14.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 75/15


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/575

tad-9 ta’ Marzu 2023

li tawtorizza lill-Polonja biex tirratifika, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, l-emenda għall-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni tar-Riżorsi tal-Merluzz tal-Alaska fiż-żona ċentrali tal-Baħar ta’ Bering

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43, flimkien mal-punt (v) tal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

L-Unjoni hija Parti Kontraenti tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta' Diċembru 1982 (2), li tirrikjedi li l-membri kollha tal-komunità internazzjonali jikkooperaw fil-konservazzjoni u fil-ġestjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar.

(2)

L-Unjoni hija wkoll Parti Kontraenti tal-Ftehim għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta' Diċembru 1982 li għandhom x'jaqsmu mal-konservazzjoni u l-ġestjoni tal-stokks tal-ħut fuq iż-żewġ naħat tal-istess żona u l-istokks tal-ħut li jpassi bil-qawwi (3).

(3)

L-Unjoni għandha kompetenza esklużiva fil-qasam tal-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar skont il-Politika Komuni tas-Sajd. Is-setgħat mogħtija lill-Unjoni fil-livell intern jinkludu wkoll is-setgħa tal-Unjoni li tikkoopera f'organizzazzjonijiet internazzjonali, inkluż fil-qafas ta' organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd.

(4)

Il-Polonja hija Parti Kontraenti għall-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni tar-Riżorsi tal-Merluzz tal-Alaska fiż-żona ċentrali tal-Baħar ta’ Bering (il-“Konvenzjoni”). L-Unjoni mhijiex parti għall-Konvenzjoni. Bis-saħħa tal-Artikolu 6(9) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 , mid-data tal-adeżjoni, il-ftehimiet dwar is-sajd konklużi mill-Istati Membri aderenti ma' pajjiżi terzi jiġu ġestiti mill-Unjoni. Jenħtieġ għalhekk li l-Unjoni timplimenta fl-ordni legali tagħha kwalunkwe deċiżjoni stabbilita taħt il-Konvenzjoni.

(5)

Huwa fl-interess tal-Unjoni li taqdi rwol effikaċi fl-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni. Tali azzjoni tippromwovi wkoll il-konsistenza fl-approċċ tal-Unjoni rigward il-konservazzjoni fl-oċeani kollha u ssaħħaħ l-impenn tagħha lejn il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli fit-tul tar-riżorsi tas-sajd fil-livell globali.

(6)

Permezz tad-Deċiżjoni tiegħu tal-11 ta' April 2016 il-Kunsill awtorizza lill-Polonja biex tinnegozja, fl-interess tal-Unjoni, emenda għall-Konvenzjoni li tippermetti l-parteċipazzjoni tal-Unjoni bħala parti sħiħa għall-Konvenzjoni. Għal dan il-għan, il-Polonja kellha tipproponi emenda għall-Konvenzjoni sabiex tippermetti l-parteċipazzjoni ta' organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika u sabiex l-Unjoni tkun tista' ssir parti għall-Konvenzjoni.

(7)

F’ Ottubru 2016, il-Polonja pproponiet tali emenda għall-Konvenzjoni lid-Depożitarju tal-Konvenzjoni.

(8)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Polonja tiġi awtorizzata tirratifika l-emenda għall-Konvenzjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Polonja hija b'dan awtorizzata tirratifika, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, l-emenda għall-Artikolu XVI.4 tal-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni tar-Riżorsi tal-Merluzz tal-Alaska fiż-żona ċentrali tal-Baħar ta’ Bering li tippermetti lill-organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika jsiru parti għal dik il-Konvenzjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Marzu 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

G. STRÖMMER


(1)  Approvazzjoni tal-15 ta’ Frar 2023 (għada mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE tat-23 ta' Marzu 1998 li tirrigwarda l-konklużjoni mill-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-10 ta' Diċembru 1982 dwar il-Liġi tal-Baħar u l-Ftehim tat-28 ta' Lulju 1994 li għandu x'jaqsam mal-implimentazzjoni tal-Parti XI tiegħu (ĠU L 179, 23.6.1998, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/414/KE tat-8 ta' Ġunju 1998 dwar ir-ratifika mill-Komunità Ewropea tal-Ftehim sabiex jimplimenta d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta' Diċembru 1982 li għandha x'taqsam mal-konservazzjoni u l-ġestjoni tal-stokk tal-ħut fuq iż-żewġ naħat tal-istess żona u l-istokks tal-ħut li jpassi bil-qawwi (ĠU L 189, 3.7.1998, p. 14).