Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla Intermedja)

30 ta’ Settembru 2026 (*)

“Implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni – Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 – Reġim ġenerali ta’ kundizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni – Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/2506 – Miżuri għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni kontra l-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fl-Ungerija – Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506 – Projbizzjoni għall-Kummissjoni milli tidħol f’impenji legali ma’ trust ta’ interess pubbliku jew ma’ entità miżmuma minn tali trust – Artikolu 4(1) tar‑Regolament 2020/2092 – Obbligu ta’ motivazzjoni – Ċertezza legali – Aspettattivi leġittimi – Drittijiet tad-difiża – Intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju – Proporzjonalità – Dritt li wieħed jopera f’suq mingħajr distorsjoni – Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni – Eċċezzjoni ta’ illegalità”

Fil-Kawża T‑133/23,

Állatorvostudományi Egyetem, stabbilita f’Budapest (l-Ungerija), irrappreżentata minn V. Łuszcz u K. Bendzsel‑Varga, avukati,

rikorrenti,

sostnuta minn

L‑Ungerija, irrappreżentata minn M. Fehér, bħala aġent,

intervenjenti,

vs

Il‑Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn E. Rebasti, G. Rugge u L. Vétillard, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Il‑Parlament Ewropew, irrappreżentat minn R. Crowe u U. Rösslein, bħala aġenti,

u minn

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Baquero Cruz u D. Drambozova, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Awla Intermedja),

komposta minn S. Papasavvas, President, M. J. Costeira, L. Truchot, J. Schwarcz, M. Kancheva, U. Öberg (Relatur), P. Zilgalvis, E. Tichy‑Fisslberger u S. Verschuur, Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura, b’mod partikolari d-digriet tal-4 ta’ April 2024, Állatorvostudományi Egyetem vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (T‑133/23, mhux ippubblikat, EU:T:2024:212),

wara s-seduta tal-10 ta’ Settembru 2025,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Állatorvostudományi Egyetem, qiegħda essenzjalment titlob l-annullament tal-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2506 tal‑15 ta’ Diċembru 2022 dwar miżuri għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni mill-ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fl-Ungerija (ĠU 2022, L 325, p. 94) (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjoni kkontestata”), li permezz tiegħu l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea pprojbixxa lill-Kummissjoni Ewropea milli tidħol, fl-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni Ewropea taħt ġestjoni diretta jew indiretta, f’impenn legali ma’ trust ta’ interess pubbliku stabbilita abbażi tal-közfeladatot ellátó közérdekű vagyonkezelő alapítványokról szóló 2021. évi IX. törvény (il-Liġi Nru IX tal‑2021 dwar it-Trusts ta’ Interess Pubbliku Mogħtija Missjoni ta’ Servizz Pubbliku (Magyar Közlöny 2021/75., iktar ’il quddiem il-“Liġi Ungeriża IX”)) jew ma’ entità miżmuma minn tali trust ta’ interess pubbliku.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        Ir-rikorrenti hija università speċjalizzata fil-mediċina veterinarja, stabbilita fl‑1787, li tinsab f’Budapest (l-Ungerija). Sal‑2021, ir-rikorrenti kienet miżmuma, ikkontrollata u parzjalment iffinanzjata mill-Istat Ungeriż bħala università pubblika.

3        Permezz tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi Ungeriża IX, ir-rikorrenti tneħħiet minn fost l-istituzzjonijiet direttament amministrati u ffinanzjati mill-Istat, b’effett mill‑1 ta’ Awwissu 2021. Id-drittijiet kostituttivi u ta’ ġestjoni tagħha ġew ittrasferiti lil trust ta’ interess pubbliku. Hija kienet marbuta mal-Marek József Alapítvány (Fondazzjoni Marek József).

4        Fl‑24 ta’ Novembru 2021, il-Kummissjoni bagħtet talba għal informazzjoni lill-Ungerija skont l-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni (ĠU 2020, L 433 I, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2021, L 373, p. 94 u fil-ĠU L, 2023/90149).

5        Fil‑15 ta’ Diċembru 2022, wara skambji bejn l-Ungerija u l-Kummissjoni, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506, abbażi, minn naħa, tal-Proposta tal-Kummissjoni COM(2022) 485 final tat‑18 ta’ Settembru 2022 għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill dwar miżuri għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni mill-ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fl-Ungerija (iktar ’il quddiem il-“Proposta tal-Kummissjoni”) u, min-naħa l-oħra, tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill COM(2022) 687 final tat‑30 ta’ Novembru 2022 dwar il-miżuri ta’ rimedju nnotifikati mill-Ungerija skont ir-Regolament 2020/2092 għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni”).

6        Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506, il-Kunsill b’mod partikolari kkonstata li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament 2020/2092 kienu ssodisfatti u għalhekk adotta miżuri intiżi għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni kontra l-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fl-Ungerija. Dan il-ksur kien jikkonċerna l-kuntratti pubbliċi, il-prosekuzzjonijiet, il-kunflitti ta’ interessi, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u t-trusts ta’ interess pubbliku.

7        Iż-żewġ miżuri adottati mill-Kunsill kienu jikkonsistu, minn naħa, f’sospensjoni ta’ 55 % tal-impenji baġitarji għal tliet programmi li jaqgħu taħt il-politika ta’ koeżjoni matul il-perijodu bejn l‑2021 u l‑2027, imposta mill-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506, u, min-naħa l-oħra, fi projbizzjoni għall-Kummissjoni milli tidħol f’impenji legali ġodda ma’ trusts ta’ interess pubbliku u mal-entitajiet miżmuma minn dawn it-trusts fir-rigward tal-finanzjamenti mill-Unjoni implimentati taħt ġestjoni diretta jew indiretta, imposta mid-dispożizzjoni kkontestata.

8        B’hekk, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506 tipprevedi, fid-dispożizzjoni kkontestata, li, “[m]eta l-Kummissjoni timplimenta l-baġit tal-Unjoni b’ġestjoni diretta jew indiretta skont l-Artikolu 62(1) il-punti (a) u (c) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, ma għandu jittieħed l-ebda impenn legali ma’ kwalunkwe trust ta’ interess pubbliku stabbilit fuq il-bażi tal-Att Ungeriż IX [...] jew ma’ kwalunkwe entità miżmuma minn tali trust ta’ interess pubbliku”. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506 daħlet fis-seħħ fis‑16 ta’ Diċembru 2022.

 It-talbiet tal-partijiet

9        Ir-rikorrenti qiegħda essenzjalment titlob, wara talba għal kjarifika tal-portata tat-talbiet tagħha magħmula mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tannulla d-dispożizzjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tannulla d-dispożizzjoni kkontestata sa fejn tikkonċernaha;

–        tikkundanna lill-Kunsill u lil kull parti li tintervjeni kontriha għall-ispejjeż.

10      Il‑Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

11      L‑Ungerija titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tilqa’ r-rikors tar-rikorrenti.

12      Il‑Parlament Ewropew jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà tad-dokumenti prodotti fil-mori tal-kawża

13      Fit‑28 ta’ Ottubru 2024, ir-rikorrenti ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali komunikazzjoni tal-aġenzija nazzjonali Tempus, inkarigata mill-ġestjoni tal-programmi ta’ kooperazzjoni internazzjonali, b’mod partikolari Erasmus+, dwar ir-rati ta’ boroż ta’ studju ta’ dan il-programm (Anness R.1), komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat‑2 ta’ Settembru 2024 ippubblikata fuq il-portal “Finanzjamenti u sejħiet għal offerti” tas-sit internet tagħha bħala “FAQ” (mistoqsijiet frekwenti) (Anness R.2) kif ukoll dikjarazzjoni ġuramentata dwar l-għoti ta’ boroż ta’ studju fil-kuntest tal-programm Erasmus+ mill-konsulent prinċipali tar-rettur tar-rikorrenti (Anness R.3), sabiex tikkontradixxi l-osservazzjonijiet tal-Kunsill ippreżentati fil-kontroreplika.

14      Il‑Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkunsidra li dawn il-provi huma inammissibbli skont l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

15      Skont l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura, b’mod eċċezzjonali, il-partijiet prinċipali jistgħu jipproduċu jew jipproponu provi ġodda anki qabel l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura jew qabel ma l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura, bil-kundizzjoni li jiġġustifikaw għaliex dawn il-provi ġew prodotti jew proposti tard.

16      Madankollu, il-prova kuntrarja u l-elaborazzjoni tal-proposti ta’ provi mressqa wara li tiġi prodotta prova kuntrarja mill-parti opposta, fir-replika, ma jaqgħux taħt ir-regola ta’ dekadenza prevista mill-Artikolu 85(1) u (3) tar-Regoli tal-Proċedura. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tirrigwarda l-proposti ta’ prova ġodda u għandha tinqara fid-dawl tal-Artikolu 92(7) ta’ dawn ir-Regoli, li jipprevedi b’mod espliċitu li l-prova kuntrarja u l-elaborazzjoni tal-proposti ta’ prova jibqgħu rriżervati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni, C‑185/95 P, EU:C:1998:608, punt 72, u tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Monolith Frost vs EUIPO – Dovgan (PLOMBIR), T‑830/16, EU:T:2018:941, punt 21).

17      F’dan il-każ, id-dokumenti inkwistjoni jirrispondu għall-osservazzjonijiet u għall-proposti ta’ prova ġodda magħmula mill-Kunsill fil-kontroreplika. Fil-fatt, fil-kontroreplika, il-Kunsill sostna li, minkejja d-dokumenti ta’ għoti u ta’ sussidju, imsemmija mir-rikorrenti fir-replika tagħha, kien jeżisti riskju li l-fondi tal-Unjoni ma jintużawx korrettament jew li jiġu miżapproprjati minħabba deċiżjonijiet preċedenti tat-trusts ta’ interess pubbliku. Għalhekk, il-Kunsill ippreċiża li l-eventwali kunflitti ta’ interessi f’dawn it-trusts kienu jwasslu, pereżempju, għal riskju ta’ interferenza fl-għażla tal-istudenti fil-kuntest tal-programm Erasmus+ minħabba l-introduzzjoni ta’ kriterju politiku, u pproduċa artiklu insostenn ta’ din l-affermazzjoni. Barra minn hekk, il-Kunsill ikkontesta r-rilevanza tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet, invokata mir-rikorrenti fir-replika tagħha. B’hekk, l-Annessi R.1 sa R.3 ġew prodotti bħala tweġiba għal dan l-argument tal-Kunsill. Għaldaqstant, dawn l-annessi ma jistgħux jiġu ddikjarati inammissibbli minħabba li ġew prodotti fil-kuntest tat-talba għaż-żamma ta’ seduta bi ksur tal-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

18      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-regola ta’ dekadenza prevista fl-Artikolu 85(1) u (3) tar-Regoli tal-Proċedura ma tapplikax fir-rigward tal-proposti ta’ prova inkwistjoni, b’tali mod li dawn tal-aħħar huma ammissibbli.

 Fuq l-ammissibbiltà tal-motiv ippreżentat wara l-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura 

19      Fit‑13 ta’ Mejju 2025, ir-rikorrenti ppreżentat, fil-mori tal-kawża, nota skont l-Artikoli 84 u 88 tar-Regoli tal-Proċedura. F’din in-nota hija tqajjem, prinċipalment, motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 20 u 21 TFUE, filwaqt li tibbaża ruħha fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li skontha qamu wara l-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura, jiġifieri l-għoti tas-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2025, Ministarstvo financija (Borża ta’ studju Erasmus+) (C‑277/23, EU:C:2025:18).

20      Skont ir-rikorrenti, fil-mument tal-preżentata tar-rikors, l-effett tad-dispożizzjoni kkontestata fuq il-mobbiltà tal-istudenti tal-università fil-kuntest tal-programm Erasmus+ kien għadu ma ġiex stabbilit b’mod ċar sa fejn dawn tal-aħħar kienu għadhom jistgħu jipparteċipaw fil-programm Erasmus+, minn tal-inqas sal-aħħar tax-xahar ta’ Lulju 2024. Barra minn hekk, peress li kienu saru negozjati bejn il-Kummissjoni u l-Gvern Ungeriż matul is-sajf tal‑2024 kollu, kien biss f’Settembru 2024, wara l-preżentata tar-replika, li sar ċar li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506 kienet tapplika wkoll għall-programm ta’ mobbiltà Erasmus+.

21      Ir-rikorrenti ssostni b’mod partikolari li s-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2025, Ministarstvo financija (Borża ta’ studju Erasmus+) (C‑277/23, EU:C:2025:18), turi li d-dispożizzjoni kkontestata tirrestrinġi l-libertà ta’ moviment tal-istudenti tagħha f’dan il-każ u tikkonferma r-rikonoxximent tad-dritt ta’ dawn tal-aħħar li jipparteċipaw fil-programm Erasmus+.

22      Sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni li l-argumenti tagħha, ibbażati fuq is-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2025, Ministarstvo financija (Borża ta’ studju Erasmus+) (C‑277/23, EU:C:2025:18), għandhom, fi kwalunkwe każ, jitqiesu bħala estensjoni tal-ewwel u tat-tieni motiv tagħha.

23      Il‑Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni u mill-Parlament, jikkontesta l-ammissibbiltà ta’ dan il-motiv.

24      Skont l-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-preżentazzjoni ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża hija pprojbita sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura jew sakemm ma jikkostitwixxux estensjoni ta’ motiv imsemmi preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u jkollhom rabta mill-qrib miegħu (sentenza tad‑19 ta’ Mejju 1983, Verros vs Il‑Parlament, 306/81, EU:C:1983:143, punt 9; ara wkoll is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, Intas Pharmaceuticals vs EUIPO – Laboratorios Indas (INTAS), T‑380/18, EU:T:2019:782, punt 26 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 20 u 21 TFUE ma ġiex invokat fl-istadju tar-rikors u ma jistax jitqies bħala estensjoni tal-ewwel u tat-tieni motiv, ibbażati fuq ksur tar-Regolament 2020/2092, tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni. Għaldaqstant, huwa jikkostitwixxi motiv ġdid, fis-sens tal-Artikolu 84 tar-Regoli tal-Proċedura.

26      Fir-rigward tal-eżistenza ta’ punt ta’ fatt ġdid, mid-dispożizzjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar u inkundizzjonat li hija tipprojbixxi lill-Kummissjoni milli tidħol f’impenji legali ġodda mat-trusts ta’ interess pubbliku stabbiliti abbażi tal-Liġi Ungeriża IX jew ma’ entitajiet miżmuma minn tali trusts, b’effett mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506. Għaldaqstant, anki jekk, wara d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506, il-persunal tar-rikorrenti li kien diġà jibbenefika mill-programm Erasmus+ kompla jibbenefika minnu, hija kellha għarfien, sa mill-pubblikazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, tal-fatt li l-Kummissjoni ma setgħetx iktar, mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-deċiżjoni, tidħol f’impenji legali ġodda magħha, b’mod partikolari taħt il-programm Erasmus+, u li, għaldaqstant, l-istudenti u l-benefiċjarji potenzjali l-oħra ta’ dan il-programm kienu ser jiġu affettwati mid-dispożizzjoni kkontestata.

27      Fir-rigward tal-eżistenza ta’ punt ta’ liġi ġdid, għandu jitfakkar li sentenza li tingħata matul il-proċedura ma tistax tiġi invokata bħala element ġdid peress li din is-sentenza tagħti biss, bħala prinċipju, interpretazzjoni ex tunc tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 1997, FFSA et vs Il‑Kummissjoni, T‑106/95, EU:T:1997:23, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      F’dan ir-rigward, fid-data tal-għoti tas-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2025, Ministarstvo financija (Borża ta’ studju Erasmus+) (C‑277/23, EU:C:2025:18), l-Artikoli 165 u 179 TFUE kienu diġà jipprevedu li l-għan tal-politiki ta’ edukazzjoni u ta’ riċerka kien “l-inkoraġġiment tal-mobilità fost l-istudenti u l-għalliema” u l-istabbiliment ta’ “żona ta’ riċerka Ewropea li fiha r-riċerkaturi, l-għarfien xjentifiku u t-teknoloġiji jiċċirkolaw liberament”.

29      Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punti 38 sa 40 tas-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2025, Ministarstvo financija (Borża ta’ studju Erasmus+) (C‑277/23, EU:C:2025:18), din is-sentenza sempliċement tikkonferma ġurisprudenza stabbilita dwar l-importanza tal-prinċipju ta’ moviment liberu tal-persuni fil-qasam tal-edukazzjoni. Dan huwa iktar u iktar minnu peress li, fl-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għall-ġurisprudenza preċedenti tagħha, u dan juri n-natura kostanti ta’ din tal-aħħar.

30      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2025, Ministarstvo financija (Borża ta’ studju Erasmus+) (C‑277/23, EU:C:2025:18), ma tistax titqies li hija punt ta’ liġi li ħareġ matul il-proċedura fis-sens tal-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

31      Għaldaqstant, il-motiv ippreżentat wara l-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq il-fondatezza tal-motivi

32      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi bbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament 2020/2092, tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-preżunzjoni ta’ innoċenza u tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, it-tielet wieħed, fuq ksur tad-dritt li wieħed jopera f’suq mingħajr distorsjoni, stabbilit fl-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, moqri flimkien mal-Artikoli 101 sa 108 TFUE u, ir-raba’ wieħed, fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tad-drittijiet tad-difiża.

33      Fil-kuntest tal-ewwel, tat-tieni u tar-raba’ motiv tagħha, ir-rikorrenti tqajjem, sussidjarjament, eċċezzjoni ta’ illegalità tar-Regolament 2020/2092, fil-każ li dan jiġi interpretat bħala li jawtorizza miżuri li jirrigwardaw kategorija speċifika ta’ persuni, mingħajr ma jipprevedi l-possibbiltà ta’ eżenzjonijiet individwali.

34      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-Qorti Ġenerali għandha tinterpreta l-motivi ta’ rikorrent permezz tas-sustanza tagħhom pjuttost milli permezz tal-klassifikazzjoni tagħhom u, għaldaqstant, għandha tikklassifika l-motivi u l-argumenti tar-rikors (sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2024, Troy Chemical Company u Troy vs Il‑Kummissjoni, T‑297/21, mhux ippubblikata, EU:T:2024:13, punt 48).

35      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tqis li r-rikorrenti qiegħda essenzjalment tqajjem seba’ motivi bbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tad-drittijiet tad-difiża, it-tielet wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament 2020/2092, ir-raba’ wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-ħames wieħed, fuq ksur tad-dritt li wieħed jopera f’suq mingħajr distorsjoni, stabbilit fl-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, moqri flimkien mal-Artikoli 101 sa 108 TFUE, is-sitt wieħed, fuq ksur tal-preżunzjoni ta’ innoċenza u tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni u, is-seba’ wieħed, sussidjarjament, fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tar-Regolament 2020/2092.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

36      Ir-rikorrenti, sostnuta mill-Ungerija, issostni li la l-Proposta tal-Kummissjoni, la l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, u lanqas id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506 ma huma suffiċjentement immotivati.

37      Qabelxejn, ir-rikorrenti ssostni li l-motivazzjoni tal-Proposta tal-Kummissjoni, tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506 ma tippermettix li jinftiehem kif ir-riskju ta’ kunflitti ta’ interessi allegat jippreġudika jew jippreżenta riskju serju li jippreġudika l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, peress li l-bord tat-tmexxija tat-trusts ta’ interess pubbliku ma għandu ebda rwol fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-baġit taħt ġestjoni diretta jew indiretta. Sussegwentement, hija ssostni li l-motivazzjoni ma tippermettix li jinftiehmu r-raġunijiet għaliex l-universitajiet huma kkonċernati mid-dispożizzjoni kkontestata peress li r-relazzjoni finanzjarja bejn l-università u t-trust ma ġietx eżaminata, minkejja li dawn l-entitajiet għandhom baġits distinti. Fl-aħħar nett, hija tenfasizza li ma hemm xejn fil-motivazzjoni li jindika li l-kriterju tar-rabta reali bejn il-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt u l-preġudizzju jew ir-riskju ta’ preġudizzju għall-baġit tal-Unjoni ġie applikat.

38      Il‑Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta dawn l-argumenti.

39      It-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE jipprovdi li l-atti legali għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet li fuqhom ikunu bbażati u għandhom jirreferu għal kwalunkwe proposta, inizjattiva, rakkomandazzjoni, talba jew opinjoni prevista fit-Trattati.

40      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE jikkostitwixxi formalità essenzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, li tikkonċerna l-legalità sostantiva tal-att kontenzjuż (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2024, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda et, C‑465/20 P, EU:C:2024:724, punt 389 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41      Att li ma jkunx suffiċjentement motivat, fis-sens tal-obbligu ta’ motivazzjoni formali, huwa att li ma jippermettix li jinftiehem għaliex, fuq liema bażi jew għal liema raġuni ġie adottat, filwaqt li l-motivi ta’ att, li huma r-raġunijiet u l-ġustifikazzjonijiet tiegħu, jistgħu jkunu suffiċjentement magħrufa u komprensibbli, iżda insuffiċjenti sabiex jiġġustifikawh legalment, sa fejn dawn ma jkunux issostanzjati, rilevanti jew konformi mad-dispożizzjonijiet applikabbli (sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2024, Veritas vs Il‑Kummissjoni, T‑602/22, EU:T:2024:26, punt 18).

42      Barra minn hekk, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi ta’ dan l-att, b’tali mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u b’tali mod li l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha. F’dan ir-rigward, ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn il-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ dan l-artikolu ma għandhiex tiġi evalwata biss fid-dawl tal-formulazzjoni tiegħu iżda fid-dawl ukoll tal-kuntest tiegħu kif ukoll tat-totalità tad-dispożizzjonijiet legali li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2024, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda et, C‑465/20 P, EU:C:2024:724, punti 391 u 392 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

43      Għalhekk, il-motivazzjoni meħtieġa mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE għandha turi b’mod ċar u inekwivoku l-motivi preċiżi u l-elementi konkreti li fuqhom il-Kunsill ibbaża ruħu sabiex adotta d-dispożizzjoni kkontestata, b’mod partikolari fir-rigward tal-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt allegat minn din l-istituzzjoni u r-raġunijiet li għalihom hija tqis li dan il-ksur jippreġudika jew jippreżenta, b’mod suffiċjentement dirett, riskju serju għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha.

44      Qabel kollox, dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv sa fejn jikkonċerna l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tal-Proposta u tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni. Fil-fatt, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 42 iktar ’il fuq, l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni ma għandhiex tiġi evalwata biss fid-dawl tal-formulazzjoni tal-att li jkun qiegħed jintalab l-annullament tiegħu iżda għandha tiġi evalwata wkoll fid-dawl tal-kuntest tiegħu kif ukoll tat-totalità tad-dispożizzjonijiet legali li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat. Dan il-kuntest, li taħtu taqa’ b’mod partikolari l-proposta tal-att ikkonċernat, ma jistax jiġġustifika, waħdu u indipendentement mill-motivazzjoni li tinsab f’dan l-att, l-annullament ta’ dan tal-aħħar (sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑157/21, EU:C:2022:98, punt 250). Għalhekk, f’dan il-każ, minkejja li l-Proposta u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni jagħmlu parti mill-kuntest tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506, l-eventwali insuffiċjenza ta’ motivazzjoni ta’ dawn id-dokumenti ma tistax tiġġustifika, waħedha u indipendentement mill-motivazzjoni stess tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506, l-annullament ta’ din tal-aħħar.

45      Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li l-premessa 11 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506 tindika dan li ġej:

“[H]emm tħassib dwar in-nuqqas ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku u l-kunflitt ta’ interess għal ‘trusts ta’ interess pubbliku’ u l-entitajiet ġestiti minnhom, u n-nuqqas ta’ trasparenza fir-rigward tal-ġestjoni tal-fondi minn dawk it-trusts. Dawk il-kwistjonijiet u r-rikorrenza tagħhom maż-żmien juru inabbiltà sistemika, falliment jew nuqqas ta’ rieda, min-naħa tal-awtoritajiet Ungeriżi, li jipprevjenu deċiżjonijiet li jiksru l-liġi applikabbli, fir-rigward tal-[...]kunflitti ta’ interess, u b’hekk li jindirizzaw b’mod adegwat ir-riskji ta’ korruzzjoni. Dawn jikkostitwixxu ksur tal-prinċipji tal-[I]stat tad-dritt, b’mod partikolari l-prinċipji taċ-ċertezza legali u l-projbizzjoni tal-arbitrarjetà tas-setgħat eżekuttivi, u jqajmu tħassib fir-rigward tas-separazzjoni tas-setgħat.”

46      Barra minn hekk, il-premessa 43 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506 tippreċiża dan li ġej:

“[Minkejja ċerti emendi leġiżlattivi,] il-qafas regolatorju [Ungeriż] għadu ma jżommx lill-uffiċjali tal-ogħla livell, inkluż eżekuttivi politiċi għolja mill-Assemblea Nazzjonali u mill-korpi awtonomi tal-Ungerija, milli jkunu fuq bordijiet ta’ fondazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-assi ta’ interess pubbliku [...]. Barra minn hekk, l-Ungerija introduċiet mill-ġdid mill‑1 ta’ Novembru 2022 il-possibbiltà (permezz ta’ eċċezzjoni mill-projbizzjoni ġenerali) għal eżekuttivi politiċi għolja li jkollhom impjieg ieħor remunerat, inkluż fuq bordijiet ta’ fondazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-assi ta’ interess pubbliku. Il‑Kunsill iqis li għal dawn ir-raġunijiet kif stabbilit aktar fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, id-dgħufijiet tal-qafas regolatorju flimkien mal-iżviluppi leġiżlattivi ġodda jaggravaw il-possibbiltà ta’ kunflitt ta’ interess li l-miżura ta’ rimedju kienet maħsuba li tindirizza u għalhekk jagħmluh inadegwat biex jindirizza t-tħassib oriġinarjament imqajjem mill-Kummissjoni.”

47      Fl-aħħar nett, il-premessa 62 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506 tindika dan li ġej:

“Fir-rigward tal-ksur identifikat b’rabta mat-trusts ta’ interess pubbliku, il-qafas regolatorju fl-Ungerija għandu dgħufijiet, kif stabbilit hawn fuq, li ma rrimedjawx ir-riskju ta’ kunflitt ta’ interess li l-miżura ta’ rimedju kellha tindirizza. Fid-dawl tal-inadegwatezza tal-miżura ta’ rimedju, jibqa’ riskju serju għall-baġit tal-Unjoni u jista’ jiġi indirizzat bl-aħjar mod permezz ta’ projbizzjoni milli tidħol f’impenji legali ġodda ma’ kwalunkwe trust ta’ interess pubbliku u ma’ kwalunkwe entità miżmuma minnhom taħt kwalunkwe programm b’ġestjoni diretta jew indiretta [...]”

48      Għalhekk, mill-premessi 11, 43 u 62 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506 jirriżulta li l-allegat ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt li jippreġudika jew li jippreżenta riskju serju li ser jippreġudika l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew l-interessi finanzjarji tagħha huwa mifhum mill-perspettiva tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, tal-projbizzjoni tal-arbitrarjetà tal-poter eżekuttiv u tal-prinċipju ta’ separazzjoni tal-poteri u huwa kkonkretizzat, f’dan il-każ, mill-eżistenza ta’ eventwali kunflitti ta’ interessi.

49      Skont dawn il-premessi, l-allegat ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt jinsab f’sitwazzjoni ta’ fatt u fil-qafas regolamentari Ungeriż, li ma jipprekludix lill-uffiċjali f’pożizzjonijiet għolja, inklużi uffiċjali politiċi f’pożizzjonijiet għolja, milli jpoġġu fuq il-bordijiet tat-tmexxija tal-fondazzjonijiet li jiġġestixxu assi ta’ interess pubbliku stabbiliti mil-Liġi Ungeriża IX. Mill-istess premessi jirriżulta li dan il-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt huwa aggravat mill-fatt li l-Ungerija reġgħet introduċiet, b’effett mill‑1 ta’ Novembru 2022, il-possibbiltà għall-uffiċjali politiċi f’pożizzjonijiet għolja li jokkupaw impjieg remunerat ieħor, inklużi fi ħdan il-bordijiet tat-tmexxija ta’ fondazzjonijiet li jiġġestixxu assi ta’ interess pubbliku stabbiliti minn din il-liġi.

50      Minn dan isegwi li l-Kunsill espona, b’mod suffiċjentement iddettaljat u ssostanzjat, ir-raġunijiet li għalihom ġiet adottata d-dispożizzjoni kkontestata.

51      Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li t-trusts ta’ interess pubbliku ma għandhom ebda influwenza fuq il-fondi tal-Unjoni, fil-kuntest tal-ġestjoni diretta jew indiretta tal-baġit tal-Unjoni, u peress li, fi kwalunkwe każ, dawn il-fondi huma rċevuti mill-universitajiet direttament, dan għandu jiġi miċħud peress li huwa intiż li jikkontesta l-fondatezza tad-dispożizzjoni kkontestata u mhux il-motivazzjoni tagħha. L-istess japplika għall-argument tar-rikorrenti dwar ir-rabta reali bejn il-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt u l-preġudizzju jew ir-riskju ta’ preġudizzju għall-baġit tal-Unjoni.

52      Għaldaqstant, il-motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud bħala parzjalment ineffettiv u parzjalment infondat.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

53      Ir-rikorrenti ssostni li d-dispożizzjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali sa fejn hija saret taf bl-effetti tagħha biss meta ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Hija ssostni li din id-dispożizzjoni tmur ukoll kontra l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi peress li la s-sospensjoni tal-iffirmar tal-ftehim ta’ sussidju, li fir-rigward tiegħu kienet diġà ġiet iffinalizzata proċedura ta’ selezzjoni, u lanqas is-sospensjoni tat-tiġdid annwali tal-ftehimiet ta’ sussidju ma setgħu jiġu antiċipati. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li d-drittijiet tad-difiża tagħha ma ġewx irrispettati minħabba l-assenza ta’ konsultazzjoni, qabel l-adozzjoni tad-dispożizzjoni kkontestata, tal-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla Ungeriżi miżmuma minn trust ta’ interess pubbliku.

54      Il‑Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta dawn l-argumenti.

55      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, skont ġurisprudenza stabbilita, dan il-prinċipju jeżiġi, minn naħa, li d-dispożizzjonijiet legali jkunu ċari u preċiżi u, min-naħa l-oħra, li l-applikazzjoni tagħhom tkun prevedibbli għall-individwi, b’mod partikolari meta jista’ jkollhom konsegwenzi sfavorevoli. B’mod partikolari, l-imsemmi prinċipju jeżiġi li leġiżlazzjoni tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu b’eżattezza l-portata tal-obbligi li hija timponi fuqhom u li dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jkollhom għarfien tad-drittijiet u tal-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità u jaġixxu fid-dawl tagħhom (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑157/21, EU:C:2022:98, punt 319 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      Madankollu, dawn ir-rekwiżiti la għandhom jinftehmu bħala li jipprekludu lil istituzzjoni tal-Unjoni, fil-kuntest ta’ dispożizzjoni ta’ att li hija tadotta, milli tuża kunċett legali astratt, u lanqas ma għandhom jinftehmu bħala li jimponu li tali dispożizzjoni astratta ssemmi d-diversi każijiet konkreti li fihom tista’ tapplika, sa fejn l-imsemmija istituzzjoni ma tkunx tista’ tiddetermina dawn il-każijiet kollha minn qabel (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑157/21, EU:C:2022:98, punt 320 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      Għaldaqstant, dispożizzjoni ta’ att tal-Unjoni tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali minħabba n-nuqqas ta’ ċarezza tagħha fil-każ biss li jkollha ambigwità tali li tostakola lill-individwi milli jneħħu b’ċertezza suffiċjenti dubji li jista’ jkollhom dwar il-portata jew it-tifsira ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ April 2005, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑110/03, EU:C:2005:223, punt 31, u tat‑22 ta’ Mejju 2007, Mebrom vs Il‑Kummissjoni, T‑216/05, EU:T:2007:148, punt 108).

58      F’dan il-każ, id-dispożizzjoni kkontestata tipprevedi li, “[m]eta l-Kummissjoni timplimenta l-baġit tal-Unjoni [...] ma għandu jittieħed l-ebda impenn legali ma’ kwalunkwe trust ta’ interess pubbliku stabbilit fuq il-bażi tal-Att Ungeriż IX [...] jew ma’ kwalunkwe entità miżmuma minn tali trust ta’ interess pubbliku”.

59      Għalhekk, mid-dispożizzjoni kkontestata jirriżulta li l-fatt li r-rikorrenti hija entità miżmuma minn trust ta’ interess pubbliku stabbilita abbażi tal-Liġi Ungeriża IX jipprekludi lill-Kummissjoni milli tidħol f’impenji legali magħha, fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni taħt ġestjoni diretta jew indiretta.

60      F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dispożizzjoni kkontestata hija suffiċjentement ċara u preċiża u għalhekk hija konformi mar-rekwiżiti ta’ ċertezza legali u ta’ prevedibbiltà.

61      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tar-rikorrenti li jgħid li hija saret taf bil-kontenut tad-dispożizzjoni kkontestata biss fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, minn dan il-fatt ma jirriżultax li r-rikorrenti ma kinitx f’pożizzjoni li tkun taf b’eżattezza d-drittijiet u l-obbligi tagħha jew li l-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni kienet imprevedibbli.

62      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, għandu jitfakkar li d-dritt li jiġi invokat tali prinċipju jappartjeni, bħala korollarju tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, lil kull individwu li fir-rigward tiegħu istituzzjoni tal-Unjoni, billi tagħtih assigurazzjonijiet preċiżi, tkun ħolqot aspettattivi fondati (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kunsill vs K. Chrysostomides & Co. et, C‑597/18 P, C‑598/18 P, C‑603/18 P u C‑604/18 P, EU:C:2020:1028, punt 178 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li r-rikorrenti ma tistax tallega li hija kellha aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-għoti ta’ finanzjamenti ġodda mill-Unjoni abbażi tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni taħt ġestjoni diretta jew indiretta fil-każ ta’ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt mill-Ungerija. Barra minn hekk, hija naqset milli turi li hija rċeviet assigurazzjonijiet preċiżi f’dan ir-rigward.

64      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet tad-difiża, tad-dritt għal smigħ jew tad-dritt li wieħed jiġi kkonsultat, allegat mir-rikorrenti, għandu jiġi rrilevat dan li ġej.

65      L-ewwel nett, fir-rigward tal-kwistjoni jekk kinitx neċessarja konsultazzjoni tal-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla Ungeriżi miżmuma minn trust ta’ interess pubbliku, mill-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506 jirriżulta li d-destinatarju ta’ din id-deċiżjoni hija l-Ungerija. L-Artikolu 6(1) sa (9) tar-Regolament 2020/2092 jistabbilixxi l-proċedura li għandha tiġi segwita mill-Kummissjoni u d-diversi skambji mal-Istat Membru kkonċernat. L-ebda dispożizzjoni ma kienet timponi fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tikkonsulta parti li ma hijiex l-Istat Membru kkonċernat.

66      It-tieni nett, id-dritt għal smigħ huwa stabbilit fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u jinkludi b’mod partikolari d-dritt ta’ kull persuna li tinstema’ qabel tittieħed fil-konfront tagħha miżura individwali li taffettwaha ħażin.

67      Id-dritt għal smigħ jagħmel parti mid-drittijiet tad-difiża u jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li għandu japplika anki fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni speċifika f’dan ir-rigward. Dan il-prinċipju jeżiġi li d-destinatarji ta’ deċiżjonijiet li jaffettwaw l-interessi tagħhom b’mod sinjifikattiv għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni li jesprimu b’mod utli l-opinjoni tagħhom dwar l-elementi kkunsidrati kontrihom bħala bażi għal dawn id-deċiżjonijiet (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2021, Vialto Consulting vs Il‑Kummissjoni, C‑650/19 P, EU:C:2021:879, punt 122 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      Madankollu, id-dritt għal smigħ fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva li tirrigwarda persuna speċifika, li għandu jiġi rrispettat anki fl-assenza ta’ kull leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-proċedura, ma jistax jiġi traspost fil-kuntest ta’ proċedura li twassal għall-adozzjoni ta’ miżura ta’ portata ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 2023, Arysta LifeScience Great Britain vs Il‑Kummissjoni, C‑259/22 P, mhux ippubblikata, EU:C:2023:513, punt 50, u tal‑11 ta’ Settembru 2002, Alpharma vs Il‑Kunsill, T‑70/99, EU:T:2002:210, punt 388 u l-ġurisprudenza ċċitata), bħalma hija d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506 (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑4 ta’ April 2024, Állatorvostudományi Egyetem vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑133/23, mhux ippubblikat, EU:T:2024:212, punt 41).

69      B’mod partikolari, fir-rigward ta’ atti ta’ portata ġenerali, la l-proċess tat-tfassil tagħhom u lanqas dawn l-atti stess ma jeħtieġu, abbażi tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, bħalma huwa d-dritt għal smigħ, għal konsultazzjoni jew għal informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-persuni kkonċernati. Ikun mod ieħor jekk dispożizzjoni espressa tal-kuntest ġuridiku li jirregola l-adozzjoni tal-imsemmi att tagħti tali dritt proċedurali lil persuna affettwata (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2023, Arysta LifeScience Great Britain vs Il‑Kummissjoni, C‑259/22 P, mhux ippubblikata, EU:C:2023:513, punt 51; ara wkoll is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Probelte vs Il‑Kummissjoni, T‑67/18, EU:T:2019:873, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70      Issa, il-proċedura prevista mill-Artikolu 6(1) sa (9) tar-Regolament 2020/2092, għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ miżuri xierqa għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni, tistabbilixxi biss l-obbligu li jiġi kkonsultat l-Istat Membru kkonċernat u tipprevedi diversi skambji bejn il-Kummissjoni u dan l-Istat Membru. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tikkontestax li din il-proċedura ġiet debitament segwita. Barra minn hekk, f’dan il-każ, mill-premessi 1, 2, 6 u 8 sa 10 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506 jirriżulta li l-Kummissjoni kellha djalogu mal-awtoritajiet Ungeriżi qabel ma bagħtet il-proposta tagħha lill-Kunsill.

71      Għandu jingħad ukoll li l-Kummissjoni u l-Kunsill ma allegawx ksur individwali tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, frodi sistemiċi jew kunflitti ta’ interessi konkreti li fihom kienet involuta r-rikorrenti, li kienu jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ miżuri speċifiċi taħt ir-Regolament 2020/2092, li kien jimponi r-rispett tad-dritt għal smigħ tagħha. Is-sempliċi fatt li d-dispożizzjoni kkontestata taffettwa lir-rikorrenti bl-istess mod bħal benefiċjarji oħra minħabba ksur sistemiku gravi tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, li huwa allegat mill-Kummissjoni u mill-Kunsill, ma jagħtihiex dritt proċedurali partikolari.

72      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tistax tinvoka b’mod utli l-ksur tad-dritt għal smigħ tagħha.

73      Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat sa fejn jikkonċerna ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u bħala ineffettiv sa fejn jikkonċerna d-drittijiet tad-difiża.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament 2020/2092

74      Ir-rikorrenti, sostnuta mill-Ungerija, issostni li d-dispożizzjoni kkontestata tikser l-Artikolu 4(1) tar-Regolament 2020/2092.

75      Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni u l-Kunsill ma ssostanzjawx il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni tal-miżura msemmija fid-dispożizzjoni kkontestata, jiġifieri l-identifikazzjoni ta’ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, ir-riskju serju li tiġi ppreġudikata b’mod suffiċjentement dirett il-ġestjoni finanzjarja tajba jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u r-rabta kawżali, b’mod partikolari l-eżistenza ta’ rabta reali bejn l-imsemmi ksur u tali preġudizzju jew tali riskju serju ta’ preġudizzju.

76      Il‑Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta dawn l-argumenti.

77      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 4 tar-Regolament 2020/2092 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-adozzjoni tal-miżuri xierqa taħt dan ir-regolament.

78      L-Artikolu 4(1) tar-Regolament 2020/2092 jindika li tali miżuri għandhom jittieħdu meta jiġi stabbilit, konformement mal-Artikolu 6 tal-istess regolament, li ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fi Stat Membru jippreġudika jew jippreżenta riskju serju li ser jippreġudika l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, b’mod suffiċjentement dirett.

79      Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament 2020/2092, hija l-Kummissjoni li għandha tesponi, f’notifika bil-miktub lill-Istat Membru kkonċernat, l-elementi fattwali u l-motivi preċiżi li fuqhom ikunu bbażati l-konstatazzjonijiet tagħha fis-sens li jeżistu raġunijiet raġonevoli sabiex jitqies li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament huma ssodisfatti (sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑157/21, EU:C:2022:98, punt 338), u, b’mod partikolari, li l-ksur jippreġudika jew jippreżenta riskju serju li ser jippreġudika l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha, b’mod suffiċjentement dirett, fejn din l-aħħar kundizzjoni teżiġi rabta reali bejn dan il-ksur u tali preġudizzju jew tali riskju serju ta’ preġudizzju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑156/21, EU:C:2022:97, punti 111 u 147).

80      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prevenzjoni ta’ preġudizzju bħal dak imsemmi fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament 2020/2092 kienet teżiġi li l-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt li kien ikkonstatat jippreżenta riskju “serju” ta’ preġudizzju għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew għall-interessi finanzjarji tagħha u teħtieġ, għaldaqstant, li l-Kummissjoni u l-Kunsill juru li hemm probabbiltà għolja li dan ir-riskju jseħħ, b’rabta mas-sitwazzjonijiet jew mal-aġir tal-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament 2020/2092 (sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑157/21, EU:C:2022:98, punt 299).

81      Fl-aħħar nett, mill-Artikolu 4(1) u (2) tar-Regolament 2020/2092 jirriżulta li l-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt li jista’ jiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri xierqa taħt dan ir-regolament għandu jikkonċerna s-sitwazzjonijiet jew l-aġir tal-awtoritajiet li huma elenkati fl-Artikolu 4(2)(a) sa (h) ta’ dan ir-regolament, kemm-il darba jkunu rilevanti għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

82      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 4(2)(h) tar-Regolament 2020/2092 jirreferi espliċitament għal kull sitwazzjoni oħra jew għal kull aġir ieħor tal-awtoritajiet rilevanti għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha.

83      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-espressjoni “sitwazzjonijiet jew imġiba oħra ta’ awtoritajiet”, li tinsab fl-Artikolu 4(2)(h) tar-Regolament 2020/2092, kellha tiġi interpretata fid-dawl tal-Artikolu 4(2)(a) sa (g) u tal-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament kif ukoll fid-dawl tar-rekwiżiti proċedurali speċifikati fl-Artikolu 6(1) sa (9) tal-imsemmi regolament. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 4(2)(h) tar-Regolament 2020/2092 ma għandux il-konsegwenza li jagħti natura mhux eżawrjenti lil-lista ta’ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt li tinsab f’dan il-paragrafu, minħabba li dawn is-sitwazzjonijiet huma ddefiniti f’termini astratti u ġenerali (sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑156/21, EU:C:2022:97, punti 252 sa 255; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑157/21, EU:C:2022:98, punti 178 u 334).

84      B’hekk, minn qari flimkien tal-Artikolu 4 u tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2020/2092 jirriżulta li, sabiex jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ miżuri xierqa taħt dan ir-regolament, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jistabbilixxu b’mod konkret, l-ewwel, li jeżistu raġunijiet raġonevoli sabiex jitqies li minn tal-inqas wieħed mill-prinċipji tal-Istat tad-dritt imsemmija fl-Artikolu 2(a) tal-imsemmi regolament inkiser fi Stat Membru, it-tieni, li dan il-ksur jikkonċerna minn tal-inqas waħda mis-sitwazzjonijiet imputabbli lil awtorità ta’ Stat Membru jew minn tal-inqas każ wieħed ta’ aġir ta’ tali awtorità msemmi fl-Artikolu 4(2) tal-istess regolament, kemm-il darba dawn is-sitwazzjonijiet jew dawn il-każijiet ta’ aġir ikunu rilevanti għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha u, it-tielet, li dan il-ksur jippreġudika jew ikollu riskju serju li ser jippreġudika din il-ġestjoni tajba jew il-protezzjoni ta’ dawn l-interessi finanzjarji, b’mod suffiċjentement dirett, permezz ta’ rabta reali bejn dan il-ksur u dan il-preġudizzju jew dan ir-riskju serju ta’ preġudizzju (sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑157/21, EU:C:2022:98, punt 288).

85      Għaldaqstant, sabiex jiġi ddeterminat jekk id-dispożizzjoni kkontestata tiksirx l-Artikolu 4(1) tar-Regolament 2020/2092, kif issostni r-rikorrenti, għandu jiġi eżaminat, fid-dawl tal-argumenti mqajma minn din tal-aħħar, jekk ir-rekwiżiti stabbiliti mir-Regolament 2020/2092 u mill-ġurisprudenza ġewx osservati.

–       Fuq l-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju

86      Il‑Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, isostni li l-istituzzjonijiet għandhom marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ sabiex jiddefinixxu l-miżuri li huma jqisu xierqa sabiex jirrimedjaw il-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fi Stat Membru.

87      Il‑Kummissjoni ppreċiżat, waqt is-seduta, li, fid-dawl tal-kumplessità tas-suġġetti u tal-miżuri baġitarji li kienu s-suġġett tal-istħarriġ ġudizzjarju f’dan il-każ, kemm hija stess kif ukoll il-Kunsill kellhom jingħataw marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ fir-rigward tal-evalwazzjonijiet tagħhom f’dan il-kuntest, bi stħarriġ ġudizzjarju limitat għall-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.

88      Madankollu, il-Kunsill u l-Kummissjoni ammettew, waqt is-seduta, li l-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament 2020/2092, kienet kwistjoni ta’ liġi li fir-rigward tagħha l-istħarriġ ġudizzjarju tal-qorti tal-Unjoni kellu jkun strett.

89      Ir-rikorrenti, sostnuta mill-Ungerija, issostni li l-Qorti Ġenerali għandha teżerċita, f’dan il-każ, stħarriġ ġudizzjarju komplet u sħiħ.

90      Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-prinċipji tal-Istat tad-dritt, li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, jimplikaw li la l-Istati Membri u lanqas l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jevitaw l-istħarriġ tal-konformità tal-atti tagħhom mat-Trattat FUE, li stabbilixxa sistema kompleta ta’ rimedji u ta’ proċeduri intiżi sabiex jafdaw lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea bl-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il‑Parlament, 294/83, EU:C:1986:166, punti 23 u 24).

91      Fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ ġudizzjarju, il-qorti tal-Unjoni teżerċita stħarriġ sħiħ fuq il-kwistjonijiet ta’ liġi, u dan jinkludi l-interpretazzjoni li għandha tingħata lil dispożizzjonijiet legali abbażi ta’ elementi oġġettivi kif ukoll il-verifika ta’ jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ tali dispożizzjoni humiex issodisfatti jew le (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2022, Il‑Kambodja u CRF vs Il‑Kummissjoni, T‑246/19, EU:T:2022:694, punt 45).

92      Barra minn hekk, fil-każijiet fejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jgawdu minn setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa, b’mod partikolari fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-elementi fattwali ta’ natura ekonomika, teknika jew xjentifika kumplessi ħafna sabiex jiddeterminaw in-natura u l-portata tal-miżuri li huma jadottaw, l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa ma huwiex eskluż mill-istħarriġ ġudizzjarju. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, il-qorti tal-Unjoni għandha tivverifika jekk l-eżerċizzju ta’ tali setgħa huwiex ivvizzjat minn żball manifest ta’ evalwazzjoni jew minn użu ħażin ta’ poter jew jekk dawn l-awtoritajiet qabżux manifestament il-limiti tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħhom. F’tali kuntest, il-qorti tal-Unjoni ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-elementi fattwali ta’ natura ekonomika, xjentifika jew teknika minflok dik tal-istituzzjonijiet li lilhom, waħedhom, it-Trattati fdaw dan il-kompitu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2007, Industrias Químicas del Vallés vs Il‑Kummissjoni, C‑326/05 P, EU:C:2007:443, punti 75 u 76; tal‑4 ta’ Mejju 2023, BĊE vs Crédit lyonnais, C‑389/21 P, EU:C:2023:368, punt 55; u tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Franza u Il‑Kummissjoni vs CWS Powder Coatings et, C‑71/23 P u C‑82/23 P, EU:C:2025:601, punt 106 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

93      F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, il-qorti tal-Unjoni għandha b’mod partikolari tivverifika mhux biss l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li kellha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex tali li jissostanzjaw il-konklużjonijiet misluta minnhom (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, BĊE vs Crédit lyonnais, C‑389/21 P, EU:C:2023:368, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

94      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-istabbiliment tal-fatti nieqsa minn kumplessità ekonomika, teknika jew xjentifika, l-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni jibqa’ sħiħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Settembru 2020, Medac Gesellschaft für klinische Spezialpräparate vs Il‑Kummissjoni, T‑549/19, EU:T:2020:444, punt 47 (mhux ippubblikata)).

95      Għalhekk, kif ġie rrilevat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-leġiżlatur tal-Unjoni bl-ebda mod ma ta lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dritt illimitat sabiex jevalwaw, fid-dawl ta’ kunsiderazzjonijiet politiċi, l-osservanza tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt jew sabiex jorbtu kull ksur ikkonstatat ta’ dawn il-prinċipji, b’mod ġenerali, mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba tal-fondi tal-Unjoni. Fil-fatt, huwa ssuġġetta l-bidu tal-proċedura għal kriterji, imfakkra fil-punti 77 sa 84 iktar ’il fuq, li jiżguraw li l-evalwazzjonijiet ta’ dawn l-istituzzjonijiet jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u jkunu ta’ natura legali u mhux politika (sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑157/21, EU:C:2022:98, punt 358).

96      Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-obbligu għall-Kummissjoni u għall-Kunsill li jibbażaw ruħhom, meta jeżaminaw jekk l-adozzjoni ta’ miżuri xierqa hijiex iġġustifikata, fuq elementi konkreti u li josservaw il-prinċipji ta’ oġġettività, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati huwa suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju sħiħ mill-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Frar 2022, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑156/21, EU:C:2022:97, punt 149, u tas‑16 ta’ Frar 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑157/21, EU:C:2022:98, punti 167, 202 u 286).

97      Għaldaqstant, ma jistax jiġi sostnut li l-istħarriġ ġudizzjarju mwettaq f’dan il-każ huwa stħarriġ ristrett.

–       Fuq l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt

98      Ir-rikorrenti tindika espressament, fir-rikors tagħha, li hija ma tressaq ebda argument dwar l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament 2020/2092 dwar il-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt.

99      Madankollu, ir-rikorrenti tikkontesta, fir-realtà, l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt sa fejn hija tikkritika lill-Kummissjoni u lill-Kunsill li ma stabbilixxewx, b’mod suffiċjenti fid-dritt, ksur imwettaq mill-universitajiet b’mod ġenerali u minnha stess b’mod partikolari. Barra minn hekk, hija tosserva li t-tħassib dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kuntratti pubbliċi u l-kunflitti ta’ interessi għat-trusts ta’ interess pubbliku ġie indirizzat mill-miżuri korrettivi nnotifikati mill-Ungerija.

100    Il‑Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

101    Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 84 iktar ’il fuq, l-ewwel waħda mill-kundizzjonijiet għall-adozzjoni ta’ miżuri għall-protezzjoni tal-baġit, skont ir-Regolament 2020/2092, hija li jiġi stabbilit ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, kif iddefinit fl-Artikolu 2(a) ta’ dan ir-regolament.

102    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li t-tħassib dwar l-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi u tal-kunflitti ta’ interessi għat-trusts ta’ interess pubbliku kien ġie indirizzat mill-miżuri korrettivi nnotifikati mill-Ungerija, għandu jitfakkar li, fil-premessi 3 u 11 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506, il-Kunsill indika li l-Kummissjoni inizjalment kellha tħassib dwar in-nuqqas ta’ applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi u tal-kunflitti ta’ interessi għat-trusts ta’ interess pubbliku kif ukoll għall-entitajiet ġestiti minnhom.

103    Issa, fil-premessa 29 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506, huwa indikat li, ikkunsidrati flimkien, il-miżuri korrettivi proposti mill-Ungerija kienu bħala prinċipju ta’ natura li jirrimedjaw il-problemi marbuta mal-irregolaritajiet, mal-lakuni u mad-dgħufijiet sistemiċi fil-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, mar-riskji ta’ kunflitti ta’ interessi u mat-tħassib imqajjem mit-trusts ta’ interess pubbliku.

104    Għaldaqstant, minn dan il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li d-dgħufijiet sistemiċi gravi fil-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, minħabba n-nuqqas ta’ applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-kunflitti ta’ interessi u tal-kuntratti pubbliċi għat-trusts ta’ interess pubbliku u għall-entitajiet ġestiti minnhom, ġew indirizzati permezz tal-miżuri korrettivi tal-Ungerija. Għaldaqstant, huma ma għadhomx, bħala tali u sa fejn jikkonċernaw biss it-trusts ta’ interess pubbliku, is-suġġett tal-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt allegat mill-Kunsill, fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506, li l-Qorti Ġenerali qiegħda teżamina fil-kawża ineżami.

105    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-eżistenza ta’ ksur imwettaq mill-entitajiet miżmuma minn trusts ta’ interess pubbliku b’mod ġenerali jew mir-rikorrenti b’mod partikolari, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament 2020/2092 jirrigwarda kemm il-ksur individwali tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt kif ukoll il-ksur sistemiku.

106    Fil-fatt, is-sitwazzjonijiet jew l-aġir tal-awtoritajiet li huma elenkati fl-Artikolu 4(2)(a) sa (h) tar-Regolament 2020/2092, bħala ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fis-sens ta’ dan ir-regolament, jinkludu s-sitwazzjonijiet jew l-aġir ta’ natura kemm individwali kif ukoll sistemika. Barra minn hekk, il-premessa 15 tar-Regolament 2020/2092 tindika li ma huwiex biss il-ksur individwali tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, iżda wkoll il-ksur li huwa mifrux jew li jirriżulta minn prassi jew ommissjonijiet rikorrenti tal-awtoritajiet pubbliċi jew ukoll minn miżuri ġenerali adottati minn dawn l-awtoritajiet li jista’ jippreġudika b’mod gravi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

107    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, meta ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt li seta’ jkun sistematiku fin-natura tiegħu kien ukoll ta’ natura li jippreġudika jew li jippreżenta riskju serju li ser jippreġudika l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha, l-Unjoni ma setgħetx tiġi kkritikata talli timplimenta l-mezzi neċessarji għall-protezzjoni ta’ din il-ġestjoni tajba u ta’ dawn l-interessi finanzjarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑157/21, EU:C:2022:98, punt 362).

108    F’dan il-każ, għandu jitfakkar li mill-premessi 11, 43 u 62 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506 jirriżulta li l-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt jirriżulta minn sitwazzjoni ta’ fatt u mill-qafas regolamentari Ungeriż, li ma jipprekludix lill-uffiċjali f’pożizzjonijiet għolja, inklużi uffiċjali politiċi f’pożizzjonijiet għolja, milli jpoġġu fuq il-bordijiet tat-tmexxija tal-fondazzjonijiet li jiġġestixxu assi ta’ interess pubbliku, u li dan jista’ jaggrava r-riskju eventwali ta’ kunflitti ta’ interessi.

109    Barra minn hekk, il-premessa 58 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506 tindika espressament li “l-każijiet identifikati ta’ nuqqas ta’ konformità jirreferu għal ksur ta’ natura sistemika”.

110    F’dan ir-rigward, il-punt 128 tal-Proposta tal-Kummissjoni jindika li, “[f]ir-rigward tan-natura tal-ksur, il-Kummissjoni tqis li l-valutazzjoni tal-ksur [...] rilevanti għall-kunflitti ta’ interess għat-trusts ta’ interess pubbliku wasslet għall-konklużjoni li dawn il-kwistjonijiet [kienu] indikattivi ta’ ksur tal-[I]stat tad-dritt, b’mod partikolari ta’ dawk tal-Artikolu 3(b) tar-Regolament [...] 2020/2092, billi jonqsu milli jipprevjenu, jikkoreġu jew jissanzjonaw deċiżjonijiet arbitrarji jew illegali mill-awtoritajiet pubbliċi u jonqsu milli jiggarantixxu li ma jkunx hemm kunflitti ta’ interess”.

111    Fil-punt 57 tal-proposta tagħha, il-Kummissjoni qieset ukoll li l-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt kien jikkonċerna, b’mod partikolari, is-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(2)(h) tar-Regolament 2020/2092, jiġifieri “sitwazzjonijiet [...] oħra [...] li [kienu] rilevanti għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni”, irrappreżentati f’dan il-każ mir-riskju aggravat ta’ kunflitti ta’ interessi minħabba l-fatt li uffiċjali politiċi f’pożizzjonijiet għolja kienu jpoġġu fuq il-bordijiet tat-tmexxija ta’ trusts ta’ interess pubbliku.

112    Barra minn hekk, il-punt 130 tal-Proposta tal-Kummissjoni jispeċifika dan li ġej:

“[I]l-ksur identifikat tal-prinċipji tal-[I]stat tad-dritt jikkonċerna partijiet importanti tas-settur pubbliku fl-Ungerija, jiġifieri l-entitajiet pubbliċi kollha li jimplimentaw il-fondi tal-Unjoni li jistgħu jkunu jew isiru awtoritajiet kontraenti, kif ukoll it-trusts kollha ta’ interess pubbliku, li minkejja li huma entitajiet privati, għandhom objettiv ta’ interess pubbliku, bħall-edukazzjoni, ir-riċerka, l-ambjent u l-protezzjoni tal-klima u l-protezzjoni tal-patrimonju. Għalhekk, il-ksur identifikat tal-prinċipji tal-[I]stat tad-dritt huwa sistemiku u mifrux, u b’hekk serju.”

113    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni, fil-punt 142 tal-proposta tagħha, osservat li kien prattikament impossibbli li jitqies li l-projbizzjoni li jiġu konklużi impenji legali ġodda, fil-kuntest ta’ programmi taħt ġestjoni diretta u indiretta, ma’ trusts ta’ interess pubbliku u ma’ entitajiet miżmuma minnhom kellha tapplika biss għal ċerti trusts ta’ interess pubbliku u għal ċerti entitajiet miżmuma minnhom jew li setgħu jittieħdu impenji legali parzjali ma’ tali entitajiet.

114    Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 70 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, il-fatt li l-uffiċjali f’pożizzjonijiet għolja u l-uffiċjali politiċi f’pożizzjonijiet għolja jistgħu jpoġġu fuq il-bordijiet tat-tmexxija tat-trusts ta’ interess pubbliku “[j]oħloq sitwazzjoni li fiha [dawn l-]eżekuttivi politiċi għolja jistgħu jipparteċipaw fit-teħid ta’ deċiżjonijiet relatati mal-iżborż ta’ fondi pubbliċi lil entitajiet, li fihom huma stess ikunu impjegati u għandhom setgħat ewlenin ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet”. Issa, kif isostni l-Kunsill, it-trusts ta’ interess pubbliku jeżerċitaw, min-natura tagħhom stess kif iddeterminata mil-liġi, influwenza u kontroll deċiżivi fuq l-entitajiet miżmuma minnhom, b’tali mod li, fil-prattika, iż-żewġ entitajiet ikunu marbuta b’mod inseparabbli bħala unità. Għaldaqstant, kull deċiżjoni dwar l-użu ta’ fondi tal-Unjoni minn entità ġestita minn trust ta’ interess ġenerali tkun affettwata mir-riskju ta’ kunflitti ta’ interessi fir-rigward tat-trusts ta’ interess pubbliku.

115    Għaldaqstant, mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506, moqrija fid-dawl tal-Proposta u tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, jirriżulta li t-tħassib dwar il-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt kien jikkonċerna l-qafas legali applikabbli għat-trusts ta’ interess pubbliku, u b’mod partikolari l-organizzazzjoni, il-funzjonament u n-nuqqas ta’ trasparenza sistemiku fir-rigward tal-ġestjoni tal-fondi minn dawn it-trusts u mill-entitajiet miżmuma minnhom, u mhux ksur imwettaq individwalment minnhom jew mill-entitajiet miżmuma minnhom, bħalma hija r-rikorrenti.

116    Għaldaqstant, peress li l-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt allegat mill-Kunsill huwa ta’ natura sistemika f’dan il-każ, il-Kummissjoni u l-Kunsill ma kinux obbligati jistabbilixxu ksur individwali tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt minn kull entità kkonċernata. Fil-fatt, tali interpretazzjoni tirrendi impossibbli l-adozzjoni ta’ miżuri bl-għan li jiġi rrimedjat il-ksur sistemiku tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt.

117    Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni u l-Kunsill stabbilixxew, b’mod suffiċjenti fid-dritt, konformement mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament 2020/2092, ikkunsidrat flimkien, b’mod partikolari, mal-Artikolu 3(b) ta’ dan ir-regolament, ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tal-imsemmi regolament. Dan il-ksur jikkonsisti f’riskju serju ta’ eventwali kunflitti ta’ interessi minħabba l-qafas regolamentari Ungeriż li jawtorizza lill-uffiċjali f’pożizzjonijiet għolja u lill-uffiċjali politiċi f’pożizzjonijiet għolja jpoġġu fuq il-bordijiet tat-tmexxija tat-trusts ta’ interess pubbliku stabbiliti permezz tal-Liġi Ungeriża IX u huwa ta’ natura sistemika minħabba l-inkapaċità, l-impossibbiltà jew in-nuqqas ta’ rieda sistemiċi min-naħa tal-Ungerija sabiex tipprevjeni deċiżjonijiet meħuda bi ksur tad-dritt applikabbli fil-qasam tal-kunflitti ta’ interessi.

118    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt ma kinitx teħtieġ, għall-finijiet tal-adozzjoni tad-dispożizzjoni kkontestata, li jiġi stabbilit ksur individwali mwettaq minn entitajiet, bħalma hija r-rikorrenti, jew mit-trusts li jżommu dawn l-entitajiet.

119    Minn dan isegwi li l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt għandhom jiġu miċħuda.

–       Fuq ir-rekwiżit ta’ preġudizzju jew ta’ riskju serju ta’ preġudizzju għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha

120    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li, fil-kuntest ta’ proġetti taħt ġestjoni diretta jew indiretta, la t-trusts ta’ interess pubbliku Ungeriżi u lanqas l-entitajiet miżmuma minn tali trusts ma huma entitajiet inkarigati mill-implimentazzjoni ta’ dawn il-proġetti. Għalhekk, ma huwiex il-kompitu tagħhom li jniedu sejħiet għal proposti, li jevalwaw il-proposti, li jiffirmaw ftehimiet ta’ sussidju, li jsegwu l-implimentazzjoni tal-proġetti, li jikkontrollaw u jevalwaw ir-riżultati, li jwettqu kontrolli jew li jiżguraw il-konformità tal-imsemmija proġetti. Dan huwa pjuttost il-kompitu tal-Kummissjoni jew ta’ entitajiet oħra inkarigati mill-implimentazzjoni.

121    L‑Ungerija ssostni f’dan ir-rigward li, matul il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma wriet kif l-eżistenza ta’ eventwali kunflitti ta’ interessi kienet taffettwa speċifikament l-użu tal-fondi tal-Unjoni. Għal programmi bħalma huma Erasmus+ jew Horizon Europe, il-Kummissjoni tissorvelja fuq inizjattiva tagħha stess il-funzjonament tal-programmi u l-użu ta’ fondi mill-baġit tal-Unjoni. L‑Ungerija tikkontesta għalhekk il-fatt li sitwazzjoni potenzjali ta’ kunflitti ta’ interessi tista’ tirrappreżenta riskju reali għall-fondi tal-Unjoni.

122    Issa, dawn l-argumenti huma bbażati fuq premessa żbaljata. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, kemm it-trusts ta’ interess pubbliku Ungeriżi kif ukoll l-entitajiet miżmuma minn tali trusts huma koperti mid-dispożizzjoni kkontestata minħabba l-fatt li dawn jistgħu jkunu inkarigati mill-implimentazzjoni ta’ proġetti taħt ġestjoni indiretta, iżda wkoll bħala benefiċjarji ta’ dawn il-proġetti ta’ ġestjoni diretta jew indiretta.

123    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dispożizzjoni kkontestata tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ waħda mill-miżuri previsti fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament 2020/2092. L-Artikolu 5(1)(a)(ii) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li, meta l-Kummissjoni timplimenta l-baġit tal-Unjoni taħt ġestjoni diretta jew indiretta, skont l-Artikolu 62(1)(a) u (c) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 60, p. 36), u meta entità pubblika tkun id-destinatarja ta’ fondi li joriġinaw minn dan il-baġit, huwa possibbli għall-Kunsill li jipprojbixxi lill-Kummissjoni milli tidħol f’impenji legali ġodda ma’ din l-entità. Issa, ir-rikorrenti ma tikkontestax l-affermazzjoni li tinsab fil-premessa 22 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506, li tgħid li t-trusts ta’ interess pubbliku u l-entitajiet miżmuma minn dawn tal-aħħar huma kkunsidrati bħala entitajiet pubbliċi li jistgħu jkunu benefiċjarji tal-proġetti ta’ ġestjoni diretta jew indiretta.

124    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li t-trusts ta’ interess pubbliku u l-membri tal-bordijiet tat-tmexxija ta’ dawn it-trusts ma jistax ikollhom aċċess għall-finanzjament dirett tal-Unjoni rċevut mill-entitajiet miżmuma minn tali trusts.

125    Issa, mill-Artikolu 22(4) tal-Liġi Ungeriża IX jirriżulta li, skont l-att li joħloq l-istabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla Ungeriż, it-trust ta’ interess pubbliku jista’ jkollha setgħat kunsiderevoli fuq il-kwistjonijiet baġitarji, operattivi u organizzattivi ta’ dan l-istabbiliment.

126    Is-setgħat tat-trusts ta’ interess pubbliku li jżommu stabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla Ungeriżi huma ddettaljati wkoll fin-nemzeti felsőoktatásról szóló 2011. évi CCIV. törvény (il-Liġi Nru CCIV tal‑2011 dwar l-Edukazzjoni Ogħla Nazzjonali (Magyar Közlöny 2011/165., iktar ’il quddiem il-“Liġi Ungeriża CCIV”)), li tapplika għall-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla Ungeriżi kollha. L-Artikoli 12 u 73 ta’ din il-liġi jistabbilixxu t-tqassim tal-kompetenzi bejn il-bord tat-tmexxija tal-istabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla u l-entitajiet detenturi, jiġifieri, jekk ikun il-każ, it-trusts ta’ interess pubbliku.

127    F’dan ir-rigward, l-Artikolu 12(3) tal-Liġi Ungeriża CCIV jipprevedi, bħala regola ġenerali, li huwa l-bord tat-tmexxija li għandu, b’mod partikolari, jadotta l-baġit, il-kontijiet annwali kif ukoll ir-regoli ta’ organizzazzjoni u ta’ funzjonament tal-istabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla.

128    Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 73(1) tal-Liġi Ungeriża CCIV jipprevedi li, sakemm ma jkunx previst mod ieħor, id-drittijiet u l-obbligi marbuta mal-kontroll tal-entitajiet detenturi huma l-istess, irrispettivament mill-entità li teżerċita dawn id-drittijiet u li tissodisfa dawn l-obbligi. Għalhekk, mill-Artikolu 73(3) ta’ din il-liġi jirriżulta li l-entitajiet detenturi għandhom, b’mod partikolari, il-kompetenza li jadottaw u li jemendaw l-att li joħloq l-istabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla kif ukoll li jirrevedu r-regoli ta’ organizzazzjoni u ta’ funzjonament tal-istabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla.

129    Fl-aħħar nett, l-Artikolu 94(6) tal-Liġi Ungeriża CCIV jipprovdi li, b’deroga mill-Artikolu 12(3) u mill-Artikolu 73(3) ta’ din il-liġi, l-att li joħloq stabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla privat jista’ jipprevedi, b’mod partikolari, li l-entità detentriċi tapprova l-baġit tal-istabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla, il-kontijiet annwali tiegħu kif ukoll ir-regoli ta’ organizzazzjoni u ta’ funzjonament tiegħu.

130    Mid-dispożizzjonijiet kollha msemmija fil-punti 125 sa 129 iktar ’il fuq jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, it-trusts ta’ interess pubbliku stabbiliti mil-Liġi Ungeriża IX kif ukoll l-uffiċjali f’pożizzjonijiet għolja u l-uffiċjali politiċi f’pożizzjonijiet għolja li jpoġġu fuq il-bordijiet tat-tmexxija ta’ dawn it-trusts jistgħu jeżerċitaw influwenza deċiżiva fuq l-entitajiet miżmuma minn tali trusts u għalhekk fuq il-finanzjament dirett tal-Unjoni rċevut minn tali entitajiet, minħabba interessi ekonomiċi proprji, preferenzi jew appartenenzi reliġjużi, professjonali, politiċi jew familjali.

131    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-kunflitt ta’ interessi identifikat fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506 ma jikkonċernax riżorsi tal-Unjoni.

132    F’dan ir-rigward, il-premessa 43 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506 ssemmi li l-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla Ungeriżi miżmuma minn trust ta’ interess pubbliku huma esklużi mill-finanzjament mill-Unjoni minħabba r-riskju ta’ kunflitti ta’ interessi li jirriżulta mill-possibbiltà għal uffiċjali f’pożizzjonijiet għolja u għal uffiċjali politiċi f’pożizzjonijiet għolja li jpoġġu fuq il-bord tat-tmexxija tat-trusts ta’ interess pubbliku.

133    Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506 jirriżulta li l-uffiċjali f’pożizzjonijiet għolja u l-uffiċjali politiċi f’pożizzjonijiet għolja li jpoġġu fuq il-bordijiet tat-tmexxija tat-trusts ta’ interess pubbliku Ungeriżi jistgħu jeżerċitaw influwenza deċiżiva fuq l-entitajiet miżmuma minnhom u għalhekk fuq il-finanzjament dirett tal-Unjoni rċevut minn tali entitajiet.

134    Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li l-Kunsill ma wriex ir-riskju serju ta’ preġudizzju għall-ġestjoni finanzjarja tajba jew għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni b’mod suffiċjentement dirett.

–       Fuq l-eżistenza ta’ rabta reali u suffiċjentement diretta bejn il-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt u l-impatt tiegħu fuq il-baġit tal-Unjoni

135    Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni u l-Kunsill ma stabbilixxewx rabta reali u suffiċjentement diretta bejn il-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt allegat u l-preġudizzju jew ir-riskju serju ta’ preġudizzju għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha.

136    Il‑Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jitlob li din l-allegazzjoni tiġi miċħuda.

137    L-Artikolu 4(1) tar-Regolament 2020/2092 jeżiġi, sabiex jiġu adottati miżuri xierqa, li jiġi stabbilit li l-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fi Stat Membru jippreġudika jew jippreżenta riskju serju li ser jippreġudika l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, b’mod suffiċjentement dirett. Din il-kundizzjoni teżiġi għalhekk li tiġi stabbilita “rabta reali” bejn dan il-ksur u tali preġudizzju jew tali riskju serju ta’ preġudizzju (sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑157/21, EU:C:2022:98, punt 165).

138    Mill-premessi 58 u 62 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506 jirriżulta li, minħabba l-inadegwatezza tal-miżuri korrettivi nnotifikati mill-Ungerija sabiex jirrimedjaw il-ksur ta’ natura sistemika tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, kien għad hemm riskju gravi għall-baġit tal-Unjoni peress li dan il-ksur kien jhedded il-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni b’mod suffiċjentement dirett.

139    Il-punt 33 tal-Proposta tal-Kummissjoni jindika, f’dan ir-rigward, li l-ħolqien ta’ entitajiet irregolati mid-dritt privat li ngħataw donazzjoni ta’ assi pubbliċi sinjifikattivi mingħand l-Istat jista’ jimplika l-assenza ta’ kontroll pubbliku fuq il-funzjonament u l-governanza ta’ dawn l-entitajiet.

140    Barra minn hekk, il-punt 142 tal-Proposta tal-Kummissjoni jinnota li l-eċċezzjoni li tippermetti lill-membri tal-bordijiet tat-tmexxija tat-trusts ta’ interess pubbliku ma jikkonformawx mar-rekwiżiti dwar il-kunflitti ta’ interessi jista’ jkollha impatt fuq il-baġits li dawn l-entitajiet jistgħu jimplimentaw jew jiġġestixxu.

141    Bl-istess mod, skont il-punt 70 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, l-eċċezzjoni introdotta mill-ġdid mill-Ungerija, b’effett mill‑1 ta’ Novembru 2022, li tippermetti lill-uffiċjali politiċi f’pożizzjonijiet għolja jpoġġu fuq il-bordijiet tat-tmexxija tat-trusts ta’ interess pubbliku toħloq sitwazzjoni li fiha dawn l-uffiċjali politiċi f’pożizzjonijiet għolja jistgħu jipparteċipaw fit-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar il-ħlas ta’ fondi pubbliċi lil entitajiet li fihom ipoġġu u li fihom ikollhom setgħat deċiżjonali essenzjali.

142    Fl-aħħar nett, il-punt 154(VI) tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni jindika li “[kien] għad hemm riskji importanti fir-rigward ta’ għadd ta’ kwistjonijiet oħra, jiġifieri: [...] il-faċilitazzjoni ulterjuri, wara l-valutazzjoni ta’ Settembru mill-Kummissjoni tal-miżura ta’ rimedju proposta, tal-preżenza ta’ uffiċjali tal-ogħla livell fuq bordijiet ta’ fondazzjonijiet ta’ ġestjoni ta’ interess pubbliku li l-għan tagħhom [kien] li jiżborżaw ammonti kbar ta’ fondi pubbliċi”.

143    F’dan il-każ, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 138 sa 142 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li r-rikorrenti hija miżmuma minn trust ta’ interess pubbliku u tinsab taħt il-kontroll tal-bord tat-tmexxija ta’ din it-trust, li l-membri tiegħu jinħatru għal żmien indeterminat mill-poter eżekuttiv. Għaldaqstant, jeżisti riskju reali u serju, minn perspettiva sistemika, li l-għażla tal-iżvilupp ta’ programmi u ta’ taħriġ universitarji kif ukoll ta’ proġetti ta’ riċerka u ta’ żvilupp iffinanzjati mill-Unjoni tkun direttament influwenzata politikament jew sempliċement ma tibqax tiġi sostnuta għal raġunijiet politiċi.

144    Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li, fl-assenza tad-dispożizzjoni kkontestata, it-trusts li fihom jistgħu jpoġġu uffiċjali f’pożizzjonijiet għolja, inklużi uffiċjali politiċi f’pożizzjonijiet għolja, u l-entitajiet miżmuma minn tali trusts jistgħu jirċievu riżorsi mill-baġit tal-Unjoni. Issa, kif jirriżulta mill-punt 125 iktar ’il fuq, it-trusts ta’ interess pubbliku jista’ jkollhom setgħat kunsiderevoli fuq il-kwistjonijiet baġitarji, operattivi u organizzattivi tal-entitajiet miżmuma minnhom, bħalma hija r-rikorrenti f’dan il-każ.

145    Barra minn hekk, hemm riskju reali li l-persunal involut fl-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ riċerka u ta’ żvilupp jew ta’ edukazzjoni ogħla, iffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni, jista’ jintgħażel mill-bordijiet tat-tmexxija tat-trusts ta’ interess pubbliku jew mill-bord tat-tmexxija tal-università abbażi tal-allinjament politiku tagħhom.

146    Għalhekk, fil-kuntest tal-programmi Erasmus+ u Horizon Europe, it-trusts ta’ interess pubbliku jista’ jkollhom rwol fil-ħlas tal-fondi tal-Unjoni lill-benefiċjarji finali. Għalhekk hemm riskju reali li kunflitti ta’ interessi politiċi, ekonomiċi jew personali jinterferixxu fl-għażla ta’ dawn il-benefiċjarji.

147    Barra minn hekk, il-Kunsill sostna, u dan ġustament, li kien jeżisti riskju reali u sistemiku, fil-każ tal-programm Erasmus+, li kunflitti ta’ interessi jinterferixxu mal-għażla tal-istudenti benefiċjarji, u b’mod partikolari mal-għażla u mar-rikonoxximent reċiproku tal-korsijiet eliġibbli segwiti fi Stati Membri oħra, u b’hekk jintroduċu f’dan il-proċess ta’ selezzjoni kunsiderazzjonijiet li jmorru lil hinn mill-evalwazzjoni tal-mertu akkademiku.

148    Il‑Kunsill allega wkoll, mingħajr ma ġie serjament kontradett mir-rikorrenti jew mill-Ungerija, li, fir-rigward tal-implimentazzjoni tas-sussidji, taħt il-programm Horizon Europe, is-selezzjoni tal-fornituri fil-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti, għall-implimentazzjoni tal-proġetti rregolati minn dan il-programm, li ta’ spiss kienu ta’ importanza kbira fir-rigward tal-baġit allokat għall-proġetti xjentifiċi, hija vulnerabbli għar-riskju ta’ influwenza indebita. Il-qafas regolamentari Ungeriż għandu wkoll impatt fuq ir-reklutaġġ tal-persunal u fuq proċessi oħra fil-qasam tar-riżorsi umani. Fid-dawl tal-omnipreżenza tal-kontroll politiku u tar-riskju ta’ kunflitti ta’ interessi, il-Kunsill afferma li l-proċessi interni kollha, il-proċeduri universitarji kollha u l-istrutturi ta’ governanza kollha involuti fl-użu tal-fondi tal-Unjoni jistgħu jiġu influwenzati esternament, u dan jista’ jwassal għal użu mhux xieraq tal-fondi tal-Unjoni.

149    Issa, il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni tirrikjedi li r-riżorsi finanzjarji tagħha ma jintużawx sabiex jiġu ffinanzjati entitajiet ta’ interess pubbliku tal-Istati Membri, bħalma huma t-trusts, jew l-entitajiet miżmuma minnhom, li l-modalitajiet ta’ funzjonament tagħhom jiksru l-prinċipji tal-Istat tad-dritt.

150    Għaldaqstant, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, f’dan il-każ il-Kummissjoni u l-Kunsill stabbilixxew b’mod suffiċjenti fid-dritt rabta reali u suffiċjentement diretta bejn il-ksur gravi u sistemiku tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt allegat u l-preġudizzju jew ir-riskju serju ta’ preġudizzju għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha.

151    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li għandu jiġu miċħud bħala infondat l-argument li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506 ma stabbilixxietx rabta reali u suffiċjentement diretta bejn il-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt u l-impatt tiegħu fuq il-baġit tal-Unjoni. Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud ukoll, fl-intier tiegħu, il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament 2020/2092.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

152    Ir-rikorrenti, sostnuta mill-Ungerija, issostni li d-dispożizzjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

153    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tqajjem tmien argumenti. L-ewwel nett, fil-kuntest ta’ proġetti taħt ġestjoni diretta jew indiretta, il-Kummissjoni kien imissha evalwat b’mod differenti s-sitwazzjoni tat-trusts ta’ interess pubbliku u tal-entitajiet miżmuma minnhom skont jekk kinux benefiċjarji jew entitajiet inkarigati mill-implimentazzjoni ta’ dawn il-proġetti. It-tieni nett, għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506, il-Kunsill ibbaża ruħu b’mod żbaljat fuq il-problema tal-applikazzjoni tar-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għat-trusts ta’ interess pubbliku. It-tielet nett, il-miżura adottata ma hijiex l-inqas waħda restrittiva meta mqabbla mat-tip ta’ finanzjament u mat-tip ta’ spejjeż eliġibbli. Ir-raba’ nett, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506 ddaħħal inkwistjoni l-effettività ta’ proċeduri ġusti ta’ selezzjoni u ta’ għoti tal-finanzjamenti mill-Unjoni. Il-ħames nett, id-dispożizzjoni kkontestata hija sproporzjonata fir-rigward tal-għan imfittex. Is-sitt nett, il-Kunsill ma inkludiex il-possibbiltà li jingħataw eżenzjonijiet individwali. Is-seba’ nett, il-Kunsill kien imissu wettaq eżami individwali ta’ kull trust ta’ interess pubbliku u tal-entitajiet miżmuma. It-tmien nett, il-Kummissjoni u l-Kunsill ma eżaminawx il-possibbiltà li jintroduċu tnaqqis ta’ fondi pro rata skont in-natura, it-tul, il-gravità u l-portata tal-ksur.

154    Il‑Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

155    Fil-premessa 62 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506, il-Kunsill qies li l-aħjar mod sabiex jiġi rrimedjat ir-riskju gravi għall-baġit, ikkawżat mill-eventwali kunflitti ta’ interessi fit-trusts ta’ interess pubbliku, kien jikkonsisti fid-dispożizzjoni kkontestata, jiġifieri l-projbizzjoni għall-Kummissjoni, meta timplimenta l-baġit tal-Unjoni taħt ġestjoni diretta jew indiretta, milli tidħol f’impenji legali ġodda ma’ dawn it-trusts jew mal-entitajiet miżmuma minnhom. Skont il-Kunsill, tali miżura hija proporzjonata għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni kontra l-preġudizzji jew ir-riskji ta’ preġudizzju li jirriżultaw minn ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fi Stat Membru.

156    Il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament 2020/2092 jipprevedi li l-miżuri meħuda skont dan ir-regolament għandhom ikunu proporzjonati. Dawn il-miżuri għandhom ikunu ddeterminati skont l-impatt reali jew potenzjali tal-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fuq il-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew fuq l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. In-natura, it-tul, il-gravità u l-portata tal-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt għandhom jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni. Il-miżuri għandhom, sa fejn ikun possibbli, ikollhom fil-mira tagħhom l-azzjonijiet tal-Unjoni ppreġudikati mill-ksur. Minn dan jirriżulta li l-miżuri meħuda għandhom ikunu strettament proporzjonati mal-impatt tal-ksur ikkonstatat tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fuq il-baġit tal-Unjoni jew fuq l-interessi finanzjarji tagħha (sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑157/21, EU:C:2022:98, punt 302).

157    Il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u li huwa sanċit fl-Artikolu 5(4) TUE kif ukoll fl-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu ta’ natura li jilħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, bil-kundizzjoni li meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva u bil-kundizzjoni li l-inkonvenjenzi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet fil-mira (sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑156/21, EU:C:2022:97, punt 340; ara wkoll is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑157/21, EU:C:2022:98, punt 353 u l-ġurisprudenza ċċitata).

158    Fl-ewwel lok, għandha tiġi eżaminata n-natura neċessarja u xierqa tad-dispożizzjoni kkontestata.

159    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma ppreżentat lill-Qorti Ġenerali ebda element konkret li jdaħħal inkwistjoni l-fatt li d-dispożizzjoni kkontestata hija ta’ natura li tippermetti li jintlaħaq l-għan li l-baġit tal-Unjoni jiġi protett kontra l-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt.

160    B’mod iktar preċiż, ir-rikorrenti sempliċement sostniet li, fil-kuntest ta’ proġetti taħt ġestjoni diretta jew indiretta, il-Kummissjoni kien imissha evalwat b’mod differenti s-sitwazzjoni tat-trusts ta’ interess pubbliku u tal-entitajiet miżmuma minnhom skont jekk kinux benefiċjarji jew entitajiet inkarigati mill-implimentazzjoni ta’ dawn il-proġetti.

161    Issa, kif indikat fil-punti 122 u 123 iktar ’il fuq, dan l-argument huwa bbażat fuq premessa żbaljata peress li kemm it-trusts ta’ interess pubbliku Ungeriżi kif ukoll l-entitajiet miżmuma minn tali trusts huma koperti mid-dispożizzjoni kkontestata mhux biss għaliex jistgħu jiġu inkarigati mill-implimentazzjoni ta’ proġetti ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni skont il-ġestjoni indiretta, iżda wkoll għaliex dawn jistgħu jkunu l-benefiċjarji ta’ finanzjamenti mill-baġit tal-Unjoni għall-implimentazzjoni tal-proġetti taħt il-ġestjoni diretta jew indiretta.

162    Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti li, għall-finijiet tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506, il-Kunsill ibbaża ruħu b’mod żbaljat fuq il-problema tal-applikazzjoni tar-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għat-trusts ta’ interess pubbliku huwa ineffettiv. Fil-fatt, kif indikat fil-punt 104 iktar ’il fuq, din il-problema ma għadhiex is-suġġett tat-tħassib tal-Kunsill.

163    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti tar-rikorrenti ma humiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita n-natura mhux xierqa tad-dispożizzjoni kkontestata u għandhom jiġu miċħuda.

164    Fit-tieni lok, fir-rigward tan-natura strettament neċessarja tad-dispożizzjoni kkontestata, ir-rikorrenti ssostni li l-miżura adottata ma hijiex l-inqas waħda restrittiva. Għalhekk, sabiex tiġi eskluża l-possibbiltà għall-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla li jimplimentaw il-baġit tal-Unjoni, kien ikun biżżejjed li tiġi pprojbita l-konklużjoni ta’ impenji legali ġodda mal-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla fil-kwalità tagħhom ta’ stabbilimenti, ta’ entitajiet jew ta’ organi ta’ finanzjament u għalhekk li dawn l-istabbilimenti jiġu esklużi mill-kategorija ta’ organi msemmija fl-Artikolu 62(1)(c)(v) sa (vii) tar-Regolament 2018/1046.

165    F’dan ir-rigward, għandu jiġi indikat li d-dispożizzjoni kkontestata ma timponix projbizzjoni li jiġu konklużi impenji legali ġodda bl-għan li tiġi eskluża l-possibbiltà għall-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla li jimplimentaw il-baġit tal-Unjoni, iżda pjuttost, kif jirriżulta mid-dispożizzjoni kkontestata u mill-premessa 22 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506, sabiex it-trusts ta’ interess pubbliku u l-entitajiet miżmuma minn tali trusts ma jibqgħux benefiċjarji jew entitajiet inkarigati mill-implimentazzjoni ta’ programmi tal-Unjoni implimentati taħt ġestjoni diretta u indiretta.

166    Barra minn hekk, fir-rigward, qabelxejn, tal-argument tar-rikorrenti li l-Kunsill ma inkludiex il-possibbiltà li jingħataw eżenzjonijiet individwali, mill-punti 225 sa 228 iktar ’il quddiem jirriżulta li r-Regolament 2020/2092 ma jeskludix id-definizzjoni mill-Kunsill ta’ eżenzjonijiet individwali fil-kuntest ta’ dawn il-miżuri xierqa. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tan-natura sistemika tal-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt li jiġġustifika d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506, eżenzjonijiet individwali ma kinux jipproteġu b’mod effettiv il-baġit tal-Unjoni.

167    Sussegwentement, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti fis-sens li l-Kunsill kien imissu wettaq eżami individwali tas-sitwazzjoni ta’ kull trust ta’ interess pubbliku u tal-entitajiet miżmuma, mill-premessa 19 tar-Regolament 2020/2092 jirriżulta li huwa “essenzjali li l-interessi leġittimi tar-riċevituri u tal-benefiċjarji finali jkunu protetti kif xieraq meta jiġu adottati miżuri f’każ ta’ ksur tal-prinċipji tal-[I]stat tad-dritt” u li, “[m]eta tikkunsidra l-adozzjoni tal-miżuri, il-Kummissjoni jenħtieġ li tqis l-impatt potenzjali tagħhom fuq ir-riċevituri u l-benefiċjarji finali”.

168    Issa, peress li l-Kunsill, f’dan il-każ, ibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq ksur sistemiku potenzjali tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt u sa fejn ma huwiex allegat, fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506, li d-destinatarji finali jew il-benefiċjarji kienu involuti fi ksur individwali tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, pereżempju f’każijiet konkreti ta’ korruzzjoni, ta’ frodi jew ta’ kunflitti ta’ interessi, l-imsemmija deċiżjoni żżomm portata ġenerali u jista’ għalhekk ikollha effett fuq l-imsemmija benefiċjarji jew destinatarji, mingħajr ma kien neċessarju, f’dan il-każ, li jsir eżami individwali ta’ kull trust ta’ interess pubbliku jew ta’ kull entità miżmuma minnha.

169    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Artikolu 5(2) tar-Regolament 2020/2092 jipprovdi li l-impożizzjoni ta’ miżuri xierqa ma taffettwax l-obbligi tal-entitajiet pubbliċi jew tal-Istati Membri li jimplimentaw il-programm jew il-fond, u b’mod partikolari l-obbligi tagħhom fir-rigward tad-destinatarji finali jew tal-benefiċjarji, sakemm id-deċiżjoni li tadotta l-miżuri ma tipprovdix mod ieħor.

170    F’dan il-każ, mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506, moqrija fid-dawl tal-Proposta tal-Kummissjoni, jirriżulta li l-impatt potenzjali tal-miżura, b’mod partikolari, fuq id-destinatarji jew fuq il-benefiċjarji bħalma hija r-rikorrenti kien ittieħed inkunsiderazzjoni.

171    Fil-fatt, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li, fost il-ħames miżuri elenkati fl-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament 2020/2092, l-inqas waħda restrittiva fir-rigward tal-għanijiet imfittxija hija dik li timponi l-projbizzjoni li ma jsirux impenji legali ġodda. Il-miżuri l-oħra elenkati f’din id-dispożizzjoni kien ser ikollhom effetti ta’ tfixkil fuq il-programmi diġà għaddejjin fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506, u kienu ser jikkawżaw ukoll diffikultajiet għal terzi. B’mod konkret, din il-miżura ppermettiet lid-destinatarji finali tal-programmi Erasmus+ jew Horizon Europe jkomplu jirċievu, anki wara l-adozzjoni tad-dispożizzjoni kkontestata, sussidji mogħtija qabel l-adozzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, u dan sat-tmiem tal-ftehimiet iffirmati fil-kuntest ta’ dawn il-programmi.

172    Min-naħa l-oħra, il-premessa 63 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506, li tindika li din tal-aħħar ma taffettwax l-obbligi tal-Ungerija, b’mod partikolari, dawk li hija għandha fir-rigward tad-destinatarji finali jew tal-benefiċjarji, inkluż l-obbligu li twettaq il-pagamenti, turi li l-Kunsill ħa inkunsiderazzjoni l-effetti ta’ din id-deċiżjoni fuq id-destinatarji finali u l-benefiċjarji tal-finanzjamenti mill-Unjoni.

173    Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-premessa 62 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506, id-dispożizzjoni kkontestata ma taffettwax l-allokazzjoni globali tal-fondi tal-programmi tal-Unjoni taħt ġestjoni diretta jew indiretta. B’mod konkret, dan ifisser li l-universitajiet Ungeriżi li ma humiex miżmuma minn trusts ta’ interess pubbliku stabbiliti abbażi tal-Liġi Ungeriża IX kif ukoll l-istudenti, l-għalliema u r-riċerkaturi tagħhom jistgħu jibbenefikaw mill-fondi tal-Unjoni taħt il-programmi Erasmus+ u Horizon Europe.

174    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni u l-Kunsill ma eżaminawx il-possibbiltà li jintroduċu tnaqqis ta’ fondi pro rata skont in-natura, it-tul, il-gravità u l-portata tal-ksur, għandu jiġi rrilevat li d-dispożizzjoni kkontestata ġiet adottata bl-għan li tirrimedja ksur ta’ natura sistemika. Għalhekk, tnaqqis ta’ fondi pro rata ma kienx jipproteġi b’mod effettiv il-baġit tal-Unjoni.

175    Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li s-soluzzjonijiet l-oħra proposti mir-rikorrenti kienu jkunu inqas restrittivi, ma huwiex stabbilit li dawn is-soluzzjonijiet l-oħra kienu ser jippermettu li jintlaħaq l-għan imsemmi fil-punt 159 iktar ’il fuq, jiġifieri li l-baġit tal-Unjoni jiġi protett kontra l-preġudizzju li jista’ jirriżulta minn ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fi Stat Membru, b’mod daqstant effikaċi bħad-dispożizzjoni kkontestata. Għalhekk ma huwiex stabbilit li d-dispożizzjoni kkontestata tmur manifestament lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan.

176    Fit-tielet lok, fir-rigward tan-natura proporzjonata tad-dispożizzjoni kkontestata, ir-rikorrenti ssostni li din id-dispożizzjoni għandha konsegwenzi fuq livell finanzjarju u professjonali kif ukoll fuq ir-reputazzjoni tagħha li huma negattivi fit-tul għall-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla kkonċernati.

177    Issa, kif jirriżulta mill-punt 171 iktar ’il fuq, fost il-ħames miżuri elenkati fl-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament 2020/2092, l-inqas restrittiva u l-inqas ta’ tfixkil għall-programmi għaddejjin, fid-dawl tal-għanijiet imfittxija, kien l-obbligu li ma jiġux konklużi impenji legali ġodda. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tal-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament, il-Kunsill ma għandux marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fir-rigward tal-għażla u tal-portata tal-miżuri li jistgħu jiġu adottati skont l-imsemmi regolament, peress li dan l-artikolu jelenka b’mod eżawrjenti l-miżuri li jistgħu jiġu adottati.

178    Barra minn hekk, id-dispożizzjoni kkontestata ma hijiex sproporzjonata peress li l-impatt tagħha fuq l-allokazzjoni globali tal-fondi u fuq id-destinatarji finali jew il-benefiċjarji, li fir-rigward tagħhom l-Ungerija għandha tissodisfa l-obbligi tagħha, huwa limitat, kif tfakkar fil-premessa 62 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506.

179    Għaldaqstant, il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt li wieħed jopera f’suq mingħajr distorsjoni, stabbilit fl-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, moqri flimkien mal-Artikoli 101 sa 108 TFUE

180    Ir-rikorrenti ssostni li d-dispożizzjoni kkontestata tikser l-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, moqri flimkien mal-Artikoli 101 sa 108 TFUE, sa fejn tirrestrinġi d-dritt tagħha li teżerċita l-attivitajiet tagħha f’suq mingħajr distorsjoni u l-kompetizzjoni libera u tippreġudika b’mod sproporzjonat il-pożizzjoni kompetittiva tagħha fil-kuntest ta’ proġetti pendenti jew futuri.

181    Ir-rikorrenti ssostni b’mod partikolari li l-esklużjoni ġenerali tal-universitajiet minn kull finanzjament dirett mill-Unjoni hija ekwivalenti għal mekkaniżmu ta’ għajnuna selettiv peress li l-kompetituri tagħha jistgħu jibbenefikaw mill-finanzjamenti mill-Unjoni li hija issa hija eskluża minnhom, u dan iwassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni. Skont ir-rikorrenti, id-dispożizzjoni kkontestata toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni sa fejn l-esklużjoni mill-finanzjament mill-Unjoni tivvizzja proċess ta’ selezzjoni bbażat fuq il-mertu u mwettaq mill-esperti indipendenti tal-Kummissjoni, teskludi b’mod selettiv lir-rikorrenti mill-benefiċċju tal-għajnuna tal-Unjoni u għandha l-effett li tqiegħed il-fondi allokati lir-rikorrenti għad-dispożizzjoni ta’ universitajiet kompetituri. Barra minn hekk, id-dispożizzjoni kkontestata twassal għal bojkott kollettiv min-naħa tal-universitajiet kompetituri u msieħba.

182    Il‑Kunsill jikkontesta l-ammissibbiltà ta’ dan il-motiv filwaqt li jenfasizza li r-rikorrenti ma tispjegax kif id-dispożizzjoni kkontestata tista’ titqies bħala għajnuna mill-Istat, u lanqas kif hija inkompatibbli mas-suq intern.

183    Fir-rigward tal-fondatezza tal-motiv, il-Kunsill, sostnut mill-Parlament u mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

184    Preliminarjament, fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 ta’ dan l-Istatut u l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża, il-motivi u l-argumenti invokati kif ukoll espożizzjoni fil-qosor ta’ dawn il-motivi.

185    Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura ma jobbligawx lir-rikorrent jiċċita fir-rikors l-artikoli li huwa jinvoka. Huwa biżżejjed li l-fatti, il-motivi u t-talbiet tar-rikorrent ikunu indikati fir-rikors. Għall-kuntrarju, sabiex motiv ikun ammissibbli ma huwiex biżżejjed li tissemma dispożizzjoni tat-Trattat FUE jew tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, skont l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors għandu jinkludi, b’mod partikolari, espożizzjoni fil-qosor tal-motivi invokati. Barra minn hekk, din l-espożizzjoni għandha tkun suffiċjentement ċara u preċiża sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali tagħti deċiżjoni dwar ir-rikors, jekk ikun il-każ mingħajr ebda informazzjoni oħra ta’ sostenn. Bil-għan li jiġu ggarantiti ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, sabiex motiv ikun ammissibbli huwa meħtieġ li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat il-motiv jirriżultaw, minn tal-inqas fil-qosor iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess, u dan sabiex jiġi evitat li l-Qorti Ġenerali tonqos milli tagħti deċiżjoni dwar ilment rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima. Kull motiv li ma jkunx żviluppat b’mod suffiċjenti fir-rikors promotur għandu jitqies li huwa inammissibbli (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Eliġibbiltà u kwalità ta’ membru ta’ partit politiku), C‑814/21, EU:C:2024:963, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

186    F’dan il-każ, il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u tal-Artikoli 101 sa 108 TFUE huwa konformi mal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura sa fejn, minkejja li l-argumenti żviluppati mir-rikorrenti ma humiex partikolarment preċiżi, mis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha jirriżulta li hija ssostni b’mod ċar li d-dispożizzjoni kkontestata tikser id-dritt tagħha li topera f’suq mingħajr distorsjoni sa fejn tirrestrinġi d-dritt tagħha li teżerċita l-attivitajiet tagħha f’suq mingħajr distorsjoni u l-kompetizzjoni libera u tippreġudika b’mod sproporzjonat il-pożizzjoni kompetittiva tagħha fil-proġetti pendenti jew futuri, għall-benefiċċju tal-kompetituri tagħha.

187    Minn dan isegwi li dan il-motiv huwa ammissibbli.

188    Fir-rigward tal-fondatezza tal-motiv, il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, intitolat “Il-libertà ta’ intrapriża”, jipprovdi li l-libertà ta’ intrapriża għandha tiġi rrikonoxxuta konformement mad-dritt tal-Unjoni u mal-leġiżlazzjonijiet u l-prassi nazzjonali.

189    Il-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tinkludi, b’mod partikolari, il-libertà li wieħed jeżerċita attività ekonomika jew kummerċjali kif ukoll il-libertà kuntrattwali u l-kompetizzjoni libera (ara s-sentenzi tat‑22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich, C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑10 ta’ Lulju 2025, INTERZERO et, C‑254/23, EU:C:2025:569, punt 140 u l-ġurisprudenza ċċitata).

190    F’dan il-każ, l-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li d-dispożizzjoni kkontestata tosserva l-kontenut essenzjali tal-libertà ta’ intrapriża. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni ma tipprekludix l-eżerċizzju tad-dritt li wieħed jopera f’suq mingħajr distorsjoni, bħala tali, peress li ma teskludix li t-trusts u l-entitajiet ikkonċernati jistgħu jkomplu jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom ta’ riċerka u ta’ tagħlim bi ħlas fis-suq.

191    Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Anness A.3 tar-rikors, li jikkorrispondi għal “FAQ” tal-Kummissjoni ppubblikat fuq il-portal “Finanzjamenti u sejħiet għal proposti”, l-entitajiet affettwati mid-dispożizzjoni kkontestata, bħalma hija r-rikorrenti, minkejja li ma jistgħux iktar jirċievu fondi tal-Unjoni, jistgħu dejjem jipparteċipaw f’sejħiet għal finanzjament mill-Unjoni, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ konsorzju, bħala sieħeb assoċjat li ma huwiex awtorizzat jirċievi finanzjament mill-Unjoni.

192    It-tieni nett, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka dritt kweżit fiż-żamma ta’ vantaġġi ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni li hija bbenefikat minnhom f’mument partikolari. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tnaqqis temporanju tal-finanzjamenti mill-baġit tal-Unjoni fil-każ ta’ ksur sistematiku tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt ma jistax jitqies li huwa ksur jew restrizzjoni tad-dritt fundamentali tal-libertà ta’ intrapriża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 1979, Eridania-Zuccherifici nazionali u Società italiana per l’industria degli zuccheri, 230/78, EU:C:1979:216, punt 22).

193    It-tielet nett, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tar-rikorrenti li d-dispożizzjoni kkontestata tikser id-dritt li wieħed jopera f’suq mingħajr distorsjoni minħabba li toħloq mekkaniżmu ta’ għajnuna selettiv favur il-kompetituri tagħha huwa bbażat fuq premessa żbaljata. Fil-fatt, id-dispożizzjoni kkontestata ma tistax titqies li hija mekkaniżmu li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107 TFUE peress li tirrigwarda riżorsi tal-Unjoni, u mhux riżorsi tal-Istat, ġestiti direttament jew indirettament mill-Unjoni, mingħajr marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri.

194    Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li d-dispożizzjoni kkontestata twassal għal bojkott kollettiv min-naħa tal-universitajiet kompetituri u msieħba, għandu jitfakkar li l-projbizzjoni li jiġu konklużi impenji legali ma’ trust ta’ interess pubbliku jew ma’ entità miżmuma minnha, imposta mid-dispożizzjoni kkontestata, hija imposta biss fuq il-Kummissjoni meta timplimenta l-baġit tal-Unjoni taħt ġestjoni diretta jew indiretta.

195    Fir-rigward tal-effett eventwali jew potenzjali tal-projbizzjoni li jiġu konklużi impenji legali ma’ trust ta’ interess pubbliku jew ma’ entità miżmuma minnha fuq ir-relazzjonijiet kuntrattwali u l-kollaborazzjonijiet l-oħra tagħha ma’ universitajiet jew ma’ konsorzji oħra, fil-kuntest tal-programmi Erasmus+ u Horizon Europe, ir-rikorrenti ma wrietx, sal-livell ta’ prova meħtieġ, li, minħabba d-dispożizzjoni kkontestata, hija ser tkun eventwalment jew potenzjalment eskluża minn kull ftehim, sejħa għal proposti, konsorzju jew minn kull kollaborazzjoni mill-imsieħba jew kompetituri tagħha. Fil-fatt, mill-Anness A.3 tar-rikors, imsemmi fil-punt 191 iktar ’il fuq, u mill-Anness A.16 tar-rikors dwar ittra mibgħuta mill-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għas-Saħħa u l-Qasam Diġitali (HADEA) lill-koordinatur tal-konsorzju għall-“Grupp ta’ proġett għall-ekonomija l-ġdida u għat-teknoloġija blockchain” jirriżulta li r-rikorrenti tista’ tkompli tipparteċipa f’konsorzji u ma jidhirx li ġiet eskluża mill-imsieħba tagħha mis-sħubijiet kollha li hija kienet assoċjata magħhom qabel u lanqas mis-sħubijiet futuri kollha.

196    Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li d-dispożizzjoni kkontestata jista’ jkollha riperkussjonijiet indiretti fuq ir-relazzjonijiet tar-rikorrenti ma’ universitajiet jew ma’ konsorzji oħra, għandu jiġi kkonstatat li hija tissodisfa għan ta’ interess ġenerali, kif tfakkar iktar ’il fuq, u hija proporzjonata ma’ dan tal-aħħar.

197    Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li d-dispożizzjoni kkontestata twassal għal bojkott kollettiv għandu jiġi miċħud.

198    Il-ħames nett, fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-libertà ta’ intrapriża tista’ tkun suġġetta għal firxa wiesgħa ta’ interventi mill-awtoritajiet pubbliċi li jistgħu jistabbilixxu, fl-interess ġenerali, limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tal-attività ekonomika. Din iċ-ċirkustanza hija b’mod partikolari riflessa fil-mod kif għandha tiġi evalwata l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, kif ukoll il-leġiżlazzjoni u l-prassi nazzjonali, fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2025, INTERZERO et, C‑254/23, EU:C:2025:569, punt 141 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

199    Għaldaqstant, anki jekk jitqies li d-dispożizzjoni kkontestata għandha titqies bħala restrizzjoni għal-libertà ta’ intrapriża, din hija, kif diġà ġie kkonstatat iktar ’il fuq, prevista mil-liġi, iġġustifikata u proporzjonata fid-dawl tal-għan ta’ interess ġenerali kkostitwit mill-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni kontra l-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt skont ir-Regolament 2020/2092.

200    Fi kwalunkwe każ, kif sostna ġustament il-Kunsill, l-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri skont ir-Regolament 2020/2092 ma tippreġudikax il-kompetizzjoni libera fis-settur tal-edukazzjoni ogħla. Fil-fatt, l-esklużjoni temporanja ta’ atturi mill-finanzjament u mill-programmi tal-Unjoni, li, minħabba l-eżistenza tar-riskju sistemiku ta’ kunflitti ta’ interess, jippreżentaw riskju reali f’dak li jirrigwarda l-użu regolari u legali tal-fondi tal-Unjoni, għall-kuntrarju ssaħħaħ kompetizzjoni libera sa fejn tippermetti li jiġi żgurat li kulħadd josserva l-istess regoli, u b’mod partikolari l-prinċipji tal-Istat tad-dritt.

201    Minn dan isegwi li d-dispożizzjoni kkontestata ma tillimitax id-dritt li wieħed jopera f’suq mingħajr distorsjoni, stabbilit fl-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, moqri flimkien mal-Artikoli 101 sa 108 TFUE.

202    Għaldaqstant, il-motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt li wieħed jopera f’suq mingħajr distorsjoni, stabbilit fl-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, moqri flimkien mal-Artikoli 101 sa 108 TFUE, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-preżunzjoni ta’ innoċenza u tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni

203    Ir-rikorrenti ssostni li d-dispożizzjoni kkontestata tiddiskrimina kontra l-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla Ungeriżi miżmuma minn trust ta’ interess pubbliku, fosthom hija stess, meta mqabbla ma’ stabbilimenti oħra ta’ edukazzjoni ogħla Ungeriżi li joperaw taħt forma legali differenti, ma’ stabbilimenti oħra ta’ edukazzjoni ogħla ta’ Stati Membri oħra u ma’ msieħba oħra tal-konsorzju li hija tagħmel parti minnu.

204    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li d-dispożizzjoni kkontestata tikser il-preżunzjoni ta’ innoċenza stabbilita fl-Artikolu 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

205    Il‑Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta dawn l-argumenti.

206    L-ewwel nett, fir-rigward tal-ksur tal-preżunzjoni ta’ innoċenza, għandu jitfakkar li l-Artikolu 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, intitolat “Il-preżunzjoni ta’ innoċenza u dritt għad-difiża”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li kull imputat għandu jiġi preżunt innoċenti sakemm jinstab ħati skont il-liġi.

207    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għan tar-Regolament 2020/2092 kien li jipproteġi l-baġit tal-Unjoni kontra ksur li jirriżulta b’mod suffiċjentement dirett minn ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fi Stat Membru, u mhux li jissanzjona tali ksur (sentenzi tas‑16 ta’ Frar 2022, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑156/21, EU:C:2022:97, punt 119, u tas‑16 ta’ Frar 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑157/21, EU:C:2022:98, punt 137).

208    Issa, f’dan il-każ, ebda element tal-proċess ma jindika li l-Kummissjoni allegat li r-rikorrenti kienet involuta fil-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, pereżempju, fil-każ ta’ korruzzjoni, ta’ frodi sistemika jew ta’ kunflitti ta’ interessi konkreti, jew li l-miżuri adottati kienu eskludew lir-rikorrenti minn finanzjament b’għan prinċipalment punittiv.

209    Għaldaqstant, peress li bħala tali d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506 ma timponi ebda sanzjoni, hija ma tistax titqies bħala akkuża fil-qasam kriminali (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 8 ta’ Ġunju 1976, Engel et vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi, CE:ECHR:1976:0608JUD000510071, punt 82, u Qorti EDB, 12 ta’ Mejju 2017, Simeonovi vs Il‑Bulgarija, CE:ECHR:2017:0512JUD002198004, punt 110).

210    Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-preżunzjoni ta’ innoċenza għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

211    It-tieni nett, fir-rigward tal-ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat. Differenza fit-trattament tkun iġġustifikata meta tkun ibbażata fuq kriterju oġġettiv u raġonevoli, jiġifieri meta tkun marbuta ma’ għan legalment ammissibbli mfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, u meta din id-differenza tkun proporzjonata mal-għan imfittex mit-trattament ikkonċernat (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Frar 2021, Fussl Modestraße Mayr, C‑555/19, EU:C:2021:89, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata).

212    In-natura paragunabbli ta’ sitwazzjonijiet differenti għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom. Dawn l-elementi għandhom, b’mod partikolari, jiġu ddeterminati u evalwati fid-dawl tas-suġġett u tal-għan tal-att li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li fih jaqa’ dan l-att (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Frar 2021, Fussl Modestraße Mayr, C‑555/19, EU:C:2021:89, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata).

213    Peress li r-rikorrenti invokat ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, huwa l-kompitu tagħha li tidentifika bi preċiżjoni s-sitwazzjonijiet paragunabbli li hija tqis li ġew ittrattati b’mod differenti jew is-sitwazzjonijiet differenti li hija tqis li ġew ittrattati b’mod identiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ April 2013, Du Pont de Nemours (France) et vs Il‑Kummissjoni, T‑31/07, mhux ippubblikata, EU:T:2013:167, punt 311).

214    F’dan il-każ, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li hija żvantaġġata meta mqabbla mal-istabbilimenti pubbliċi ta’ edukazzjoni ogħla Ungeriżi li ma humiex miżmuma minn trust ta’ interess pubbliku, minħabba l-fatt li dawn ma humiex koperti mid-dispożizzjoni kkontestata.

215    F’dan ir-rigward, mill-premessi 11, 13, 29 u 43 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506 jirriżulta li l-qafas regolatorju Ungeriż ma jipprekludix lill-uffiċjali f’pożizzjonijiet għolja u lill-uffiċjali politiċi f’pożizzjonijiet għolja milli jpoġġu fuq il-bordijiet tat-tmexxija tal-fondazzjonijiet li jiġġestixxu assi ta’ interess pubbliku.

216    Hija b’mod partikolari din il-karatteristika partikolari, speċifika għal-leġiżlazzjoni applikabbli għat-trusts ta’ interess pubbliku u għall-entitajiet miżmuma minnhom, li serviet bħala bażi għall-adozzjoni tad-dispożizzjoni kkontestata.

217    Issa, ir-rikorrenti ma wrietx li l-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla Ungeriżi miżmuma minn trust ta’ interess pubbliku kienu jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla Ungeriżi miżmuma mill-Istat jew li joperaw taħt forma legali differenti.

218    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla Ungeriżi miżmuma minn trust ta’ interess pubbliku, li hija tagħmel parti minnhom, huma ddiskriminati meta mqabbla mal-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla ta’ Stati Membri oħra u mal-imsieħba tal-konsorzju li hija tagħmel parti minnu, għandu jiġi kkonstatat li hija ma wrietx li l-possibbiltà għall-uffiċjali f’pożizzjonijiet għolja u għall-uffiċjali politiċi f’pożizzjonijiet għolja li jpoġġu fuq il-bordijiet tat-tmexxija tal-fondazzjonijiet li jiġġestixxu assi ta’ interess pubbliku kienet teżisti wkoll f’dak li jirrigwarda l-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla ta’ Stati Membri oħra u l-imsieħba tal-konsorzju, li hija tagħmel parti minnu.

219    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma wrietx li l-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla Ungeriżi miżmuma minn trust ta’ interess pubbliku, fosthom hija stess, kienu jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla ta’ Stati Membri oħra u tal-imsieħba tal-konsorzju, li hija tagħmel parti minnu.

220    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità diretta kontra r-Regolament 2020/2092

221    Ir-rikorrenti tqajjem, sussidjarjament, eċċezzjoni ta’ illegalità tar-Regolament 2020/2092 fil-każ li dan jiġi interpretat bħala li jawtorizza miżuri li jirrigwardaw kategorija speċifika ta’ persuni, mingħajr ma jipprevedi l-possibbiltà ta’ eżenzjonijiet individwali. Hija targumenta li l-assenza ta’ eżenzjonijiet individwali f’dan ir-regolament tikser il-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, il-preżunzjoni ta’ innoċenza u d-drittijiet tad-difiża.

222    Il‑Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni u mill-Parlament, jikkontesta dawn l-argumenti.

223    Skont l-Artikolu 277 TFUE, kull parti tista’, fil-kuntest ta’ kawża li ddaħħal inkwistjoni att ta’ portata ġenerali adottat minn istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni, tinvoka motivi previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE sabiex tinvoka quddiem il-qorti tal-tal-Unjoni l-inapplikabbiltà ta’ dan l-att.

224    L-Artikolu 277 TFUE jikkostitwixxi l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali li jiżgura lil kull parti d-dritt li tikkontesta, b’mod inċidentali, sabiex tikseb l-annullament ta’ deċiżjoni indirizzata lilha, il-validità tal-atti ta’ portata ġenerali li jifformaw il-bażi ta’ tali deċiżjoni (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023, Il‑Kummissjoni vs Calhau Correia de Paiva, C‑511/21 P, EU:C:2023:208, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, peress li l-Artikolu 277 TFUE ma għandux l-għan li jippermetti lil parti tikkontesta l-applikabbiltà ta’ kwalunkwe att ta’ portata ġenerali insostenn ta’ kwalunkwe rikors, l-att ġenerali li l-illegalità tiegħu titqajjem għandu jkun applikabbli, direttament jew indirettament, għall-każ li jkun is-suġġett tar-rikors (ara s-sentenzi tas‑16 ta’ Marzu 2023, Il‑Kummissjoni vs Calhau Correia de Paiva, C‑511/21 P, EU:C:2023:208, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑16 ta’ Ġunju 2021, Krajowa Izba Gospodarcza Chłodnictwa i Klimatyzacji vs Il‑Kummissjoni, T‑126/19, EU:T:2021:360, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat kontra deċiżjoni, jistgħu jkunu b’mod validu s-suġġett ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità d-dispożizzjonijiet ta’ att ta’ portata ġenerali li jikkostitwixxu l-bażi ta’ din id-deċiżjoni jew li jkollhom rabta legali diretta ma’ tali deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023, Il‑Kummissjoni vs Calhau Correia de Paiva, C‑511/21 P, EU:C:2023:208, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

225    Skont il-ġurisprudenza, mill-Artikolu 5(1) tar-Regolament 2020/2092 jirriżulta li dan jipprevedi b’mod eżawrjenti l-“miżuri xierqa” li jistgħu jiġu adottati u li huma kollha relatati mal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni (sentenzi tas‑16 ta’ Frar 2022, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑156/21, EU:C:2022:97, punt 135, u tas‑16 ta’ Frar 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑157/21, EU:C:2022:98, punt 153).

226    Skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament 2020/2092, li jikkostitwixxi l-bażi legali tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506, il-miżuri xierqa li għandhom jiġu adottati jikkonsistu, essenzjalment, f’sospensjonijiet ta’ pagamenti, ta’ implimentazzjoni ta’ impenji legali, ta’ żborż ta’ pagamenti, ta’ benefiċċji ekonomiċi li jirriżultaw minn strumenti ggarantiti, ta’ approvazzjoni ta’ programmi jew ta’ impenji, f’xoljiment ta’ impenji legali, fi projbizzjonijiet li jiġu konklużi impenji legali ġodda jew li jiġu konklużi ftehimiet ġodda, f’rimborsi antiċipati ta’ self iggarantit, fi tnaqqis ta’ vantaġġi ekonomiċi li jirriżultaw minn strumenti ggarantiti, ta’ impenji jew ta’ prefinanzjamenti u f’interruzzjonijiet ta’ termini għall-ħlas.

227    Barra minn hekk, kif indikat fil-punt 156 iktar ’il fuq, mill-Artikolu 5(3) tar-Regolament 2020/2092 jirriżulta li l-miżuri xierqa għandhom ikunu proporzjonati, jiġifieri għandhom ikunu limitati għal dak li huwa strettament neċessarju fid-dawl tal-impatt reali jew potenzjali ta’ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fuq il-ġestjoni finanzjarja tal-baġit tal-Unjoni jew fuq l-interessi finanzjarji tagħha. Barra minn hekk, in-natura, it-tul, il-gravità u l-portata tal-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt għandhom jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni. Minn dan jirriżulta li l-miżuri adottati għandhom ikunu strettament proporzjonali mal-effett tal-ksur ikkonstatat tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fuq il-baġit tal-Unjoni jew fuq il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha.

228    F’dan il-kuntest, ir-Regolament 2020/2092 jippermetti lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi leġittimi tal-entitajiet ikkonċernati, meta jeżerċitaw is-setgħa diskrezzjonali tagħhom fil-kuntest tal-adozzjoni tal-miżuri neċessarji u meta jwettqu l-analiżi tal-proporzjonalità tagħhom. Għalhekk, filwaqt li dan ir-regolament jiddefinixxi b’mod eżawrjenti t-tip ta’ “miżuri xierqa” li jistgħu jiġu adottati mill-Kunsill, huwa ma jeskludix li jistgħu jiġu previsti eżenzjonijiet individwali jew kategoriċi fil-kuntest ta’ dawn il-miżuri.

229    Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tiġi miċħuda bħala infondata u, għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

230    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kunsill, konformement mat-talbiet ta’ dan tal-aħħar, bl-eċċezzjoni ta’ dawk sostnuti fil-kuntest tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà miċħuda permezz tad-digriet tal‑4 ta’ April 2024, Állatorvostudományi Egyetem vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (T‑133/23, mhux ippubblikat, EU:T:2024:212), li għandhom jiġu sostnuti mill-Kunsill.

231    Konformement mal-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Ungerija, il-Parlament u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom stess.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Awla Intermedja),

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Állatorvostudományi Egyetem hija kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, bl-eċċezzjoni ta’ dawk sostnuti fil-kuntest tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà miċħuda permezz tad-digriet tal‑4 ta’ April 2024, Állatorvostudományi Egyetem vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (T‑133/23, mhux ippubblikat, EU:T:2024:212), li għandhom jiġu sostnuti mill-Kunsill.

3)      L‑Ungerija, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom stess.

Papasavvas

Costeira

Truchot

Schwarcz

Kancheva

Öberg

Zilgalvis

Tichy-Fisslberger

Verschuur

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑30 ta’ Settembru 2026.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.