European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1551

10.7.2026

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/1551

tad-9 ta’ Lulju 2026

li tistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2024/1789 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tiġdid tal-esklużjoni temporanja ta’ offerti ta’ provvisti tal-idroġenu li joriġinaw fil-Federazzjoni Russa jew fir-Repubblika tal-Belarussja milli jinġabru permezz tal-mekkaniżmu li jappoġġa l-iżvilupp tas-suq tal-idroġenu

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2024/1789 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 dwar is-swieq interni tal-gass rinnovabbli, tal-gass naturali u tal-idroġenu, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1227/2011, (UE) 2017/1938, (UE) 2019/942 u (UE) 2022/869 u d-Deċiżjoni (UE) 2017/684 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 715/2009 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 54(1) u (2) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-Mekkaniżmu tal-Idroġenu (“il-mekkaniżmu”) li jappoġġa l-iżvilupp tas-suq tal-idroġenu msemmi fl-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) 2024/1789, li għandu jiġi implimentat skont l-attivitajiet tal-Bank Ewropew tal-Idroġenu (2). Il-mekkaniżmu tnieda f’Lulju 2025. Il-mekkaniżmu għandu l-għan li jżid it-trasparenza tad-domanda, tal-provvista, tal-flussi u tal-prezzijiet tal-idroġenu. Dan għandu rwol ta’ koordinazzjoni, billi jgħaqqad, jipproċessa, u jagħti aċċess għall-informazzjoni dwar id-domanda għall-idroġenu rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u għad-derivattivi tal-idroġenu, kif ukoll dwar il-provvista tagħhom, ippreżentata minn: l-off-takers stabbiliti fl-Unjoni; il-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija; u l-fornituri domestiċi u internazzjonali. Il-mekkaniżmu għandu jiġi implimentat u għandu jopera f’konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(2)

Il-provvista tal-idroġenu tirreferi għall-bejgħ, inkluż il-bejgħ mill-ġdid, tal-idroġenu, inkluż fil-forma ta’ vetturi tal-idroġenu organiku likwidu jew ta’ idroġenu likwidu u ta’ derivattivi tal-idroġenu inkluż l-ammonijaka jew il-metanol lill-klijenti (3).

(3)

Ir-Russja u l-Belarussja jipproduċu volumi sinifikanti ta’ idroġenu u ta’ derivattivi tal-idroġenu bbażati fuq il-fjuwils fossili (bħall-ammonijaka). Barra minn hekk, hemm potenzjal ta’ bejgħ u provvisti sostanzjali ta’ idroġenu u ta’ derivattivi tal-idroġenu rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju li joriġinaw mir-Russja u mill-Belarussja. Mhux eskluż li xi wħud minn dawk il-volumi tal-idroġenu u tad-derivattivi tal-idroġenu jiġu esportati, anke lejn l-Unjoni.

(4)

L-esperjenza fil-qasam tal-provvisti tal-enerġija mir-Russja u mill-Belarussja wriet li r-Russja sfruttat id-dipendenza tal-Unjoni fuq l-esportazzjonijiet tal-enerġija tagħha lejn l-Unjoni bħala mezz ta’ manipulazzjoni u biex teżerċita l-koerċizzjoni. Ir-Russja abbużat sistematikament mid-dipendenzi għad-detriment tal-ekonomija u tas-sigurtà ekonomika tal-Unjoni u użat ir-relazzjonijiet tal-provvista tal-enerġija mas-sħab fl-Unjoni biex timmanipula s-swieq u ddgħajjef is-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni.

(5)

Hemm riskju li r-Russja u l-Belarussja jippruvaw jistabbilixxu relazzjonijiet kummerċjali u dipendenzi simili fir-rigward tal-esportazzjonijiet tal-idroġenu u tad-derivattivi tal-idroġenu rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju lejn l-Unjoni, li jistgħu jintużaw biex is-swieq jiġu mmanipulati.

(6)

Il-fatt li provvisti li joriġinaw fir-Russja jew fil-Belarussja jitħallew jiġu offruti permezz tal-mekkaniżmu jista’ jippermetti lir-Russja u lill-Belarussja jiksbu bażi sinifikanti fis-suq tal-Unjoni, u b’hekk jiġu ffaċilitati t-tentattivi biex jimmanipulaw is-suq tal-idroġenu li għadu jibda.

(7)

Peress li l-idroġenu spiss jintuża minn klijenti industrijali kbar, u billi s-suq tal-idroġenu huwa ħafna inqas likwidu mis-suq tal-gass naturali, l-istabbiliment ta’ dipendenzi ġodda tal-provvista mar-Russja jew mal-Belarussja jista’ jippermetti lil dawk il-pajjiżi jkomplu l-istrateġija tagħhom fil-konfront tal-Unjoni biex jipperikolaw is-sigurtà tal-provvista billi jimmanipulaw is-swieq, jinterrompu l-provvisti, jew kwalunkwe mod ieħor kif jużaw il-provvisti tal-enerġija bħala arma.

(8)

Għalkemm dawk ir-riskji huma preżenti anke fil-każ ta’ ishma iżgħar fil-volumi kumplessivi, il-ġbir tal-offerti tal-provvista tal-idroġenu Russa u Belarussa permezz tal-mekkaniżmu li jappoġġa l-iżvilupp tas-suq tal-idroġenu jista’ jżid b’mod sinifikanti r-rwol u l-viżibbiltà tar-Russja u tal-Belarussja fis-suq tal-idroġenu tal-Unjoni. Dak imur kontra l-isforzi tal-Unjoni biex telimina gradwalment id-dipendenza tagħha fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija Russa (4) u tevita dipendenzi ġodda fuq il-provvisti tal-enerġija minn dawk il-pajjiżi (5).

(9)

Fit-22 ta’ Lulju 2025, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1486 (6) li permezz tagħha eskludiet għal perjodu ta’ sena offerti ta’ provvisti tal-idroġenu li joriġinaw fir-Russja jew fil-Belarussja, milli jinġabru permezz tal-mekkaniżmu.

(10)

Fid-dawl tas-sitwazzjoni ġeopolitika u filwaqt li jitqies li r-riskji relatati mal-konsenji tal-enerġija mir-Russja u mill-Belarussja jippersistu, huwa meħtieġ li tiġġedded l-esklużjoni temporanja tal-offerti ta’ provvisti tal-idroġenu li joriġinaw fil-Federazzjoni Russa jew fil-Belarussja milli jinġabru permezz tal-mekkaniżmu biex jiġu protetti l-interessi essenzjali tas-sigurtà u s-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni.

(11)

It-tiġdid tal-esklużjoni temporanja ma jfixkilx bla bżonn il-funzjonament tajjeb tas-suq intern għall-idroġenu u ma jimminax is-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni jew ta’ xi Stat Membru, b’mod partikolari minħabba li s-suq tal-idroġenu tal-Unjoni għadu jibda bi provvisti limitati ħafna mir-Russja u mill-Belarussja. Barra minn hekk, it-tiġdid tal-esklużjoni temporanja tħares il-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika (7), għax issir fl-interess tal-Unjoni fir-rigward tal-mekkaniżmu, mingħajr impatti mhux xierqa fuq id-drittjiet tal-Istati Membri jew tal-operaturi ekonomiċi tagħhom li jikkummerċjaw l-idroġenu, inkluż dak rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, u d-derivattivi tiegħu, ma’ pajjiżi terzi barra mill-mekkaniżmu volontarju. Barra minn dan, din id-Deċiżjoni tittieħed f’konformità mad-drittijiet u l-obbligi tal-Unjoni jew tal-Istati Membri fir-rigward tal-pajjiżi terzi.

(12)

F’konformità mal-Artikolu 54(2) tar-Regolament (UE) 2024/1789, il-Kummissjoni infurmat kif xieraq lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-valutazzjoni tagħha, u tista’ tipproponi li ġġedded din id-Deċiżjoni, jekk ikun iġġustifikat, anke bil-ħsieb li l-miżura tiġi allinjata ma’ politiki oħra tal-Unjoni, bħall-Pjan Direzzjonali RePowerEU (8), li għandu l-għan li jkompli javvanza l-indipendenza tal-Unjoni mill-enerġija Russa permezz ta’ miżuri li jappoġġaw l-eliminazzjoni gradwali tal-importazzjonijiet tal-enerġija tal-gass, nukleari u taż-żejt biex jitnaqqsu r-riskji tal-użu tal-provvisti tal-enerġija bħala arma, u r-Regolament (UE) 2026/261 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9),

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-offerti ta’ provvisti tal-idroġenu li joriġinaw fil-Federazzjoni Russa jew fir-Repubblika tal-Belarussja għandhom jiġu esklużi milli jinġabru permezz tal-Mekkaniżmu tal-Idroġenu li jappoġġa l-iżvilupp tas-suq tal-idroġenu sat-30 ta’ Lulju 2027.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Lulju 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L, 2024/1789, 15.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1789/oj.

(2)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Bank Ewropew tal-Idroġenu, COM(2023) 156 final, 16.3.2023.

(3)  L-Artikolu 2, il-punt (28), tad-Direttiva (UE) 2024/1788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 dwar ir-regoli komuni għas-swieq interni tal-gass rinnovabbli, il-gass naturali u l-idroġenu, li temenda d-Direttiva (UE) 2023/1791 u li tħassar id-Direttiva 2009/73/KE (ĠU L, 2024/1788, 15.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1788/oj).

(4)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Il-Pjan REPowerEU, COM(2022) 230 final, 18.5.2022.

(5)  Il-premessa 71 tar-Regolament (UE) 2024/1789.

(6)   Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1486 tat-22 ta’ Lulju 2025 li tistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2024/1789 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-esklużjoni temporanja ta’ offerti ta’ provvisti tal-idroġenu li joriġinaw fil-Federazzjoni Russa jew fil-Belarussja, milli jinġabru permezz tal-mekkaniżmu li jappoġġa l-iżvilupp tas-suq tal-idroġenu (ĠU L, 2025/1486, 23.7.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/1486/oj).

(7)  Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 2021, Il-Ġermanja vs Il-Polonja, C-848/19 P, ECLI:EU:C:2021:598, il-paragrafu 71.

(8)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Pjan direzzjonali lejn tmiem l-importazzjoni tal-enerġija Russa, COM(2025) 440 final/2, 12.5.2025.

(9)  Ir-Regolament (UE) 2026/261 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Jannar 2026 dwar l-eliminazzjoni gradwali tal-importazzjonijiet tal-gass naturali Russu, u t-tħejjija għall-eliminazzjoni gradwali tal-importazzjonijiet taż-żejt Russu, it-titjib fil-monitoraġġ tad-dipendenzi potenzjali tal-enerġija u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1938 (ĠU L, 2026/261, 2.2.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2026/261/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/1551/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)