15.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 415/6


RIŻOLUZZJONI (1)

dwar l-impatt tal-kummerċ illegali fil-prodotti fitosanitarji, iż-żrieragħ u fatturi tal-produzzjoni agrikoli oħra fuq l-ekonomiji tal-pajjiżi AKP

(2018/C 415/02)

L-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE,

—

li ltaqgħet fi Brussell (il-Belġju) bejn it-18 u l-20 ta’ Ġunju 2018,

—

wara li kkunsidrat l-Artikolu 18(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tagħha,

—

wara li kkunsidrat il-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Gruppi tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (il-Ftehim ta’ Cotonou) (2), kif emendat fl-2005 u fl-2010 (3),

—

wara li kkunsidrat is-Summit tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli u d-dokument ta’ eżitu tiegħu adottat mill-Assemblea Ġenerali fil-25 ta’ Settembru 2015 intitolat “Nittrasformaw id-dinja tagħna: L-aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli”, u b’mod partikolari l-Għan 2 tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) stipulat fihom, jiġifieri l-qerda tal-ġuħ, il-kisba ta’ sigurtà fl-ikel u ta’ nutrizzjoni mtejba u l-promozzjoni ta’ agrikoltura sostenibbli (4),

—

wara li kkunsidrat ir-rapport A/HRC/16/49 tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-dritt għall-ikel, bit-titolu “Agro-ecology and the Right to Food” (L-Agroekoloġija u d-Dritt għall-Ikel), tat-8 ta’ Marzu 2011,

—

wara li kkunsidrat ir-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE dwar l-isfidi għall-biedja familjari u l-produzzjoni agrikola fuq skala żgħira fil-pajjiżi AKP, tal-21 ta’ Diċembru 2016,

—

wara li kkunsidrat ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar pestiċidi b’riskju baxx ta’ oriġini bijoloġika tal-15 ta’ Frar 2017 (5),

—

wara li kkunsidrat il-paragrafu 56 tal-Istqarrija konġunta mill-Kunsill u mir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar il-Kunsens Ewropew ġdid dwar l-Iżvilupp bit-titolu “Id-Dinja tagħna, id-Dinjità tagħna, il-Futur tagħna” tat-30 ta’ Ġunju 2017 (6),

—

wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti (7),

—

wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (8) u d-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (9),

—

wara li kkunsidrat ir-Regolament Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (10),

—

wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (11),

—

wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (12),

—

wara li kkunsidrat id-deċiżjonijiet (13), ir-riżoluzzjonijiet u l-istqarrija tal-106 sessjoni tal-Kunsill tal-Ministri AKP, li saret fil-5 u s-6 ta’ Diċembru 2017,

—

wara li kkunsidrat il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, ir-riżoluzzjoni 70/1 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tal-25 ta’ Settembru 2015 u d-dokument ta’ eżitu tas-summit dwar l-iżvilupp sostenibbli bit-titolu “Nittrasformaw id-dinja tagħna: L-aġenda 2030 għall-iżvilupp sostenibbli”, u b’mod partikolari, l-Għan 2 ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs),

—

wara li kkunsidrat il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Pjanti (IPPC) tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO), adottata fl-1952 biex jiġu evitati u impediti d-dħul u t-tixrid ta’ pesti tal-pjanti (14),

—

wara li kkunsidrat il-konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar is-sigurtà u s-saħħa fl-agrikoltura, b’mod partikolari l-Konvenzjoni Nru 170 dwar is-sikurezza fl-użu tal-prodotti kimiċi fuq ix-xogħol (15) u l-Konvenzjoni Nru 184 dwar is-saħħa u s-sigurtà fl-agrikoltura (16);

—

wara li kkunsidrat ir-Rapport A/HRC/34/48 tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-dritt għall-ikel tal-24 ta’ Jannar 2017 (17),

—

wara li kkunsidrat il-Kodiċi ta’ Kondotta Internazzjonali dwar il-Ġestjoni tal-Pestiċidi tal-FAO u tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tan-NU. Guidelines on Highly Hazardous Pesticides (Linji gwida dwar Pestiċidi Perikolużi Ħafna) (Ruma, Marzu 2016),

—

wara li kkunsidrat il-Ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) tal-1995 dwar il-miżuri sanitarji u fitosanitarji (SPS) (18) u l-Kodiċi ta’ Kondotta Internazzjonali dwar il-ġestjoni tal-prodotti fitosanitarji jew pestiċidi, żrieragħ u fatturi agrikoli oħrajn (PPPSIs),

—

wara li kkunsidrat l-istqarrija tad-9 Konferenza ministerjali tad-WTO f’Bali, mit-3 sas-6 ta’ Diċembru 2013 dwar iż-żamma tal-istokkijiet pubbliċi għall-finijiet tas-sigurtà tal-ikel (19),

—

wara li kkunsidrat ir-rapport mill-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Għarfien, Xjenzi u Teknoloġiji Agrikoli għall-Iżvilupp (IAASTD) bit-titolu “Agriculture at a crossroads” (L-agrikoltura f’salib it-toroq) tal-2009 (20),

—

wara li kkunsidrat in-Netwerk tal-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) dwar Kummerċ Illegali tal-Pestiċidi,

—

wara li kkunsidrat ir-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Ekonomiku, il-Finanzi u l-Kummerċ (ACP-EU/xxxxxx),

A.

billi l-agrikoltura għandha rwol ewlieni fl-iżvilupp sostenibbli, it-tnaqqis tal-faqar u l-eliminazzjoni tal-ġuħ fil-pajjiżi AKP;

B.

billi r-rakkomandazzjonijiet li għamel ir-Rapporteur Speċjali tan-NU għad-dritt għall-ikel fir-rapport tiegħu bit-titolu “Agro-ecology and the Right to Food” (L-Agroekoloġija u d-Dritt għall-Ikel) tal-2011 juru li l-agroekoloġija tista’ tirdoppja l-produzzjoni tal-ikel f’reġjuni sħaħ fi żmien 10 snin filwaqt li tnaqqas it-tibdil fil-klima, it-telfien tal-bijodiversità u ttaffi l-faqar rurali;

C.

billi l-iżvilupp tal-agrikoltura intensiva huwa kkaratterizzat mir-riċerka xjentifika, normalment ikkontrollata mill-industriji agrokimiċi u farmaċewtiċi, u l-użu ta’ sustanzi kimiċi bħalma huma l-prodotti fitosanitarji jew il-pestiċidi, iż-żrieragħ u fatturi tal-produzzjoni agrikoli oħra;

D.

billi l-komunità internazzjonali introduċiet diversi strumenti leġiżlattivi li jistabbilixxu l-kunsens internazzjonali dwar il-PPPSIs li huma meħtieġa għall-kummerċ, għas-sigurtà tal-ikel u għas-saħħa tal-bniedem; billi, madankollu, l-użu ta’ oġġetti illeċiti fl-ikel, b’mod partikolari ta’ pestiċidi illeċiti, madwar id-dinja qed jiżdied u jinvolvi netwerks kriminali ferm sofistikati u kriminalità organizzata;

E.

billi, skont l-estimi tal-FAO u tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), aktar minn 30 % tal-pestiċidi mibjugħa kull sena fil-pajjiżi fil-fażi ta’ żvilupp mhumiex konformi mal-istandards internazzjonali u ta’ spiss ikunu ttikkettati b’mod ħażin jew ma jkunux identifikati;

F.

billi tinstab firxa wiesgħa ta’ prodotti illegali fis-suq, b’mod partikolari prodotti li mhumiex awtorizzati mill-awtoritajiet lokali, prodotti foloz, skaduti jew imbagħbsa b’imballaġġ jew tikketti falsifikati;

G.

billi l-użu mhux ikkontrollat tal-PPPSIs għandu effetti ħżiena fuq l-ambjent, is-saħħa tal-bniedem u l-ekonomiji tal-pajjiżi kkonċernati;

H.

billi r-riskji l-aktar evidenti jikkonċernaw is-saħħa tal-bniedem, b’mod partikolari mard ENT u mard li jaffettwa l-ġilda, il-pulmuni u s-sistema diġestiva kif ukoll il-kanċer, u billi l-vittmi prinċipali huma ż-żgħażagħ u n-nisa, li minnhom l-ogħla ċifri jinstabu fis-setturi tal-produzzjoni tal-ikel fejn qed jintużaw il-PPPSIs;

I.

billi r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-dritt għall-ikel juri li kull sena l-PPPSIs jikkawżaw il-mewt ta’ madwar 200 000 persuna insegwitu ta’ avvelenament akut, u li 99 % tal-każijiet iseħħu fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp;

J.

billi l-użu tal-pestiċidi li ma jikkonformawx mal-istandards internazzjonali jdgħajjef ukoll il-fiduċja fil-prodotti agrikoli, u għalhekk anki l-potenzjal għall-iżvilupp ulterjuri tal-esportazzjonijiet;

K.

billi l-kimiċi agrikoli legali inklużi l-pestiċidi joħolqu sfidi ta’ sigurtà u perikli għas-saħħa matul iċ-ċikli tal-prodott tagħhom, bl-aktar konsegwenzi potenzjalment negattivi severi jseħħu waqt l-istadji tal-ħżin, tat-trasport u tad-distribuzzjoni, tal-użu u tar-rimi; billi l-gvernijiet tal-pajjiżi AKP jiffaċċjaw limitazzjonijiet kbar fl-iżvilupp ta’ qafas regolatorju effettiv għall-PPPSIs, bħan-nuqqas ta’ data, baġits u riżorsi umani insuffiċjenti, implimentazzjoni mhux adegwata tal-liġijiet, u dan in-nuqqas jinkoraġġixxi t-traffikar tal-PPPSIs fuq skala kbira;

L.

billi l-kummerċ illeċitu jnaqqas id-dħul possibbli mit-taxxi, ifixkel il-kontroll tal-flussi tal-flus u jnaqqas il-fiduċja fl-istituzzjonijiet pubbliċi, u b’hekk jikkontribwixxi għal aċċess subottimali għall-kapital barrani, primjums ta’ riskju ogħla għall-investimenti fl-assi domestiċi u pass aktar kajman fl-iżvilupp ekonomiku;

M.

billi l-maġġoranza tal-pajjiżi AKP ma għandhomx leġiżlazzjoni li tirregola l-PPPSIs, u li dawk li għandhom ma stabbilixxewx regoli xierqa u stretti bil-għan li jiskoraġġixxu t-traffikar ta’ dawn il-prodotti;

N.

billi diversi utenti tal-PPPSIs ma għandhomx livell ta’ taħriġ jew ta’ edukazzjoni għoli biżżejjed biex jifhmu l-karatteristiċi tekniċi ta’ dawn il-prodotti, u ma jafux għalhekk bl-effetti dannużi tagħhom fuq is-saħħa, l-ekonomija u l-ambjent;

O.

billi l-liberalizzazzjoni globali tas-swieq agrikoli, il-prezz baxx tal-PPPSIs illegali, in-nuqqas ta’ taħriġ u ta’ għarfien fost l-utenti, il-leġiżlazzjoni inadegwata u n-nuqqas ta’ kontroll tal-pajjiżi AKP jikkostitwixxu, parzjalment, il-proliferazzjoni ta’ dawn il-prodotti illegali fis-swieq tal-AKP;

1.

Hija tal-fehma li huwa imperattiv li tiġi żviluppata strateġija ċara għall-ġlieda kontra l-kummerċ illegali tal-PPPSIs u li tiġi promossa s-sigurtà tal-ikel permezz tal-appoġġ għal soluzzjonijiet teknoloġiċi li jwasslu għall-iżvilupp ta’ żerriegħa lokali adatta għal klima jew żona ġeografika partikolari, u l-produzzjoni ta’ PPPSIs organiċi; iżżid li din l-istrateġija jenħtieġ li tkun ibbażata fuq appoġġ għall-agroekoloġija u l-biedja fil-familja li tirrispetta l-ambjent u li tgħin fl-iżvilupp ta’ ekonomija soċjali u solidari;

2.

Tħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri sabiex iħaddmu l-impenn magħmul fil-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp sabiex jappoġġjaw l-agroekoloġija, inkluż permezz tat-tieqa ta’ investiment fl-agrikoltura tal-Pjan ta’ Investiment Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli, u billi jirriflettu dan l-impenn fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss, sabiex jimplimentaw l-ispirtu tal-Aġenda 2030 u l-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima;

3.

Tinnota li biex jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet offruti mill-PPPSIs għall-finijiet tal-iżvilupp tal-agrikoltura, il-pajjiżi AKP jenħtieġ li:

(a)

jiffamiljarizzaw ruħhom mal-oqfsa regolatorji internazzjonali u nazzjonali li jirregolaw il-PPPSIs;

(b)

jindirizzaw għadd ta’ diffikultajiet strutturali li jxekklu l-promozzjoni legali u effikaċi ta’ dawn il-prodotti;

(c)

jidentifikaw ir-riskji marbuta mal-PPPSIs sabiex jipprevjenu u jiġġestixxu l-impatt tal-kummerċ illegali tal-PPPSIs fuq l-ekonomiji rispettivi tagħhom u finalment jeradikawh;

(d)

jipprojbixxu l-fumigazzjoni u jistabbilixxu regoli stretti għall-ħarsien tal-ilma u tal-bijodiversità;

(e)

jistabbilixxu regoli stretti għall-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema esposti għall-PPPSIs b’attenzjoni partikolari fuq in-nisa; u bil-għan li jipprovdu taħriġ lill-persunal mediku dwar l-effetti tal-PPPSIs fuq is-saħħa;

4.

Titlob il-promozzjoni tal-użu ta’ fertilizzanti organiċi u l-adozzjoni ta’ prattiki agrikoli li jużaw kwantitajiet raġonevoli ta’ PPPSIs legali; titlob, fl-istess waqt, biex il-pajjiżi AKP jirriflettu dwar l-użu tas-sustanzi għalkemm huma legali, intwera li għandhom impatt negattiv fuq l-ambjent, il-bijodiversità u s-saħħa tal-bniedem;

5.

Tenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-kompetenza xjentifika u teknoloġika pubblika, li hija indipendenti min-negozji, sabiex tgħin fl-identifikazzjoni tal-atturi u l-gruppi ta’ kriminalità organizzata u n-netwerks involuti fil-kummerċ illeċitu tal-PPPSIs, kif ukoll li tittieħed azzjoni konkreta li tipprevjeni u tiġġieled l-importazzjoni, il-bejgħ u l-użu ta’ pestiċidi illeċiti;

6.

Tenfasizza l-ħtieġa għal kontroll mill-gvern tal-esternalitajiet ikkawżati mill-użu ħażin tal-PPPSIs;

7.

Titlob il-projbizzjoni tal-PPPSIs kollha li jagħmlu ħsara lin-naħal u lill-pollinaturi;

8.

Tenfasizza l-ħtieġa ta’ reviżjoni fil-fond tal-kriterji ta’ awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq tal-PPPSIs, billi jiġi żgurat li l-proċedura tkun ibbażata fuq data u evidenza xjentifika li hija indipendenti mill-industrija, u li l-prinċipju ta’ prekawzjoni jipprevali fiċ-ċirkostanzi kollha;

9.

Tenfasizza l-ħtieġa li jiġu stabbiliti miżuri li jippenalizzaw lil dawk responsabbli minn kwalunkwe ħabi jew manipulazzjoni tad-data sabiex jiksbu awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq, kemm fil-kumpaniji kif ukoll fl-amministrazzjonijiet;

10.

Titlob li tittieħed azzjoni sinifikanti biex jiġi indirizzat it-traffikar u l-insigurtà tal-ikel permezz tal-għoti ta’ assistenza teknika u finanzjarja, u permezz ta’ azzjoni determinata mill-Istati Membri tal-UE biex jindirizzaw l-esportazzjoni jew it-trasbord ta’ PPPSIs foloz mit-territorju tagħhom;

11.

Ittenni l-ħtieġa urġenti għal sensibilizzazzjoni u li jingħata taħriġ lill-bdiewa, lill-produtturi żgħar u lill-kummerċjanti sabiex isiru konxji tal-problema tal-PPPSIs illeċiti, l-ineffikaċja tagħhom u l-periklu tagħhom;

12.

Tinnota l-importanza li tinxtered l-informazzjoni dwar il-PPPSIs sabiex il-produtturi, l-utenti u l-konsumaturi jkunu jistgħu jadottaw prattiki prudenti ta’ sigurtà; hija tal-fehma li, għal dan il-għan, is-sensibilizzazzjoni jenħtieġ li tkun kollettiva, u mhux tkun limitata għall-professjonisti kkonċernati;

13.

Tenfasizza l-fatt li jeħtieġ li jittieħdu miżuri mill-gvernijiet AKP sabiex jippromwovu u jsaħħu l-leġiżlazzjoni, b’mod partikolari billi joħolqu reat speċifiku sabiex jiġu stabbiliti pieni kriminali għat-trasgressuri, jiġi kkontrollat il-fluss tal-PPPSIs illeċiti kemm ġewwa kif ukoll barra l-fruntieri tagħhom u jiġu stabbiliti, fuq livell nazzjonali, laboratorji u matmuri adattati biex jiġu ppreservati l-għelejjel lokali, li jkunu aktar reżistenti għall-klima lokali;

14.

Tistieden lill-kumpaniji li jipproduċu u jbigħu l-prodotti kkonċernati biex jippreżentawhom f’formati adegwati lill-bdiewa tal-pajjiżi AKP, f’termini ta’ volum, konċentrazzjoni u mballaġġ, b’mod li jkun iffaċilitat l-użu tagħhom, jitnaqqsu l-ispejjeż u r-riskji ta’ esponiment, inalazzjoni u inġestjoni; tirrakkomanda wkoll li jiġu organizzati proċessi tar-rimi tal-iskart effiċjenti sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet;

15.

Tenfasizza l-ħtieġa li jiġu stabbiliti pieni kriminali verament dissważivi għat-tqassim u l-bejgħ ta’ prodotti ffalsifikati jew foloz, jew prodotti li ma jirrispettawx il-leġiżlazzjoni fis-seħħ;

16.

Titlob kooperazzjoni internazzjonali aktar b’saħħitha bil-ħsieb li jiġu identifikati miżuri intiżi biex jimponu penali aktar ħorox għall-produzzjoni, l-esportazzjoni jew l-importazzjoni ta’ prodotti foloz jew illeċiti, u n-nuqqas ta’ rispett tar-regoli dwar il-proprjetà intellettwali;

17.

Tistieden lill-pajjiżi AKP u lill-Istati Membri tal-UE sabiex isaħħu l-assistenza amministrattiva reċiproka tagħhom f’materji doganali sabiex jidentifikaw, bl-aktar mod preċiż possibbli, ir-rotot tat-trasport u l-postijiet ta’ ħażna tal-PPPSIs foloz jew artifiċjali, u jieħdu azzjoni konġunta sabiex iżarmawhom, b’mod partikolari permezz ta’ kunsinni kkontrollati u l-ħolqien ta’ timijiet ta’ investigazzjoni konġunti;

18.

Tappoġġja t-tisħiħ tal-approċċ reġjonali biex tiġi miġġielda b’mod aktar effikaċi l-kontraffazzjoni, peress li huwa kruċjali li jinħolqu laboratorji reġjonali fil-pajjiżi AKP u li jissaħħu l-kooperazzjoni doganali reġjonali u n-netwerks ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar il-PPPSIs bejn il-pajjiżi AKP fl-istess reġjun;

19.

Tenfasizza li l-kooperazzjoni reġjonali, b’mod partikolari meta tinkludi r-rikonoxximent reċiproku tal-approvazzjonijiet tat-tip, tagħmilha possibbli li jiġi żgurat moviment liberu, sikur u b’saħħtu, li huwa fattur essenzjali ta’ suq reġjonali u kontinentali;

20.

Hija favur l-istabbiliment, bħala parti mill-kooperazzjoni AKP-UE, ta’ fond komuni għal riċerka pubblika li jiggarantixxi indipendenza mill-industrija, u l-iżvilupp fis-setturi differenti tal-agronomija, inkluża l-edukazzjoni sekondarja u għolja agrikola, li se jservi biex isaħħaħ il-kapaċità tal-pajjiżi AKP li jistabbilixxu proċessi nazzjonali għall-approvazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tal-PPPSIs, kif ukoll pjanijiet ta’ informazzjoni u ta’ taħriġ tal-bdiewa dwar il-kultivazzjoni organika;

21.

Titlob li tiġi introdotta sistema ta’ kontroll tal-kwalità u ta’ qerda tal-istokk ħażin obbligatorja, effettiva u rigoruża, skont l-ispeċifikazzjonijiet tad-WHO u tal-FAO kif ukoll ta’ mekkaniżmu ta’ traċċabbiltà tal-PPPSIs sabiex jiġu ddeterminati l-kompożizzjoni tagħhom, l-oriġini tagħhom u sabiex jiġu identifikati;

22.

Tagħti istruzzjonijiet lill-Kopresidenti tagħha biex jgħaddu din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill tal-Ministri AKP-UE, lill-Parlament Ewropew, lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Kunsill Ewropew, lill-Unjoni Afrikana, lill-Parlament Pan-Afrikan, lill-parlamenti reġjonali u nazzjonali u lill-organizzazzjonijiet reġjonali relatati mal-pajjiżi AKP, lill-Bank Ewropew tal-Investiment u lill-Bank Dinji.

(1)  Adottata mill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE fl-20 ta’ Ġunju 2018 fi Brussell (il-Belġju).

(2)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.

(3)  ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3.

(4)  Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali A/RES/70/1.

(5)  Testi adottati, P8_TA(2017)0042.

(6)  ĠU C 210, 30.6.2017, p. 1.

(7)  ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4.

(8)  ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1.

(9)  ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1.

(10)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(11)  ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.

(12)  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:02006R1907-20140410&from=MT

(13)  Deċiżjoni Nru 12/CVI/18 dwar l-ostakli mhux tariffarji

(14)  https://www.ippc.int/en/history-of-the-ippc/

(15)  http://www.ilo.org/dyn/normlex/en/f?p=NORMLEXPUB:12100:0::NO::P12100_ILO_CODE:C170

(16)  http://www.ilo.org/dyn/normlex/en/f?p=NORMLEXPUB:12100:0::NO::P12100_ILO_CODE:C184

(17)  http://www.cms.int/sites/default/files/document/UN-Human%20Rights%20Council_AHRC3448_Adversive%20effects%20of%20pesticides.pdf

(18)  https://www.wto.org/english/tratop_e/sps_e/spsagr_e.htm

(19)  https://www.wto.org/english/thewto_e/minist_e/mc9_e/desci38_e.htm

(20)  http://www.fao.org/fileadmin/templates/est/Investment/Agriculture_at_a_Crossroads_Global_Report_IAASTD.pdf