ukoll l-esportazzjoni ta’ spare parts u kits tal-magni. Madankollu, il-prattika fl-ASU matul is-snin uriet ambigwitajiet rigward l-applikazzjoni tar-regoli għal tranżazzjonijiet ta’ dan it-tip. Għalhekk, ġie propost li termini u kundizzjonijiet speċifiċi għal kuntratti ta’ manutenzjoni u servizz kif ukoll spare parts u kits tal-magni (relatati ma’ inġenji tal-ajru koperti mill-ASU) jiġu inklużi fl-ASU. Ir-regoli jiżguraw applikazzjoni u interpretazzjoni koerenti tat-termini tal-ASU għal dawn it-tranżazzjonijiet, u b’hekk jikkontribwixxu għal kundizzjonijiet aktar ekwi.

B’mod speċifiku, ir-regoli:

·jippermettu termini itwal ta’ ripagament għal tranżazzjonijiet ’il fuq minn ċertu valur tal-kuntratt;

·inaqqsu l-ħlas parzjali minimu minn 30 % għal 15 % tal-valur tal-kuntratt tal-esportazzjoni; u

·u jadattaw id-definizzjoni tal-punt tal-bidu tal-kreditu (li llum hija ffukata fuq il-mument li x-xerrej jirċievi l-inġenju tal-ajru ewlieni kuntrarjament għad-dimensjoni tas-servizzi) biex ikun hemm konformità mal-istadji importanti tal-konsenja tipikament osservati f’dawk il-kuntratti.

Il-Parteċipanti fl-ASU ilhom jiddiskutu ż-żieda ta’ dawn ir-regoli mill-2022, u mistenni eżitu fl-ewwel kwart tal-2025.

3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

Il-pożizzjoni proposta tal-Unjoni tkun li tappoġġa bidla fit-test tal-ASU rigward l-appoġġ ta’ kuntratti ta’ manutenzjoni u servizz, spare parts u kits tal-magni relatati mal-inġenji tal-ajru koperti mill-ASU. Ir-regoli speċifiċi l-ġodda jgħinu biex tiġi żgurata applikazzjoni koerenti tal-ASU fir-rigward ta’ dawk it-tranżazzjonijiet u jsaħħu l-kundizzjonijiet ekwi bejn il-Parteċipanti fl-ASU.

4.Bażi legali

4.1.Bażi legali proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp ikkonċernat. Jinkludi wkoll strumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni” 3 .

4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

L-att previst jista’ jinfluwenza b’mod deċiżiv il-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-UE, l-aktar ir-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti linji gwida fil-qasam tal-krediti ta’ esportazzjoni uffiċjalment appoġġati u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2001/76/KE u 2001/77/KE. Fil-fatt, l-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament jiddikjara li “l-linji gwida li jinsabu fl-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġjati (“l-Arranġament”) għandhom japplikaw fl-Unjoni. It-test tal-Arranġament huwa anness ma’ dan ir-Regolament.”. Huwa rilevanti wkoll l-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament, li jiddikjara li “l-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 3 sabiex temenda l-Anness II b’riżultat ta’ emendi għal-linji gwida miftiehma mill-Parteċipanti għall-Arranġament”. Dan jinkludi emendi tal-annessi għall-Arranġament, bħall-ASU.

Għalhekk, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE.

4.2.Bażi legali sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi legali sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni dwaru.

4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst huma relatati mal-krediti għall-esportazzjoni, li huwa fl-ambitu tal-politika kummerċjali komuni. Għaldaqstant, il-bażi legali sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 207 TFUE.

4.3.Konklużjoni

Il-bażi legali tad-deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) TFUE flimkien mal-Artikolu 218(9) TFUE.

5.Pubblikazzjoni tal-att previst

Billi l-att tal-Parteċipanti fl-Arranġament se jemenda l-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati li jifforma l-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011, huwa xieraq li jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-aċċettazzjoni tiegħu.

2025/0025 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Parteċipanti fil-Ftehim Settorjali dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni għall-Inġenji tal-Ajru Ċivili

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-linji gwida li jinsabu fl-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati (l-“Arranġament”), inkluż il-Ftehim Settorjali dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni għall-Inġenji tal-Ajru Ċivili (“il-Ftehim Settorjali għall-Inġenji tal-Ajru, ASU”, Aircraft Sector Understanding) li jinsabu fl-Anness III tal-Arranġament, ġew trasposti, u għalhekk saru legalment vinkolanti fl-Unjoni permezz tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 4 .

(2)Id-Deċiżjoni prevista dwar emenda għall-ASU għandha l-għan li tistabbilixxi regoli speċifiċi li jipprovdu ċertezza legali u jsaħħu l-kundizzjonijiet ekwi bejn il-Parteċipanti fl-ASU fir-rigward tal-appoġġ tal-kuntratti ta’ manutenzjoni u ta’ servizz, tal-ispare parts u tal-esportazzjonijiet tal-kits tal-magni relatati mal-inġenji tal-ajru koperti mill-ASU.

(3)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fir-rigward tal-emendi tal-ASU, peress li d-deċiżjoni prevista tal-Parteċipanti fl-ASU se tkun vinkolanti għall-Unjoni u kapaċi tinfluwenza b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, bis-saħħa tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni għandha tkun li tappoġġa deċiżjoni tal-Parteċipanti fl-ASU rigward l-emenda għall-ASU bl-għan li jiġu stabbiliti regoli speċifiċi dwar l-appoġġ ta’ kuntratti ta’ manutenzjoni u servizz, spare parts u esportazzjonijiet ta’ kits tal-magni f’konformità mal-anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Kif definit fl-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni tal-OECD.
(2)    Ir-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti linji gwida fil-qasam tal-krediti ta’ esportazzjoni uffiċjalment appoġġati u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2001/76/KE u 2001/77/KE (ĠU L 326, 8.12.2011, p. 45).
(3)    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi minn 61 sa 64.
(4)    Ir-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti linji gwida fil-qasam tal-krediti ta’ esportazzjoni uffiċjalment appoġġati u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2001/76/KE u 2001/77/KE (ĠU L 326, 8.12.2011, p. 45).