European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/3570

6.7.2026

RAPPORT TAL-ATTIVITÀ TAL-KUMITAT TA’ SORVELJANZA TAL-OLAF — 2025

(C/2026/3570)

Il-membri tal-Kumitat

Is-Sa Marita SALGRĀVE

President tal-Kumitat ta’ Sorveljanza (mis-17 ta’ Ottubru 2025)

Membru tal-Kumitat mit-23 ta’ Settembru 2022

Maniġer Superjuri, INTOSAI IDI, (INTOSAI, International Organisation of Supreme Audit Institutions, IDI, INTOSAI Development Initiative), Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar

Eks Membru tal-Kunsill u Direttur tal-Awditjar, Istituzzjoni Suprema tal-Awditjar, il-Latvja

Is-Sur Dušan STERLE

Membru tal-Kumitat mit-28 ta’ Marzu 2022

Ministru Kunsillier fir-Rappreżentanza Permanenti tar-Repubblika tas-Slovenja għall-Unjoni Ewropea, Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej tar-Repubblika tas-Slovenja

Eks Direttur tal-Uffiċċju għas-Superviżjoni tal-Baġit tar-Repubblika tas-Slovenja

Is-Sur Angelo Maria QUAGLINI

Membru tal-Kumitat mit-23 ta’ Settembru 2022

Imħallef tal-Qorti tal-Awdituri, l-Italja

Is-Sa Maria STYLIANIDI

Membru tal-Kumitat mis-6 ta’ Mejju 2025

Avukat u Assistent Professur fl-Università ta’ Frederick, Ċipru

Is-Sur Andrei-Atila-Luca CHENDI

Membru tal-Kumitat mill-1 ta’ Ottubru 2025

Eks Direttur tal-Kontroll tad-Direzzjoni (id-Dipartiment tal-Ġlieda Kontra l-Frodi), ir-Rumanija

Is-Sa Teresa ANJINHO

Membru tal-Kumitat mit-23 ta’ Settembru 2022 sas-7 ta’ Frar 2025

Ombudsman Ewropew, Strażburgu, Franza

Daħla

Fl-2025, il-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF, European Anti-Fraud Office) kompla jwettaq il-ħidma tiegħu f’konformità mal-prijoritajiet stabbiliti fir-Regolament dwar l-OLAF (ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013) u mal-prattiki ta’ ħidma stabbiliti tiegħu. Fit-tieni nofs tas-sena, b’mod partikolari, l-attivitajiet tal-Kumitat kienu msawra wkoll mill-White Paper tal-Kummissjoni Ewropea għar-Rieżami tal-Arkitettura Ewropea Kontra l-Frodi, li varat riflessjoni usa’ dwar il-futur tal-arkitettura tal-UE kontra l-frodi.

Bħala wieħed mill-atturi f’din l-arkitettura, il-Kumitat segwa din id-diskussjoni li qed tevolvi b’mod attiv u kkontribwixxa għaliha. Il-Kumitat iqis li din l-inizjattiva hija partikolarment importanti, peress li l-frodi u l-korruzzjoni jimminaw il-fiduċja pubblika, ifixklu l-kompetizzjoni ġusta u jdgħajfu l-pedamenti finanzjarji tal-UE. It-tisħiħ tal-qafas legali u l-immodernizzar tal-mod kif topera s-sistema kontra l-frodi jippermettu lill-UE tibqa’ pass ’il quddiem mir-riskji ta’ frodi dejjem aktar sofistikati, filwaqt li jappoġġa ulterjorment l-impatt tal-OLAF u r-rwol tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tiegħu.

—

Wieħed mill-kontributi ewlenin tal-Kumitat għar-rieżami tal-arkitettura tal-UE kontra l-frodi, u punt fokali ċentrali tal-ħidma tiegħu fl-2025, kien valutazzjoni komprensiva u indipendenti tal-applikazzjoni u tal-impatt tar-Regolament dwar l-OLAF. L-opinjoni tal-Kumitat dwar din il-kwistjoni, bħall-ħidma kollha tiegħu, hija msejsa sew fuq l-evidenza. Il-Kumitat ħadem biex jifhem kif is-sistema kienet qed taħdem fir-realtà billi eżamina l-fajls tal-każijiet u l-prattika investigattiva tal-OLAF. Meta tfaċċaw sfidi sistemiċi, il-Kumitat ħares lil hinn mill-każijiet individwali biex jidentifika l-kawżi sottostanti għalihom. Dan l-approċċ jiżgura li r-rakkomandazzjonijiet tiegħu jindirizzaw il-kawżi ewlenin u jipprovdu gwida sinifikanti għat-tisħiħ tal-qafas tal-UE kontra l-frodi.

—

Il-Kumitat issuġġerixxa titjib fil-qafas legali u fil-prattiki operazzjonali minn tliet perspettivi ewlenin: (i) il-limiti tal-investigazzjonijiet tal-OLAF, inkluż il-mandat u l-indipendenza tiegħu; (ii) it-twettiq tal-investigazzjonijiet, inkluż id-durata tagħhom, il-garanziji proċedurali u l-kooperazzjoni ma’ atturi oħra fi ħdan l-arkitettura kontra l-frodi; u (iii) l-effettività u l-valur miżjud tar-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF.

—

Fl-2025, il-Kumitat iffoka wkoll fuq aspett kritiku ieħor tal-qafas ta’ kooperazzjoni: id-dmir tal-OLAF li jirrapporta kondotta kriminali suspettata lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE). L-analiżi eżaminat kif l-OLAF jiġbor u jivvaluta l-informazzjoni rilevanti qabel ma jiddeċiedi jekk għandux jirrapporta każ, u jekk tali deċiżjonijiet humiex meħuda b’mod indipendenti, mingħajr dewmien żejjed, u f’konformità sħiħa mal-qafas legali applikabbli. L-analiżi tal-Kumitat bħalissa qed tiġi ffinalizzata u se tiġi ppreżentata f’opinjoni ddedikata li l-Kumitat għandu l-ħsieb li jadotta fl-ewwel nofs tal-2026.

—

Barra minn hekk, fl-2025, u f’konformità mal-prattika annwali tiegħu u mar-Regolament dwar l-OLAF, il-Kumitat eżamina l-abbozz preliminari tal-baġit (ABP) tal-OLAF għall-2026 u adotta opinjoni korrispondenti. Il-Kumitat ikkunsidra li l-ABP tal-2026 tal-OLAF ipprovda bażi soda biex l-Uffiċċju jkun jista’ jwettaq il-mandat u l-kompiti tiegħu skont ir-Regolament dwar l-OLAF. Fl-istess ħin, il-Kumitat enfasizza li kwalunkwe tnaqqis ulterjuri fir-riżorsi umani tal-OLAF għandu jkun soġġett għal evalwazzjoni bir-reqqa u attenta tal-impatt potenzjali tiegħu fuq il-prestazzjoni tal-OLAF u l-kapaċità tiegħu li jwettaq il-funzjonijiet ewlenin tiegħu. Il-Kumitat enfasizza wkoll l-importanza tal-iżvilupp u l-użu ta’ għodod tal-intelliġenza artifiċjali biex jiżdiedu l-identifikazzjoni u l-prevenzjoni tal-frodi, filwaqt li nnota li jkun meħtieġ investiment addizzjonali fl-infrastruttura tal-IT u fl-għarfien espert speċjalizzat biex jiġu appoġġati dawn l-isforzi.

—

Id-durata tal-investigazzjonijiet tibqa’ indikatur importanti tal-effettività tal-azzjoni tal-OLAF. Fl-2025, il-Kumitat kompla bil-monitoraġġ mill-qrib tiegħu tal-iskedi ta’ żmien tal-investigazzjonijiet, b’fokus partikolari fuq każijiet li damu aktar minn 36 xahar. Il-Kumitat eżamina jekk l-interruzzjonijiet fl-attività investigattiva kinux ġustifikati, jekk l-investigazzjonijiet twal ingħatawx prijorità suffiċjenti biex jitlestew, u jekk id-durata ġenerali ta’ kull każ kinitx proporzjonata għall-kumplessità tiegħu. Aktar dettalji dwar is-sejbiet tal-Kumitat huma pprovduti f’dan ir-rapport.

—

Aspett importanti ieħor tal-ħidma tal-Kumitat fl-2025 kien valutazzjoni fil-fond tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet maħruġa lill-OLAF permezz tal-opinjonijiet tal-Kumitat bejn l-2021 u l-2024. Il-Kumitat sab li 58 % tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu ġew implimentati b’suċċess, 17 % ġew implimentati parzjalment, u 15 % ma baqgħux applikabbli minħabba bidla fiċ-ċirkostanzi. Fl-10 % tal-każijiet li kien fadal, il-Kumitat ikkunsidra li kienu għadhom meħtieġa passi ulterjuri mill-OLAF.

—

Il-kwistjonijiet pendenti huma prinċipalment relatati mat-tisħiħ tal-kapaċità tal-OLAF li jimmaniġġa d-durata tal-investigazzjonijiet b’mod effettiv, il-kjarifika tal-ambitu tal-investigazzjonijiet, u l-iżvilupp ulterjuri tal-kooperazzjoni bejn l-OLAF u l-UPPE. Fl-istess ħin, il-Kumitat jirrikonoxxi li huma mistennija żviluppi importanti fil-kuntest tar-rieżami li għaddej tal-arkitettura tal-UE kontra l-frodi. Aktar dettalji dwar is-sejbiet tal-Kumitat huma pprovduti f’dan ir-rapport.

Għal parti mill-2025, il-Kumitat ħadem b’kompożizzjoni iżgħar wara r-riżenja tas-Sa Anjinho fi Frar 2025 u r-riżenja preċedenti tas-Sur Cretin f’Lulju 2024. Minkejja dan in-nuqqas temporanju ta’ membri, il-Kumitat kompla jwettaq ir- responsabbiltajiet tiegħu. Il-Kumitat reġa’ kiseb il-kompożizzjoni sħiħa tiegħu ta’ ħames membri bil-ħatra tas-Sa Stylianidi f’Mejju 2025 u tas-Sur Chendi f’Ottubru 2025.

Bħala rimarka finali, f’isem il-membri tal-Kumitat, nixtieq nirringrazzja lid-Direttur Ġenerali tal-OLAF għall-approċċ miftuħ u kostruttiv tiegħu fil-komunikazzjoni tal-Kumitat mal-OLAF. Il-Kumitat jixtieq ukoll jesprimi l-apprezzament tiegħu lill-aġent Direttur Ġenerali għall-kooperazzjoni tagħha wara t-tluq tal-eks Direttur Ġenerali. Fl-aħħar nett, nixtieq nirrikonoxxi l-appoġġ siewi pprovdut mis-Segretarjat, taħt it-tmexxija tal-aġent Kap tiegħu, li l-professjonaliżmu u d-dedikazzjoni tiegħu kkontribwew ħafna għall-ħidma tal-Kumitat. Il-Kumitat japprezza wkoll il-kooperazzjoni kostruttiva tas-sħab istituzzjonali tiegħu fl-arkitettura tal-UE kontra l-frodi, peress li l-protezzjoni effettiva tal-interessi finanzjarji tal-UE fl-aħħar mill-aħħar tiddependi fuq is-saħħa kollettiva tas-sistema kollha.

Marita Salgrāve

President tal-Kumitat ta’ Sorveljanza

Werrej

Daħla 2
Werrej 6

1.

Dwar il-Kumitat 5

2.

Attivitajiet ta’ monitoraġġ 6

2.1.

L-Opinjoni tal-Kumitat ta’ Sorveljanza 1/2025 dwar l-investigazzjonijiet interni ta’ fastidju fl-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-UE (IBOAs, Institutions, Bodies, Offices and Agencies) 6

2.2.

L-Opinjoni 2/2025 dwar l-abbozz preliminari tal-baġit tal-OLAF għall-2026 7

2.3.

Abbozz ta’ opinjoni li jakkumpanja r-Rapport ta’ Evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-Regolament dwar l-OLAF 8

2.4.

Il-monitoraġġ tad-dmir tal-OLAF li jirrapporta kondotta kriminali lill-UPPE 9

2.5.

Monitoraġġ tad-durata tal-investigazzjonijiet tal-OLAF 10

2.5.1.

Rapporti ta’ investigazzjonijiet li damu aktar minn 12-il xahar riċevuti mill-Kumitat fl-2025 11

2.5.2.

Investigazzjonijiet tal-OLAF li damu aktar minn 36 xahar fl-2025 13

2.6.

Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni mill-OLAF tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta’ Sorveljanza 17

2.7.

Monitoraġġ tal-ilmenti individwali sottomessi lill-OLAF 19

3.

Kooperazzjoni 19

3.1.

Kooperazzjoni mal-OLAF 19

3.2.

Relazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati 20

4.

Amministrazzjoni u riżorsi 21

4.1.

Il-metodi ta’ ħidma tal-Kumitat ta’ Sorveljanza 21

4.2.

Is-Segretarjat 21

4.3.

Kwistjonijiet baġitarji 22

1.   Dwar il-Kumitat

1.

Il-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) (“il-Kumitat”) huwa korp indipendenti stabbilit bir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 (1) (ir-“Regolament dwar l-OLAF”) sabiex isaħħaħ u jiggarantixxi l-indipendenza tal-OLAF billi jimmonitorja regolarment l-implimentazzjoni tal-funzjoni investigattiva tal-OLAF.

2.

Il-Kumitat huwa magħmul minn ħames esperti indipendenti u esterni (“il-membri”), li jinħatru għal 5 snin (2) bil-qbil komuni tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni Ewropea. Il-membri jwettqu r-rwol tagħhom f’indipendenza sħiħa u la jistgħu jitolbu u lanqas jieħdu struzzjonijiet mingħand kwalunkwe gvern jew istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija tal-UE. Il-kariga tal-membri tal-Kumitat ma hijiex permanenti, u Segretarjat ipprovdut mill-Kummissjoni jappoġġa l-ħidma tagħhom. Is-Segretarjat jaħdem fuq bażi permanenti taħt l-awtorità diretta tal-Kumitat, indipendentement mill-Kummissjoni, mill-OLAF jew minn kwalunkwe korp ieħor. Is-Segretarjat għandu rwol ewlieni f’li jiffaċilita l-kompiti ta’ monitoraġġ tal-Kumitat u li jikkontribwixxi għalihom.

3.

Minħabba n-natura tal-investigazzjonijiet tal-OLAF, ma huwa possibbli li jsir l-ebda rikors fil-qrati tal-UE kontra deċiżjoni li tinfetaħ jew li tingħalaq investigazzjoni meħuda mid-Direttur Ġenerali tal-OLAF (3). Dan ifisser li, flimkien mal-Kontrollur tal-garanziji proċedurali (li jittratta l-ilmenti kontra l-OLAF għan-nuqqas ta’ konformità mal-garanziji proċedurali u mar-regoli applikabbli għall-investigazzjonijiet) (4), il-Kumitat għandu rwol kruċjali bħala korp indipendenti fdat bis-superviżjoni u bl-iskrutinju tal-mod kif l-OLAF iwettaq l-investigazzjonijiet tiegħu. Dan ipoġġi lill-Kumitat f’pożizzjoni privileġġata, peress li jipprovdi lill-istituzzjonijiet tal-UE b’informazzjoni intuwittiva dwar il-funzjonament tal-OLAF u jipprovdi garanzija li l-OLAF ikun qed jaġixxi fil-limiti tal-legalità u f’konformità mal-garanziji proċedurali applikabbli.

4.

Skont ir-Regolament dwar l-OLAF, il-Kumitat huwa fdat bi rwol triplu: (i) il-monitoraġġ regolari tal-funzjoni investigattiva tal-OLAF; (ii) li jassisti lid-Direttur Ġenerali tal-OLAF fit-twettiq tar-responsabbiltajiet tiegħu; u (iii) li jirraporta quddiem l-istituzzjonijiet tal-UE.

5.

B’mod partikolari, billi jimmonitorja regolarment l-investigazzjonijiet tal-OLAF, il-Kumitat ifittex li jiżgura li:

(i)

ma jkun hemm l-ebda interferenza esterna fil-funzjoni investigattiva tal-OLAF;

(ii)

id-deċiżjonijiet rilevanti kollha tad-Direttur Ġenerali jiġu adottati skont il-prinċipji tal-legalità u l-imparzjalità u jikkonformaw mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (5) u l-garanziji proċedurali kif stabbilit fir-Regolament dwar l-OLAF.

6.

Il-ħidma tal-Kumitat tinkludi l-indirizzar ta’ opinjonijiet lid-Direttur Ġenerali tal-OLAF u, fejn xieraq, rakkomandazzjonijiet dwar il-ħidma investigattiva tal-OLAF, id-durata tal-investigazzjonijiet tiegħu, u r-riżorsi meħtieġa mill-OLAF biex iwettaq dawk l-investigazzjonijiet. Il-Kumitat jifformula wkoll osservazzjonijiet (6) dwar l-abbozz tal-Linji Gwida tal-OLAF dwar il-Proċeduri ta’ Investigazzjoni (“GIPs”, Guidelines on Investigation Procedures) (7). Meta joħroġ l-opinjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu, il-Kumitat qatt ma jinterferixxi mat-twettiq tal-investigazzjonijiet tal-OLAF li jkunu għaddejjin.

2.   Attivitajiet ta’ monitoraġġ

7.

Matul is-sena ta’ rappurtar, il-Kumitat indirizza żewġ opinjonijiet lid-Direttur Ġenerali tal-OLAF, skont l-Artikolu 15 tar-Regolament tal-OLAF, jiġifieri, l-Opinjoni 1/2025 (8), ippubblikata fis-6 ta’ Frar 2025, u l-Opinjoni 2/2025 (9), ippubblikata fit-2 ta’ Ġunju 2025 (10). Dawn ippreżentaw għadd ta’ rakkomandazzjonijiet. Il-Kumitat kompla jimmonitorja d-durata tal-investigazzjonijiet tal-OLAF u l-applikazzjoni ta’ garanziji proċedurali. Fil-perjodu ta’ rappurtar, il-Kumitat wettaq ukoll valutazzjoni komprensiva tal-livell ta’ implimentazzjoni mill-OLAF tar-rakkomandazzjonijiet diġà maħruġa minnu.

8.

Minbarra l-eżerċizzji ta’ monitoraġġ u l-opinjonijiet imsemmija hawn fuq ippubblikati fl-2025, matul is-sena ta’ rappurtar, il-Kumitat approva abbozz ta’ opinjoni li ġiet ippubblikata fil-21 ta’ Jannar 2026 (Opinjoni 1/2026) (11). Il-Kumitat ħadem ukoll fuq opinjoni oħra skedata biex tiġi adottata u ppubblikata fl-ewwel nofs tal-2026.

2.1.    L-Opinjoni tal-Kumitat ta’ Sorveljanza 1/2025 dwar l-investigazzjonijiet interni ta’ fastidju fl-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-UE (IBOAs, Institutions, Bodies, Offices and Agencies)

9.

Fl-2022, id-Direttur Ġenerali tal-OLAF informa lill-Kumitat ta’ Sorveljanza dwar ċerti diffikultajiet li l-OLAF kien qiegħed jiltaqa’ magħhom f’għadd ta’ każijiet relatati ma’ investigazzjonijiet interni ta’ fastidju li jistgħu jipperikolaw l-indipendenza tiegħu.

10.

Wara l-informazzjoni li rċieva, il-Kumitat iddeċieda li joħroġ opinjoni li tiċċara r-rwol u s-setgħat tal-OLAF fl-investigazzjoni ta’ mġiba mhux xierqa u fastidju fl-IBOAs. F’dan il-kuntest, il-Kumitat eżamina l-valur miżjud li investigazzjonijiet bħal dawn ġabu fil-ġlieda kontra l-fastidju u mġiba ħażina simili mill-uffiċjali tal-UE u mill-membri tal-IBOAs. L-analiżi kienet tikkonċerna kampjun ta’ 29 każ tal-OLAF (9 investigazzjonijiet magħluqa u 20 każ miċħud) imwettqa bejn l-2018 u l-2023.

11.

F’Diċembru 2024, il-Kumitat approva l-abbozz ta’ Opinjoni tiegħu li ġiet adottata formalment u ppubblikata f’Jannar 2025. Fir-rapport annwali tal-2024, il-Kumitat ipprovda analiżi fil-fond tal-kontenut ewlieni tal-Opinjoni. Is-sejbiet ewlenin huma miġbura aktar fil-qosor hawn taħt.

12.

Il-Kumitat osserva li, wara s-sentenza Dalli (12), ġie stabbilit li l-OLAF huwa kompetenti biex iwettaq investigazzjonijiet interni dwar kwistjonijiet serji relatati mat-twettiq mill-persunal u mill-membri tal-IBOAs tad-dmirijiet professjonali tagħhom, irrispettivament mill-impatt finanzjarju, abbażi tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament tal-OLAF.

13.

Ir-rieżami tal-każijiet indika li l-OLAF tipikament ma jinvestigax fatti li jinvolvu uffiċjali jew maniġment medju jekk l-IBOA tkun tista’ twettaq inkjesta effettiva hija stess, u jagħżel minflok li jgħaddi l-kwistjoni lilha skont l-Artikolu 5(6). Madankollu, l-OLAF jinvestiga allegazzjonijiet kontra persunal ta’ livell għoli jew membri tal-IBOAs biex tiġi żgurata l-indipendenza. Il-Kumitat sab li l-mod kif l-OLAF jittratta l-ilmenti ta’ fastidju huwa allinjat mal-mandat tiegħu, u joffri imparzjalità miżjuda għal każijiet li jinvolvu uffiċjali għoljin. L-investigazzjonijiet interni tal-IBOAs jistgħu ma jkunux oġġettivi jew ma jkollhomx biżżejjed riżorsi u jistgħu joħolqu riskji għar-reputazzjoni.

14.

Għalkemm il-biċċa l-kbira tal-IBOAs ikkoperaw mal-OLAF, żewġ każijiet iltaqgħu ma’ reżistenza li dewmet l-investigazzjonijiet. Il-Kumitat enfasizza li, ladarba l-OLAF jiftaħ investigazzjoni, l-IBOAs iridu jikkooperaw bis-sħiħ u jevitaw inkjesti paralleli, għaliex jekk ma jsirx hekk ikun hemm ksur tal-qafas legali applikabbli u tiddgħajjef l-indipendenza tal-OLAF.

2.2.    L-Opinjoni 2/2025 dwar l-abbozz preliminari tal-baġit tal-OLAF għall-2026

15.

Kull sena, il-Kumitat jadotta opinjoni dwar l-abbozz preliminari tal-baġit tal-OLAF biex jipprovdi assigurazzjoni lill-istituzzjonijiet tal-UE li l-abbozz tal-baġit jippreżerva l-indipendenza tal-funzjoni investigattiva tal-OLAF. B’mod aktar speċifiku, l-opinjoni tal-Kumitat teżamina jekk l-OLAF ikollux biżżejjed riżorsi finanzjarji u umani biex iżid il-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, u biex iwettaq il-kompiti assenjati lilu b’mod effettiv.

16.

Fit-2 ta’ Ġunju 2025, il-Kumitat ħareġ l-Opinjoni 2/2025 dwar l-abbozz preliminari tal-baġit tal-OLAF għall-2026. F’din l-Opinjoni, ġie nnotat li l-baġit preliminari tal-OLAF żdied bi 3,8 % meta mqabbel mal-baġit tal-2025. Iż-żidiet proposti f’ċerti linji baġitarji kienu ġġustifikati kif xieraq u konformi mal-linji gwida tal-Kummissjoni għat-tfassil tal-abbozz tal-baġit tal-OLAF għall-2026.

17.

In-nefqa fuq il-persunal kienet il-fattur ewlieni tal-kost b’aktar minn 72 % tal-baġit totali. Il-Kumitat innota li t-tabella tal-persunal tal-OLAF għall-2026 tnaqqset b’6 karigi meta mqabbla mas-sena preċedenti, u dan irriżulta fi 310 karigi. Dan it-tnaqqis kien ir-riżultat tal-mudell ta’ kontribut lineari impost fuq id-dipartimenti kollha tal-Kummissjoni, biex tkun tista’ ssir riallokazzjoni futura tal-karigi tal-persunal għal oqsma prijoritarji. Fid-dawl ta’ dan l-aħħar tnaqqis fit-tabella tal-persunal tiegħu, u l-fatt li l-OLAF kellu jneħħi total ta’ 47 kariga mill-2018, il-Kumitat enfasizza li kwalunkwe tnaqqis ulterjuri fir-riżorsi umani tal-OLAF għandu jkun soġġett għal evalwazzjoni bir-reqqa.

18.

Huwa u jindirizza l-linja baġitarja tal-OLAF għall-“kostijiet tal-missjonijiet u tar-rappreżentanza”, il-Kumitat innota li din se tibqa’ fl-istess livell bħal fl-2025, u b’hekk il-kapaċità essenzjali tal-OLAF li jwettaq spezzjonijiet fuq il-post fl-UE u barra minnha bħala parti mill-investigazzjonijiet tiegħu se tibqa’ ppreżervata fil-parti l-kbira.

19.

Il-baġit tal-OLAF għat-“teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni” kien żdied b’EUR 100 000, li rriżulta f’żieda ta’ 1,76 % meta mqabbel mal-livell tal-2025. Il-Kumitat innota li ż-żieda tkopri prinċipalment il-kostijiet marbuta mal-proċessi ta’ riorganizzazzjoni.

20.

Il-Kumitat irrimarka li karatteristika importanti tal-baġit tal-OLAF kienet l-istruttura interkonnessa tiegħu, li ppermettietlu jagħmel trasferimenti baġitarji “interni” fost il-linji baġitarji differenti tiegħu mingħajr ma jitlob permess mingħand l-awtorità baġitarja tal-UE. Din il-possibbiltà ppermettiet lill-OLAF jirreaġixxi għal avvenimenti u sfidi imprevisti fil-passat u jimmaniġġa l-baġit tiegħu b’aktar flessibbiltà minn kwalunkwe Direttorat Ġenerali ieħor tal-Kummissjoni. Il-Kumitat dejjem kien favur l-awtonomija tal-OLAF fil-ġestjoni tal-baġit, bħala garanzija (baġitarja) addizzjonali tal-indipendenza tiegħu.

21.

Madankollu, il-Kumitat saħaq fuq l-importanza li l-OLAF dejjem jimmaniġġa l-baġit tiegħu b’mod li kemm jista’ jkun jirrispetta l-prinċipji baġitarji ġenerali stabbiliti fl-Artikoli 6 sa 38 tar-Regolament dwar ir-regoli finanzjarji u applikabbli għall-baġit ġenerali tal-UE (13), inklużi l-prinċipji ta’ trasparenza u speċifikazzjoni.

22.

Il-Kumitat ikkonkluda li l-Abbozz Preliminari tal-Baġit tal-OLAF għall-2026 kien konformi mal-proposti baġitarji tal-Kummissjoni għall-istabbiliment tal-abbozz tal-Baġit tal-Kummissjoni għall-2026. Madankollu, huwa enfasizza wkoll l-importanza li jiġi żgurat li l-OLAF iżomm livelli suffiċjenti ta’ persunal biex jissodisfa l-mandat tiegħu u li r-riżorsi umani jkunu allinjati mal-ħtiġijiet operazzjonali tal-OLAF. Fl-aħħar nett, il-Kumitat ġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-iżvilupp u l-użu ta’ għodod tal-intelliġenza artifiċjali, essenzjali għall-futur tad-detezzjoni u l-prevenzjoni tal-frodi, ikunu jeħtieġu investiment addizzjonali fl-infrastruttura u fl-għarfien espert tal-IT.

2.3.    Abbozz ta’ opinjoni li jakkumpanja r-Rapport ta’ Evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-Regolament dwar l-OLAF

23.

L-Artikolu 19(1) tar-Regolament dwar l-OLAF jagħti lill-Kummissjoni l-kompitu li twettaq evalwazzjoni sħiħa dwar l-“applikazzjoni u l-impatt” tar-Regolament dwar l-OLAF, “b’mod partikolari fir-rigward tal-effettività u l-effiċjenza tal-kooperazzjoni bejn l-Uffiċċju [OLAF] u l-UPPE”. L-Artikolu 19(1) jirrikjedi wkoll li l-Kumitat jissottometti opinjoni separata u indipendenti li għandha tiġi mehmuża mar-rapport ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni.

24.

F’April 2024, id-Direttur Ġenerali tal-OLAF informa lill-Kumitat li l-OLAF, fil-kapaċità tiegħu bħala d-dipartiment tal-Kummissjoni responsabbli għall-iżvilupp tal-politika kontra l-frodi, kien beda l-proċess ta’ evalwazzjoni tar-Regolament dwar l-OLAF. F’dan il-kuntest, il-Kumitat intalab jipprovdi l-opinjoni tiegħu.

25.

Il-Kumitat approva l-abbozz tal-Opinjoni tiegħu f’Diċembru 2025 u adottaha formalment f’Jannar 2026 (14).

26.

Fl-Opinjoni tiegħu, il-Kumitat wettaq valutazzjoni komprensiva u indipendenti tal-applikazzjoni u tal-impatt tar-Regolament dwar l-OLAF, abbażi tal-esperjenza unika ta’ monitoraġġ tiegħu. Minn naħa, il-Kumitat ibbaża fuq opinjonijiet formali, sejbiet ibbażati fuq l-evidenza u rakkomandazzjonijiet li kien ifformula qabel. Min-naħa l-oħra, iddikjara fehmiet u suġġerimenti li kienu għadhom ma ġewx ippreżentati formalment lill-OLAF, abbażi ta’ evidenza diretta jew informazzjoni sekondarja pprovduta mill-OLAF.

27.

L-ewwel nett, il-Kumitat analizza u vvaluta l-emendi ewlenin li saru fir-Regolament dwar l-OLAF bi (i) ir-Regolament 2016/2030, li tejjeb l-indipendenza u l-funzjonament tal-Kumitat ta’ Sorveljanza billi afda s-Segretarjat tiegħu lill-Kummissjoni (15); u (ii) ir-Regolament 2020/2223 (16), li allinja l-operazzjonijiet tal-OLAF ma’ dawk tal-UPPE u introduċa titjib proċedurali u operazzjonali importanti. Imbagħad, il-Kumitat ħares lejn ir-Regolament dwar l-OLAF fl-intier tiegħu u għamel osservazzjonijiet mhux biss dwar id-dispożizzjonijiet introdotti permezz tal-emendi tal-2016 u tal-2020, iżda wkoll dwar aspetti tar-Regolament li ma ntmessewx minn dawn l-emendi. Fl-aħħar nett, kull meta l-Kumitat identifika dgħufijiet u nuqqasijiet fir-Regolament emendat kurrenti dwar l-OLAF, huwa ressaq proposti konkreti bl-għan li jiġu msaħħa u ċċarati d-dispożizzjonijiet rilevanti.

28.

L-analiżi wasslet lill-Kumitat biex jagħmel suġġerimenti dwar diversi dispożizzjonijiet, fid-dawl tar-reviżjoni possibbli tagħhom wara l-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni. Dawn is-suġġerimenti ġew organizzati f’erba’ oqsma tematiċi. L-ewwel nett, ġew ikkunsidrati l-limiti tal-investigazzjonijiet tal-OLAF, li jkopru kwistjonijiet li tipikament joħorġu fil-fażi inizjali tal-investigazzjonijiet (17). It-tieni, ġew indirizzati xi aspetti importanti li jikkaratterizzaw it-twettiq tal-investigazzjonijiet tal-OLAF, li jvarjaw mill-garanziji proċedurali sal-kooperazzjoni bejn l-OLAF u l-UPPE (18). It-tielet, ġew ippreżentati osservazzjonijiet u suġġerimenti dwar il-valur tar-rapporti tal-OLAF u s-segwitu tagħhom (19). Ir-raba’, saru rimarki u suġġerimenti dwar il-funzjonament tal-Kumitat ta’ Sorveljanza (20).

29.

Dwar il-kwistjoni tal-limiti tal-investigazzjonijiet tal-OLAF, il-Kumitat reġa’ saħaq fuq il-puntwalità li jiġi ċċarat l-ambitu tal-mandat tal-OLAF, li jirrifletti d-deċiżjoni storika Dalli. Skont il-Kumitat, skont il-qafas legali kurrenti, kif interpretat mill-ġurisprudenza rilevanti, l-OLAF għandu s-setgħa li jinvestiga mhux biss kwistjonijiet relatati mal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE (PFI, protection of the financial interests of the EU) iżda wkoll kwistjonijiet li jmorru lil hinn mill-PFI (21). Barra minn hekk, l-Opinjoni enfasizzat b’mod speċjali l-possibbiltà li l-mandat tal-OLAF jiġi estiż ulterjorment għal oqsma oħra, u dan jirrifletti r-rikonoxximent dejjem jikber tal-għarfien espert speċjalizzat tiegħu u l-valur miżjud tiegħu fl-indirizzar ta’ każijiet sofistikati u multiġuriżdizzjonali. Biex jakkomoda dan, il-Kumitat innota li tista’ tiġi kkunsidrata l-introduzzjoni mill-ġdid fir-Regolament ta’ sistema strutturata għall-prijoritizzazzjoni tal-investigazzjonijiet tal-OLAF. Il-Kumitat enfasizza wkoll l-importanza li tiġi ppreservata l-indipendenza operazzjonali tal-OLAF, speċjalment fir-rigward ta’ proċedura ta’ delega definita b’mod ċar tas-setgħat tad-Direttur Ġenerali tal-OLAF. Il-Kumitat issottolinja wkoll l-importanza li r-Regolament jipprovdi definizzjonijiet ċari ta’ kunċetti bħal “biżżejjed suspett” u li jintroduċi definizzjoni ta’ “ambitu tal-investigazzjoni” fl-Artikolu 5 tar-Regolament emendat dwar l-OLAF (“Ftuħ ta’ investigazzjonijiet”).

30.

Dwar il-kwistjoni multidimensjonali tat-twettiq tal-investigazzjonijiet tal-OLAF, il-Kumitat għamel diversi rimarki. Fost affarijiet oħra, il-Kumitat issuġġerixxa li r-Regolament dwar l-OLAF jagħmel referenza espliċita għall-fatt li l-investigazzjonijiet għandhom jingħalqu “fi żmien raġonevoli” u li għal każijiet itwal minn 24 xahar għandha tittieħed deċiżjoni formali mid-Direttur Ġenerali tal-OLAF dwar it-triq ’il quddiem. Il-Kumitat issuġġerixxa wkoll li tiġi kkunsidrata mill-ġdid id-dispożizzjoni li l-opinjoni tat-Tim ta’ Rieżami dwar l-għeluq tal-investigazzjoni “għandha tkun mehmuża mar-rapport finali tal-investigazzjoni”, biex jiġi żgurat li din tibqa’ dokument intern, li l-konklużjonijiet tiegħu jiġu kkomunikati biss lil riċevituri esterni, fejn xieraq. Dwar il-kooperazzjoni bejn l-OLAF u l-UPPE, il-Kumitat ikkunsidra li aktar gwida dwar il-kunċett ta’ “allegazzjonijiet manifestament mhux sostanzjati” fl-Artikolu 12c(3) tipprovdi aktar ċarezza, għall-benefiċċju ta’ kollaborazzjoni aktar konsistenti bejn iż-żewġ korpi. Dwar il-garanziji proċedurali, il-Kumitat għamel suġġerimenti mmirati biex jeliminaw it-trattament differenzjali bla bżonn bejn il-persuni kkonċernati f’investigazzjonijiet interni u esterni u biex jiżguraw l-effett utli tal-garanziji proċedurali diġà stabbiliti fir-Regolament dwar l-OLAF.

31.

Il-Kumitat indirizza wkoll il-kwistjoni ewlenija u diskussa fit-tul tal-valur tar-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF u s-segwitu għalihom. F’dan ir-rigward, il-Kumitat irrikonoxxa li, filwaqt li bidla fil-valur legali ġenerali tal-kontribut tal-OLAF tinvolvi riflessjonijiet kumplessi, jista’ jiġi previst involviment aktar b’saħħtu tal-OLAF fl-irkupru tal-fondi b’kunsiderazzjoni speċifika għar-rakkomandazzjonijiet finanzjarji. Il-Kumitat issuġġerixxa wkoll it-tisħiħ tal-mekkaniżmi li bħalissa huma stabbiliti fl-Artikolu 11 tar-Regolament dwar l-OLAF, biex il-bażi legali tiġi allinjata mal-prattiki eżistenti ta’ monitoraġġ u rappurtar. Bil-għan li tittejjeb ulterjorment ir-rata ta’ segwitu, il-Kumitat issuġġerixxa wkoll li r-rwol tas-servizzi ta’ koordinazzjoni kontra l-frodi (“AFCOS”, Anti-Fraud Coordination Service) jiġi estiż biex jinkludi s-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF.

32.

Fl-aħħar nett, l-Opinjoni kienet tinkludi xi suġġerimenti dwar il-funzjonament tal-Kumitat ta’ Sorveljanza stess. F’dan ir-rigward, il-Kumitat ippropona xi kjarifiki fl-Artikolu 15 tar-Regolament dwar l-OLAF biex jipproteġi l-funzjonament indipendenti u imparzjali tiegħu, billi ssuġġerixxa li r-Regolament innifsu jipprevedi aċċess elettroniku dirett għall-partijiet rilevanti tas-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet tal-OLAF (“OCM”, OLAF case management system). Il-Kumitat issuġġerixxa wkoll bidliet leġiżlattivi żgħar biex tiġi żgurata l-komplementarjetà meħtieġa bejn il-Kontrollur tal-garanziji proċedurali u l-Kumitat ta’ Sorveljanza fil-valutazzjoni tal-konformità tal-OLAF mal-garanziji proċedurali.

2.4.    Il-monitoraġġ tad-dmir tal-OLAF li jirrapporta kondotta kriminali lill-UPPE

33.

Skont il-qafas legali kurrenti, l-OLAF u l-UPPE għandhom rwoli komplementari fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE. B’mod partikolari, ir-Regolament emendat dwar l-OLAF jipprevedi li kemm l-UPPE kif ukoll l-OLAF jistabbilixxu u jżommu kooperazzjoni mill-qrib immirata lejn l-iżgurar tal-komplementarjetà tal-mandati rispettivi tagħhom u, fejn rilevanti, il-koordinazzjoni tal-azzjonijiet tagħhom. Skont ir-Regolament emendat dwar l-OLAF, “ir-relazzjoni bejn l-Uffiċċju u l-UPPE jenħtieġ li tagħti kontribut biex tiżgura li jintużaw il-mezzi kollha sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni” (22).

34.

Il-Kumitat ilu jesprimi l-interess kbir tiegħu li jifhem kif il-qafas legali l-ġdid introdott mir-Regolament dwar l-UPPE u r-Regolament emendat dwar l-OLAF influwenza l-attivitajiet investigattivi tal-OLAF u, b’mod aktar ġenerali, kif il-kooperazzjoni tal-OLAF mal-UPPE inkisbet fil-prattika. Il-Kumitat iqis li l-implimentazzjoni xierqa tal-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni bejn iż-żewġ korpi hija komponent importanti tal-indipendenza operazzjonali tal-OLAF u tal-funzjonament tajjeb tiegħu. F’dan il-kuntest, il-Kumitat iqis il-monitoraġġ tal-kooperazzjoni tagħhom bħala parti essenzjali mill-mandat u mill-programm ta’ ħidma tiegħu.

35.

Biex tirrifletti din il-prijorità, fi Frar 2024, il-Kumitat ħareġ l-ewwel opinjoni ddedikata tiegħu dwar l-investigazzjonijiet komplementari mwettqa mill-OLAF (23). Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Kumitat faħħar lill-UPPE kif ukoll lill-OLAF għall-impenn kostruttiv tagħhom biex dan il-mekkaniżmu jsir operazzjonali. Minħabba l-iżvilupp gradwali tal-investigazzjonijiet komplementari, il-Kumitat kompla jimmonitorja l-investigazzjonijiet komplementari mwettqa mill-OLAF matul l-2024 u kif ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu ġew implimentati (24).

36.

Fl-2025, il-Kumitat iffoka l-attenzjoni tiegħu fuq aspett kritiku ieħor tal-qafas ta’ kooperazzjoni, jiġifieri d-dmir tal-OLAF li jirrapporta mġiba kriminali suspettata lill-UPPE. Dan l-obbligu, bħad-dmir tal-OLAF li jwaqqaf jew li jikkomplementa l-investigazzjonijiet f’każijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-UPPE, għandu impatt dirett fuq il-funzjonijiet investigattivi tal-OLAF. Permezz tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ dan id-dmir ta’ rappurtar, il-Kumitat għandu l-għan li jsaħħaħ l-indipendenza investigattiva tal-OLAF. Fl-analiżi tiegħu l-Kumitat ivverifika: (i) il-mod kif l-OLAF jiġbor, jittratta u janalizza l-informazzjoni rilevanti kollha qabel ma jiddeċiedi jekk għandux jirrapporta każ lill-UPPE; (ii) li l-ebda interferenza esterna ma taffettwa t-twettiq tal-funzjonijiet investigattivi tal-OLAF; (iii) li d-deċiżjonijiet tal-OLAF jittieħdu b’mod imparzjali u mingħajr dewmien żejjed; u (iv) li l-azzjonijiet tal-OLAF huma kompletament konformi mal-qafas legali applikabbli.

37.

F’dan il-kuntest u f’konformità mal-Artikolu 15(1), l-aħħar inċiż, tar-Regolament dwar l-OLAF u l-Artikoli 12 u 13 tal-arranġamenti ta’ ħidma bejn l-OLAF u l-Kumitat ta’ Sorveljanza (25), il-Kumitat kellu aċċess għall-fajls tal-każijiet rilevanti ta’ (i) kampjun ta’ 25 każ miċħud minħabba l-kompetenza tal-UPPE; (ii) disa’ każijiet magħluqa inizjalment riferuti lill-UPPE iżda li l-UPPE ma ħax f’idejh; u (iii) 14-il każ li ma tkomplewx minħabba l-kompetenza tal-UPPE. Il-Kumitat għażel u analizza wkoll: (iv) kampjun ta’ 20 investigazzjoni magħluqa mhux irrappurtata lill-UPPE abbażi tal-kriterji li ġejjin: a) każijiet li fihom l-informazzjoni relatata mal-każ sussegwentement intalbet mill-UPPE wara l-għeluq tal-investigazzjoni mill-OLAF; b) każijiet li kienu jikkonċernaw kwistjonijiet relatati mal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (“RRF”, Recovery and Resilience Facility); u c) każijiet li jiżguraw rappreżentanza adegwata tal-unitajiet investigattivi kollha, b’tali mod li mill-inqas żewġ każijiet ta’ kull waħda mill-unitajiet investigattivi tal-OLAF jaqgħu fl-ambitu tal-valutazzjoni.

38.

L-analiżi tal-Kumitat bħalissa għadha għaddejja. Is-sejbiet ta’ din il-ħidma, flimkien ma’ kwalunkwe rakkomandazzjoni li tirriżulta, jiġu ppreżentati f’opinjoni ddedikata li l-Kumitat għandu l-ħsieb li jadotta fl-ewwel nofs tal-2026.

2.5.    Monitoraġġ tad-durata tal-investigazzjonijiet tal-OLAF

39.

L-Artikolu 7(8) u l-Artikolu 15(1) tar-Regolament dwar l-OLAF jiffurmaw il-bażi legali biex il-Kumitat iwettaq analiżi tal-investigazzjonijiet li jdumu aktar minn 12-il xahar, biex jiżgura li l-investigazzjonijiet tal-OLAF jitwettqu kontinwament u fuq perjodu proporzjonat għaċ-ċirkostanzi u għall-kumplessità tagħhom.

40.

Billi jimmonitorja regolarment id-durata tal-investigazzjonijiet tal-OLAF u r-raġunijiet għal kwalunkwe dewmien żejjed, il-Kumitat ifittex li jivverifika li ma tkun seħħet l-ebda interferenza esterna jew interna fit-twettiq imparzjali ta’ investigazzjoni. Investigazzjoni twila mingħajr ġustifikazzjoni jista’ jkollha konsegwenzi negattivi serji: (i) għad-drittijiet proċedurali tal-persuna kkonċernata/persuni kkonċernati; u/jew (ii) għas-segwitu għall-investigazzjoni. Billi jimmonitorja t-tul tal-investigazzjonijiet, il-Kumitat jivverifika wkoll li r-riżorsi umani u finanzjarji allokati lill-OLAF intużaw b’mod effiċjenti.

41.

Il-Kumitat iqis li d-durata tal-investigazzjonijiet hija indikatur importanti tal-effettività tal-azzjoni tal-OLAF, u ta attenzjoni partikolari lil dan is-suġġett matul is-snin. Fl-Opinjoni preċedenti tiegħu (26), il-Kumitat identifika ċerti nuqqasijiet li wasslu għal għadd ta’ rakkomandazzjonijiet lid-Direttur Ġenerali tal-OLAF.

42.

Fl-Opinjoni 3/2024 tiegħu dwar l-abbozz ta’ Linji Gwida ġodda dwar il-Proċeduri Investigattivi (27), il-Kumitat laqa’ l-progress li sar mill-OLAF fil-ġestjoni tad-durata tal-investigazzjonijiet tiegħu. Il-Kumitat saħaq ukoll fuq l-importanza li l-GIPs jipprovdu gwida ċara lill-investigaturi dwar kif jevitaw perjodi mhux ġustifikati ta’ inattività matul il-proċess ta’ investigazzjoni u dwar kif jindirizzaw il-kwistjoni ta’ investigazzjonijiet twal wisq. Il-Kumitat josserva li l-OLAF ħa nota ta’ dawn ir-rimarki u implimenta parzjalment ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat fil-verżjoni finali tal-GIPs, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2026 (28).

43.

B’mod partikolari, il-GIPs implimentaw jew implimentaw, sa fejn kien possibbli, ħafna mir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat dwar id-durata tal-investigazzjonijiet tal-OLAF (29), il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fl-investigazzjonijiet (30), id-definizzjoni u l-bidliet fl-ambitu ta-investigazzjonijiet (31), il-fażi tal-għażla (32), id-drittijiet tal-persuni kkonċernati (33), it-terminoloġija fir-reġistrazzjoni tal-konverżazzjonijiet bit-telefown (34), il-klassifikazzjoni tal-investigazzjonijiet (35), u l-proċeduri ta’ kontroll (36). Il-Kumitat jilqa’ wkoll id-dispożizzjoni l-ġdida tal-GIPs dwar il-pjanijiet ta’ ħidma, li jridu jitfasslu fil-bidu ta’ investigazzjoni u li jridu jiġu aġġornati kull meta jkun meħtieġ, u jinkludu referenzi għal soluzzjonijiet u miżuri biex jingħelbu l-problemi (37).

44.

Matul il-perjodu ta’ rappurtar, bħal kull sena oħra, il-Kumitat irċieva informazzjoni mingħand l-OLAF dwar investigazzjonijiet li damu aktar minn 12-il xahar. Sabiex jifhem aħjar kif l-OLAF immaniġġa d-durata tal-investigazzjonijiet tiegħu u kif ikkonforma mal-prinċipju ġenerali tal-proporzjonalità, anke fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet ifformulati qabel, il-Kumitat wettaq valutazzjoni li tiffoka fuq investigazzjonijiet li damu aktar minn 36 xahar (ara t-Taqsima 2.5.2).

2.5.1.   Rapporti ta’ investigazzjonijiet li damu aktar minn 12-il xahar riċevuti mill-Kumitat fl-2025

45.

Jekk investigazzjoni ma tkunx tista’ tingħalaq fi żmien 12-il xahar wara li tkun infetħet, l-Artikolu 7(8) tar-Regolament dwar l-OLAF (38) jirrikjedi li d-Direttur Ġenerali tal-OLAF jirrapporta formalment lill-Kumitat 12-il xahar wara li tkun infetħet l-investigazzjoni u kull 6 xhur wara dan. F’dawn ir-rapporti, id-Direttur Ġenerali tal-OLAF jispjega r-raġunijiet għaliex l-investigazzjoni baqgħet miftuħa u, fejn xieraq (39), il-miżuri ta’ rimedju li jridu jittieħdu biex titħaffef l-investigazzjoni, kif ukoll il-perjodu ta’ żmien mistenni biex titlesta.

46.

Fl-2025, il-Kumitat irċieva 484 rapport mingħand l-OLAF dwar 327 investigazzjoni individwali li kienu għadhom għaddejjin li damu aktar minn 12-il xahar. Minn dawn, 49 % qabżu l-24 xahar u 16 % qabżu s-36 xahar (Illustrazzjoni 1).

Illustrazzjoni 1

327 każ twil irappurtati fl-2025

Image 1

47.

Biex dawn iċ-ċifri jitqiegħdu f’kuntest, l-Illustrazzjoni 2 tipprovdi ħarsa ġenerali komparattiva lejn l-għadd ta’ investigazzjonijiet individwali li damu aktar minn 12-il xahar matul l-aħħar 3 snin. Din turi tnaqqis gradwali fl-għadd totali ta’ każijiet li ħadu ħafna żmien irrappurtati mid-Direttur Ġenerali tal-OLAF, minn 404 każijiet fl-2023 għal 333 fl-2024, u 327 fl-2025. Din ix-xejra tissuġġerixxi tnaqqis fid-durata medja tal-investigazzjonijiet twal, li jindika xi titjib fil-puntwalità li biha dawn il-każijiet jiġu ttrattati mill-OLAF. Dan huwa evidenti, pereżempju, miċ-ċifri relatati mal-investigazzjonijiet li jdumu aktar minn 48 xahar. Fl-2023 kien hemm 13-il investigazzjoni bħal dawn u fl-2024 kien hemm 10. Matul l-eżerċizzju ta’ monitoraġġ tal-2025, il-Kumitat identifika każ wieħed biss bħal dan.

Illustrazzjoni 2

L-evoluzzjoni ta’ każijiet individwali twal irrapportati bejn l-2023 u l-2025

Image 2

2.5.2.   Investigazzjonijiet tal-OLAF li damu aktar minn 36 xahar fl-2025

48.

Fl-2025, il-Kumitat wettaq monitoraġġ regolari tad-durata tal-investigazzjonijiet tal-OLAF, b’enfasi speċifika fuq dawk li qabżu s-36 xahar. Il-monitoraġġ sar fi tliet fażijiet matul is-sena. L-ewwel, il-Kumitat analizza l-każijiet li kienu qabżu s-36 xahar bejn l-1 ta’ Jannar u t-30 ta’ Ġunju 2025 (19-il każ). Imbagħad, il-Kumitat irrieżamina l-każijiet ġodda li qabżu s-36 xahar bejn l-1 ta’ Lulju u t-30 ta’ Settembru 2025 (seba’ każijiet ġodda). Fl-aħħar nett, bejn l-1 ta’ Ottubru 2025 u l-31 ta’ Diċembru 2025, il-Kumitat irrieżamina l-lott finali ta’ każijiet li qabżu s-36-il xahar (seba’ każijiet ġodda). F’din l-aħħar fażi, il-Kumitat eżamina wkoll il-progress fuq it-33 każ kollha, inklużi l-aġġornamenti tas-26 każ analizzati fl-ewwel u fit-tieni fażi aktar kmieni fis-sena. Fit-tliet fażijiet kollha l-Kumitat analizza biss dawk il-każijiet irrappurtati li kienu għadhom għaddejjin (40).

49.

F’konformità mal-Artikolu 10 tal-arranġamenti ta’ ħidma bejn l-OLAF u l-Kumitat, il-Kumitat aċċessa l-fajls tal-każijiet tat-33 investigazzjoni msemmija hawn fuq. Sal-aħħar ta’ Diċembru 2025, l-OLAF kien għalaq 22 minn dawn il-każijiet (41), filwaqt li 11 kienu għadhom għaddejjin (42).

50.

Il-Kumitat bagħat ukoll talbiet għal informazzjoni biex jikseb ħarsa ġenerali komprensiva ta’ kull każ analizzat. Il-Kumitat ikkunsidra kif xieraq il-kummenti pprovduti mill-OLAF biex wasal għall-konklużjonijiet finali tiegħu.

51.

Ir-rieżami tal-Kumitat ħares lejn l-indikaturi stipulati hawn taħt.

Kontinwità tal-attivitajiet investigattivi. Il-kontinwità tal-attivitajiet investigattivi ġiet rieżaminata bir-reqqa matul id-durata ta’ kull każ. Il-Kumitat ivverifika r-raġunijiet ipprovduti mill-OLAF fir-rapporti tiegħu ta’ 12-il xahar mal-fajls tal-każijiet u analizza l-kontinwità tal-attivitajiet bejn il-perjodi ta’ rappurtar. Skont il-prattika stabbilita, il-Kumitat ta attenzjoni partikolari wkoll lill-interruzzjonijiet fl-attivitajiet investigattivi, fejn qies l-interruzzjonijiet li jaqbżu t-3 xhur bħala “sinjali ta’ twissija”, filwaqt li dawk li jaqbżu s-6 xhur bħala indikattivi ta’ ostakli serji li jiltaqa’ magħhom it-tim tal-każ li jkollhom, jew li jista’ jkollhom, impatt sostanzjali fuq id-durata ġenerali ta’ investigazzjoni. Il-ġustifikazzjonijiet ġew imfittxija fil-fajl tal-każ (jew iddikjarati b’mod espliċitu jew inkella b’inferenza) (43). Il-Kumitat iffoka wkoll fuq il-valutazzjoni tat-Tim ta’ Rieżami tal-OLAF tal-kontinwità tal-investigazzjonijiet (44).

L-ippjanar tal-investigazzjonijiet u l-prijoritizzazzjoni operazzjonali. Il-Kumitat irrieżamina l-prattika interna tal-OLAF għall-ġestjoni tad-durata tal-investigazzjonijiet, b’enfasi partikolari fuq l-ippjanar u l-prijoritizzazzjoni operazzjonali. Il-Kumitat ivvaluta jekk ġiex adottat approċċ konsistenti u uniformi fl-unitajiet kollha tal-OLAF (45). Il-Kumitat ikkunsidra wkoll jekk il-maniġment tal-OLAF tax prijorità operazzjonali lill-investigazzjonijiet li qabżu s-36 xahar, biex iħaffef it-tlestija tagħhom (46).

Proporzjonalità u effettività. Il-Kumitat wettaq ukoll valutazzjoni preliminari tal-proporzjonalità tad-durata ta’ kull investigazzjoni, fejn evalwa jekk din kinitx iġġustifikata abbażi taċ-ċirkostanzi tal-każ. Barra minn hekk, il-Kumitat ivvaluta jekk il-miżuri ta’ rimedju proposti kinux sinifikattivi u xierqa biex jindirizzaw ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ tlestija.

52.

L-analiżi mwettqa mill-Kumitat fl-2025 hija miġbura fil-qosor hawn taħt.

Rappurtar

53.

Il-Kumitat innota li l-“kumplessità tal-kwistjoni” kienet l-aktar raġuni invokata mill-OLAF biex jiġġustifika d-durata ta’ investigazzjoni (f’70 % tal-każijiet). Iċ-ċirkostanzi li fihom investigazzjoni tista’ titqies kumplessa jistgħu jvarjaw minn każ għal każ, skont is-suġġett u ċ-ċirkostanzi speċifiċi. Il-kumplessità tissemma tipikament mill-OLAF meta d-dokumenti jkunu numerużi u diffiċli biex jiġu eżaminati minħabba l-format, il-volum u l-lingwa tagħhom. Il-kumplessità tissemma wkoll meta jinqalgħu diffikultajiet bejn il-ġuriżdizzjonijiet u kwistjonijiet ġuridiċi oħrajn, meta l-każ ikun jinvolvi jew jista’ potenzjalment jinvolvi ħafna persuni (47) u/jew pajjiżi, meta l-ambitu tal-investigazzjoni jkun wiesa’ jew meta t-tranżazzjonijiet ikunu diffiċli biex jiġu analizzati.

54.

Raġunijiet oħrajn irrappurtati mill-OLAF biex jiġġustifikaw id-durata kienu kwistjonijiet interni (eż. kwistjonijiet ta’ riżorsi umani bħall-assenza twila ta’ investigatur ewlieni jew ir-riorganizzazzjoni ta’ tim investigattiv), jew ċirkostanzi esterni lil hinn mill-kontroll tal-OLAF (eż. diffikultajiet ta’ kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, l-istennija ta’ input mill-istituzzjonijiet Ewropej, l-awtoritajiet nazzjonali jew partijiet ikkonċernati oħrajn, jew l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 (48)).

55.

Raġuni oħra li kellha impatt fuq id-durata tal-investigazzjonijiet kienet l-għadd dejjem akbar ta’ investigazzjonijiet komplementari bejn l-OLAF u l-UPPE. Terz tal-każijiet osservati (49) kienu jew investigazzjonijiet komplementari jew każijiet fejn instabet il-kompetenza potenzjali tal-UPPE, u b’hekk kollha kemm huma ġew sospiżi waqt li kienu qed jistennew tweġibiet mill-UPPE. L-attivitajiet investigattivi ġew sospiżi l-aktar minħabba (i) l-ħtieġa għal stennija għad-deċiżjoni tal-UPPE biex jibda l-investigazzjoni kriminali tiegħu stess abbażi tar-rapport ta’ reati lill-UPPE abbozzat mill-OLAF; jew (ii) fil-każijiet fejn infetħet investigazzjoni mill-UPPE u l-OLAF qies li kien xieraq, l-istennija sakemm l-UPPE jaqbel li l-OLAF iwettaq investigazzjoni komplementari.

56.

Il-Kumitat ivvaluta l-kontenut tar-rapporti ta’ 12-il xahar tal-OLAF mad-data kollha disponibbli f’kull fajl tal-każ mingħajr ma sab diskrepanzi. F’termini ġenerali, il-Kumitat iqis li l-mudell użat għar-rappurtar lill-Kumitat, jekk jimtela b’mod korrett, jista’ jipprovdi ħarsa ġenerali affidabbli tal-każ. Huwa importanti li l-informazzjoni fih tiġi aġġornata kull 6 xhur, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lill-miżuri ta’ rimedju meħuda matul il-perjodu ta’ rappurtar u l-effettività tagħhom. Il-Kumitat diġà indika li investigazzjoni (50) li tkun kważi tlestiet meta jiġi abbozzat ir-rapport ta’ 12-il xahar ma teħlisx lill-OLAF mid-dmir tiegħu li jinforma lill-Kumitat dwar il-miżuri ta’ rimedju meħuda matul l-investigazzjoni.

Kontinwità tal-investigazzjonijiet

a.   Interruzzjonijiet fl-attivitajiet investigattivi

57.

Il-Kumitat eżamina bir-reqqa l-intensità tal-attivitajiet investigattivi matul id-durata ta’ kull każ u identifika perjodi ta’ inattività fiċ-ċiklu tal-ħajja tal-maġġoranza tal-każijiet analizzati (27 każ) (51). Fil-maġġoranza tal-każijiet, każ kellu aktar minn perjodu wieħed ta’ inattività. F’27 każ, il-Kumitat sab interruzjonijiet li damu bejn 3 xhur u 8 xhur (52). F’sitt każijiet, l-interruzzjonijiet damu bejn 9 u 15-il xahar (53). Meta mqabbel mal-eżerċizzju tal-2024, il-Kumitat ma sabx perjodi itwal ta’ inattività (erba’ każijiet fl-eżerċizzju tal-2024 kellhom interruzzjonijiet ta’ aktar minn 16-il xahar).

58.

Il-Kumitat, kif intqal b’mod konsistenti, jirrikonoxxi li l-analiżi tad-durata ma tistax tkun ibbażata biss fuq l-għadd u t-tul tal-interruzzjonijiet fl-attività f’investigazzjoni u li kwalunkwe analiżi trid tqis il-fajl tal-każ kollu ta’ investigazzjoni u, f’konformità mal-Artikolu 7(5) tar-Regolament dwar l-OLAF, iċ-ċirkostanzi speċifiċi u l-kumplessità ta’ kull każ.

59.

Il-Kumitat itenni (54) li l-perjodi ta’ inattività jridu jiġu rreġistrati u ġġustifikati kif xieraq fil-fajl tal-każ, u li l-ostakli jew id-dewmien li jiltaqa’ magħhom it-tim tal-każ matul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ investigazzjoni għandhom dejjem jiġu rreġistrati u jkunu traċċabbli fl-OCM, eż. fil-forma ta’ nota mal-fajl. Dan jippermetti lill-maniġment tal-OLAF jimmonitorja b’mod effettiv il-progress f’investigazzjoni u jiżgura l-grad meħtieġ ta’ trasparenza u akkontabilità.

60.

Fl-analiżi preċedenti tiegħu tad-durata, il-Kumitat innota li, f’ċerti każijiet, l-OLAF ma kienx irreġistra kif xieraq iċ-ċirkostanzi għaliex kien hemm perjodi ta’ inattività fl-OCM (55). L-analiżi mwettqa fl-2024 (56) kienet diġà wriet xi titjib f’dan il-qasam meta mqabbla mal-passat. Fl-2025, il-Kumitat osserva xejra simili, peress li kultant l-OLAF iddokumenta interruzzjonijiet ta’ aktar minn 3 xhur, u għalhekk il-Kumitat seta’ janalizza r-raġunijiet wara tali perjodi ta’ inattività. F’żewġ każijiet biss il-Kumitat sab interruzzjonijiet mhux dokumentati li għalihom l-OLAF ma setax jipprovdi spjegazzjoni suffiċjenti (57).

61.

F’dan ir-rigward, il-Kumitat ifaħħar il-prattika tad-dokumentazzjoni tal-progress inkrementali tal-analiżi tad-data tal-OLAF fin-noti tal-fajl tal-każ, kif ukoll ir-reġistrazzjoni ta’ kwalunkwe ostaklu proċedurali li jiltaqa’ miegħu t-tim tal-investigazzjoni. B’paragun mal-eżerċizzju tal-2024, il-Kumitat josserva tendenza ta’ titjib, għalkemm il-prattika tvarja minn każ għal ieħor.

62.

Il-Kumitat jixtieq ukoll iħeġġeġ lill-unitajiet investigattivi jħallu rekord fl-OCM ta’ dawk l-attivitajiet investigattivi li jsiru personalment u/jew verbalment, bħal laqgħat, konverżazzjonijiet bit-telefown jew vidjokonferenzi (eż., permezz ta’ nota fil-fajl), li jipprovdi rendikont tal-iskop u l-eżitu ewlieni tal-attività investigattiva.

63.

Barra minn hekk, il-Kumitat innota wkoll li għalkemm fil-biċċa l-kbira tal-każijiet l-OLAF irreġistra d-dokumenti fil-ħin, fi ftit okkażjonijiet dan sar b’xi dewmien (eż. skambji ta’ emails li jmorru lura ċertu żmien qabel ma ddaħħlu fl-OCM). Din il-prattika tiddevja mill-ħtieġa ta’ ċarezza u trasparenza fl-OCM, li min-naħa tagħha hija strumentali għat-twettiq issimplifikat tal-investigazzjonijiet, is-superviżjoni maniġerjali, u l-ħidma ta’ monitoraġġ tal-Kumitat. Għalhekk, il-Kumitat jenfasizza l-importanza li d-dokumenti rilevanti kollha jiddaħħlu fl-OCM mingħajr dewmien u, jekk dan ikun impossibbli, li tiġi pprovduta u rreġistrata spjegazzjoni fil-fajl (skambju ta’ emails, nota fil-fajl, eċċ.).

b.   Opinjonijiet tat-Tim ta’ Rieżami

64.

Fit-22 każ magħluq kollha, il-Kumitat analizza wkoll l-opinjonijiet maħruġa mit-Tim ta’ Rieżami qabel l-għeluq ta’ każ (“opinjoni dwar l-għeluq”). Il-Kumitat sab grad ta’ eteroġeneità fl-analiżi mwettqa mit-Tim ta’ Rieżami dwar il-kontinwità tal-investigazzjonijiet. F’xi każijiet, l-opinjoni tat-Tim ta’ Rieżami rreferiet għal perjodi ta’ inattività jew għall-kumplessità tal-każ mingħajr ma pprovdiet spjegazzjonijiet jew dettalji addizzjonali li jappoġġaw il-valutazzjoni tiegħu. F’każijiet oħra, l-opinjoni sempliċiment iddikjarat li “ma nstabet l-ebda indikazzjoni bħal din [ta’ dewmien żejjed]”, għalkemm il-kontenut tal-fajl tal-każ jista’ jissuġġerixxi mod ieħor.

65.

Il-Kumitat jesprimi l-fehma preċedenti tiegħu (58) li l-valutazzjoni mwettqa fi tmiem l-investigazzjoni hija estremament rilevanti għall-monitoraġġ tal-effiċjenza tal-attività tal-OLAF. Għalhekk, sabiex l-opinjonijiet dwar l-għeluq tal-każ jibqgħu sinifikanti u jissodisfaw l-għan tagħhom (59), il-Kumitat jerġa’ jsostni li dawn għandhom jinkludu valutazzjoni sostanzjata u sħiħa tal-kontinwità tal-investigazzjoni, inklużi kunsiderazzjonijiet relatati mad-durata.

66.

Il-Kumitat iħeġġeġ lill-OLAF biex isib bilanċ xieraq bejn is-salvagwardja tal-kunfidenzjalità u l-iżgurar ta’ kontroll effettiv tal-legalità. Sabiex jappoġġa lill-OLAF fl-indirizzar ta’ din il-kwistjoni, dan l-aħħar il-Kumitat issuġġerixxa emendi leġiżlattivi li jiżguraw li l-opinjoni tat-Tim ta’ Rieżami dwar l-għeluq tiġi ttrattata bħala dokument intern sabiex, fejn xieraq, il-konklużjonijiet tiegħu biss jiġu kkomunikati lil riċevituri esterni (60). Dan itejjeb il-kapaċità tat-Tim ta’ Rieżami li jissodisfa r-rwol tiegħu bħala salvagwardja indipendenti, billi jipprovdi lid-Direttur Ġenerali tal-OLAF b’evalwazzjoni affidabbli u sinifikanti tal-legalità, il-proporzjonalità u l-integrità proċedurali tal-attivitajiet investigattivi. Madankollu, sakemm issir kwalunkwe emenda tar-Regolament dwar l-OLAF, il-Kumitat huwa fiduċjuż li l-OLAF se jagħti segwitu għal din il-kwistjoni biex jiżgura li l-ħidma tat-Tim ta’ Rieżami tibqa’ sinifikanti.

Ippjanar u prijoritizzazzjoni tal-investigazzjoni

67.

Kif previst mill-emenda riċenti tal-GIPs, l-unitajiet investigattivi huma meħtieġa “jippreparaw pjan ta’ ħidma għall-investigazzjoni mill-aktar fis possibbli wara l-ftuħ tagħha” (61), u dawn “għandhom jiġu aġġornati regolarment” (62). Barra minn hekk, il-GIPs issa jeħtieġu b’mod espliċitu li l-maniġer superjuri tal-OLAF “jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ ħidma” (63). Il-Kumitat jilqa’ dan l-iżvilupp u jirrikonoxxi l-isforzi tad-Direttur Ġenerali tal-OLAF fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni 3 tal-Opinjoni 5/2021.

68.

L-analiżi mwettqa żvelat li, fl-2025, fi 30 % tal-każijiet, ma kinux tfasslu pjanijiet ta’ investigazzjoni inizjali. Ix-xejra qed titjieb, għaliex fl-eżerċizzju tal-2024 dan kien japplika għal 60 % tal-każijiet. Fis-70 % tal-każijiet li jifdal fl-2025, ġie prodott pjan ta’ ħidma inizjali, filwaqt li fi 18 % tal-każijiet totali, il-pjan ta’ ħidma inizjali ġie aġġornat ukoll (għall-kuntrarju ta’ 5,77 % fl-2024). It-titjib jikkorrelata mal-maġġoranza tal-investigazzjonijiet analizzati (90 % tal-każijiet) li nfetħu wara li saret reviżjoni tal-GIPs f’Ottubru 2021 (64). Il-Kumitat itenni l-fehma tiegħu li approċċ aktar konsistenti jkun ta’ benefiċċju għall-operazzjonijiet tal-OLAF (65). Il-fatt li jitfasslu pjanijiet ta’ ħidma fil-bidu ta’ investigazzjoni, u li dawn jiġu aġġornati kull meta jkun meħtieġ, jipprovdi lill-maniġment tal-OLAF b’għodda konkreta għall-monitoraġġ tad-durata u tal-progress tal-investigazzjonijiet u jgħinu jagħmel l-aħjar użu mir-riżorsi tal-persunal tiegħu. Il-Kumitat huwa fiduċjuż li l-Artikolu 33(1) u (2) tal-GIPs li għadhom kemm ġew adottati se jiġi applikat b’mod konsistenti fil-futur.

69.

L-analiżi tal-Kumitat sabet ukoll ċertu grad ta’ eteroġeneità fl-għoti ta’ prijorità operazzjonali lill-każijiet. Kienu biss 5 investigazzjonijiet li qabżu s-36 xahar (66) li ngħataw prijorità b’mod espliċitu. Madankollu, l-analiżi wriet ukoll li, minkejja li ma ngħatawx prijorità operazzjonali b’mod espliċitu, 22 każ ingħalqu ftit wara li qabżu d-durata ta’ 36 xahar. Il-Kumitat jisħaq ukoll fuq l-importanza li jiġu rreġistrati d-deċiżjonijiet li tingħata prijorità lil investigazzjoni fil-fajl tal-każ, kif ukoll li tiġi ddokumentata kwalunkwe bidla sussegwenti f’dawn id-deċiżjonijiet.

70.

L-analiżi mwettqa mill-Kumitat dwar każijiet li damu aktar minn 36 xahar fl-2025 xeħtet dawl fuq għadd ta’ sejbiet. L-ewwel nett, kien hemm tnaqqis f’dawn il-każijiet meta mqabbel mal-2024 (33 każ minn 327 fl-2025 (10 %) meta mqabbel ma’ 44 każ minn 333 fl-2024 (13 %)), kif muri fl-Illustrazzjoni 2, li huwa żvilupp pożittiv. It-tieni, l-analiżi enfasizzat ukoll li l-biċċa l-kbira tal-investigazzjonijiet tħaffu wara li laħqu s-36 xahar, u dan wassal biex ħafna każijiet ingħalqu wara madwar 36 u 42 xahar.

71.

Il-Kumitat innota wkoll li, sal-aħħar ta’ Diċembru 2025, mit-22 każ magħluq, 16 ingħalqu b’rakkomandazzjonijiet (67) (14-il rakkomandazzjoni finanzjarja, rakkomandazzjoni dixxiplinari waħda, 2 rakkomandazzjonijiet ġudizzjarji u 6 rakkomandazzjonijiet amministrattivi), 5 ingħalqu mingħajr rakkomandazzjonijiet (68) u waħda ma tkomplietx minħabba l-ftuħ ta’ investigazzjoni tal-UPPE fuq l-istess fatti (69).

72.

Bħala konklużjoni, meta kien qed iħares lejn il-kontinwità tal-investigazzjonijiet, il-Kumitat sab li, fil-maġġoranza tal-każijiet, id-durata u l-perjodi ta’ inattività identifikati kienu fil-fatt iġġustifikati. Fil-fehma tal-Kumitat, għadd żgħir ħafna biss tal-każijiet analizzati (70), iqajmu tħassib dwar kemm id-durata tagħhom kienet proporzjonata. Il-Kumitat iqis li, f’dawn il-każijiet, l-investigazzjonijiet tal-OLAF ma kinux kontinwi u l-interruzzjonijiet ma kinux ġustifikati. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, il-Kumitat jisħaq fuq l-importanza li l-interruzzjonijiet fl-investigazzjonijiet jiġu limitati għall-minimu. Huwa jenfasizza wkoll il-ħtieġa li tali perjodi ta’ inattività jiġu ġġustifikati b’mod ċar fil-fajl tal-każ.

2.6.    Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni mill-OLAF tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta’ Sorveljanza

73.

Matul il-perjodu ta’ rappurtar, il-Kumitat wettaq valutazzjoni fil-fond tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li ħareġ lill-OLAF mill-2021 sal-2024 permezz tal-opinjonijiet tiegħu.

74.

Il-Kumitat wettaq il-valutazzjoni tiegħu billi qies il-pożizzjoni tal-OLAF kif ippreżentata fir-rapport annwali tiegħu dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet, u eżamina bir-reqqa l-miżuri konkreti adottati biex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet. Il-Kumitat analizza kemm is-sustanza kif ukoll l-impatt prattiku tal-azzjonijiet tal-OLAF u, fejn meħtieġ, talab aktar kjarifiki u dokumentazzjoni ta’ appoġġ u evidenza addizzjonali biex jiżgura valutazzjoni komprensiva u oġġettiva tal-livell ta’ implimentazzjoni.

75.

Il-Kumitat ivvaluta l-livell ta’ implimentazzjoni ta’ total ta’ 71 rakkomandazzjoni maħruġa fl-opinjonijiet tiegħu bejn l-2021 u l-2024. Huwa qies li 41 ġew implimentati, 12 ġew implimentati parzjalment u 7 ma ġewx implimentati, bi 11 li ma baqgħux applikabbli fil-kuntest kurrenti. Il-perċentwali huma murija hawn taħt fl-Illustrazzjoni 3.

Illustrazzjoni 3

Valutazzjoni tal-implimentazzjoni mill-OLAF tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta’ Sorveljanza

Image 3

76.

Bejn wieħed u ieħor 70 % tar-rakkomandazzjonijiet soġġetti għal dan l-eżerċizzju ta’ monitoraġġ kienu relatati ma’ emendi possibbli fil-GIPs. Tali rakkomandazzjonijiet ġew ifformulati f’diversi opinjonijiet, speċjalment fl-Opinjoni tal-Kumitat ta’ Sorveljanza 3/2024, li fiha l-Kumitat għamel osservazzjonijiet dwar l-abbozz finali tal-GIPs il-ġodda ppjanati li jiġu adottati ftit wara.

77.

Il-GIPs jikkostitwixxu strument proċedurali ewlieni fil-qafas investigattiv tal-OLAF. Dawn jipprovdu lill-investigaturi bi gwida ċara, komprensiva u operazzjonali li tiżgura l-konsistenza, iċ-ċertezza legali u l-koerenza proċedurali fit-twettiq tal-investigazzjonijiet. Ir-reviżjoni riċenti tagħhom kellha żewġ objettivi ewlenin: i) li dispożizzjonijiet speċifiċi jiġu aġġornati biex tiġi żgurata konformità sħiħa mal-qafas legali applikabbli u mal-ġurisprudenza rilevanti; u ii) li d-diversi regoli interni ta’ proċedura jiġu kkonsolidati kemm jista’ jkun f’dokument koerenti uniku, u b’hekk tiġi indirizzata l-frammentazzjoni li tirriżulta mill-koeżistenza ta’ diversi struzzjonijiet u linji gwida interni.

78.

Għalhekk, il-Kumitat laqa’ l-adozzjoni tal-linji gwida riveduti, minkejja d-dewmien fil-finalizzazzjoni tagħhom meta mqabbel mal-iskeda ta’ żmien inizjali prevista. Il-verżjoni finali tal-GIPs il-ġodda ġiet adottata formalment fl-11 ta’ Novembru 2025 u daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2026, u dan jimmarka pass importanti lejn it-tisħiħ taċ-ċarezza proċedurali u l-koerenza istituzzjonali.

79.

Wara l-adozzjoni tagħhom, il-Kumitat seta’ jivvaluta sa liema punt ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu kienu ġew riflessi fil-GIPs il-ġodda. L-analiżi tat-test finali tissuġġerixxi li sar progress sostanzjali fl-indirizzar ta’ għadd sinifikanti tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat. Madankollu, ċerti aspetti ġew implimentati parzjalment biss jew ma ġewx inkorporati fil-mod kif kien irrakkomanda l-Kumitat. Fid-dawl ta’ dawn il-kwistjonijiet pendenti, u r-rilevanza tagħhom biex jiġu żgurati r-robustezza proċedurali sħiħa u l-konformità mal-qafas legali applikabbli, il-Kumitat se jkompli jissorvelja mill-qrib, fl-eżerċizzju tal-mandat ta’ sorveljanza tiegħu, il-punti ewlenin stabbiliti hawn taħt.

80.

Id-durata tal-investigazzjonijiet. F’dawn l-aħħar snin, il-Kumitat ħareġ diversi rakkomandazzjonijiet immirati lejn it-tisħiħ tal-kapaċità tal-OLAF li jimmaniġġa b’mod effettiv id-durata tal-investigazzjonijiet tiegħu. Kif intwera aktar ’il fuq, minkejja l-progress miksub, il-Kumitat iqis li ċerti aspetti għadhom essenzjali biex jiġi żgurat li l-investigazzjonijiet jimxu mingħajr dewmien żejjed. B’mod partikolari, il-Kumitat itenni: i) il-ħtieġa li jiġu evitati perjodi ta’ inattività li jaqbżu t-3 xhur, u fi kwalunkwe każ li jiġi żgurat li tali perjodi jiġu debitament irreġistrati u ssostanzjati kif xieraq fl-OCM; ii) l-importanza li jiġi żgurat li l-opinjonijiet tat-Tim ta’ Rieżami maħruġa qabel l-għeluq ta’ investigazzjoni tal-OLAF ikun fihom valutazzjoni komprensiva u motivata sew tal-kontinwità tal-investigazzjoni, inklużi kunsiderazzjonijiet relatati mad-durata; u iii) l-opportunità li tiġi stabbilita proċedura ddedikata għar-rieżami sistematiku ta’ każijiet li jaqbżu 24 xahar, flimkien ma’ prijoritizzazzjoni ċara ta’ dawk li jaqbżu 36 xahar, bħala mekkaniżmu effettiv biex jitnaqqas it-tul ġenerali tal-investigazzjonijiet.

81.

Bidliet fl-ambitu tal-investigazzjonijiet. Il-Kumitat jinnota li l-GIPs il-ġodda ma jindirizzawx il-possibbiltà li l-ambitu ta’ investigazzjoni jiġi limitat, kemm minħabba nuqqas ta’ kompetenza kif ukoll għal raġunijiet oħra. Filwaqt li l-Kumitat jirrikonoxxi li l-każijiet li fihom l-ambitu inizjali ta’ investigazzjoni jitnaqqas jew jiġi kkoreġut jitqiesu bħala eċċezzjoni, huwa jenfasizza li każijiet bħal dawn seħħew fil-prattika. In-nuqqas ta’ kwalunkwe gwida jħalli inċertezza dwar kif sitwazzjonijiet simili għandhom jiġu ttrattati jekk jerġgħu jseħħu fil-futur. Għal din ir-raġuni, il-Kumitat iqis li, anke jekk rari, tali xenarji jistħoqqilhom kopertura espliċita, jekk mhux fil-GIPs, allura permezz ta’ struzzjonijiet separati, biex tiġi żgurata gwida xierqa għall-investigaturi, ċertezza legali u trasparenza.

82.

Ir-rappurtar reċiproku ta’ każijiet bejn l-OLAF u l-UPPE. Il-Kumitat ta attenzjoni partikolari lill-kooperazzjoni bejn l-OLAF u l-UPPE sa mill-istabbiliment tal-UPPE, kif muri mill-Opinjoni tal-Kumitat ta’ Sorveljanza 2/2021 dwar l-arranġamenti ta’ ħidma bejn l-OLAF u l-UPPE u mill-eżerċizzji ta’ monitoraġġ sussegwenti (71). L-interazzjoni prattika u l-kooperazzjoni taż-żewġ uffiċċji huma kruċjali għall-implimentazzjoni korretta tad-dmirijiet reċiproċi ta’ rappurtar. Din hija r-raġuni għaliex il-Kumitat iqis li l-arranġamenti ta’ ħidma kellhom jipprovdu aktar gwida dwar iċ-ċirkostanzi li jikkonċernaw it-trasferiment tal-każijiet u l-modi kif dan għandu jsir. Madankollu, il-Kumitat jirrikonoxxi wkoll li huma mistennija żviluppi importanti bħala parti mir-reviżjoni tal-arkitettura kontra l-frodi, li se jkollha impatt fuq il-modi kif jikkooperaw iż-żewġ korpi. Il-Kumitat se jkompli jissorvelja din il-kwistjoni li qed tevolvi u, fil-limiti tal-mandat tiegħu, se jgħin biex tiġi żgurata kooperazzjoni bla xkiel.

2.7.    Monitoraġġ tal-ilmenti individwali sottomessi lill-OLAF

83.

Bħal kull sena, fl-2025 il-Kumitat irċieva rapporti biennali u dokumenti rilevanti dwar ilmenti individwali ttrattati mill-OLAF. Id-Direttur Ġenerali informa lill-Kumitat li l-OLAF ittratta tmien ilmenti b’kollox. Id-Direttur Ġenerali pprovda wkoll ħarsa ġenerali lejn l-ilmenti ttrattati mill-Ombudsman Ewropew. L-OLAF ipprovda aċċess awtomatiku għall-każijiet korrispondenti fl-OCM, li fiha d-dokumenti u l-informazzjoni rilevanti kollha (72).

84.

Il-Kumitat iffoka fuq il-ħames ilmenti li l-OLAF lesta t-trattament tagħhom fl-2025 (it-tlieta l-oħra ġew imwieġba mill-OLAF fl-2026).

85.

L-ilmenti kollha analizzati ġew ippreżentati mill-membri tal-persunal tal-UE. Skont l-Artikolu 90a tar-Regolamenti tal-Persunal (73), l-uffiċjali tal-UE u membri oħrajn tal-persunal jistgħu jippreżentaw talbiet lid-Direttur Ġenerali tal-OLAF relatati mad-drittijiet tagħhom u ma’ kif jiġu ttrattati fil-kuntest tal-investigazzjonijiet imwettqa mill-OLAF. Huma jistgħu jissottomettu wkoll ilmenti kontra att li jaffettwahom b’mod avvers b’rabta mal-investigazzjonijiet mill-OLAF.

86.

Il-Kumitat jinnota li erba’ lmenti ġew ippreżentati minn kollaboraturi li kkontestaw id-deċiżjoni tal-OLAF li jiċħad il-każ tal-għażla u għalhekk li ma jiftaħx investigazzjoni.

87.

Ilment wieħed kien jikkonċerna talba għal danni materjali u mhux materjali skont l-Artikolu 90a tar-Regolamenti tal-Persunal minn persuna kkonċernata f’investigazzjoni magħluqa, li allegat l-illegalità tal-investigazzjoni tal-OLAF.

88.

Il-Kumitat iqis li, fl-ilmenti msemmija hawn fuq, l-OLAF ipprovda biżżejjed spjegazzjonijiet lill-ilmentaturi kollha u aġixxa f’konformità mal-obbligu tiegħu skont l-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea dwar “l-obbligu tal-amministrazzjoni li tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha”.

3.   Kooperazzjoni

3.1.    Kooperazzjoni mal-OLAF

89.

Fl-2025, il-Kumitat ikkonsolida l-kooperazzjoni produttiva tiegħu mal-OLAF billi żamm djalogu miftuħ u sinifikanti mad-Direttur Ġenerali tal-OLAF u t-tim tiegħu, u wara t-tmiem tal-mandat ta’ dan tal-aħħar, mal-aġent Direttur Ġenerali u mat-tim tagħha.

90.

Il-Kumitat kompla bil-prattika tiegħu li jistieden lid-Direttur Ġenerali tal-OLAF u lill-persunal tiegħu għal-laqgħat ta’ kull xahar tiegħu biex tingħatalhom informazzjoni dwar kwalunkwe kwistjoni rilevanti għall-ħidma tal-Kumitat u tal-OLAF u ssir diskussjoni dwarha. Il-membri tal-Kumitat u s-Segretarjat kellhom ukoll laqgħat formali u informali mal-maniġment u l-persunal tal-OLAF bħala parti mit-tħejjijiet tal-ħidma tal-Kumitat.

91.

Il-Kumitat irċieva r-rapporti li ġejjin mingħand l-OLAF f’konformità mar-Regolament dwar l-OLAF u l-prattiki ta’ ħidma stabbiliti: (i) rapporti dwar investigazzjonijiet li damu aktar minn 12-il xahar; (ii) rapporti fejn ir-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-OLAF mill-1 ta’ Ottubru 2013 ma ġewx segwiti u li għalihom l-OLAF irċieva tweġibiet mill-awtoritajiet ikkonċernati fl-eżerċizzju annwali ta’ monitoraġġ tal-2024; (iii) rapporti dwar l-ilmenti mressqa lill-OLAF dwar garanziji proċedurali f’investigazzjonijiet tal-OLAF li għadhom għaddejjin; (iv) rapporti dwar każijiet li għalihom intbagħtet informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali; (v) rapport dwar id-differimenti skont l-Artikolu 4(6) tar-Regolament dwar l-OLAF; (vi) rapport dwar l-implimentazzjoni mill-OLAF tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta’ Sorveljanza fl-2024; u (vii) rapport dwar il-każijiet li fihom ma nfetħet ebda investigazzjoni u dwar il-każijiet miċħuda

3.2.    Relazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

92.

Il-Kumitat huwa responsabbli quddiem l-istituzzjonijiet li jaħtru l-membri tiegħu, u huwa wkoll sieħeb fid-djalogu tal-istituzzjonijiet tal-UE. Il-Kumitat jirrapporta lill-istituzzjonijiet tal-UE dwar l-attivitajiet tiegħu; jista’ joħroġ opinjonijiet fuq talba tagħhom; jipproduċi rapporti dwar kwistjonijiet investigattivi, u jiskambja fehmiet magħhom fil-livell politiku (74).

93.

Il-Kumitat iqis li huwa importanti li jinżamm kuntatt regolari mal-istituzzjonijiet tal-UE u mas-sħab tal-OLAF u l-partijiet ikkonċernati sabiex jittejjeb il-fluss tal-informazzjoni u jinkiseb feedback dwar il-prestazzjoni tal-OLAF. Dan kien partikolarment importanti matul is-sena ta’ rappurtar, bil-ħidma kontinwa fuq l-evalwazzjoni tar-Regolament dwar l-OLAF u l-varar tar-rieżami tal-arkitettura kontra l-frodi.

94.

Il-Kumitat u s-Segretarjat tiegħu kienu f’kuntatt ma’: (i) il-Gruppi ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar il-Ġlieda Kontra l-Frodi (“GAF”, Group Against Fraud) (preżentazzjoni tar-rapport annwali tal-2024 mill-President fit-18 ta’ Ġunju 2025); (ii) il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (CONT, Committee on Budgetary Control) tal-Parlament Ewropew (preżentazzjoni tar-rapport annwali tal-Kumitat għall-2024 mill-President fis-16 ta’ Ottubru 2025); u (iii) il-Kummissarju għall-Baġit, għall-Ġlieda kontra l-Frodi u għall-Amministrazzjoni Pubblika, Piotr Serafin (li pparteċipa fil-plenarja tal-Kumitat tas-16 ta’ Settembru 2025).

95.

Il-Kumitat ħa sehem ukoll fl-iskambju ta’ fehmiet interistituzzjonali annwali dwar l-OLAF fit-3 ta’ Novembru 2025, ospitat mill-Presidenza Daniża tal-Kunsill, li ffoka fuq ir-rieżami tal-arkitettura kontra l-frodi. Il-Kumitat afferma mill-ġdid l-appoġġ sod tiegħu għar-rwol tal-OLAF bħala korp investigattiv indipendenti b’pożizzjoni ċentrali fl-arkitettura tal-UE kontra l-frodi. Skont il-Kumitat, għandhom jiġu stabbiliti xi faċilitaturi ewlenin biex l-OLAF iwettaq bis-sħiħ il-missjoni tiegħu, abbażi tal-pilastri ewlenin tal-kontinwità, l-indipendenza u ż-żamma tal-mandat operazzjonali tiegħu.

96.

L-ewwel nett, il-Kumitat enfasizza li l-OLAF għandu jsaħħaħ il-kontrolli interni biex iqassar id-durata tal-investigazzjonijiet u jiżgura li l-interventi jiġu prijoritizzati b’mod strateġiku. It-tieni, l-OLAF għandu jkollu l-mezzi kollha meħtieġa (riżorsi umani, finanzjament, teknoloġija) biex iwieġeb għal modi dejjem aktar sofistikati u li qed jevolvu b’rata mgħaġġla ta’ kif titwettaq il-frodi. It-tielet, f’perspettiva fit-tul, il-Kumitat identifika diversi oqsma li jistħoqqilhom kunsiderazzjoni bir-reqqa li jikkontribwixxu għar-reviżjoni li jmiss tar-Regolament tal-OLAF (75). Xi bidliet immirati fir-Regolament dwar l-OLAF huma ġġustifikati biex itejbu ċ-ċarezza u l-koerenza interna, u fl-aħħar mill-aħħar biex isaħħu l-applikazzjoni u l-impatt tiegħu. Fl-aħħar nett, għandhom jitqiesu wkoll l-isfidi li jmorru lil hinn mir-Regolament dwar l-OLAF innifsu u li jikkonċernaw l-arkitettura usa’ kontra l-frodi. Pereżempju, l-infurzar tas-sejbiet tal-OLAF jiddependi fuq korpi u awtoritajiet kompetenti oħra, u dan xi drabi jirriżulta fi proċeduri twal u inċerti. F’dan ir-rigward, tista’ tiġi kkunsidrata r-reviżjoni tal-istatus legali tar-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF jew it-tisħiħ tar-responsabbiltà tal-awtoritajiet kompetenti li jsegwuhom.

97.

Il-Kumitat ħa sehem ukoll fid-djalogu dwar l-implimentazzjoni tar-rieżami tal-arkitettura kontra l-frodi mal-Kummissarju Serafin fl-10 ta’ Novembru 2025.

4.   Amministrazzjoni u riżorsi

4.1.    Il-metodi ta’ ħidma tal-Kumitat ta’ Sorveljanza

98.

Bejn Jannar u Diċembru 2025, il-Kumitat kellu 11-il laqgħa plenarja, f’format ibridu jew fiżiku. Għal kull kwistjoni importanti li eżamina, il-Kumitat ħatar relatur. Ir-relaturi ħadmu mas-Segretarjat biex iħejju abbozzi ta’ rapporti li kellhom jiġu diskussi fil-laqgħat plenarji; kellhom ukoll laqgħat informali u formali mal-persunal rilevanti tal-OLAF u mas-Segretarjat dwar l-abbozzar tal-opinjonijiet. Il-President, ir-relaturi u l-membri tas-Segretarjat iltaqgħu wkoll b’mod regolari sabiex jaħdmu fuq kwistjonijiet speċifiċi.

99.

Matul l-2025, il-Kumitat reġa’ kiseb il-kompożizzjoni sħiħa tiegħu ta’ ħames membri.

100.

Wara r-riżenja tas-Sur Thierry Cretin mill-pożizzjoni tiegħu f’Lulju 2024, inħatar membru ieħor mil-lista ta’ riżerva inkluża fid-Deċiżjoni li taħtar il-membri tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF (76). Dan il-membru rriżenja ftit wara, u dan wassal għall-ħatra tas-Sur Andrei-Atila-Luca Chendi fl-1 ta’ Ottubru 2025.

101.

Wara r-riżenja tas-Sa Teresa Anjinho fi Frar tal-2025, inħatret is-Sa Maria Stylianidi fis-6 ta’ Mejju 2025.

4.2.    Is-Segretarjat

102.

Matul l-2025, is-Segretarjat kompla jappoġġa lill-membri tal-Kumitat fit-twettiq ta’ dmirijiethom, u b’hekk saħħaħ l-indipendenza tal-OLAF. Il-Kumitat ifakkar, bħal fir-rapport preċedenti (77), l-importanza li s-Segretarjat ikollu biżżejjed riżorsi biex jappoġġa lill-Kumitat ta’ Sorveljanza kif ukoll lill-Kontrollur tal-garanziji proċedurali, u biex jippreżerva s-separazzjoni tal-kompiti meħtieġa bejn iż-żewġ korpi.

103.

F’dan ir-rigward, il-Kumitat laqa’ l-wasla fis-Segretarjat ta’ żewġ uffiċjali legali oħra fl-2025.

104.

Fl-istess ħin, il-Kap tas-Segretarjat telaq fi Frar 2025, u dan wassal biex l-aktar membru superjuri tas-Segretarjat li kien imiss, beda jaqdi l-funzjoni ta’ aġent Kap tas-Segretarjat minn Marzu 2025. Il-proċess ta’ reklutaġġ għal Kap tas-Segretarjat ġdid ġie ffinalizzat fil-bidu tal-2026, bil-ħatra ta’ Kap tas-Segretarjat ġdid skedata għall-1 ta’ April 2026.

105.

Wara t-tluq ta’ assistent amministrattiv, kienet varata ukoll proċedura ta’ reklutaġġ għal assistent amministrattiv.

106.

Il-Kumitat kien involut fil-proċeduri kollha ta’ reklutaġġ skont ir-regoli applikabbli. L-uffiċjali assenjati lis-Segretarjat qatt ma għandhom jitolbu jew jieħdu struzzjonijiet dwar l-eżerċitar tal-funzjonijiet ta’ monitoraġġ tal-Kumitat mingħand kwalunkwe gvern jew istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija. L-involviment tal-Kumitat f’dawn il-proċeduri ta’ reklutaġġ jiżgura l-indipendenza tal-proċess tal-għażla.

107.

Matul is-sena kollha, is-Segretarjat, bħall-bqija tal-Kummissjoni, kompla jopera b’mod ibridu, billi kkombina x-xogħol fuq il-post u dak mill-bogħod, u wettaq il-programm ta’ ħidma kif miftiehem mal-Kumitat ta’ Sorveljanza.

108.

Is-Segretarjat, fil-livell aministrattiv, għadu marbut (minn Marzu 2017) mal-Uffiċċju għall-Ħlas tal-Intitolamenti Individwali tal-Kummissjoni Ewropea (“PMO”, Office for the Payment of Individual Entitlements of the European Commission), għalkemm jinsab f’żona tas-sigurtà separata fi ħdan il-bini tal-OLAF. Il-Kumitat esprima d-dubji tiegħu f’ħafna okkażjonijiet fil-passat, l-aktar riċenti fl-Opinjoni 1/2026 tiegħu, dwar jekk ir-rabta tas-Segretarjat tiegħu mal-PMO hijiex effettivament l-aktar post organizzazzjonali xieraq.

4.3.    Kwistjonijiet baġitarji

109.

Il-baġit tal-Kumitat għall-2025 kien ta’ EUR 200 000. Peress li l-Kumitat opera b’kompożizzjoni mnaqqsa għal parti mis-sena, l-ammont reali żborżat sa tmiem l-2025 kien ta’ EUR 139 982,39, li huwa madwar 70 % tal-ammont totali.

110.

L-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni b’sottodelega responsabbli għan-nefqa huwa d-Direttur tal-PMO.

(1)  L-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1) kif emendat bir-Regolament (UE, EURATOM) 2016/2030 u r-Regolament (UE, EURATOM) 2020/2223. Verżjoni konsolidata disponibbli fuq https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:02013R0883-20210117.

(2)  Biex tiġi ppreżervata l-esperjenza miksuba fil-Kumitat, il-membri jiġu ssostitwiti fuq bażi alternanti, f’konformità mar-Regolament dwar l-OLAF.

(3)  Id-Digriet tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Novembru 2018, Stichting Against Child Trafficking vs Il-Kummissjoni, T-658/17, ECLI:EU:T:2018:799.

(4)  Ara l-Artikolu 9a(8) tar-Regolament dwar l-OLAF.

(5)  Charter of Fundamental Rights of the European Union, ĠU C 326, 26.10.2012, p. 391–407, disponibbli fuq: https://www.europarl.europa.eu/charter/pdf/text_en.pdf.

(6)  Ara l-Artikolu 17(8) tar-Regolament dwar l-OLAF.

(7)  Guidelines on Investigation Procedures for OLAF Staff, fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2026, disponibbli fuq: https://anti-fraud.ec.europa.eu/document/download/e1994c22-7d58-4e61-8d34-0937a0be8f98_en?filename=gips-2026_en.pdf.

(8)  L-Opinjoni tal-Kumitat ta’ Sorveljanza 1/2025, OLAF’s internal investigations of harassment within the EU institutions, bodies, offices and agencies (IBOAs).

(9)  L-Opinjoni tal-Kumitat ta’ Sorveljanza 2/2025, OLAF’s preliminary draft budget for 2026.

(10)  L-Opinjonijiet u r-Rapporti Annwali kollha adottati msemmija f’dan id-dokument huma disponibbli fuq il-paġna web tal-Kumitat ta’ Sorveljanza: Opinions and reports - Supervisory Committee of OLAF - European Union.

(11)  L-Opinjoni tal-Kumitat ta’ Sorveljanza 1/2026 accompanying the Commission Evaluation Report on the application and impact of the OLAF Regulation.

(12)  Is-sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2019, Dalli vs Il-Kummissjoni T-399/17, ECLI:EU:T:2019:384, ikkonfermata mis-sentenza tal-25 ta’ Frar 2021, Dalli vs Il-Kummissjoni, C-615/19P, ECLI:EU:C:2021:133. F’din is-sentenza storika, il-Qorti eżaminat b’mod espliċitu l-kwistjoni tas-setgħa tal-OLAF li jwettaq investigazzjonijiet interni li ma jaffettwawx l-interessi finanzjarji tal-UE. Fil-punt 62 tas-sentenza, il-Qorti kkonkludiet li “in-nuqqas ta’ impatt fuq l-interessi finanzjarji tal-Unjoni ma jaffettwax il-possibbiltà li l-OLAF jiftaħ investigazzjoni.”.

(13)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L, 2024/2509, 26.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2509/oj).

(14)  L-Opinjoni tal-Kumitat ta’ Sorveljanza 1/2026 accompanying the Commission Evaluation Report on the application and impact of the OLAF Regulation.

(15)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2016/2030 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013, fir-rigward tas-segretarjat tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (ĠU L 317, 23.11.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/2030/oj).

(16)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2223 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Diċembru 2020 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 fir-rigward tal-kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-effettività tal-investigazzjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (ĠU L 437, 28.12.2020, p. 49, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/2223/oj).

(17)  L-Opinjoni tal-Kumitat ta’ Sorveljanza 1/2026, il-Kapitolu 3.1.

(18)  L-Opinjoni tal-Kumitat ta’ Sorveljanza 1/2026, il-Kapitolu 3.2.

(19)  L-Opinjoni tal-Kumitat ta’ Sorveljanza 1/2026, il-Kapitolu 3.3.

(20)  L-Opinjoni tal-Kumitat ta’ Sorveljanza 1/2026, il-Kapitolu 3.4.

(21)  Il-Kumitat kien diġà esprima din il-fehma fl-Opinjoni tiegħu 4/2024 u fl-Opinjoni 1/2025.

(22)  Il-Premessa 4 tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2223.

(23)  L-Opinjoni 1/2024, Complementary Investigations of OLAF and the EPPO.

(24)  Ara r-Rapport Annwali tal-Attività tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-2024, it-Taqsima 2.1.

(25)  Skont l-arranġamenti ta’ ħidma bejn l-OLAF u l-Kumitat ta’ Sorveljanza, iffirmati fil-21 ta’ Ottubru 2021, l-OLAF jagħti lill-Kumitat drittijiet ta’ aċċess dirett għal partijiet mis-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet tiegħu (“OCM”) biex il-Kumitat ta’ Sorveljanza jkun jista’ jwettaq l-attività ta’ monitoraġġ tiegħu skont ir-Regolament 883/2013. L-Artikoli 12 u 13 tal-arranġamenti ta’ ħidma jistabbilixxu l-prinċipji ta’ dak l-aċċess.

(26)  L-Opinjoni tal-Kumitat ta’ Sorveljanza 5/2021, Analysis of OLAF’s investigations lasting more than 36 months in 2019.

(27)  L-Opinjoni tal-Kumitat ta’ Sorveljanza 3/2024, OLAF’s Guidelines on investigation procedures.

(28)  Għal aktar dettalji ara hawn taħt it-Taqsima 2.6, “Il-Monitoraġġ tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta’ Sorveljanza mill-OLAF”.

(29)  L-Opinjoni tal-Kumitat ta’ Sorveljanza 3/2024, ir-rakkomandazzjonijiet I.1(vii) u (viii).

(30)  L-Opinjoni tal-Kumitat ta’ Sorveljanza 3/2024, ir-rakkomandazzjonijiet I.2(i), (ii), (iii), (vii) u (viii).

(31)  L-Opinjoni tal-Kumitat ta’ Sorveljanza 3/2024, ir-rakkomandazzjonijiet I.3(i) u (iv).

(32)  L-Opinjoni tal-Kumitat ta’ Sorveljanza 3/2024, ir-rakkomandazzjonijiet I.4(i) u (vi).

(33)  L-Opinjoni tal-Kumitat ta’ Sorveljanza 3/2024, ir-rakkomandazzjonijiet I.5(iii) u (iv).

(34)  L-Opinjoni tal-Kumitat ta’ Sorveljanza 3/2024, ir-rakkomandazzjoni I.6.

(35)  L-Opinjoni tal-Kumitat ta’ Sorveljanza 3/2024, ir-rakkomandazzjonijiet I.7(i) u (ii).

(36)  L-Opinjoni tal-Kumitat ta’ Sorveljanza 3/2024, ir-rakkomandazzjonijiet I.8(i) u (ii).

(37)  L-Opinjoni tal-Kumitat ta’ Sorveljanza 3/2024, ir-rakkomandazzjonijiet I.1(vi) u I.9.

(38)  L-Artikolu 7(8) tar-Regolament 883/2013 jgħid: “Jekk investigazzjoni ma tkunx tista’ tingħalaq fi żmien 12-il xahar wara li tkun infetħet, id-Direttur Ġenerali għandu jirrapporta, malli jiskadi dak il-perjodu ta’ 12-il xahar u f’intervalli ta’ 6 xhur wara dan, lill-Kumitat ta’ Sorveljanza, filwaqt li jindika r-raġunijiet u, fejn ikun xieraq, il-miżuri ta’ rimedju previsti bil-ħsieb li titħaffef l-investigazzjoni”.

(39)  Il-kliem “fejn ikun xieraq” żdied mat-test tal-Artikolu 7(8) tar-Regolament dwar l-OLAF bir-Regolament 2020/2223.

(40)  L-investigazzjonijiet totali rrappurtati li damu aktar minn 36 xahar ammontaw għal 38 każ. Il-każijiet li ġew irrappurtati lill-Kumitat iżda li ngħalqu qabel ma saret l-analiżi ma ġewx ikkunsidrati; dawn kienu jammontaw għal ħamsa.

(41)  [Kunfidenzjali].

(42)  [Kunfidenzjali].

(43)  L-Opinjoni tal-Kumitat ta’ Sorveljanza 5/2021, ir-rakkomandazzjoni 1b.

(44)  L-Opinjoni tal-Kumitat ta’ Sorveljanza 5/2021, ir-rakkomandazzjoni 2. Matul investigazzjoni tal-OLAF, sistema interna ta’ konsulenza u kontroll prevista fl-Artikolu 17(7) tar-Regolament emendat dwar l-OLAF tiżgura (i) il-konformità tal-attivitajiet imwettqa mill-OLAF matul l-investigazzjoni tiegħu mal-prinċipji ta’ legalità, ħtieġa u proporzjonalità; (ii) ir-rispett tal-garanziji proċedurali u tad-drittijiet fundamentali; u (iii) l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-UE u dak nazzjonali. Dan il-mekkaniżmu indipendenti intern ta’ legalità u kontroll bħalissa huwa assenjat lil tim ta’ esperti legali fi ħdan l-OLAF (it-Tim ta’ Rieżami).

(45)  L-Opinjoni tal-Kumitat ta’ Sorveljanza 5/2021, ir-rakkomandazzjoni 3.

(46)  L-Opinjoni tal-Kumitat ta’ Sorveljanza 5/2021, ir-rakkomandazzjoni 4c.

(47)  Il-każijiet analizzati kienu jinkludu varjetà ta’ persuni fiżiċi/ġuridiċi, li jvarjaw minn 1 sa 29.

(48)  Din il-ġustifikazzjoni tapplika għall-każijiet miftuħa matul is-sena 2021 jew fl-ewwel trimestru tal-2022.

(49)  [Kunfidenzjali].

(50)  Ara l-Opinjoni 5/2021 tal-Kumitat ta’ Sorveljanza, il-paragrafi 38 u 39.

(51)  Għal skopijiet ta’ qosor, ma ġie identifikat l-ebda perjodu ta’ inattività f’ħames każijiet [kunfidenzjali].

(52)  [Kunfidenzjali].

(53)  [Kunfidenzjali].

(54)  L-Opinjoni tal-Kumitat ta’ Sorveljanza 5/2021, il-paragrafu 44.

(55)  Ara l-Opinjoni 5/2021 tal-Kumitat ta’ Sorveljanza, il-paragrafi 45 u 46.

(56)  Ir-Rapport Annwali tal-2024 tal-Kumitat ta’ Sorveljanza, il-paragrafu 90.

(57)  [Kunfidenzjali].

(58)  L-Opinjoni tal-Kumitat ta’ Sorveljanza 5/2021, ir-rakkomandazzjoni 2; u r-Rapport Annwali tal-2024 tal-Kumitat ta’ Sorveljanza, il-paragrafu 94.

(59)  L-Artikolu 17 tar-Regolament dwar l-OLAF.

(60)  Ara l-fehmiet u s-suġġerimenti relatati espressi fl-Opinjoni tal-Kumitat ta’ Sorveljanza 1/2026, it-Taqsima 3.2.3.

(61)  L-Artikolu 33(1), l-ewwel inċiż, tal-GIPs.

(62)  L-Artikolu 33(2) tal-GIPs.

(63)  L-Artikolu 33(3) tal-GIPs.

(64)  Ir-rekwiżit tal-abbozzar ta’ pjan ta’ ħidma ġie introdott fil-GIPs approvati f’Ottubru 2021. Il-GIPs li għadhom kif ġew approvati, li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2026, issa jirrikjedu wkoll li l-pjanijiet ta’ ħidma jiġu aġġornati.

(65)  L-Opinjoni tal-Kumitat ta’ Sorveljanza 5/2021, ir-rakkomandazzjoni 3.

(66)  [Kunfidenzjali].

(67)  [Kunfidenzjali].

(68)  [Kunfidenzjali].

(69)  [Kunfidenzjali].

(70)  [Kunfidenzjali].

(71)  Ara l-Opinjoni 1/2024 dwar l-investigazzjonijiet komplementari tal-OLAF u tal-UPPE u l-eżerċizzju ta’ segwitu relatat inkluż fir-Rapport Annwali tal-2024 tal-Kumitat ta’ Sorveljanza; ara wkoll l-Opinjoni tal-Kumitat ta’ Sorveljanza dwar id-dmir ta’ rappurtar tal-OLAF lill-UPPE, li mistennija tiġi ppubblikata fl-ewwel nofs tal-2026.

(72)  Skont l-Artikolu 6(2) tal-arranġamenti ta’ ħidma bejn l-OLAF u l-Kumitat ta’ Sorveljanza.

(73)  Ir-Regolament Nru 31 (KEE), 11 (KEEA), li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali u l-Kundizzjonijiet ta’ Impjieg ta’ Uffiċjali oħra tal-Komunità Ewropea Ekonomika u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Ekonomika, disponibbli fuq: EUR-Lex - 01962R0031-20140501 - MT - EUR-Lex.

(74)  L-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 883/2013: “Il-Kumitat ta’ Sorveljanza għandu jindirizza opinjonijiet lid-Direttur Ġenerali, inklużi fejn xieraq, rakkomandazzjonijiet dwar, fost oħrajn, ir-riżorsi meħtieġa biex titwettaq il-funzjoni investigattiva tal-Uffiċċju [OLAF], dwar il-prijoritajiet investigattivi tal-Uffiċċju u dwar it-tul tal-investigazzjonijiet. Dawk l-opinjonijiet jistgħu jingħataw fuq inizjattiva tiegħu stess, fuq talba tad-Direttur Ġenerali jew fuq talba ta’ istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija, mingħajr madankollu ma jfixklu t-twettiq ta’ investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin. [...] L-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji għandhom ikunu pprovduti b’kopja tal-opinjonijiet mogħtija skont it-tielet subparagrafu”.

(75)  Dawn huma ppreżentati b’mod komprensiv fl-Opinjoni tal-Kumitat ta’ Sorveljanza 1/2026 accompanying the Commission evaluation report on the application and impact of the OLAF Regulation u miġbura fil-qosor hawn fuq fit-taqsima 2.3 “Abbozz ta’ Opinjoni li jakkumpanja r-Rapport ta’ Evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-Regolament dwar l-OLAF”.

(76)  Id-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2022/521 tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Marzu 2022 li taħtar il-membri tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF).

(77)  Ir-Rapport Annwali tal-2024 tal-Kumitat ta’ Sorveljanza, il-paragrafu 114.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/3570/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)