Brussell, 24.3.2023

COM(2023) 158 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li tadotta atti delegati, mogħtija lill-Kummissjoni mir-Regolament (KE) Nru 138/2004 dwar il-kontijiet ekonomiċi għall-agrikultura


1.Introduzzjoni

Ir-Regolament (KE) Nru 138/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontijiet ekonomiċi għall-agrikoltura 1 (EAA) kien ġie adottat f’Diċembru 2003. Din ġiet emendata bir-Regolament (UE) Nru 1350/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jemenda ċerti atti leġiżlattivi fil-qasam tal-istatistika agrikola u tas-sajd 2 biex is-setgħat ta’ implimentazzjoni jiġu allinjati mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 138/2004 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati. Skont l-Artikolu 2(2), din is-setgħa tista’ tintuża biex temenda l-metodoloġija tal-EAA stabbilita fl-Anness I u, skont l-Artikolu 3(3), biex temenda l-lista tal-varjabbli għall-forniment tad-data stabbilita fl-Anness II.

Skont l-Artikolu 4(2), is-setgħa li tadotta atti delegati ngħatat għal perjodu ta’ ħames (5) snin li beda fl-10 ta’ Jannar 2014. Fl-2019 3 , din is-setgħa ġiet imġedda b’mod taċitu sal-10 ta’ Jannar 2024.

Is-setgħa trid tiġi estiża b’mod taċitu għal perjodi ta’ ħames (5) snin, sakemm ma jkunx hemm oppożizzjoni għal din l-estensjoni min-naħa tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Il-Kummissjoni hija obbligata tfassal rapport dwar id-delega tas-setgħat sa mhux aktar tard minn disa’ (9) xhur qabel jintemm il-perjodu ta’ ħames (5) snin. Dan ir-rapport jissodisfa dak l-obbligu.

2.Eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat delegati mir-Regolament (KE) Nru 138/2004

Il-Kummissjoni kienet eżerċitat is-setgħa tagħha u adottat ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/280 tat-3 ta’ Diċembru 2018 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 138/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea 4 .

Dan ir-Regolament Delegat allinja r-Regolament (KE) Nru 138/2004 mar-Regolament (UE) Nru 549/2013 5 biex tkun żgurata l-komparabbiltà internazzjonali tal-kontijiet ekonomiċi għall-agrikoltura, billi tinżamm konsistenza mas-sistema Ewropea riveduta tal-kontijiet (ESA).

L-ESA 2010 trid tissostitwixxi gradwalment is-sistemi l-oħra kollha bħala qafas ta’ referenza ta’ standards komuni, definizzjonijiet, klassifikazzjonijiet u regoli tal-kontabbiltà għat-tfassil tal-kontijiet tal-Istati Membri. Dan biex ikun żgurat li r-riżultati jkunu komparabbli bejn l-Istati Membri.

Għalhekk, ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/280 introduċa l-bidliet tekniċi meħtieġa għal qalba mill-ESA 95 għall-ESA 2010 fir-Regolament (KE) Nru 138/2004.

3.Konklużjonijiet

Il-Kummissjoni eżerċitat sew is-setgħat delegati lilha u tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jieħdu nota ta’ dan ir-rapport.

Il-Kummissjoni jidhrilha li jenħtieġ li tibqa’ żżomm dawn is-setgħat delegati, peress li fil-futur jaf ikollha bżonn tadotta att delegat li jimmodifika l-Annessi I u II tar-Regolament bħala parti mill-iżvilupp futur tal-EAA, li bħalissa hu previst fl-ESA 2010, biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-utenti tad-data fil-kuntest tal-Politika Agrikola Komuni futura.

Barra minn hekk, fil-futur jaf ikun hemm bżonn allinjament tal-klassifikazzjoni tal-prodotti skont l-EAA mal-bqija tal-istatistika agrikola miġbura skont

·ir-Regolament (UE) 2018/1091 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar l-istatistika integrata tal-azjendi agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1166/2008 u (UE) Nru 1337/2011 6 , u

· ir-Regolament (UE) 2022/2379 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Novembru 2022 dwar l-istatistika dwar l-input u l-output agrikoli, li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 617/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1165/2008, (KE) Nru 543/2009 u (KE) Nru 1185/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kunsill 96/16/KE 7

Dan jista’ jinkiseb billi jiġu eżerċitati s-setgħat delegati mogħtija lill-Kummissjoni biex timmodifika l-Anness II.

(1)

   ĠU L 33, 5.2.2004, p. 1-87.

(2)

   ĠU L 351, 21.12.2013, p. 1-14.

(3)

    COM/2018/014 final

(4)

   ĠU L 47, 19.2.2019, p. 7-32.

(5)

   ĠU L 174, 26.6.2013, p. 1-727.

(6)

   ĠU L 200, 7.8.2018, p. 1-29.

(7)

   ĠU L 315, 7.12.2022, p. 1.