|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2026/6025 |
17.11.2026 |
Notifika ta’ bidu ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ kejbils fibrottiċi li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina
(C/2026/6025)
Wara l-pubblikazzjoni ta’ Notifika tal-iskadenza imminenti (1) tal-miżuri anti-dumping fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet tal-kejbils fibbrottiċi li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-pajjiż ikkonċernat” jew “ir-RPĊ”), il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet talba għal rieżami skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (2) (“ir-Regolament bażiku”).
1. Talba għal rieżami
It-talba tressqet fit-18 ta’ Awwissu 2026 minn Europacable, (“l-applikanti”) f’isem l-industrija tal-Unjoni tal-kejbils fibrottiċi fis-sens tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku.
Verżjoni pubblika tat-talba u l-analiżi tal-grad ta’ sostenn għat-talba mill-produtturi tal-Unjoni huma disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. It-Taqsima 5.6 ta’ din in-Notifika tipprovdi informazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl mill-partijiet interessati.
2. Prodott taħt rieżami
Il-prodott soġġett għal dan ir-rieżami huwa kejbils fibrottiċi b’modalità waħda, magħmula minn fibra waħda jew aktar miksija individwalment, b’kisi protettiv, kemm jekk fihom kondutturi elettriċi kif ukoll jekk le, li joriġinaw mir-RPĊ (minn hawn ’il quddiem “kejbils fibrottiċi” jew “il-prodott taħt rieżami”), li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 8544 70 00 (il-kodiċi TARIC 8544 70 00 10). Il-kodiċijiet NM u TARIC jingħataw biss għall-fini ta’ informazzjoni mingħajr preġudizzju għal bidla sussegwenti fil-klassifikazzjoni tariffarja.
3. Miżuri eżistenti
Il-miżuri li bħalissa huma fis-seħħ huma dazju definittiv anti-dumping impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2021/2011 (3), kif emendat mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/72 (4) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1617 (5).
4. Raġunijiet għar-rieżami
It-talba hija msejsa fuq ir-raġunijiet li l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx twassal għall-kontinwazzjoni ta’ dumping u għat-tkomplija u/jew ir-rikorrenza ta’ dannu lill-industrija tal-Unjoni.
4.1. Allegazzjoni dwar il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni tad-dumping
4.1.1. Allegazzjoni dwar il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni ta’ dumping mir-RPĊ
L-applikanti sostnew li mhuwiex xieraq li jintużaw il-prezzijiet u l-kostijiet tar-RPĊ minħabba l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fis-sens tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku.
Biex jissostanzjaw l-allegazzjonijiet ta’ distorsjonijiet sinifikanti, l-applikanti qagħdu fuq l-informazzjoni li tinsab fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar distorsjonijiet sinifikanti fl-ekonomija tar-RPĊ għall-finijiet tal-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ datat l-10 ta’ April 2024 (“ir-Rapport”) (6). B’mod partikolari, l-applikanti rreferew għal distorsjonijiet fil-forma ta’ preżenza tal-istat b’mod ġenerali u, b’mod aktar speċifiku, distorsjonijiet li jaffettwaw is-settur tat-telekomunikazzjoni kif ukoll għall-kapitoli dwar id-distorsjonijiet fil-materja prima, fil-prezzijiet tal-enerġija u fix-xogħol u fl-aċċess għall-finanzi.
Barra minn hekk, l-applikanti qagħdu fuq informazzjoni disponibbli għall-pubbliku, b’mod partikolari l-fatt li: (i) il-15-il Pjan ta’ Ħames Snin (2026-2030) għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali Nazzjonali tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina jistabbilixxi miri obbligatorji għall-bini tal-fibra mmexxija mill-Istat, inklużi networks ottiċi tal-gigabits u tal-għaxar gigabits, miljun 50G-PON port, u kostruzzjoni nazzjonali tal-Fibra sal-Kamra, li jiġġeneraw domanda indipendenti mis-sinjali tas-suq. Fl-istess ħin, il-pjan tal-ICT speċifiku għas-settur jgħaddi finanzjament dirett mill-Istat għar-R&Ż u għar-reżiljenza tal-katina tal-provvista speċifikament fit-teknoloġija domestika tal-fibra ottika u tal-kejbil (trażmissjoni tal-ġenerazzjoni li jmiss, aċċess ottiku, kejbil sottomarin, u fibri tal-qalba tal-arja), (ii) il-gvern Ċiniż iqis is-settur tat-telekomunikazzjoni bħala settur strateġiku u jsawwar direttament ix-xenarju kompetittiv ta’ dak is-settur biex jintlaħqu għanijiet ekonomiċi strateġiċi, kif ikkonfermat minn, fost l-oħrajn, l-inizjattiva “Made in China 2025”, il-Pjan ta’ Żvilupp tal-Industrija tal-Informazzjoni u tat-Telekomunikazzjoni (2016-2020), il-Katalogu tal-Investiment Barrani tal-2017, jiddeżinja kumpaniji tat-telekomunikazzjoni fil-“kategorija ristretta” u b’hekk jillimita l-investimenti barranin u jistabbilixxi rekwiżiti addizzjonali għal, fost l-oħrajn, is-sjieda tal-ekwità u l-kontribuzzjoni kapitali u (iii) is-settur tal-kejbils fibrottiċi huwa moqdi minn għadd ta’ SOEs.
B’hekk, fid-dawl tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, l-allegazzjoni ta’ dumping hija bbażata fuq paragun ta’ valur normali maħdum fuq il-bażi tal-kostijiet tal-produzzjoni u tal-bejgħ li jirriflettu prezzijiet jew parametri referenzjarji mingħajr distorsjoni mal-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott taħt investigazzjoni meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. L-applikanti indikaw lit-Turkija bħala pajjiż rappreżentattiv xieraq biex jinħadem il-valur normali.
Abbażi tat-tqabbil ta’ hawn fuq, li juri li l-marġni tad-dumping ikkalkulat huwa sinifikanti, l-applikanti jallegaw li hemm probabbiltà ta’ kontinwazzjoni ta’ dumping mir-RPĊ.
Barra minn hekk, l-applikanti pprovdew wkoll biżżejjed evidenza li turi li jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, il-livell attwali ta’ importazzjoni tal-prodott taħt rieżami mir-RPĊ lejn l-Unjoni x’aktarx li jiżdied minħabba l-eżistenza ta’ kapaċità ta’ riżerva sinifikanti u l-attraenza tas-suq tal-Unjoni f’termini ta’ prezzijiet u ta’ daqs.
4.2. Allegazzjoni dwar il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni tad-dannu
L-applikanti jallegaw li hemm probabbiltà ta’ kontinwazzjoni tad-dannu. F’dan ir-rigward, l-applikanti pprovdew biżżejjed evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni baqgħu sinifikanti f’termini assoluti u f’termini ta’ ishma mis-suq.
L-evidenza pprovduta mill-applikant turi li l-volum u l-prezzijiet tal-prodott importat taħt rieżami kellhom, fost konsegwenzi oħra, impatt negattiv fuq il-livell tal-prezzijiet mitluba mill-industrija tal-Unjoni, bir-riżultat ta’ effetti negattivi sostanzjali fuq il-prestazzjoni ġenerali, il-qagħda finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni.
Irrispettivament minn jekk l-importazzjonijiet mir-RPĊ komplewx jikkawżaw dannu, l-applikanti pprovdew biżżejjed evidenza li, jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, il-livell attwali ta’ importazzjoni tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni x’aktarx li jiżdied minħabba l-eżistenza ta’ kapaċità ta’ riżerva fir-RPĊ. F’dak ir-rigward, l-applikanti jallegaw li l-UE hija suq kummerċjalment attraenti, u li kwalunkwe żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet bi prezzijiet oġġett ta’ dumping mir-RPĊ x’aktarx twassal għall-aggravament tas-sitwazzjoni diġà dannuża għall-industrija tal-Unjoni jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.
Għalhekk, hemm probabbiltà ta’ kontinwazzjoni ta’ dannu kkawżat mill-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami mit-Turkija jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.
5. Proċedura
Wara li ġie ddeterminat, b’segwitu għal konsultazzjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, li teżisti biżżejjed evidenza ta’ probabbiltà ta’ dumping (7) u dannu biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta’ rieżami ta’ skadenza, il-Kummissjoni b’dan tagħti bidu għal rieżami skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.
Ir-rieżami ta’ skadenza jiddetermina jekk ikunx probabbli li l-iskadenza tal-miżuri twassal għal kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping tal-prodott taħt rieżami li joriġina mir-RPĊ u kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni.
5.1. Perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami u perjodu kkunsidrat
L-investigazzjoni dwar il-kontinwazzjoni jew ir-rikorrenza ta’ dumping tkopri l-perjodu mill-1 ta’Ottubru 2025 sat-30 ta’ Settembru 2026 (“il-perjodu tal-investigazzjoni tar-rieżami”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dannu se jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2023 sa tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami (“il-perjodu kkunsidrat”).
5.2. Kummenti dwar it-talba u l-bidu tal-investigazzjoni
Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jikkummentaw dwar it-talba (inklużi l-kwistjonijiet relatati ma’ kontinwazzjoni u/jew ma’ rikorrenza ta’ dannu u mal-kawżalità) jew dwar kwalunkwe aspett rigward il-bidu tal-investigazzjoni (inkluż il-livell ta’ sostenn għat-talba) iridu jagħmlu dan fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (8).
Kwalunkwe talba għal seduta ta’ smigħ fir-rigward tal-bidu tal-investigazzjoni trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.
5.3. Proċedura għad-determinazzjoni ta’ probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza tad-dumping
F’rieżami ta’ skadenza, il-Kummissjoni teżamina l-esportazzjonijiet li saru lejn l-Unjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami u, irrispettivament mill-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni, tqis jekk is-sitwazzjoni tal-kumpaniji li jipproduċu u jbigħu l-prodott taħt rieżami fil-pajjiżi kkonċernati hijiex tali li l-esportazzjonijiet bi prezzijiet oġġett ta’ dumping lejn l-Unjoni aktarx jitkomplew jew jirrikorru jekk jiskadu l-miżuri.
Għaldaqstant, il-produtturi kollha (9) tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiż ikkonċernat, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni(jiet) li wasslet/wasslu għall-miżuri fis-seħħ, huma mistiedna jipparteċipaw fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.
5.3.1. L-investigazzjoni tal-produtturi fil-pajjiż(i) kkonċernat(i)
Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta’ produtturi fir-RPĊ li huma involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza, u sabiex tlesti l-investigazzjoni sal-limiti ta’ żmien statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-produtturi li se jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar isir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.
Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk ikunx meħtieġ kampjunar, u jekk ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, il-produtturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, inkluż dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri soġġetti għar-rieżami attwali, huma b’dan mitluba jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar il-kumpaniji tagħhom fi żmien 7 ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Din l-informazzjoni trid tingħata permezz ta’ TRON.tdi f’dan l-indirizz: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi/form/R882_SAMPLING_FORM_FOR_EXPORTING_PRODUCER]. L-informazzjoni dwar l-aċċess għal Tron tinsab fit-Taqsimiet 5.6 u 5.9 hawn taħt.
Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hija meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ produtturi, il-Kummissjoni se tikkuntattja wkoll lill-awtoritajiet tar-RPĊ u tista’ tikkuntattja lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi fir-RPĊ.
Meta jkun meħtieġ kampjun, il-produtturi jintgħażlu fuq il-bażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ produzzjoni, bejgħ jew esportazzjonijiet li jista’ raġonevolment jiġi investigat fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi kollha magħrufa fir-RPĊ, l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat u l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi se jiġu nnotifikati mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat jekk ikun xieraq, dwar il-kumpaniji li jintgħażlu għall-kampjun.
Ladarba l-Kummissjoni tkun irċeviet l-informazzjoni meħtieġa biex tagħżel kampjun ta’ produtturi, hija tinforma lill-partijiet ikkonċernati bid-deċiżjoni tagħha dwar jekk dawn humiex inklużi fil-kampjun. Il-produtturi fil-kampjun ikollhom jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Il-Kummissjoni se żżid nota fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati li tirrifletti l-għażla tal-kampjun. Kwalunkwe kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien tlett ijiem mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-kampjun.
Kopja tal-kwestjonarju għall-produtturi fil-pajjiż ikkonċernat hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ u Sigurtà Ekonomika: https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2924 mhux aktar tard mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni dwar il-kampjun.
Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, il-kumpaniji li jkunu qablu li jiġu inklużi fil-kampjun iżda li ma jintgħażlux biex ikunu parti mill-kampjun se jitqiesu li jkunu kkooperaw.
5.3.2. Proċedura addizzjonali fir-rigward tar-RPĊ li hija soġġetta għal distorsjonijiet sinifikanti
Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-Notifika, il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna jesprimu l-fehmiet tagħhom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn rigward l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.
B’mod partikolari, il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet interessati kollha jesprimu l-opinjonijiet tagħhom dwar l-inputs u l-kodiċijiet tas-Sistema Armonizzata (SA) ipprovduti fit-talba (10), jipproponu pajjiż(i) rappreżentattiv(i) xieraq/xierqa u jipprovdu l-identità tal-produtturi tal-prodott taħt rieżami f’dawk il-pajjiżi. Din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.
Skont l-Artikolu 2(6a), il-punt (e) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni, ftit wara l-bidu tal-investigazzjoni, permezz ta’ nota fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati, se tinforma lill-partijiet fl-investigazzjoni dwar is-sorsi rilevanti li beħsiebha tuża għad-determinazzjoni tal-valur normali fir-RPĊ skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Dan ikopri s-sorsi kollha, inkluża l-għażla ta’ pajjiż terz rappreżentattiv xieraq fejn ikun xieraq. Il-partijiet fl-investigazzjoni għandhom jingħataw 10 ijiem mid-data li fiha din in-nota tiżdied fil-fajl biex jippreżentaw il-kummenti.
Skont l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, pajjiż terz rappreżentattiv possibbli għar-RPĊ f’dan il-każ huwa t-Turkija. Bil-għan li finalment tagħżel pajjiż terz rappreżentattiv xieraq, il-Kummissjoni teżamina jekk hemmx pajjiżi b’livell simili ta’ żvilupp ekonomiku bħar-RPĊ, li fihom isiru l-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott soġġett għal rieżami u li għandhom data rilevanti disponibbli minnufih. F’każ li jkun hemm aktar minn pajjiż wieħed bħal dan, tingħata preferenza, meta jkun xieraq, lill-pajjiżi li għandhom livell adegwat ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali.
Fir-rigward tas-sorsi rilevanti, il-produtturi kollha fir-RPĊ huma mitluba jipprovdu informazzjoni dwar il-materji (prima u dawk ipproċessati) u l-enerġija użati fil-produzzjoni tal-prodott taħt rieżami fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Din l-informazzjoni trid tingħata permezz ta’ TRON.tdi f’dan l-indirizz: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi/form/R882_INFO_ON_INPUTS_FOR_EXPORTING_PRODUCER_FORM. L-informazzjoni dwar l-aċċess għal Tron tinsab fit-Taqsimiet 5.6 u 5.9 hawn taħt.
Barra minn hekk, kwalunkwe preżentazzjoni ta’ informazzjoni fattwali biex jiġu stabbiliti l-kostijiet u l-prezzijiet skont l-Artikolu 2(6a), il-punt (a) tar-Regolament bażiku trid issir fi żmien 65 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Tali informazzjoni fattwali jenħtieġ li tittieħed esklużivament minn sorsi pubblikament disponibbli.
Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li għandha bżonn għall-investigazzjoni fir-rigward tal-allegati distorsjonijiet sinifikanti fis-sens tal-Artikolu 2(6a), il-punt (b) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni se tipprovdi wkoll kwestjonarju lill-Gvern tar-RPĊ.
5.3.3. Investigazzjoni tal-importaturi mhux relatati (11) (12)
Importaturi mhux relatati tal-prodott li qed jiġi rieżaminat mir-RPĊ lejn l-Unjoni, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri fis-seħħ, huma mistiedna jipparteċipaw f’din l-investigazzjoni.
Minħabba l-għadd potenzjalment kbir ta’ importaturi li mhumiex relatati involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza, u sabiex il-Kummissjoni tlesti l-investigazzjoni fil-limiti ta’ żmien statutorji, hija tista’ tillimita l-għadd ta’ importaturi li mhumiex relatati li se jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar isir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.
Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ kampjunar, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, l-importaturi mhux relatati kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu għan-nom tagħhom, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri soġġetti għal dan ir-rieżami, qegħdin b’dan jintalbu jippreżentaw lilhom infushom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet iridu jagħmlu dan fi żmien 7 ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika billi jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom, kif mitlub fl-Anness ta’ din in-Notifika.
Sabiex tikseb it-tagħrif li jidhrilha li huwa meħtieġ għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja wkoll lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.
Jekk ikun hemm bżonn ta’ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu fuq il-bażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiż ikkonċernat fl-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. L-importaturi mhux relatati u l-assoċjazzjonijiet ta’ importaturi kollha magħrufa se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar il-kumpaniji magħżula għall-kampjun.
Il-Kummissjoni se żżid ukoll nota fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati li tirrifletti l-għażla tal-kampjun. Kwalunkwe kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien tlett ijiem mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-kampjun.
Sabiex tikseb informazzjoni li tqis meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tqiegħed kwestjonarji għad-dispożizzjoni tal-importaturi mhux relatati fil-kampjun. Dawn il-partijiet iridu jippreżentaw kwestjonarju mimli fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Kopja tal-kwestjonarju għall-importaturi mhux relatati hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ u Sigurtà Ekonomika: https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2924 mhux aktar tard mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni dwar il-kampjun.
5.4. Proċedura għad-determinazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza tad-dannu u għall-investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni
Sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza tad-dannu għall-industrija tal-Unjoni, il-Kummissjoni tistieden lill-produtturi tal-Unjoni tal-prodott taħt rieżami jipparteċipaw fl-investigazzjoni.
Minħabba li hemm għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza, u sabiex ittemm l-investigazzjoni fil-limitu tal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita għal għadd raġonevoli l-produtturi tal-Unjoni li se jiġu investigati billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar isir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.
Il-Kummissjoni għażlet b’mod proviżorju kampjun ta’ produtturi tal-Unjoni. Id-dettalji jinsabu fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati.
B’hekk, il-partijiet interessati huma mistiedna jikkummentaw dwar il-kampjun proviżorju. Barra minn hekk, produtturi oħrajn tal-Unjoni, jew rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, inkluż il-produtturi tal-Unjoni li ma jkunux ikkooperaw fl-investigazzjoni(jiet) li tkun wasslet/jkunu wasslu għall-miżuri fis-seħħ, li jqisu li hemm raġunijiet għaliex jenħtieġ li jkunu inklużi fil-kampjun, iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien sebat ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Il-kummenti kollha dwar il-kampjun proviżorju jridu jaslu fi żmien sebat ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Il-Kummissjoni se tinnotifika lill-produtturi u/jew lill-assoċjazzjonijiet tal-produtturi tal-Unjoni magħrufin kollha bil-kumpaniji li fl-aħħar mill-aħħar ikunu ntgħażlu biex ikunu fil-kampjun.
Il-produtturi tal-Unjoni li jkunu parti mill-kampjun ikollhom jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Kopja ta’ dan il-kwestjonarju għall-produtturi tal-Unjoni tinsab fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ u Sigurtà Ekonomika: https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2924
5.5. Proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni
Jekk tiġi kkonfermata l-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza tad-dumping u tad-dannu, tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, dwar jekk iż-żamma tal-miżuri anti-dumping tmurx kontra l-interess tal-Unjoni.
Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur huma mistiedna jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar l-interess tal-Unjoni.
L-informazzjoni dwar il-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni trid tiġi pprovduta fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista’ tingħata fil-format ta’ test liberu jew inkella billi jimtela kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni.
Kopja tal-kwestjonarji, inkluż il-kwestjonarju għall-utenti tal-prodott taħt rieżami, hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ u Sigurtà: https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2924. Fi kwalunkwe każ, l-informazzjoni ppreżentata skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku titqies biss jekk, meta tiġi ppreżentata, tkun sostnuta b’evidenza fattwali li tissostanzja l-validità tagħha.
5.6. Partijiet interessati
Sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, il-partijiet interessati, bħall-produtturi fil-pajjiżi kkonċernati, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur, iridu juru li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt rieżami.
Il-produtturi fil-pajjiż ikkonċernat, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi li poġġew disponibbli informazzjoni f’konformità mal-proċeduri deskritti fit-Taqsimiet 5.3.1, 5.3.3 u 5.4 jiġu kkunsidrati bħala partijiet interessati jekk ikun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt rieżami.
Il-partijiet l-oħra msemmija fl-ewwel paragrafu ta’ din it-taqsima se jkunu jistgħu jipparteċipaw biss fl-investigazzjoni bħala parti interessata mill-mument li jippreżentaw lilhom infushom, u dment li jkun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt rieżami. Li parti titqies bħala parti interessata huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.
L-aċċess għall-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati jsir permezz ta’ TRON.tdi f’dan l-indirizz: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI. Segwi l-istruzzjonijiet f’dik il-paġna sabiex ikollok aċċess (13).
5.7. Preżentazzjonijiet oħra bil-miktub
Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-Notifika, il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna jesprimu l-opinjoni tagħhom, jippreżentaw informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.
5.8. Possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni
Il-partijiet kollha interessati jistgħu jitolbu smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kwalunkwe talba għal smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba kif ukoll sommarju ta’ dak li l-parti interessata tixtieq tiddiskuti matul smigħ. Is-smigħ ikun limitat għall-kwistjonijiet stabbiliti minn qabel mill-partijiet interessati bil-miktub.
Fil-prinċipju, is-seduti ta’ smigħ ma jintużawx biex tiġi ppreżentata informazzjoni fattwali li tkun għadha mhijiex fil-fajl. Madankollu, fl-interess tal-amministrazzjoni tajba u sabiex is-servizzi tal-Kummissjoni jkunu jistgħu jimxu ’l quddiem bl-investigazzjoni, il-partijiet interessati jistgħu jiġu mitluba jipprovdu informazzjoni fattwali ġdida wara smigħ.
5.9. Struzzjonijiet għat-tfassil ta’ preżentazzjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji kompluti u l-korrispondenza
L-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni għall-fini ta’ investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw lill-Kummissjoni informazzjoni u/jew data li jkunu soġġetti għad-drittijiet tal-awtur ta’ parti terzi, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet li jippermetti b’mod espliċitu li l-Kummissjoni a) tuża l-informazzjoni u d-data għall-finijiet ta’ dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u b) tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-data lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.
Il-preżentazzjonijiet kollha bil-miktub, fosthom l-informazzjoni mitluba f’din in-Notifika, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali għandhom jiġu mmarkati bħala “sensittivi” (14). Il-partijiet li jippreżentaw informazzjoni matul din l-investigazzjoni huma mistiedna jagħtu raġunijiet għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali.
Il-partijiet li jipprovdu informazzjoni mmarkata bħala “Sensitive” huma mitlubin jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, filwaqt li jimmarkawha kif ġej: “For inspection by interested parties”. Dawn is-sommarji jridu jkunu ddettaljati biżżejjed biex jippermettu fehim raġonevoli tas-sostanza tal-informazzjoni mressqa b’mod kunfidenzjali. Meta parti li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġunijiet ġusti għal talba ta’ trattament kunfidenzjali jew ma tfassalx sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u bil-kwalità mitluba, il-Kummissjoni tista’ tinjora tali informazzjoni sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta.
Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu l-preżentazzjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta’ TRON.tdi (https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI) inkluż it-talbiet biex il-partijiet interessati jiġu rreġistrati bħala tali kif ukoll il-prokuri u d-dokumenti ta’ ċertifikazzjoni skennjati. Il-partijiet interessati, meta jużaw TRON.tdi jew il-posta elettronika, ikunu qed jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għall-preżentazzjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “CORRESPONDENCE WITH THE EUROPEAN COMMISSION IN TRADE DEFENCE CASES” ippubblikat fis-sit tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ u s-Sigurtà Ekonomika: https://europa.eu/!7tHpY3. Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefown u indirizz validu tal-posta elettronika u għandhom jiżguraw li l-indirizz tal-posta elettronika li jagħtu jkun indirizz kummerċjali uffiċjali tal-posta elettronika li jiffunzjona u li jiġi ċċekkjat kuljum. Ladarba jiġu pprovduti d-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz ta’ TRON.tdi jew tal-posta elettronika biss, dment li ma jitolbux li jirċievu d-dokumenti kollha mingħand il-Kummissjoni b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li jrid jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta rreġistrata. Għal regoli u għal informazzjoni oħra dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, inklużi l-prinċipji li japplikaw għas-sottomissjonijiet bi TRON.tdi u bil-posta elettronika, il-partijiet interessati għandhom jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.
L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:
|
European Commission |
|
Directorate-General for Trade and Economic Security |
|
Directorate G |
|
Office: CHAR 04/039 |
|
1049 Bruxelles/Brussel |
|
BELGIQUE/BELGIË |
TRON.tdi: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi
Email:
Dumping
TRADE-R882-OPTICAL-FIBRE-CABLES@ec.europa.eu
Dannu
TRADE-R882-OPTICAL-FIBRE-CABLES-INJURY@ec.europa.eu
6. Skeda tal-investigazzjoni
L-investigazzjoni għandha normalment tiġi konkluża fi żmien 12-il xahar, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku.
7. Preżentazzjoni ta’ informazzjoni
Bħala regola, il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw biss l-informazzjoni fil-perjodi ta’ żmien speċifikati fit-taqsima 5 ta’ din in-Notifika.
Sabiex l-investigazzjoni titlesta fl-iskadenzi mandatorji, il-Kummissjoni ma taċċettax iktar preżentazzjonijiet mingħand il-partijiet interessati wara l-iskadenza għall-kummenti dwar id-divulgazzjoni finali jew, jekk ikun applikabbli, wara l-iskadenza għal kummenti dwar id-divulgazzjoni finali addizzjonali.
8. Possibbiltà għal kummenti dwar il-preżentazzjonijiet ta’ partijiet oħra
Sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tad-difiża, il-partijiet interessati għandu jkollhom il-possibbiltà jikkummentaw dwar l-informazzjoni ppreżentata minn partijiet interessati oħra. Meta jagħmlu dan, il-partijiet interessati jistgħu biss jindirizzaw kwistjonijiet imqajma fil-preżentazzjonijiet tal-partijiet interessati l-oħra u ma jistgħux iqajmu kwistjonijiet ġodda.
Jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għad-divulgazzjoni tas-sejbiet definittivi, jiġu ppreżentati fi żmien ħamest ijiem mill-iskadenza għall-kummenti dwar is-sejbiet definittivi, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor. Jekk ikun hemm żvelar finali addizzjonali, jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduti minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għal dan l-iżvelar ulterjuri jsiru fi żmien ġurnata waħda mill-iskadenza għal kummenti dwar dan l-iżvelar ulterjuri, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
L-iskeda ta’ żmien indikata hija mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Kummissjoni li titlob għal informazzjoni addizzjonali mingħand il-partijiet interessati f’każijiet debitament ġustifikati.
9. Estensjoni tal-limiti ta’ żmien speċifikati f’din in-Notifika
Jenħtieġ li kwalunkwe estensjoni tal-iskadenzi previsti f’din in-Notifika tiġi rikjesta biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali, u tingħata biss jekk tkun debitament ġustifikata. Fi kwalunkwe każ, kull estensjoni fl-iskadenza tar-risposta għall-kwestjonarji se tkun limitata għal tlett ijiem, u bħala regola ma taqbiżx sebat ijiem. Rigward l-iskadenzi għall-preżentazzjoni ta’ informazzjoni oħra speċifikata fin-Notifika ta’ bidu, l-estensjonijiet se jkunu limitati għal tlett ijiem sakemm ma jintweriex li hemm ċirkostanzi eċċezzjonali.
10. Nonkooperazzjoni
F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa jew ma tipprovdihiex sal-limitu tal-iskadenzi, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, jistgħu jiġu stabbiliti sejbiet, sew jekk pożittivi kif ukoll jekk negattivi, abbażi tal-fatti disponibbli, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.
Meta jinstab li xi parti interessata tkun ipprovdiet informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.
Meta parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss u għaldaqstant is-sejbiet ikunu bbażati fuq il-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.
In-nuqqas ta’ tweġiba kompjuterizzata ma għandux jiġi kkunsidrat bħala nonkooperazzjoni, dment li l-parti interessata turi li l-preżentazzjoni tat-tweġiba kif mitlub tkun tirriżulta f’piż żejjed mhux raġonevoli jew f’kost addizzjonali mhux raġonevoli. Jenħtieġ li l-parti interessata tikkuntattja lill-Kummissjoni immedjatament.
11. Uffiċjal tas-Seduta
Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrieżamina t-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim fir-rigward tal-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għall-estensjoni tal-limiti ta’ żmien u kwalunkwe talba oħra dwar id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati u tal-partijiet terzi li jistgħu jfeġġu matul il-proċediment.
L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduti ta’ smigħ u jagħmilha ta’ medjatur bejn il-parti(jiet) interessata/i u s-servizzi tal-Kummissjoni sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jiġu eżerċitati bis-sħiħ. It-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha ssir bil-miktub u tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina r-raġunijiet għat-talbiet. Dawn is-seduti ta’ smigħ għandhom, fil-prinċipju, isiru biss jekk il-kwistjonijiet ma jkunux ġew solvuti mas-servizzi tal-Kummissjoni.
Kull talba trid tiġi ppreżentata fi żmien raġonevoli u bla dewmien sabiex ma xxekkilx l-andament tajjeb tal-proċedimenti. Għal dan il-għan, il-partijiet interessati għandhom jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta minn kmieni kemm jista’ jkun wara li jseħħ il-każ li jiġġustifika tali intervent. Meta t-talbiet għal seduti ta’ smigħ jiġu ppreżentati barra mill-iskedi ta’ żmien rilevanti, l-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina wkoll ir-raġunijiet għalfejn dawn it-talbiet ikunu saru tard, in-natura tal-kwistjonijiet imqajma u l-impatt ta’ dawn il-kwistjonijiet fuq id-drittijiet tad-difiża, filwaqt li jqis kif dovut l-interessi tal-amministrazzjoni tajba u t-tlestija tal-investigazzjoni fil-ħin.
Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq is-sit tad-DĠ Kummerċ u s-Sigurtà Ekonomika: https://policy.trade.ec.europa.eu/contacts/hearing-officer_en.
12. Possibbiltà li jintalab rieżami skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku
Billi dan ir-rieżami ta’ skadenza qed jinbeda b’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, is-sejbiet tiegħu mhux se jwasslu biex il-miżuri eżistenti jiġu emendati iżda biex dawk il-miżuri jitħassru jew jinżammu skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament bażiku.
Jekk xi parti interessata tqis li jkun ġustifikat li jsir rieżami tal-miżuri, sabiex ikun possibbli li l-miżuri jiġu emendati, din il-parti tista’ titlob li jsir rieżami skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.
Il-partijiet li jixtiequ jitolbu rieżami ta’ dan it-tip, li jsir indipendentement mir-rieżami ta’ skadenza msemmi f’din in-Notifika, jistgħu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fl-indirizz mogħti hawn fuq.
13. Proċessar ta’ data personali
Kwalunkwe data personali li tinġabar f’din l-investigazzjoni se tiġi trattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15).
Avviż dwar il-protezzjoni tad-data li jinforma lill-individwi kollha dwar l-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-attivitajiet tad-difiża tal-kummerċ tal-Kummissjoni huwa disponibbli fis-sit web tad-DĠ Kummerċ u Sigurtà Ekonomika: https://europa.eu/!vr4g9W
(1) ĠU C, C/2026/1025, 20.2.2026 - ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/1025/oj.
(2) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1036/oj.
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2011 tas-17 ta’ Novembru 2021 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-kejbils fibrottiċi li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 410, 18.11.2021, p. 51, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/2011/oj).
(4) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/72 tat-18 ta’ Jannar 2022 li jimponi dazji kompensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ kejbils fibrottiċi li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2011 li jimponi dazji anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ kejbils fibrottiċi li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 12, 19.1.2022, pp.34, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/72/oj). Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/72 tat-18 ta’ Jannar 2022, ġew imposti wkoll dazji kumpensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ kejbils fibrottiċi li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.
(5) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1617 tat-8 ta’ Awwissu 2023 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2011 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-kejbils fibrottiċi li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 199, 9.8.2023, p. 34, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/1617/oj).
(6) Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar Distorsjonijiet Sinifikanti fl-Ekonomija tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-Finijiet tal-Investigazzjonijiet għad-Difiża tal-Kummerċ, 10.4.2024, SWD(2024) 91 final (“Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni”) aċċessibbli: https://ec.europa.eu/transparency/documents-register/detail?ref=SWD(2024)91&lang=en.
(7) Fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli, il-Kummissjoni tqis li hemm provi biżżejjed li jissuġġerixxu li, minħabba li hemm distorsjonijiet sinifikanti li jaffettwaw il-prezzijiet u l-kostijiet, l-użu ta’ prezzijiet u kostijiet domestiċi fil-pajjiż ikkonċernat mhuwiex xieraq, u dan jirrikjedi li jingħata bidu għal investigazzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.
(8) Ir-referenzi kollha għall-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika se jkunu referenzi għall-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
(9) Produttur huwa kwalunkwe kumpanija fil-pajjiż ikkonċernat li tipproduċi l-prodott taħt rieżami, inkluż kwalunkwe kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, il-bejgħ domestiku jew l-esportazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami.
(10) Informazzjoni dwar il-kodiċijiet SA tingħata wkoll fis-sommarju eżekuttiv tat-talba għal rieżami, disponibbli fis-sit web tad-DĠ Kummerċ u Sigurtà Ekonomika: https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2924.
(11) Huma biss l-importaturi li mhumiex relatati ma’ produtturi fil-pajjiż ikkonċernat li jistgħu jiddaħħlu fil-kampjun. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi jridu jimlew l-Anness I tal-kwestjonarju f’isem dawn il-produtturi. F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu msieħba rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu min iħaddem u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi, tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-azzjonijiet bid-dritt tal-vot jew l-ishma maħruġa bi dritt tal-vot tat-tnejn li huma; (e) waħda minnhom tkun tikkontrolla direttament jew indirettament lill-oħra; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn persuna terza; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). F’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hi rikonoxxuta mil-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).
(12) Id-data pprovduta minn importaturi mhux relatati tista’ tintuża wkoll b’rabta ma’ aspetti oħra ta’ din l-investigazzjoni apparti minn biex jiġi stabbilit id-dumping.
(13) F’każ ta’ problemi tekniċi kkuntattja lit-Trade Service Desk permezz ta’ ittra elettronika lil trade-service-desk@ec.europa.eu jew ċempel +32 22979797.
(14) Dokument “Sensitive” huwa dokument li jitqies kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim dwar l-Anti-dumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).
(15) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).
ANNESS
|
☐ |
Verżjoni sensittiva |
|
☐ |
Verżjoni għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati |
|
(immarka l-kaxxa xierqa) |
|
PROĊEDIMENT ANTI-DUMPING LI JIKKONĊERNA L-IMPORTAZZJONIJIET TA’ KEJBILS FIBROTTIĊI LI JORIĠINAW MIR-REPUBBLIKA TAL-PEOPLU TAĊ-ĊINA
INFORMAZZJONI GĦALL-GĦAŻLA TAL-KAMPJUN TA’ IMPORTATURI MHUX RELATATI
Din il-formola hija mfassla biex tgħin lill-importaturi mhux relatati jwieġbu għat-talba għal informazzjoni rigward il-kampjunar li saret fit-taqsima 5.3.3 tan-Notifika ta’ Bidu.
Jenħtieġ li kemm il-verżjoni Sensittiva kif ukoll il-verżjoni Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati jintbagħtu lura lill-Kummissjoni kif stipulat fin-notifika tal-bidu.
1. IDENTITÀ U DETTALJI TA’ KUNTATT
Agħti dawn id-dettalji li ġejjin dwar il-kumpanija tiegħek:
|
Isem tal-kumpanija |
|
|
Indirizz |
|
|
Persuna ta’ kuntatt |
|
|
|
|
|
Telefown |
|
2. FATTURAT U VOLUM TAL-BEJGĦ
Indika l-fatturat totali f’euro (EUR) tal-kumpanija, il-valur f’euro (EUR) u l-volum f’kilometri (km ta’ kejbils) tal-importazzjonijiet u l-bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, matul il-perjodu tal-investigazzjoni tar-rieżami, tal-prodott taħt rieżami kif definit fin-notifika tal-bidu.
|
|
Volum f’km ta’ kejbils |
Valur f’euro (EUR) |
|
Fatturat totali tal-kumpanija tiegħek f’euro (EUR) |
|
|
|
Importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina |
|
|
|
Importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami (kwalunkwe oriġini) |
|
|
|
Il-bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina tal-prodott taħt rieżami |
|
|
3. ATTIVITAJIET TAL-KUMPANIJA TIEGĦEK U TAL-KUMPANIJI RELATATI (1)
Agħti dettalji tal-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija u tal-kumpaniji relatati kollha (elenkahom u ddikjara r-relazzjoni tagħhom mal-kumpanija tiegħek) involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ (f’esportazzjonijiet u/jew fis-suq domestiku) tal-prodott taħt rieżami. Attivitajiet bħal dawn jistgħu jinkludu x-xiri tal-prodott taħt rieżami, il-produzzjoni tiegħu skont arranġamenti ta’ sottokuntrattar, jew l-ipproċessar jew in-negozjar tal-prodott taħt rieżami, iżda mhumiex limitati għal dawn biss.
|
Isem u lokalità tal-kumpanija |
Attivitajiet |
Relazzjoni |
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
4. AKTAR INFORMAZZJONI
|
|
Agħti kull informazzjoni rilevanti oħra li l-kumpanija tqis li tista’ tkun utli biex tgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun. |
5. ĊERTIFIKAZZJONI
Billi tipprovdi l-informazzjoni ta’ hawn fuq, il-kumpanija tkun qed taqbel mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan ifisser li trid timla kwestjonarju u taċċetta li ssirilha żjara fuq il-post sabiex jiġu vverifikati t-tweġibiet tagħha. Jekk il-kumpanija tindika li ma taqbilx mal-possibbiltà li tiġi inkluża fil-kampjun, din titqies li ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni għall-importaturi li ma jikkooperawx jissejsu fuq il-fatti disponibbli u r-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-kumpanija milli kieku tkun ikkooperat.
Firma tal-uffiċjal awtorizzat:
Isem u kariga tal-uffiċjal awtorizzat:
Data:
(1) F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu msieħba rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu min iħaddem u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi, tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-azzjonijiet bid-dritt tal-vot jew l-ishma maħruġa bi dritt tal-vot tat-tnejn li huma; (e) waħda minnhom tkun tikkontrolla direttament jew indirettament lill-oħra; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn persuna terza; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). F’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hi rikonoxxuta mil-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/6025/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)