|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/864 |
6.5.2025 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/864
tat-30ta’ April 2025
li jopera tnaqqis mill-kwota tas-sajd għas-salamun tal-Atlantiku allokata lill-Finlandja fl-2025 minħabba s-sajd eċċessiv fl-2024
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal- 20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 105(1) u (2) tiegħu,
Billi:
1. Regolamenti tal-Kunsill li jallokaw lill-Finlandja kwoti tas-sajd, rispettivament, għas-snin 2023, 2024 u 2025
|
(1) |
Għas-sena tas-sajd 2024, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/2638 (2) alloka lill-Finlandja kwota tas-sajd ta’ 13 945 individwu tas-salamun tal-Atlantiku (salmo salar) fl-ilmijiet tal-Unjoni tas-suddiviżjonijiet 22 sa 31 tal-ICES (SAL/3BCD-F) (“is-salamun fil-baċir ewlieni”). |
|
(2) |
F’konformità mat-Tabella 8, in-nota 2 f’qiegħ il-paġna, l-ewwel paragrafu, tal-Anness tar-Regolament (UE) 2023/2638, il-kwoti tas-sajd tas-salamun fil-baċir ewlieni kienu esklużivament għall-qabdiet aċċessorji u ma kien permess l-ebda sajd dirett. Kien hemm żewġ derogi għal dik ir-regola. |
|
(3) |
L-ewwel deroga kienet prevista f’dik it-Tabella 8, mit-tieni paragrafu tal-istess nota 2 ta’ qiegħ il-paġna, li skontu l-operazzjonijiet tas-sajd imwettqa għall-fini esklużiv ta’ investigazzjonijiet xjentifiċi jistgħu jiġu diretti għas-salamun fil-baċir ewlieni, dment li dawk l-investigazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). |
|
(4) |
It-tieni deroga kienet prevista f’dik it-Tabella 8, mit-tielet paragrafu tal-istess nota 2 f’qiegħ il-paġna, li skontu s-sajd dirett kien permess għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fis-suddiviżjoni 31 tal-ICES f’żoni sa erba’ mili nawtiċi mkejla mil-linji bażi matul il-perjodu mill-1 ta’ Mejju sal-31 ta’ Awwissu 2024. |
|
(5) |
L-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2023/2638 ipprojbixxa s-sajd rikreattiv tas-salamun fil-baċir ewlieni fis-suddiviżjonijiet 22 sa 31 tal-ICES. Kien hemm żewġ derogi għal dik ir-regola. |
|
(6) |
L-ewwel deroga kienet prevista fl-Artikolu 10(2) li ppermetta s-sajd rikreattiv ta’ salamuna waħda bil-pinna adipuża maqtugħa għal kull sajjied rikreattiv kuljum taħt ċerti kundizzjonijiet. |
|
(7) |
It-tieni deroga kienet prevista fl-Artikolu 10(3) li ppermetta s-sajd rikreattiv fis-suddiviżjoni 31 tal-ICES f’żoni sa erba’ mili nawtiċi mkejla mil-linji bażi matul il-perjodu mill-1 ta’ Mejju sal-31 ta’ Awwissu 2024. |
|
(8) |
Għas-sena tas-sajd 2023, huwa r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2090 (4) li ppreveda, fost l-oħrajn, l-opportunitajiet tas-sajd għas-salamun fil-baċir ewlieni. Għall-kuntrarju tas-sena tas-sajd 2024, fis-sena tas-sajd 2023, it-tielet paragrafu tan-nota 2 f’qiegħ il-paġna tat-Tabella 8 tal-Anness ta’ dak ir-Regolament ipprovda li s-sajd dirett tal-kwoti tas-salamun fil-baċir ewlieni kien permess għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fit-Tramuntana għal-latitudni 59° 30′ N (jiġifieri fis-suddiviżjonijiet 29 Tramuntana, 30 u 31 tal-ICES) f’żoni sa erba’ mili nawtiċi mkejla mil-linji bażi matul il-perjodu mill-1 ta’ Mejju sal-31 ta’ Awwissu 2023. |
|
(9) |
Għall-2023, il-Finlandja rrappurtat lill-Kummissjoni 4 394 individwu tas-salamun maqbud fis-suddiviżjonijiet 29 Tramuntana u 30 tal-ICES. |
|
(10) |
Għas-sena tas-sajd 2025, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/2903 (5) jalloka lill-Finlandja kwota tas-sajd ta’ 8 989 individwu tas-salamun fil-baċir ewlieni. |
2. Skambji mal-Finlandja u valutazzjoni mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd
2.1. Informazzjoni mill-Finlandja
|
(11) |
Fis-26 ta’ Frar 2024, il-Finlandja infurmat lill-Kummissjoni dwar riċerka ppjanata għall-operazzjonijiet tas-sajd għas-salamun li għandha titwettaq għall-fini ta’ investigazzjoni xjentifika fis-suddiviżjonijiet 29 Tramuntana u 30 tal-ICES. Ir-riċerka pprevediet l-involviment ta’ 45 bastiment kummerċjali li jtajru l-bandiera tal-Finlandja u għadd mhux definit ta’ sajjieda rikreattivi li kellhom ikejlu u jieħdu kampjuni tal-iskwami minn kull salamuna salvaġġa maqbuda. Ir-riċerka kellha tiġi implimentata fl-ilmijiet Finlandiżi sa erba’ mili nawtiċi mkejla mil-linji bażi mis-27 ta’ Mejju sal-31 ta’ Awwissu 2024. Il-Finlandja stenniet qabdiet ta’ madwar 4 300 individwu tas-salamun. |
|
(12) |
Peress li r-riċerka kellha tinvolvi aktar minn sitt bastimenti kummerċjali f’konformità mal-Artikolu 25(1)(e) tar-Regolament (UE) 2019/1241 il-Kummissjoni talbet il-parir tal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) sabiex jiġi kkonfermat li tali livell ta’ parteċipazzjoni kien iġġustifikat fuq il-bażi ta’ raġunijiet xjentifiċi. |
2.2. Il-75 laqgħa plenarja tal-STECF ta’ Marzu 2024
|
(13) |
Fil-75 laqgħa plenarja tiegħu li saret mill-11 sal-15 ta’ Marzu 2024 (6), l-STECF iddikjara fil-konklużjonijiet tiegħu li l-objettiv u l-valur miżjud tas-sajd xjentifiku propost ma kinux ċari u li l-livell ta’ parteċipazzjoni fir-riċerka kif ippjanat inizjalment ma kienx iġġustifikat fuq il-bażi tar-raġunijiet xjentifiċi li ġejjin. |
|
(14) |
L-ewwel, l-STECF innota li “l-għadd ta’ bastimenti u l-livell ipproġettat tal-isforz tas-sajd huwa kważi ekwivalenti għal-livelli fis-sajd kummerċjali fis-snin preċedenti. B’segwitu għall-evalwazzjonijiet preċedenti tat-talbiet xjentifiċi dwar is-sajd, l-STECF ifakkar li s-sajd xjentifiku ma jenħtieġx li jkollu l-mira li jissimula s-sajd sħiħ iżda li jiġbor kampjun rappreżentattiv tal-popolazzjoni li jkun adatt għall-iskop tal-provi xjentifiċi”. |
|
(15) |
It-tieni, l-STECF innota li “l-kopertura taż-żona kollha u tal-istaġun kollu tas-sajd mhijiex neċessarjament meħtieġa u jissuġġerixxi li l-għarfien preeżistenti dwar id-distribuzzjoni spazjali u temporali fil-baħar tas-salamun mix-Xmara Ljungan jista’ jintuża biex jiġi definit l-isforz tal-kampjunar”. |
|
(16) |
It-tielet, l-STECF innota li “l-valur miżjud tad-data li tirriżulta mill-istħarriġ xjentifiku x’aktarx li jkun limitat”. |
|
(17) |
Ir-raba’, l-STECF innota li filwaqt li “l-istima tal-proporzjon tas-salamun mix-Xmara Ljungan teħtieġ kampjunar fuq skala kbira (...) anki l-qabda ta’ għadd żgħir ta’ salamun minn din il-popolazzjoni jista’ jkollha impatt sinifikanti fuq l-istokk.” |
|
(18) |
Il-ħames, l-STECF innota li “l-varjazzjonijiet interannwali, intraannwali u spazjali fil-kompożizzjoni tal-istokk imħallat (...) ma jippermettux li jinġibdu konklużjonijiet ġenerali mill-kampjunar propost.” |
|
(19) |
Is-sitt, l-STECF innota li “fil-kuntest ta’ sajd xjentifiku, ir-rilaxx tas-salamun salvaġġ jista’ jkun opzjoni sabiex jinkisbu l-istess riżultati xjentifiċi filwaqt li jiġi limitat ir-riskju ta’ impatti detrimentali fuq il-popolazzjoni eżawrita”. Dan huwa ġġustifikat “minħabba li ntwera li s-sopravivenza tas-salamun mix-xbieki nases hija akbar minn 70 %”. |
|
(20) |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, l-STECF ikkonkluda li l-objettiv tas-sajd xjentifiku propost ma kienx ċar, kif kien il-valur miżjud tiegħu, fis-sens li l-għadd ta’ bastimenti ma kienx iġġustifikat fuq il-bażi ta’ raġunijiet xjentifiċi. Issuġġerixxa wkoll li jiġi kkunsidrat ir-rilaxx tas-salamun selvaġġ biex jitnaqqas l-impatt potenzjali tal-programm ta’ kampjunar. Fl-aħħar nett, l-STECF semma l-kunsiderazzjonijiet li ġejjin fis-sitwazzjoni ipotetika li s-sajd xjentifiku jkun iġġustifikat fuq il-bażi ta’ raġunijiet xjentifiċi: “jekk tali sajd ikun permess, ladarba l-objettiv ikun speċifikat b’mod ċar, l-STECF jissuġġerixxi li l-għadd ta’ salamun li għandu jinqabad u l-għadd ta’ bastimenti jistgħu jiġu ddeterminati mill-awtoritajiet Finlandiżi bl-użu ta’ għarfien preeżistenti dwar id-distribuzzjoni spazjali u temporali tas-salamun. L-STECF jikkonkludi li, jekk is-sajd xjentifiku jkun permess, ikun utli li jiġu speċifikati l-miżuri stabbiliti biex jiġi żgurat li s-sajjieda kummerċjali jikkonformaw mal-protokoll xjentifiku.” |
2.3. Skambji mal-Finlandja wara l-75 laqgħa plenarja tal-STECF ta’ Marzu 2024
|
(21) |
Fit-30 ta’ April 2024, il-Finlandja infurmat lill-Kummissjoni li kienet emendat il-kundizzjonijiet tar-riċerka. Ir-riċerka emendata eskludiet is-sajd rikreattiv u naqqset l-għadd ta’ bastimenti kummerċjali parteċipanti li jtajru l-bandiera tal-Finlandja minn 45 għal 32 (li jikkonsistu mill-bastimenti kummerċjali kollha li jtajru l-bandiera tal-Finlandja li, individwalment, qabdu mill-inqas 64 salamuna fl-2022 jew fl-2023). Skont il-Finlandja, dan kien jikkorrispondi għal madwar 50 % tal-bastimenti kummerċjali li jtajru l-bandiera tal-Finlandja li stadu għas-salamun fil-baċir ewlieni fl-2022 jew fl-2023, b’qabda totali stmata ta’ 3 650 individwu. Il-Finlandja sostniet li 32 bastiment kummerċjali kienu meħtieġa biex jinkiseb kampjun rappreżentattiv tal-popolazzjonijiet tas-salamun fil-baċir ewlieni. Il-Finlandja sostniet ulterjorment li waħda mir-raġunijiet li tipprevjeni r-rilaxx tal-qabdiet tas-salamun fil-baċir ewlieni tkun li dan “mhuwiex alternattiva peress li t-teħid tal-kampjuni mill-iskwami tal-individwi tas-salamun salvaġġ huwa kruċjali għall-ġbir ta’ informazzjoni rilevanti dwar l-oriġini tal-individwi tas-salamun salvaġġ fix-xmara. Il-kampjuni tal-iskwami ma jistgħux jittieħdu mingħajr ma ssir ħsara lill-individwi tas-salamun salvaġġ u mingħajr ma jiżdied ir-riskju li tiġi kkawżata mortalità għolja tal-individwi meħlusa”. |
|
(22) |
Fl-14 ta’ Mejju 2024, il-Kummissjoni infurmat lill-Finlandja li, fid-dawl tal-parir tal-STECF ta’ Marzu 2024, hija kellha dubji dwar kemm il-livell ta’ parteċipazzjoni fir-riċerka emendata kien iġġustifikat fuq il-bażi ta’ raġunijiet xjentifiċi. Anki jekk l-għadd ta’ bastimenti li jipparteċipaw fir-riċerka emendata tnaqqas minn 45 għal 32 bastiment, ma kien hemm l-ebda tnaqqis simili previst f’termini tal-għadd mistenni ta’ salamun li kellu jinqabad. Il-Kummissjoni infurmat ukoll lill-Finlandja li kellha dubji dwar kemm r-rilaxx tas-salamun maqbud ma jenħtieġx li jitqies bħala alternattiva. Għalhekk, il-Kummissjoni talbet lill-Finlandja biex tipposponi t-twettiq ta’ riċerka “li tmur lil hinn minn dik li l-STECF jistma li għandha tiġi ġġustifikata fuq il-bażi ta’ raġunijiet xjentifiċi” sakemm jinkiseb parir dwar ir-riċerka emendata mill-STECF fil-laqgħa plenarja li jmiss tiegħu ta’ Lulju 2024. |
|
(23) |
Fl-24 ta’ Mejju 2024, il-Finlandja infurmat lill-Kummissjoni li kienet se tissostitwixxi tnejn mit-32 bastiment kummerċjali parteċipanti li jtajru l-bandiera tal-Finlandja b’żewġ bastimenti differenti. Il-Finlandja sostniet ulterjorment li: (i) “it-tieni valutazzjoni retroattiva mill-STECF mhix f’konformità mal-Artikolu 25(1)(e) [tar-Regolament (UE) 2019/1241] li jirrikjedi li l-Kummissjoni tiġi infurmata mill-inqas tliet xhur minn qabel. Barra minn hekk, ir-rapport tal-STECF 24-01 ma jirrikjedix tali valutazzjoni mġedda”; (ii) l-istennija għat-tieni parir mill-STECF f’Lulju “ma tkunx f’waqtha” minħabba li “s-salamun migratorju f’nofs Lulju diġà jkun għadda miż-żoni kostali fis-suddiviżjonijiet 29N u 30 u s-sajd xjentifiku għas-salamun huwa bejn wieħed u ieħor komplut.”; (iii) “fl-2019–2022 il-qabda tas-salamun fis-suddiviżjonijiet 29N u 30 kienet ta’ madwar 6 000–9 000 individwu, li minnhom madwar 70 % kienu salvaġġi (4 200–6 300). B’hekk qabda mbassra ta’ 2 550 salamuna salvaġġa fis-sajd xjentifiku hija ferm inqas minn sajd sħiħ normali” u (iv) “il-kejl tat-tul u l-piż u d-determinazzjoni tas-sess tas-salamun salvaġġ ħaj u speċjalment it-teħid ta’ ammont suffiċjenti ta’ skwami minnhom u wara dan ir-rilaxx tagħhom, jidhru li jiksru l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/1296 (7) li jirrikjedi r-rilaxx immedjat tas-salamun li jiġi skartat (rilaxxat) u li ma humiex konformi mal-leġiżlazzjoni tagħna dwar il-benesseri tal-annimali. (...) Barra minn hekk, ir-Regolament imsemmi ma jippermettix ir-rilaxx tas-salamun minn xbieki fissi”. |
|
(24) |
Fis-27 ta’ Mejju 2024, il-Finlandja bdiet twettaq ir-riċerka emendata bi 32 bastiment kummerċjali. |
|
(25) |
Fl-14 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni talbet lill-Finlandja tissospendi t-twettiq tar-riċerka emendata sakemm jinkiseb parir dwar dik ir-riċerka mill-STECF fil-laqgħa plenarja li jmiss tiegħu ta’ Lulju 2024. |
|
(26) |
Fl-20 ta’ Ġunju 2024, il-Finlandja infurmat lill-Kummissjoni li ma kinitx se tissospendi t-twettiq tar-riċerka emendata minħabba li, skont il-Finlandja: (i) “is-sajd xjentifiku tħejja f’konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-PKS”; u (ii) “hemm nuqqas ċar ta’ data dwar l-oriġini tas-salamun salvaġġ fil-qabda tas-sajd kostali tagħna. Id-data dwar l-oriġini tas-salamun hija meħtieġa kemm għal deċiżjonijiet futuri dwar il-ġestjoni tas-sajd għas-salamun kif ukoll għall-konsiderazzjoni ta’ miżuri ta’ konservazzjoni possibbli għal popolazzjonijiet aktar dgħajfa tas-salamun”. |
2.4. Is-76 laqgħa plenarja tal-STECF ta’ Lulju 2024
|
(27) |
Fis-76 laqgħa plenarja tiegħu li saret mit-8 sat-12 ta’ Lulju 2024 (8), l-STECF ikkonferma li l-livell ta’ parteċipazzjoni fir-riċerka emendata ma kienx iġġustifikat fuq il-bażi tar-raġunijiet xjentifiċi li ġejjin. |
|
(28) |
L-ewwel, l-STECF innota li l-livell ta’ parteċipazzjoni kien “għadu madwar 50 % tal-bastimenti kollha użati fis-sajd kummerċjali tas-salamun fiż-żona fl-2022–2023” u li “l-qabda totali xorta tkun qrib is-70 % tal-qabda ta’ 5 300 salamuna rrapportata miż-żona matul l-istaġun tas-sajd tal-2022.” |
|
(29) |
It-tieni, l-STECF innota li “l-kampjunar xjentifiku għandu jkun f’ordnijiet ta’ kobor iżgħar mis-sajd kummerċjali” filwaqt li “l-qabdiet mistennija huma sa 70 % tal-qabdiet kummerċjali fis-snin preċedenti”. |
|
(30) |
It-tielet, il-Finlandja “ħadet kampjun ta’ 394 individwu biss f’AU 3 fl-2023 (99 fis-suddiviżjoni 29 u 295 fis-suddiviżjoni 30 - ICES 2024a)”. |
|
(31) |
Ir-raba’, “l-objettivi tas-sajd xjentifiku mitlub għadhom mhumiex ċari”. |
|
(32) |
Il-ħames, “il-mortalità possibbli ta’ wara r-rilaxx minħabba l-proċeduri tal-kampjunar hija essenzjalment inqas mill-mortalità ta’ 100 % tal-qabda miżmuma abbord u żbarkata”. |
2.5. Skambji mal-Finlandja wara s-76 laqgħa plenarja tal-STECF ta’ Lulju 2024
|
(33) |
Fi stqarrija għall-istampa tal-4 ta’ Settembru 2024 (9) u permezz ta’ ittra lill-Kummissjoni tat-2 ta’ Ottubru 2024, il-Finlandja indikat li l-bastimenti parteċipanti fir-riċerka emendata kienu qabdu total ta’ 3 162 individwu tas-salamun. Din iċ-ċifra hija konsistenti mad-data uffiċjali dwar il-qabdiet li l-Finlandja rrapportat fis-sistema tar-Rappurtar tal-Isforz u tal-Qabdiet (ECR) tal-Kummissjoni. |
|
(34) |
Fit-18 ta’ Frar 2025, il-Kummissjoni infurmat lill-Finlandja permezz ta’ ittra bl-intenzjoni tagħha li tadotta tnaqqis ta’ 3 162 individwu tas-salamun fil-baċir ewlieni mill-kwota Finlandiża disponibbli fl-2025 għal dak l-istokk, skont l-Artikolu 105(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009. |
|
(35) |
Fit-3 u s-6 ta’ Marzu 2025, saru laqgħat bejn il-Kummissarju għas-Sajd u għall-Oċeani, il-Ministru Finlandiż għall-Agrikoltura u l-Forestrija u l-awtoritajiet Finlandiżi biex jiddiskutu l-kwistjoni. |
|
(36) |
Fis-7 ta’ Marzu 2025, il-Finlandja bagħtet il-kummenti tagħha dwar l-ittra tat-18 ta’ Frar 2025. L-ewwel, il-Finlandja esprimiet dubji dwar il-bażi legali għat-tnaqqis propost, billi sostniet li “l-bażi legali tal-Artikolu 105(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 hija invalida peress li l-qabda tas-salamun tal-Finlandja kienet ta’ 11 519-il salamuna fl-2024 u għalhekk il-Finlandja ma qabżitx il-kwota tagħha tas-salamun ta’ 16 661 salamuna.” It-tieni, il-Finlandja sostniet li r-riċerka emendata kienet “konformi bis-sħiħ mal-parir tal-STECF mill-plenarja tiegħu ta’ Marzu 24-01 u mal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2019/1241, li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għas-sajd xjentifiku, inkluż il-parir tal-STECF.” It-tielet, il-Finlandja esprimiet dubji dwar il-bażi legali għall-parir tal-STECF ta’ Lulju 2024, u sostniet li “l-formulazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/1241 ma tinkludix il-possibbiltà li jintalab it-tieni parir tardiv mill-STECF.” |
3. Analiżi dettaljata
|
(37) |
Għar-raġunijiet stabbiliti hawn taħt, il-Kummissjoni tikkonkludi li: (i) ir-riċerka emendata ma saritx f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2019/1241; u b’riżultat ta’ dan, (ii) il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tad-deroga kif hemm stabbilit fit-Tabella 8, in-nota 2 f’qiegħ il-paġna, it-tieni paragrafu, tal-Anness tar-Regolament (UE) 2023/2638 ma ġewx issodisfati. |
3.1. Riċerka emendata tal-Finlandja fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2019/1241
|
(38) |
Ir-riċerka emendata tal-Finlandja ma saritx f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2019/1241 għar-raġunijiet li ġejjin. |
|
(39) |
L-ewwel, fil-parir tiegħu ta’ Marzu 2024 (ara l-premessa (13) ta’ hawn fuq), l-STECF qies li l-livell ta’ parteċipazzjoni fir-riċerka kif ippjanat inizjalment ma kienx iġġustifikat fuq il-bażi ta’ raġunijiet xjentifiċi. |
|
(40) |
It-tieni, filwaqt li fit-30 ta’ April u fl-24 ta’ Mejju 2024, il-Finlandja infurmat lill-Kummissjoni li kienet emendat il-kundizzjonijiet tar-riċerka u naqqset il-livell ta’ parteċipazzjoni għal 32 bastiment, il-livell imnaqqas ta’ parteċipazzjoni kien għadu mhux iġġustifikat fuq il-bażi ta’ raġunijiet xjentifiċi. Kif innotat fil-parir tal-STECF ta’ Marzu 2024, is-sajd xjentifiku ma jenħtieġx li jkollu il-mira li jissimula s-sajd sħiħ iżda li jiġbor kampjun rappreżentattiv tal-popolazzjoni li jkun adatt għall-iskop tal-provi xjentifiċi. Madankollu, kif innutat fil-parir tal-STECF ta’ Lulju 2024 u minn naħa waħda, 32 bastiment kummerċjali jirriżultaw f’qabda totali “qrib 70 % tal-qabda ta’ 5 300 salamuna irrapportata miż-żona matul l-istaġun tas-sajd tal-2022” filwaqt li “l-kampjunar xjentifiku għandu jkun f’ordnijiet ta’ kobor iżgħar mis-sajd kummerċjali”. Min-naħa l-oħra, it-3 650 individwu tas-salamun li l-Finlandja qed tistenna li jinqabdu fir-riċerka emendata kienu jikkorrispondu għal sehem li jinsab fil-firxa medja ta’ madwar terz tal-qabdiet totali Finlandiżi tas-salamun fil-baċir ewlieni li saru fis-suddiviżjonijiet 29 Tramuntana u 30 tal-ICES mill-inqas mill-2019. |
|
(41) |
Fl-ittri tagħha tat-30 ta’ April 2024, tal-24 ta’ Mejju 2024, tal-20 ta’ Ġunju 2024 u tas-7 ta’ Marzu 2025, il-Finlandja kkontestat il-konklużjoni tal-Kummissjoni li r-riċerka emendata ma twettqitx f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2019/1241. Madankollu, il-Kummissjoni ssostni l-konklużjoni tagħha għar-raġunijiet li ġejjin: |
|
(42) |
Fl-ewwel lok, ma kinux meħtieġa 32 bastiment kummerċjali biex jinkiseb kampjun rappreżentattiv tal-popolazzjoni tas-salamun fil-baċir ewlieni (ara l-premessa (40) ta’ hawn fuq). |
|
(43) |
Fit-tieni lok, ir-rilaxx ta’ qabdiet ta’ salamun fil-baċir ewlieni kien ikun alternattiva. Dan għaliex (i) kif innutat mill-STECF fil-parir tiegħu ta’ Marzu 2024, “intwera li s-sopravivenza tas-salamun mix-xbieki nases hija akbar minn 70 %”; (ii) kif innutat mill-STECF fil-parir tiegħu ta’ Lulju 2024, “il-mortalità possibbli ta’ wara r-rilaxx minħabba l-proċeduri tal-kampjunar hija essenzjalment inqas mill-mortalità ta’ 100 % tal-qabda miżmuma abbord u żbarkata”; u (iii) il-Kummissjoni ma kinitx infurmata dwar liema dispożizzjonijiet tal-“leġiżlazzjoni” Finlandiża “dwar il-benesseri tal-annimali” allegatament jipprevjenu r-rilaxx tas-salamun maqbud. |
|
(44) |
Fit-tielet lok, il-Kummissjoni kienet intitolata li titlob it-tieni parir tal-STECF, peress li: (i) l-Artikolu 25(1)(e) tar-Regolament (UE) 2019/1241 jirrikjedi li Stat Membru jemenda l-kundizzjonijiet ta’ kwalunkwe riċerka ppjanata skont il-parir tal-STECF; u (ii) il-Kummissjoni kellha dubji dwar kemm il-livell ta’ parteċipazzjoni fir-riċerka emendata kien iġġustifikat fid-dawl tal-parir tal-STECF ta’ Marzu 2024, u għalhekk dwar kemm il-Finlandja kienet emendat il-kundizzjonijiet tar-riċerka inizjali kif xieraq. |
|
(45) |
Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni ma talbitx lill-Finlandja biex tipposponi r-riċerka kollha sakemm jinkiseb it-tieni parir mill-STECF. Pjuttost, fl-14 ta’ Mejju 2024, il-Kummissjoni talbet lill-Finlandja tipposponi t-twettiq ta’ kwalunkwe riċerka “li tmur lil hinn minn dak li l-STECF jistma ġustifikat fuq il-bażi ta’ raġunijiet xjentifiċi” fil-parir ta’ Marzu 2024. |
3.2. Ir-riċerka emendata tal-Finlandja fid-dawl tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tad-deroga kif hemm stabbilit fit-Tabella 8, in-nota 2 f’qiegħ il-paġna, it-tieni paragrafu, tal-Anness tar-Regolament (UE) 2023/2638
|
(46) |
Għar-raġunijiet stabbiliti hawn taħt, il-Finlandja qabżet il-kwota tas-sajd li ġiet allokata lilha mit-Tabella 8 tal-Anness tar-Regolament (UE) 2023/2638 għas-salamun fil-baċir ewlieni għas-sena 2024. |
|
(47) |
L-ewwel, f’konformità mat-Tabella 8, in-nota 2 f’qiegħ il-paġna, l-ewwel paragrafu, tal-Anness tar-Regolament (UE) 2023/2638, il-kwota tal-Finlandja għas-salamun fil-baċir ewlieni kienet esklużivament għall-qabdiet aċċessorji u ma kien permess l-ebda sajd dirett, sakemm ma ġewx issodisfati xi waħda miż-żewġ derogi previsti fit-tieni jew fit-tielet paragrafi ta’ dik in-nota 2 f’qiegħ il-paġna. |
|
(48) |
It-tieni, ir-riċerka emendata ma setgħetx tibbenefika mid-deroga għas-sajd dirett ipprovduta fit-Tabella 8, in-nota 2 f’qiegħ il-paġna, it-tieni paragrafu, tal-Anness tar-Regolament (UE) 2023/2638. Tabilħaqq, kif spjegat fit-Taqsima 3.1 ta’ hawn fuq, ir-riċerka emendata ma saritx f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2019/1241. |
|
(49) |
It-tielet, ir-riċerka emendata ma setgħetx tibbenefika mid-deroga għas-sajd dirett ipprovduta fit-Tabella 8, in-nota 2 f’qiegħ il-paġna, it-tielet paragrafu, tal-Anness tar-Regolament (UE) 2023/2638. Dik id-deroga kienet applikabbli biss fis-suddiviżjoni 31 tal-ICES, filwaqt li r-riċerka emendata twettqet fis-suddiviżjonijiet 29 Tramuntana u 30 tal-ICES. |
|
(50) |
Konsegwentement, kwalunkwe sajd dirett tas-salamun fil-baċir ewlieni mill-Finlandja fis-suddiviżjonijiet 29 Tramuntana u 30 tal-ICES fis-sena 2024 qabeż il-kwota allokata lilha mit-Tabella 8 tal-Anness tar-Regolament (UE) 2023/2638. Madankollu, kif spjegat fit-Taqsima 2.5 ta’ hawn fuq, il-bastimenti parteċipanti fir-riċerka emendata qabdu direttament total ta’ 3 162 individwu tas-salamun. |
3.3. Tnaqqis mill-kwota tas-sajd allokata lill-Finlandja fl-2025 minħabba s-sajd eċċessiv fl-2024
|
(51) |
Skont l-Artikolu 105(1) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, meta l-Kummissjoni tkun stabbiliet li Stat Membru jkun qabeż il-kwoti tas-sajd li kienu allokati lilu, il-Kummissjoni trid topera tnaqqis minn kwoti tas-sajd futuri ta’ dak l-Istat Membru. L-Artikolu 105(2) ta’ dak ir-Regolament jipprevedi li, fil-każ ta’ sajd żejjed aktar mill-kwota, l-allokazzjoni jew is-sehem ta’ stokk jew grupp ta’ stokkijiet disponibbli għal Stat Membru f’sena speċifika, il-Kummissjoni trid topera tnaqqis fis-sena jew is-snin li jsegwu mill-kwota, l-allokazzjoni jew is-sehem annwali tal-Istat Membru li jkun stad iżżejjed. |
|
(52) |
Għas-sena tas-sajd 2025, ir-Regolament (UE) 2024/2903 jalloka lill-Finlandja kwota tas-sajd ta’ 8 989 individwu tas-salamun fil-baċir ewlieni. Dan huwa l-istess stokk li għalih il-Finlandja qabżet il-kwota tagħha għas-sena 2024. |
|
(53) |
F’konformità mal-punt 1, l-ewwel subparagrafu, tal-Linji Gwida tal-Kummissjoni għat-tnaqqis tal-kwoti skont l-Artikolu 105(1), (2) u (5) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 (10), jenħtieġ li t-totalità tat-tnaqqis tkun dovuta fis-sena ta’ wara s-sajd eċċessiv. Għalhekk huwa xieraq li jitwettaq it-tnaqqis mill-kwota għal dan l-istokk allokata lil Finlandja għas-sena 2025. |
|
(54) |
F’konformità mal-Artikolu 105(2) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, tali tnaqqis irid jitwettaq billi jiġu applikati l-fatturi ta’ multiplikazzjoni kif stabbiliti fih. F’konformità mal-Artikolu 105(2), it-tieni sentenza, jenħtieġ li jiġi applikat fattur ta’ multiplikazzjoni ugwali għal 1,00 peress li 3 162 individwu tas-salamun fil-baċir ewlieni jiżnu inqas minn 100 tunnellata. |
4. Konklużjoni
|
(55) |
Għalhekk huwa xieraq li jitnaqqsu 3 162 individwu ta’ salamun mill-kwota għas-salamun fil-baċir ewlieni allokata lill-Finlandja mir-Regolament (UE) 2024/2903 għas-sena 2025, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Il-kwota tas-sajd għas-salamun tal-Atlantiku (salmo salar) fl-ilmijiet tal-Unjoni tas-suddiviżjonijiet 22 sa 31 tal-ICES allokata lill-Finlandja għas-sena 2025 bir-Regolament (UE) 2024/2903 għandha titnaqqas kif stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ April 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/1224/oj.
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/2638 tal-20 ta’ Novembru 2023 li jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut applikabbli fil-Baħar Baltiku għall-2024 u li jemenda r-Regolament (UE) 2023/194 fir-rigward ta’ ċerti opportunitajiet tas-sajd f’ilmijiet oħra (ĠU L, 2023/2638, 22.11.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2638/oj).
(3) Ir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1380/2013, (UE) 2016/1139, (UE) 2018/973, (UE) 2019/472 u (UE) Nru 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 894/97, (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2549/2000, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 812/2004 u (KE) Nru 2187/2005 (ĠU L 198, 25.7.2019, p. 105, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1241/oj).
(4) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2090 tas-27 ta’ Ottubru 2022 li jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għall-2023 għal ċerti stokkijiet tal-ħut u gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut applikabbli fil-Baħar Baltiku, u li jemenda r-Regolament (UE) 2022/109 fir-rigward ta’ ċerti opportunitajiet tas-sajd f’ibħra oħrajn (ĠU L 281, 31.10.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/2090/oj).
(5) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/2903 tat-18 ta’ Novembru 2024 li jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut applikabbli fil-Baħar Baltiku għall-2025 u li jemenda r-Regolament (UE) 2024/257 fir-rigward ta’ ċerti opportunitajiet tas-sajd f’ilmijiet oħra (ĠU L, 2024/2903, 19.11.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2903/oj).
(6) Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) – Il-75 Rapport Plenarju (STECF-PLEN-2024-01), l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2024, p. 101.
(7) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/1296 tat-28 ta’ Frar 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li jikkonċerna eżenzjoni mill-applikazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art fir-rigward tas-salamun fil-Baħar Baltiku għall-perjodu 2024-2026 (ĠU L, 2024/1296, 7.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/1296/oj).
(8) STECF – Is-76 Rapport Plenarju (STECF-PLEN-2024-02), l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2024, p. 133.
(9) Ensimmäiset tulokset lohen tieteellisestä kalastuksesta tukevat Suomen rannikkokalastuksen sallimista - ePressi.
(10) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar linji gwida għat-tnaqqis tal-kwoti skont l-Artikolu 105(1), (2) u (5) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, u li tissostitwixxi l-Komunikazzjoni 2012/C 72/07 2022/C 369/03 (ĠU C 369, 27.9.2022, p. 3).
ANNESS
|
Stat Membru |
Kodiċi tal-ispeċi |
Kodiċi taż-żona |
Isem l-ispeċi |
Isem iż-żona |
Kwota inizjali għall-2024 (f’għadd ta’ ħut individwali) għall-qabdiet aċċessorji biss, minbarra s-sajd imwettaq
|
Kwota inizjali għall-2024 (f’għadd ta’ ħut individwali) (1) għall-qabdiet aċċessorji biss, minbarra s-sajd imwettaq
|
Qabdiet totali fl-2024 (f’għadd ta’ ħut individwali) |
Sajd eċċessiv li jirriżulta minn qabdiet mhux permessi (f’għadd ta’ ħut individwali) |
Fattur ta’ multiplikazzjoni (2) |
Fattur ta’ multiplikazzjoni addizzjonali (3) |
Tnaqqis li għandu jiġi applikat mill-kwota għall-2025 (f’għadd ta’ individwi) |
||||||||
|
FI |
SAL |
3BCD-F |
Salamun tal-Atlantiku |
L-ilmijiet tal-Unjoni tas-suddiviżjonijiet 22-31 tal-ICES |
13 945 |
16 661 |
11 519 |
3 162 |
1,00 |
/ |
3 162 |
(1) Il-kwoti disponibbli għal Stat Membru skont ir-Regolamenti rilevanti dwar l-opportunitajiet tas-sajd wara li jitqiesu l-iskambji tal-opportunitajiet tas-sajd f’konformità mal-Artikolu 16(8) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1380/oj), it-trasferimenti tal-kwoti mill-2023 għal-2024 f’konformità mal-Artikolu 4(2) tar-Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/96 tas-6 ta' Mejju 1996 li jintroduċi kondizzjonijiet addizzjonali għal tmexxija minn sena għal sena tal-TAC u l-kwoti (ĠU L 115, 9.5.1996, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1996/847/oj) u mal-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jew ir-riallokazzjoni u t-tnaqqis tal-opportunitajiet tas-sajd f’konformità mal-Artikoli 37 u 105 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.
(2) Kif stabbilit fl-Artikolu 105(2) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009. Għandu japplika tnaqqis ekwivalenti għas-sajd eċċessiv * 1,00 fil-każijiet kollha tas-sajd eċċessiv ta’ 100 tunnellata jew inqas.
(3) Kif stabbilit fl-Artikolu 105(3) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u dment li s-sajd eċċessiv ikun jaqbeż l-10 %.
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/864/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)